Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0021

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 21/2013 tal- 10 ta’ Jannar 2013 li jestendi d-dazju definittiv anti-dumping impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 dwar ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ kkunsinjati mit-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan u t-Tajlandja kif ukoll jekk le

    ĠU L 11, 16.1.2013, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 07/11/2017

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/21/oj

    16.1.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 11/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 21/2013

    tal-10 ta’ Jannar 2013

    li jestendi d-dazju definittiv anti-dumping impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 dwar ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ kkunsinjati mit-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan u t-Tajlandja kif ukoll jekk le

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    1.   IL-PROĊEDURA

    1.1.   Il-miżuri eżistenti

    (1)

    Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 (2) (“ir-Regolament oriġinali”), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv ta’ 62,9 % fuq importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) għall-kumpaniji l-oħrajn kollha ħlief dawk imsemmija fl-Artikolu 1(2) u fl-Anness 1 ta’ dak ir-Regolament. Dawn il-miżuri minn hawn ‘il quddiem se jissejħu “l-miżuri fis-seħħ” u l-investigazzjoni li wasslet biex jiġu imposti l-miżuri mir-Regolament oriġinali minn hawn ‘il quddiem se tissejjaħ “l-investigazzjoni oriġinali”.

    1.2.   It-talba

    (2)

    Fl-10 ta’ April 2012, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u biex l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mit-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk ikunu ddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan u t-Tajlandja kif ukoll jekk le, isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni.

    (3)

    Din it-talba tressqet minn Saint-Gobain Adfors CZ s.r.o., Tolnatext Fonalfeldolgozo es Muszakiszovet-gyarto Bt., Valmieras “Stikla Skiedra” AS u Vitrulan Technical Textiles GmbH, erba’ produtturi fl-Unjoni ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ.

    (4)

    It-talba kien fiha biżżejjed evidenza prima facie biex, wara li ġew imposti l-miżuri fis-seħħ, kien hemm bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ li jinvolvi l-esportazzjonijiet mir-RPĊ, it-Tajwan u t-Tajlandja lejn l-Unjoni, li għaliha ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr għall-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ. Din il-bidla fix-xejra tal-kummerċ allegatement nibtet mit-trasbord ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-RPĊ permezz tat-Tajwan u t-Tajlandja.

    (5)

    Barra minn hekk, l-evidenza enfasizzat il-fatt li l-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ kienu qed jiddgħajfu kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll ta’ prezz. L-evidenza wriet li ż-żieda fl-importazzjonijiet mit-Tajwan u t-Tajlandja saret bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz li ma jikkawżax dannu stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

    (6)

    Fl-aħħar nett, kien hemm evidenza li l-prezzijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ kkunsinjati mit-Tajwan u t-Tajlandja kienu l-oġġett tad-dumping b’rabta mal-valur normali stabbilit matul l-investigazzjoni oriġinali.

    1.3.   Bidu

    (7)

    Meta wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni ddeterminat li hemm biżżejjed evidenza prima facie biex tinbeda investigazzjoni skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 437/2012 (3) (“ir-Regolament li jagħti bidu”). Skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, skont ir-Regolament li jagħti bidu, ordnat ukoll lill-awtoritajiet tad-dwana biex jiddokumentaw l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mit-Tajwan u t-Tajlandja.

    1.4.   Investigazzjoni

    (8)

    Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-awtoritajiet tar-RPĊ, it-Tajwan u t-Tajlandja, lill-produtturi esportaturi f’dawk il-pajjiżi, lill-importaturi magħrufa fl-Unjoni li huma kkonċernati u lill-industrija tal-Unjoni, bil-bidu tal-investigazzjoni. Intbagħtu kwestjonarji lill-produtturi/esportaturi magħrufa tar-RPĊ, it-Tajwan u t-Tajlandja magħrufa mill-Kummissjoni mit-talba jew permezz tal-Uffiċċju Rappreżentattiv ta’ Taipei u l-Missjoni tar-Renju tat-Tajlandja għall-Unjoni Ewropea. Il-kwestjonarji ntbagħtu wkoll lill-importaturi fl-Unjoni msemmija fit-talba. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fir-Regolament li jagħti bidu. Il-partijiet kollha kienu infurmati li nuqqas ta’ kooperazzjoni tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u għal konklużjonijiet li jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli.

    (9)

    Il-kwestjonarju kontra l-evażjoni ntbagħat lil tmien kumpaniji fit-Tajwan u lil seba’ kumpaniji fit-Tajlandja. Xi kumpaniji Tajwaniżi u Tajlandiżi ppreżentaw ruħhom u sostnew li ma jridux jitqiesu bħala partijiet interessati billi ma jipproduċux il-prodott investigat u/jew ma għandhom l-ebda esportazzjonijiet lejn l-Unjoni. Il-kumpaniji magħrufa li jifdal miż-żewġ pajjiżi kkonċernati ma ppreżentawx ruħhom. L-ebda waħda mill-kumpaniji ma ressqet tweġiba għall-kwestjonarju. Il-kwestjonarju kontra l-evażjoni ntbagħat ukoll lil 44 kumpanija fir-RPĊ. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn il-produtturi esportaturi fir-RPĊ ma ppreżenta ruħu jew bagħat il-kwestjonarju. Intbagħtu kwestjonarji wkoll lill-importaturi fl-Unjoni iżda l-ebda wieħed minnhom ma ppreżenta ruħu, u lanqas bagħtu tweġibiet għall-kwestjonarju.

    1.5.   Perjodu ta’ investigazzjoni

    (10)

    Il-perjodu ta’ investigazzjoni kien ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Marzu 2012 (“il-PI”). Id-dejta nġabret għall-PI sabiex tiġi investigata, fost l-oħrajn, il-bidla allegata fix-xejra tal-kummerċ. Inġabret dejta aktar dettaljata għall-perjodu tar-rappurtaġġ bejn l-1 ta’ April 2011 u l-31 ta’ Marzu 2012 (“il-PR”) sabiex tiġi eżaminata l-possibbiltà tal-imminar tal-effett rimedjali tal-miżuri fis-seħħ u l-possibbiltà tal-eżistenza tad-dumping.

    2.   IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

    2.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

    (11)

    Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ evażjoni saret billi ġie analizzat b’mod suċċessiv jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ, it-Tajwan, it-Tajlandja u l-Unjoni; jekk din il-bidla fix-xejra tal-kummerċ nibtitx minn xi prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr għall-impożizzjoni tad-dazju; jekk kienx hemm evidenza ta’ ħsara jew jekk l-effetti rimedjali tad-dazju ġewx kompromessi f’termini tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet tal-prodott investigat; u jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping b’rabta mal-valuri normali stabbiliti qabel għall-prodotti simili fl-investigazzjoni oriġinali, jekk hemm bżonn skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

    2.2.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat

    (12)

    Il-prodott ikkonċernat huwa kif definit fl-investigazzjoni oriġinali: Drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b’daqs taċ-ċellula ta’ aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul u kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, esklużi d-diski tal-ħġieġ tal-fibra, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00.

    (13)

    Il-prodott investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, iżda jiġi kkunsinjat mit-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mit-Tajwan u t-Tajlandja kif ukoll jekk le.

    (14)

    L-investigazzjoni wriet li d-drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, kif definiti hawn fuq, esportati lejn l-Unjoni mir-RPĊ u dawk ikkunsinjati lill-Unjoni mit-Tajwan u t-Tajlandja għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u tekniċi u l-istess użu, u għalhekk għandhom jitqiesu bħala prodotti simili fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    2.3.   Grad ta’ kooperazzjoni u determinazzjoni tal-volumi tal-kummerċ

    It-Tajwan

    (15)

    Kif intqal fil-premessa 9, l-ebda waħda mill-kumpaniji ma bagħtet tweġiba għall-kwestjonarju, jiġifieri ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Tajwaniżi, u għaldaqstant ma saru l-ebda żjarat ta’ verifika fuq il-post. Il-konklużjonijiet fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ mit-Tajwan lejn l-Unjoni u l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ lejn it-Tajwan kellhom isiru parzjalment abbażi tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku. F’dan il-każ id-dejta tal-COMEXT intużat biex tiddetermina l-volumi ta’ importazzjoni ġenerali mit-Tajwan lejn l-Unjoni u l-istatistika nazzjonali Ċiniża ntużat għad-determinazzjoni tal-esportazzjonijiet ġenerali mir-RPĊ lejn it-Tajwan.

    It-Tajlandja

    (16)

    Il-produtturi esportaturi Tajlandiżi lanqas ma kkooperaw billi lanqas huma ma bagħtu tweġibiet għall-kwestjonarju, b’hekk ma saru l-ebda żjarat ta’ verifika fuq il-post. Il-konklużjonijiet fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ mit-Tajwan lejn l-Unjoni u l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ lejn it-Tajwan kellhom isiru parzjalment abbażi tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku. F’dan il-każ id-dejta tal-COMEXT intużat biex tiddetermina l-volumi ta’ importazzjoni ġenerali mit-Tajlandja lejn l-Unjoni u l-istatistika nazzjonali Ċiniża ntużat għad-determinazzjoni tal-esportazzjonijiet ġenerali mir-RPĊ lejn it-Tajlandja.

    Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    (17)

    Il-produtturi esportaturi Ċiniżi ma kkooperawx. Għalhekk, il-konklużjonijiet fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni u l-esportazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ lejn it-Tajwan u t-Tajlandja kellhom isiru parzjalment abbażi tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku. F’dan il-każ reġgħet intużat id-dejta tal-COMEXT biex jiġu ddeterminati l-volumi globali tal-importazzjoni mir-RPĊ lejn l-Unjoni. Intużat l-istatistika nazzjonali Ċiniża biex jiġu stabbiliti l-esportazzjonijiet kumplessivi lejn it-Tajwan u t-Tajlandja mir-RPĊ.

    (18)

    Il-volum ta’ importazzjonijiet irreġistrati fl-istatistika tal-COMEXT ikopri grupp akbar ta’ prodotti mill-prodott ikkonċernat u mill-prodott investigat. Madankollu, abbażi tal-istimi pprovduti mill-industrija tal-Unjoni, seta’ jiġi stabbilit li parti sinifikanti ta’ dan il-volum importat kopriet il-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat. Għaldaqstant, din id-dejta setgħet tintuża biex tiġi stabbilita bidla fix-xejra tal-kummerċ.

    2.4.   Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

    L-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ

    (19)

    L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ lejn l-Unjoni naqsu b’mod drammatiku wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji fi Frar 2011 (4) u tal-miżuri definittivi f’Awwissu 2011 mir-Regolament oriġinali.

    It-Tajwan

    (20)

    L-esportazzjonijiet totali tal-prodott investigat mit-Tajwan lejn l-Unjoni żdiedu b’mod sinifikanti fl-2011 u partikolarment wara l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi f’Awwissu 2011. Skont id-dejta tal-COMEXT, l-esportazzjonijiet mit-Tajwan lejn l-Unjoni żdiedu drastikament fit-tieni semestru tal-2011 filwaqt li kienu f’livelli insinifikanti fis-snin ta’ qabel. Dawn l-importazzjonijiet splodew ulterjorment fil-kwart tas-sena Jannar-Marzu 2012, wara l-bidu f’Novembru 2011 tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni dwar drappijiet b’malja miftuħa li joriġinaw mir-RPĊ u kkunsinjati permezz tal-Malasja (5). Din ix-xejra hija kkonfermata wkoll mill-istatistika Ċiniża korrispondenti fir-rigward tal-esportazzjonijiet mit-Tajwan lejn ir-RPĊ ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ.

    It-Tajlandja

    (21)

    Fejn jikkonċerna t-Tajlandja, l-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni tal-prodott investigat żdiedu drastikament ukoll fl-2011. Skont id-dejta tal-COMEXT, l-esportazzjonijiet mit-Tajwan lejn l-Unjoni żdiedu fil-kwart tas-sena Ġunju-Awwissu 2011 filwaqt li kienu f’livelli insinifikanti fis-snin ta’ qabel. Dawn l-importazzjonijiet jippreżentaw ukoll żieda ulterjuri fil-kwart tas-sena Jannar-Marzu 2012, wara l-bidu f’Novembru 2011 tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni dwar drappijiet b’malja miftuħa li joriġinaw mir-RPĊ u kkunsinjati permezz tal-Malasja (6). Din ix-xejra hija kkonfermata wkoll mill-istatistika Ċiniża korrispondenti fir-rigward tal-esportazzjonijiet lejn it-Tajlandja mir-RPĊ ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ.

    (22)

    It-Tabella 1 turi l-kwantitajiet ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ, it-Tajwan u t-Tajlandja lejn l-Unjoni mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-31 ta’ Marzu 2012.

    Tabella 1

    Volumi ta’ importazzjoni

    (miljuni ta’ m2)

    2009

    2010

    2011

    1.4.2011 – 31.3.2012

    RPĊ

    294,90

    383,72

    193,07

    121,30

    Tajwan

    1,33

    1,03

    10,67

    17,07

    Tajlandja

    0,66

    0,04

    10,40

    24,11

    Sors: L-istatistika tal-COMEXT

    Id-dejta tal-COMEXT hija pprovduta f’kilogrammi filwaqt li l-kejl tal-prodott ikkonċernat ikun f’metri kwadri. L-Industrija tal-Unjoni pprovdiet rati ta’ konverżjoni għaż-żewġ kodiċijiet koperti mill-proċediment li ntużaw għall-kalkolu taċ-ċifri fit-Tabelli.

    (23)

    Id-dejta turi biċ-ċar li l-importazzjonijiet fl-Unjoni mit-Tajwan u t-Tajlandja kienu negliġibbli fl-2009 u l-2010. Madankollu, fl-2011, wara l-impożizzjoni tal-miżuri, l-importazzjonijiet żdiedu f’daqqa u ħadu post parti mill-esportazzjonijiet mir-RPĊ fis-suq tal-Unjoni f’termini ta’ volum. Barra minn hekk, minn mindu ġew imposti l-miżuri fis-seħħ, it-tnaqqis tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni kien wieħed sinifikanti (70 %).

    Esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn it-Tajwan u t-Tajlandja

    (24)

    Matul l-istess perjodu, tista’ tiġi osservata wkoll, żieda drammatika fl-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn it-Tajwan ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ. Minn ammont relattivament żgħir fl-2009 (748 000 m2), l-esportazzjonijiet żdiedu għal 14,39 miljun m2 fil-PR.

    (25)

    It-Tabella 2 turi l-esportazzjonijiet ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ lejn it-Tajwan mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Marzu 2012.

    Tabella 2

    Tajwan

    2009

    2010

    2011

    1.4.2011 – 31.3.2012

    Kwantità

    (miljun m2)

    0,75

    2,45

    7,58

    14,39

    Bidla annwali (%)

     

    227

    209

    90

    Indiċi (2009 = 100)

    100

    327

    1 011

    1 919

    Sors: L-istatistika Ċiniża

    (26)

    L-istess xejra tista’ tiġi osservata għall-esportazzjonijiet ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ lejn it-Tajlandja. Il-volum ta’ esportazzjoni fl-2009 kien biss ta’ 1,83 miljun m2 filwaqt li fil-PR sploda għal 41,70 miljun m2.

    (27)

    It-Tabella 3 turi l-esportazzjonijiet ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ lejn it-Tajlandja mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Marzu 2012.

    Tabella 3

    Tajlandja

    2009

    2010

    2011

    1.4.2011 – 31.3.2012

    Kwantità

    (miljun m2)

    1,83

    9,80

    25,51

    41,70

    Bidla annwali (%)

     

    436

    160

    63

    Indiċi (2009 = 100)

    100

    535

    1 394

    2 279

    Sors: L-istatistika Ċiniża

    (28)

    Biex tiġi stabbilita x-xejra tal-fluss kummerċjali ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ lejn it-Tajwan u t-Tajlandja, tqieset l-istatistika Ċiniża, għalkemm din kienet disponibbli biss f’livell ogħla tal-grupp tal-prodott minn tal-prodott ikkonċernat. Fid-dawl tad-dejta tal-COMEXT u l-istimi pprovduti mill-industrija tal-Unjoni dwar il-volumi kklassifikati taħt iż-żewġ kodiċi NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00, madankollu jista’ jiġi stabbilit li l-prodott ikkonċernat ikopri parti sinifikanti tal-istatistika Ċiniża. Għalhekk, din id-dejta tista’ tiġi kkunsidrata.

    (29)

    It-Tabelli 1 sa 3 juru biċ-ċar li t-tnaqqis drastiku ta’ esportazzjonijiet Ċiniżi ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ lejn l-Unjoni kien segwit minn żieda sinifikanti ta’ esportazzjonijiet Ċiniżi ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ lejn it-Tajwan u t-Tajlandja, b’żieda drastika sussegwenti ta’ esportazzjonijiet Tajwaniżi u Tajlandiżi ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ lejn l-Unjoni fil-PR.

    Volumi ta’ produzzjoni fit-Tajwan u t-Tajlandja

    (30)

    Ladarba ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni mill-kumpaniji fit-Tajwan u t-Tajlandja, l-ebda informazzjoni ma setgħet tinkiseb fuq il-livelli possibbli tal-produzzjoni ġenwina tal-prodott investigat f’dawn iż-żewġ pajjiżi.

    2.5.   Il-konklużjoni dwar il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

    (31)

    It-tnaqqis ġenerali fl-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni u ż-żieda parallela tal-esportazzjonijiet mit-Tajwan u t-Tajlandja lejn l-Unjoni u fl-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn it-Tajwan u t-Tajlandja rispettivament, wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji fi Frar 2011 u tal-miżuri definittivi f’Awwissu 2011 jikkostitwixxu bidla fix-xejra kummerċjali bejn dawk il-pajjiżi, minn naħa waħda, u l-esportazzjonijiet ta’ dawk il-pajjiżi lejn l-Unjoni, min-naħa l-oħra.

    2.6.   In-natura tal-prattika ta’ evażjoni

    (32)

    L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jitlob li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ tinbet minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr għall-impożizzjoni tad-dazju. Il-prattika, il-proċess u l-ħidma jinkludu, fost l-oħrajn, il-konsenja tal-prodott suġġetta għall-miżuri permezz ta’ pajjiżi terzi.

    Trasbord

    (33)

    Il-Kummissjoni għandha evidenza rigward kuntatti ta’ negozju ta’ operaturi Ċiniżi ma’ importaturi fl-Unjoni li jikkonfermaw l-eżistenza ta’ prattiċi ta’ trasbord permezz tat-Tajlandja. Barra minn hekk in-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn kull wieħed mill-produtturi tal-prodott investigat fit-Tajwan u t-Tajlandja juri prassi ta’ trasbord li sseħħ f’dawk il-pajjiżi fir-rigward ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ. Barra minn hekk, iż-żieda reċenti fl-importazzjonijiet minn dawn iż-żewġ pajjiżi tindika li dan huwa dovut għall-kummerċjanti Tajwaniżi u Tajlandiżi li qed jittrasbordaw prodotti Ċiniżi lejn l-Unjoni.

    (34)

    L-eżistenza ta’ trasbord ta’ prodotti ta’ oriġini Ċiniża mit-Tajwan u t-Tajlandja, hija għalhekk ikkonfermata.

    2.7.   Nuqqas ta’ raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr għall-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping

    (35)

    L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għat-trasbord ħlief l-evażjoni tal-miżuri fis-seħħ tal-prodott ikkonċernat. Ma nstab l-ebda element, għajr għad-dazju, li seta’ jitqies bħala kumpens għall-ispejjeż tat-trasbord, partikolarment fir-rigward tat-trasport u t-tagħbija mill-ġdid, ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-RPĊ permezz tat-Tajwan u t-Tajlandja.

    2.8.   L-imminar tal-effett rimedjali tad-dazju anti-dumping

    (36)

    Biex jiġi vvalutat jekk il-prodott importat investigat, f’termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet, imminax l-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, intużat id-dejta tal-COMEXT bħala l-aħjar dejta disponibbli dwar il-kwantitajiet u l-prezzijiet ta’ esportazzjonijiet minn kumpaniji li ma kkoperawx fit-Tajwan u t-Tajlandja. Il-prezzijiet kif stabbiliti tqabblu mal-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu stabbilit għall-produtturi tal-Unjoni fil-premessa 74 tar-Regolament oriġinali.

    (37)

    Iż-żieda tal-importazzjonijiet mit-Tajwan lejn l-Unjoni minn 1,03 miljun m2 fl-2010 għal 17,07 miljun m2 fil-PR, tqieset bħala sinifikanti f’termini ta’ kwantità.

    (38)

    Hekk ukoll, iż-żieda tal-importazzjonijiet mit-Tajlandja lejn l-Unjoni minn 40 000 m2 fl-2010 għal 24,11 miljun m2 fil-PR, tqieset bħala sostanzjali f’termini ta’ kwantità.

    (39)

    It-tqabbil tal-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara kif stabbilit fir-Regolament oriġinali u l-prezz medju peżat tal-esportazzjoni (iddeterminat f’din l-investigazzjoni għat-Tajwan u t-Tajlandja rispettivament u aġġustat għall-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni u l-aġġustamenti tal-kwalità stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali) wera bejgħ taħt il-prezz sinifikanti għaż-żewġ pajjiżi kkonċernati. Għaldaqstant ġie konkluż li l-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ qed jiġu mminati kemm f’termini ta’ kwantitajiet kif ukoll ta’ prezzijiet.

    2.9.   Evidenza ta’ dumping

    (40)

    Finalment, b’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping b’rabta mal-valur normali stabbilit preċedentement fl-investigazzjoni oriġinali.

    (41)

    Fir-Regolament oriġinali, il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet fil-Kanada, li f’dik l-investigazzjoni nstab li kien pajjiż b’ekonomija tas-suq adegwata li hija analoga għar-RPĊ. Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, ġie kkunsidrat xieraq li jintuża l-valur normali kif stabbilit qabel fl-investigazzjoni oriġinali.

    (42)

    Il-prezzijiet tal-esportazzjonijiet mit-Tajwan u t-Tajlandja, rispettivament kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli, jiġifieri fuq il-prezz medju tal-esportazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ matul il-PR kif irrappurtat fil-COMEXT. L-użu tal-fatti disponibbli kien ġej min-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ kull produttur tal-prodott investigat fiż-żewġ pajjiżi kkonċernati.

    (43)

    Biex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, saru aġġustamenti għad-differenzi fit-trasport, l-assigurazzjoni, u l-ispejjeż tal-imballaġġ. Minħabba li ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni mill-produtturi fit-Tajwan, it-Tajlandja u r-RPĊ, l-aġġustamenti kellhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-aħjar fatti disponibbli. B’hekk, l-aġġustament għal dawn il-konċessjonijiet kien ibbażat fuq perċentwal ikkalkulat bħala l-proporzjon tal-ispejjeż totali tat-trasport, l-assigurazzjoni u l-imballaġġ fuq il-valur tat-tranżazzjonijiet tal-bejgħ fl-Unjoni b’termini ta’ konsenja CIF ipprovduti mill-produtturi esportaturi Ċiniżi fl-investigazzjoni oriġinali.

    (44)

    Skont l-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, id-dumping ġie kkalkulat billi tqabbel il-valur normali medju peżat kif stabbilit fir-Regolament oriġinali u l-prezzijiet medji peżati tal-esportazzjoni korrispondenti taż-żewġ pajjiżi kkonċernati matul il-PR ta’ din l-investigazzjoni, espress bħala perċentwal tal-prezz CIF f’dazju mhux imħallas fil-fruntiera tal-Unjoni.

    (45)

    It-tqabbil tal-valur normali medju peżat u l-prezzijiet medji peżati tal-esportazzjonijiet kif stabbiliti wera dumping.

    3.   MIŻURI

    (46)

    Minħabba dak li ntqal hawn fuq, ġie konkluż li d-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-RPĊ kien ġie evitat permezz tat-trasbord mit-Tajwan u t-Tajlandja skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

    (47)

    Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għandhom jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-prodott investigat, jiġifieri l-istess prodott imma kkonsenjat mit-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mt-Tajwan u t-Tajlandja kif ukoll jekk le.

    (48)

    Fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni f’din l-investigazzjoni, il-miżuri li jridu jiġu estiżi għandhom ikunu l-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament oriġinali għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”, li bħalissa huwa dazju definittiv anti-dumping ta’ 62,9 % applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju.

    (49)

    Skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, li jistipula li kull miżura estiża għandha tapplika għall-importazzjonijiet li jkunu daħlu fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament li jagħti bidu, għandhom jinġabru dazji fuq dawk l-importazzjonijiet irreġistrati ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mit-Tajwan u t-Tajlandja.

    4.   TALBIET GĦAL EŻENZJONI

    (50)

    Kif intqal fil-premessa 9 ħadd mill-produtturi fiż-żewġ pajjiżi kkonċernati ma ppreżenta ruħu wara l-bidu tal-investigazzjoni. Għaldaqstant, ma saru l-ebda talbiet għal eżenzjoni mill-estensjoni possibbli tal-miżuri skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

    (51)

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-produtturi fit-Tajwan u t-Tajlandja li ma ppreżentawx ruħhom f’dan il-proċediment u li ma esportawx il-prodott investigat lejn l-Unjoni fil-PR u li jikkunsidraw li jagħmlu talba għal eżenzjoni mid-dazju anti-dumping estiż skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku, se jkollhom jimlew kwestjonarju biex jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi jekk eżenzjoni tistax tkun ġustifikata. Din l-eżenzjoni tista’ tingħata wara l-valutazzjoni tal-qagħda tas-suq, il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-użu tal-kapaċità, l-akkwist u l-bejgħ u l-probabbiltà tat-tkomplija tal-prattiċi li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti u l-evidenza ta’ dumping. Il-Kummissjoni normalment twettaq ukoll żjara ta’ verifika fil-post. It-talba għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni, bl-informazzjoni rilevanti kollha, partikolarment kull modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ.

    (52)

    Meta eżenzjoni tkun mistħoqqa, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, tipproponi l-emenda tal-miżuri estiżi fis-seħħ skont dan. Sussegwentement, kull eżenzjoni mogħtija tkun immonitorjata biex tkun żgurata l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fiha.

    5.   ŻVELAR

    (53)

    Il-partijiet kollha interessati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija u ġew mistiedna biex jikkummentaw. Wara l-iżvelar, ma waslux kummenti mingħand id-Dipartiment tal-Kummerċ Barrani fil-Ministeru tal-Kummerċ tat-Tajlandja. Huma talbu li titqies ukoll l-istatistika ta’ importazzjoni u esportazzjoni Tajlandiża ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ. L-istatistika pprovduta mill-awtoritajiet Tajlandiżi tqieset u nstab li kienet għajn ta’ informazzjoni utli. Madankollu, finalment ġie deċiż li ma tintużax għall-konklużjonijiet definittivi billi d-dejta tal-COMEXT u l-istatistika nazzjonali Ċiniża wrew xejriet iktar koerenti. B’hekk l-argumenti ppreżentati ma wasslux għal modifika tall-konklużjonijiet definittivi,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Id-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” impost permezz tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 fuq importazzjonijiet ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ta’ daqs taċ-ċellula ta’ iktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, esklużi d-diski tal-ħġieġ tal-fibra, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huwa b’dan estiż għall-importazzjonijiet ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ta’ daqs taċ-ċellula ta’ iktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, esklużi diski tal-ħġieġ tal-fibra, ikkunsinjati mit-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mit-Tajwan u t-Tajlandja kif ukoll jekk le, u li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 (kodiċijiet TARIC 7019510012, 7019510013, 7019590012 u 7019590013).

    2.   Id-dazju estiż permezz tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar għall-importazzjonijiet ikkunsinjati mit-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan u t-Tajlandja kif ukoll jekk le, irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 437/2012 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

    3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

    Artikolu 2

    1.   It-talbiet għal eżenzjoni mid-dazju estiż taħt l-Artikolu 1 għandhom isiru bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jkunu ffirmati minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta l-entità li qed titlob l-eżenzjoni. It-talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Office: N-105 08/20

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Faks (32 2) 295 65 05

    2.   B’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv, tawtorizza b’deċiżjoni l-eżenzjoni ta’ importazzjonijiet minn kumpaniji li ma evitawx il-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011, mid-dazju estiż bl-Artikolu 1.

    Artikolu 3

    L-awtoritajiet tad-dwana huma b’dan ordnati li jtemmu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, stabbilita skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 437/2012.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Jannar 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. GILMORE


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 204, 9.8.2011, p. 1.

    (3)  ĠU L 134, 24.5.2012, p. 12.

    (4)  ĠU L 43, 17.2.2011, p. 9.

    (5)  ĠU L 292, 10.11.2011, p. 4.

    (6)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 5.


    Top