Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0030

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 30/2013 tas- 17 ta’ Jannar 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 288/2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-għajnuna Komunitarja għall-forniment ta’ frott u ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u prodotti tal-banana lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi, fil-qafas tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel u li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 288/2009

    ĠU L 14, 18.1.2013, p. 7–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/02/2016; Impliċitament imħassar minn 32016R0247

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/30/oj

    18.1.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 14/7


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 30/2013

    tas-17 ta’ Jannar 2013

    li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 288/2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-għajnuna Komunitarja għall-forniment ta’ frott u ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u prodotti tal-banana lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi, fil-qafas tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel u li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 288/2009

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat t-Trattat tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, u partikolarment l-Artikolu 3(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, u b’mod partikolari l-Artikolu 50 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 103h(f) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 288/2009 (2) jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-allokazzjoni tal-għajnuna mill-Unjoni għal kull Stat Membru li jistabbilixxi Skema tal-Frott għall-Iskejjel. B’mod partikolari, jipprevedi ammonti ta’ allokazzjoni indikattivi għal kull Stat Membru kkalkulati abbażi tan-numru ta’ tfal bejn is-sitta u l-għaxar snin. Waqt li jżommu f’moħħhom il-livelli tal-esekuzzjoni tal-programm irreġistrat matul l-ewwel tliet snin u sabiex jiġi żgurat użu xieraq tal-fondi tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġi previst mekkaniżmu marbut mal-prestazzjoni tal-Istati Membri li jillimita l-ammont ta’ għajnuna mitluba fuq l-ammont tal-allokazzjoni indikattiva tagħhom.

    (2)

    L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 288/2009 jipprevedi monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel tal-Istati Membri fuq bażi annwali. Sabiex jiġu ċċarati l-obbligazzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel, huwa meħtieġ li jkun speċifikat li l-evalwazzjonijiet nazzjonali għandhom jivvalutaw ukoll l-impatt tal-Iskema fuq id-drawwiet ta’ kif jieklu t-tfal.

    (3)

    Il-Kummissjoni żviluppat sistema ta’ informazzjoni li tippermetti l-immaniġġjar tad-dokumenti u l-proċeduri b’mod elettroniku fil-proċeduri ta’ ħidma interni tagħha u fir-relazzjonijiet tagħha mal-awtoritajiet involuti fil-politika agrikola komuni. Huwa meqjus li diversi obbligi ta’ notifika previsti fir-Regolament (KE) Nru 288/2009 jistgħu jiġu ssodisfati permezz ta’ dik is-sistema skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta’ Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (3).

    (4)

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 288/2009 jistabbilixxi l-ammonti tal-allokazzjonijiet indikattivi ta’ għajnuna mill-Unjoni għal kull Stat Membru. Dak l-Anness għandu jiġi adattat fid-dawl tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea.

    (5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 288/2009 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Kroazja, għandhom jiġu stabbiliti regoli speċifiċi fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 288/2009 fis-sena skolastika 2013/2014. B’mod partikolari, id-data għas-sottomissjoni tal-istrateġija nazzjonali u l-applikazzjoni għall-għajnuna mill-Kroazja jeħtieġ ikunu ffissati u għandha tiġi stabbilita proċedura speċifika biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-kronoloġija tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiffissal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna mill-Unjoni lill-Istati Membri u d-data prevista tal-adeżjoni tal-Kroazja. Eċċezzjonalment, minħabba limiti ta’ ħin derivati mill-ħtieġa li tiġi stabbilita l-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna tal-Unjoni għall-Istati Membri kollha, qabel sew ma tibda s-sena skolastika, il-Kummissjoni, meta tistabbilixxi l-allokazzjonijiet definittivi kif imsemmija fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 288/2009, għandha tqis kull notifika volontarja bil-quddiem mill-Kroazja dwar l-istrateġija tagħha u l- applikazzjoni għall-għajnuna fejn tali informazzjoni tkun ġiet riċevuta sal-31 ta’ Jannar.

    (7)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emenda għar-Regolament (KE) Nru 288/2009

    Ir-Regolament (KE) Nru 288/2009 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri li jistabbilixxu Skema tal-Frott għall-Iskejjel jistgħu japplikaw għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 103ga tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għal perjodu wieħed jew aktar li jibda fl-1 ta’ Awwissu u jintemm fil-31 ta’ Lulju, billi, sal-31 ta’ Jannar tas-sena meta jibda l-ewwel perjodu, jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-istrateġija tagħhom.

    L-istrateġija għandha tkun akkumpanjata b’applikazzjoni għall-għajnuna li għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    allokazzjoni indikattiva tal-għajnuna msemmija fil-paragrafu 3 u stipulata fl-Anness II għal dan ir-Regolament, espressa f’EUR;

    (b)

    il-kapaċità li tintuża aktar mill-allokazzjoni indikattiva msemmija fil-paragrafu 3 u stabbilita fl-Anness II;

    (c)

    fejn l-ebda kapaċità biex jintużaw fondi addizzjonali mhi indikata kif jipprevedi l-punt (b), l-allokazzjoni mitluba, espressa f’EUR, għandha tiġi speċifikata;

    (d)

    fejn tiġi indikata kapaċità biex jintużaw fondi addizzjonali kif jipprevedi l-punt (b), l-allokazzjoni addizzjonali massima mitluba, espressa f’EUR, għandha tiġi speċifikata;

    (e)

    baġit totali mitlub.

    L-applikazzjoni għall-għajnuna għandha tiġi ppreżentata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (*).

    (*)  ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3.”"

    (b)

    Fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “L-allokazzjoni mill-ġdid tal-għajnuna mill-Unjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi implimentata skont id-daqs tal-allokazzjoni indikattiva inizjali stabbilit fl-Anness II iżda fil-limiti ffissati fil-paragrafu 5. Madankollu, il-limiti ffissati fil-paragrafu 5 m’għandhomx japplikaw matul l-ewwel sentejn skolastiċi ta’ applikazzjoni tal-iskema minn Stat Membru.”

    (c)

    Għandu jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

    “5.   L-allokazzjoni mill-ġdid għandha tkun limitata bil-livell tal-esekuzzjoni tal-allokazzjoni għas-sena skolastika li tkun intemmet qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna, kif stabbilit fil-15 ta’ Ottubru tas-sena skolastika sussegwenti. Dan għandu jkun stabbilit fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet tan-nefqa li jkunu ntbtgħatu lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2006 (**). Il-limiti għandhom ikunu kif ġej:

    (a)

    meta l-esekuzzjoni tal-allokazzjoni hija anqas jew ugwali għal 50 % tal-allokazzjoni finali, l-ebda allokazzjoni addizzjonali m’għandha tingħata;

    (b)

    meta l-esekuzzjoni tal-allokazzjoni hija ogħla minn 50 % iżda anqas jew ugwali għal 75 % tal-allokazzjoni finali, il-massimu tal-allokazzjoni addizzjonali għandu jkun limitat għal 50 % tal-allokazzjoni indikattiva;

    (c)

    meta l-esekuzzjoni tal-allokazzjoni hija ogħla minn 75 % tal-allokazzjoni finali, l-allokazzjoni addizzjonali massima m’għandhiex tkun limitata.

    (**)  ĠU L 171, 23.6.2006, p. 1.”"

    (2)

    Fl-Artikolu 10(1), il-punt (c) hu mibdul b’dan li ġej:

    “(c)

    in-numru ta’ tfal li jattendu regolarment l-istabbilimenti edukattivi rispettivi intitolati li jirċievi l-prodotti koperti mill-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel tal-Istat Membru matul il-perjodu taż-żmien kopert mill-applikazzjoni għall-għajnuna;”

    (3)

    Fl-Artikolu 12(2), l-ewwel sentenza tiġi sostitwita b’dan li ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jevalwaw l-implimentazzjoni tal-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel u jivvalutaw l-effettività tagħha, inkluż l-impatt tagħha fuq id-drawwiet ta’ kif jieklu t-tfal.”

    (4)

    L-Artikolu 15 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 15

    Notifiki

    1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ Novembru tas-sena li fiha jintemm il-perjodu msemmi fl-Artikolu 4(1), dwar:

    (a)

    ir-riżultati tal-eżerċizzju tal-monitoraġġ, li dwaru hemm dispożizzjoni fl-Artikolu 12(1);

    (b)

    il-verifiki fuq il-post li twettqu skont l-Artikoli 13 u 16 u s-sejbiet relatati.

    2.   F’każ li Stat Membru jbiddel l-istrateġija msemmija fl-Artikolu 3, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-istrateġija l-ġdida tiegħu, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

    3.   In-notifiki msemmija f’dan ir-Regolament għandhom isiru skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-istrateġiji tal-Istati Membri u r-riżultati tal-eżerċizzju tagħhom ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni fuq bażi regolari.”

    (5)

    L-Anness II hu sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    (6)

    L-Anness II a tħassar.

    Artikolu 2

    Regoli speċifiċi għas-sena skolastika 2013/2014

    1.   B’deroga mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 288/2009 flimkien mal-Anness II tiegħu, għas-sena skolastika 2013/2014, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna tal-Unjoni kif imsemmi fit-tielet subparagrafu ta’ dak l-Artikolu 4(4) billi titqies kwalunkwe informazzjoni sottomessa bil-quddiem, fid-dawl ta’ u soġġett għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja, mill-Kroazja dwar l-istrateġija u l-applikazzjoni għall-għajnuna tagħha fil-każ li din l-informazzjoni tiġi pprovduta fuq bażi volontarja sal-31 ta’ Jannar.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 288/2009, għas-sena skolastika 2013/2014, il-Kroazja se tinnotifika l-istrateġija tagħha u l-għajnuna sal-10 ta’ Lulju 2013 u, b’deroga mill-Artikolu 4(4) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna għall-Kroazja sal-31 ta’ Lulju 2013.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 1(5) u l-Artikolu 2(2) għandhom jidħlu fis-seħħ suġġett għal u fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Jannar 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 94, 8.4.2009, p. 38.

    (3)  ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3.


    ANNESS

    “ANNESS II

    Allokazzjoni indikattiva tal-għajnuna Komunitarja għal kull Stat Membru

    Stat Membru

    Ir-rata tal-kofinanzjament

    (f’%)

    Tfal ta’ bejn is-6 u l-10 snin

    numri assoluti

    EUR

    L-Awstrija

    50

    439 035

    1 303 700

    Il-Belġju

    50

    592 936

    1 760 700

    Il-Bulgarija

    75

    320 634

    1 428 200

    Il-Kroazja

    75

    249 197

    1 110 000

    Ċipru

    50

    49 723

    175 000

    Ir-Repubblika Ċeka

    73

    454 532

    1 963 100

    Id-Danimarka

    50

    343 807

    1 020 900

    L-Estonja

    75

    62 570

    278 700

    Il-Finlandja

    50

    299 866

    890 500

    Franza

    51

    3 838 940

    11 632 700

    Il-Ġermanja

    52

    3 972 476

    12 333 000

    Il-Greċja

    59

    521 233

    1 837 700

    L-Ungerija

    69

    503 542

    2 051 800

    L-Irlanda

    50

    282 388

    838 500

    L-Italja

    58

    2 710 492

    9 403 100

    Il-Latvja

    75

    99 689

    444 100

    Il-Litwanja

    75

    191 033

    850 900

    Il-Lussemburgu

    50

    29 277

    175 000

    Malta

    75

    24 355

    175 000

    Il-Pajjiżi l-Baxxi

    50

    985 163

    2 925 400

    Il-Polonja

    75

    2 044 899

    9 108 500

    Il-Portugall

    68

    539 685

    2 172 300

    Ir-Rumanija

    75

    1 107 350

    4 932 400

    Is-Slovakkja

    73

    290 990

    1 260 700

    Is-Slovenja

    75

    93 042

    414 400

    Spanja

    59

    2 006 143

    7 073 400

    L-Isvezja

    50

    481 389

    1 429 500

    Ir-Renju Unit

    51

    3 635 300

    11 010 800

    UE 28

    58

    26 169 686

    90 000 000 ”


    Top