Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013H0730(21)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad- 9 ta’ Lulju 2013 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2013 tal-Isvezja u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konvergenza tal-Isvezja, 2012-2016

    ĠU C 217, 30.7.2013, p. 86–88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    30.7.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 217/86


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tad-9 ta’ Lulju 2013

    dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2013 tal-Isvezja u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konvergenza tal-Isvezja, 2012-2016

    2013/C 217/21

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u partikolarment l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, bl-isem ta’ Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq il-koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

    (2)

    Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni (mill-2010 sal-2014), u fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (3), li flimkien jagħmlu "l-linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politika ekonomika nazzjonali u fil-politika tal-impjiegi tagħhom.

    (3)

    Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet tal-Istat jew il-Gvernijiet tal-Istati Membri ddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fil-livell nazzjonali, tal-UE u taż-żona euro, bl-użu tal-influwenzi, l-istrumenti, u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, b'mod partikolari esprimew l-impenn sħiħ tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

    (4)

    Fl-10 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (4) dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Isvezja għall-2012 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Isvezja għall-perijodu 2012-2015.

    (5)

    Fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2013 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Barra minn hekk, fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih identifikat lill-Isvezja bħala wieħed mill-Istati Membri li kellha ssirlu analiżi fil-fond.

    (6)

    Il-Parlament Ewropew kien involut sew fis-Semestru Ewropew, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1466/97, u fis-7 ta' Frar 2013, adotta riżoluzzjoni dwar l-impjiegi u l-aspetti soċjali fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 u riżoluzzjoni dwar il-kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013.

    (7)

    Fl-14 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex ikunu garantiti l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li tħeġġeġ it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla l-konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa’ jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

    (8)

    Fl-10 ta' April 2013, il-Kummissjoni ppublikat ir-riżultati tal-analiżi fil-fond tagħha dwar l-Isvezja skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li l-Isvezja qiegħda tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi li jistħoqqilhom monitoraġġ u azzjoni politika. B'mod partikolari, l-iżviluppi makroekonomiċi li jirrigwardaw id-dejn tas-settur privat u t-tnaqqis fl-ingranaġġ, flimkien mal-ineffiċenzi li jifdal fis-suq tad-djar jistħoqqilhom attenzjoni kontinwa. Għalkemm il-bilanċ pożittiv attwali tal-kont kurrenti ma joħloqx riskji simili għad-defiċits il-kbar, il-Kummissjoni se tkompli tagħmel monitoraġġ tal-iżviluppi fil-kont kurrenti tal-Isvezja.

    (9)

    Fid-19 ta’ April 2013, l-Isvezja ressqet il-Programm ta’ Konverġenza tagħha għall-perijodu 2012-2017 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2013 tagħha. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta' bejniethom, iż-żewġ Programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

    (10)

    Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta' Konverġenza skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku li fuqu huma msejsin il-previżjonijiet baġitarji tal-Programm huwa aċċettabbli għall-2013. Il-Gvern qed jipprevedi tkabbir fil-PDG ta' 1,2 % u 2,2 % fl-2013 u fl-2014 rispettivament, filwaqt li l-Kummissjoni qed tipprevedi 1,5 % u 2,5 %. L-objettiv tal-istrateġija baġitarja mfassal fil-Programm ta' Konverġenza huwa li jkun hemm is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq terminu twil billi jiġu rrispettati r-regoli tal-qafas fiskali Svediż, inkluża l-mira li jkun hemm eċċess fuq is-self nett tal-ġvern ġenerali ta' 1 % tal-PDG tul iċ-ċiklu tal-kummerċ. Il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika naqas minn eċċess żgħir ta' 0,2 % tal-PDG fl-2011 għal defiċit ta' 0,5 % fl-2012. Il-Programm ta' Konverġenza jikkonferma l-objettiv baġitarju preċedenti ta' terminu medju (OTM) ta' -1,0 % tal-PDG. L-OTM huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-Programm ta' Konverġenza jipprevedi li l-bilanċ strutturali tal-amministrazzjoni pubblika, kif ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni, se jitjieb minn defiċit żgħir ta' madwar 0,4 % tal-PDG fl-2012-13 għal eċċess mill-2014 'l quddiem. Għalhekk, l-OTM x'aktarx li jintleħaq fil-perijodu tal-programm. Skont l-informazzjoni fil-Programm ta' Konverġenza, ir-rata ta' tkabbir tan-nefqa tal-gvern, netta mill-miżuri diskrezzjonali ta' dħul, se taqbeż ir-rata referenzjarja fuq terminu medju tat-tkabbir potenzjali tal-PDG tal-2012 u tal-2013, iżda fl-2014 se tinżel taħt din ir-rata. Anki jekk titqies il-possibilità ta' aktar miżuri diskrezzjonali ta' espansjoni fl-2014, ir-riskji għall-miri baġitarji huma limitati. Skont il-Programm ta' Konverġenza, il-proporzjon tad-dejn li huwa taħt is-60 % tal-valur referenzjarju tal-PDG, huwa previst li jilħaq temporanjament it-42 % tal-PDG fl-2013, iżda jerġa' jaqa' taħt l-40 % tal-PDG fl-2015. Il-Kummissjoni tipprevedi li l-proporzjoni tad-dejn jonqos għal 39 % fl-2014.

    (11)

    L-insolvenza għolja tas-settur privat (b'235 % tal-PDG fl-2012) tibqa' kwistjoni li tħasseb. Id-dejn tal-unitajiet domestiċi li huwa madwar 80 % tal-PDG jew bejn wieħed u ieħor 170 % tal-introjtu disponibbli kien biss dan l-aħħar li stabbilizza ruħu, u mhux probabbli li jonqos fil-futur qrib minħabba t-tkabbir fil-kreditu u r-ritmu kajman fl-ammortizzazzjoni ipotekarja. It-tnaqqis attwali fit-taxxa fuq il-pagamenti tal-imgħax u t-taxxi rikorrenti baxxi fuq il-propjetà jikkontribwixxu għall-preġudizzju tad-dejn fit-tassazzjoni Svediza fuq id-djar, u jikkontribwixxu għal-livelli għolja ta' dejn. Barra minn hekk, il-qabża relattivament kbira li teżisti bejn ir-rata effettiva ta' taxxa marġinali fuq id-dejn u fuq l-ekwitajiet għal investiment ġdid tissuġġerixxi preġudizzju kontinwu lejn l-iffinanzjar tad-dejn għall-korporazzjonijiet L-Isvezja reċentement irrestrinġiet it-tnaqqis fl-ispejjeż tal-imgħax fost l-impriżi ta' grupp, iżda m'għandhiex sistema komprensiva biex tikkoreġi l-preġudizzju lejn it-taxxa fuq id-dejn/l-ekwitajiet. Id-dejn tal-kumpaniji għadu sostanzjali, b'149 % tal-PDG.

    (12)

    Għalkemm is-suq tad-djar Svediż kien stabbli fl-imgħoddi reċenti, għadu sors potenzjali ta' instabilità. Bħala provvista, is-suq tad-djar Svediż huwa kkaratterizzat b'xi ineffiċenzi li jistgħu jikkontribwixxu għal żieda fil-prezzijiet tad-djar kif ukoll joħolqu l-effetti mhux mixtieqa ta' lock-in. L-investiment Svediż fil-kostruzzjoni huwa biss nofs tal-pajjiżi Nordiċi l-oħrajn, kemm meta pparagunat mal-PDG kif ukoll mal-popolazzjoni. It-tnedija ta' proġett, kif inhi bħalissa, ħafna drabi tieħu ħafna snin minħabba l-proċeduri twal fil-livell muniċipali. L-issimplifikar ta' dawn il-proċeduri iżid il-flessibilità fil-provvista tad-djar, tinkoraġġixxi il-kompetizzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni u tnaqqas l-ispejjeż tal-kostruzzjoni. Aktar riformi fis-sistema li tiffissa l-kiri huma meħtieġa sabiex il-forza tas-suq tkun tista' toħloq provvista ottimali ta' djar għall-kiri bi prezzijiet adegwati. L-indirizzar tal-ineffiċenzi fis-suq tad-djar probabbilment se jgħin ukoll biex jitnaqqas id-dejn tal-unitajiet domestiċi ġaladarba dawn iż-żewġ kwistjonijiet huma marbutin ma' xulxin.

    (13)

    Fl-Isvezja, ir-rati tal-qgħad taż-żgħażagħ, tal-persuni bi sfond ta' migrazzjoni, u ta' dawk bi ftit kompetenzi professjonali, b'mod ġenerali jibqgħu ħafna ogħla mill-bqija tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol u ogħla mill-medja tal-UE. L-Isvezja, ħadet numru kbir ta' miżuri ġodda relevanti sabiex tindirizza din il-kwistjoni. Il-miżuri li jiffukaw fuq l-integrazzjoni ta' persuni bi sfond ta' migrazzjoni fis-suq tax-xogħol diġà taw l-ewwel riżultati mixtieqa billi naqqsu r-rata tal-qgħad, iżda jinħtieġu sforzi kontinwi sabiex titnaqqas id-differenza bejniethom u l-bqija tal-popolazzjoni. S'issa ż-żgħażagħ ma jidhirx li bbenefikaw mill-miżuri. Madankollu, twaqqfu għadd ta' miżuri li jawguraw tajjeb, jew li huma ppjanati; dawn jinkludu l-appoġġ għal ftehimiet tal-bidu dwar ix-xogħol fil-kuntest tal-mudell Svediż għall-iffissar tal-pagi minn sħab soċjali kompletament indipendenti. Sforzi oħra sabiex jissaħħu l-apprendistati u tipi oħra ta' edukazzjoni vokazzjonali bbażata fuq ix-xogħol huma wkoll kompletament relevanti, iżda jridu jkunu aktar ambizzjużi jekk irid ikollhom l-impatt mixtieq. Progress kontinwu huwa assigurat fir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni għall-ħarsien tal-impjiegi u l-isfruttar tal-benefiċċji ta' garanzija ta' xogħol għaż-żgħażagħ. Miżuri definiti b'mod aktar preċiż li jiffukaw fuq dawk l-aktar fil-bżonn għandhom ikunu ppreferuti għas-sussidji ġenerali. Taħt il-Garanzija ta' Xogħol Svediża, iż-żgħażagħ li qed ifittxu xogħol permezz tas-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi u li kienu diġà ilhom mingħajr xogħol għal 90 jum, huma offruti servizzi mmirati sabiex jgħinuhom itejbu l-possibilità tagħhom li jsibu opportunitaijiet ta' xogħol u edukazzjoni. Madankollu, il-garanzija attwalment tidher effettivament mhux daqshekk immirata lejn iż-żgħażagħ li la qed jitgħallmu jew jitħarrġu, u lanqas ma huma rreġistrati mas-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi. F'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-2012, l-Isvezja kkommissjonat eżami dwar l-effetti ta' tnaqqis fil-VAT għar-restoranti u għas-servizzi tal-forniment tal-ikel fil-prezzijiet, fil-pagi u fl-impjiegi taż-żgħażagħ, li għandu jagħti r-riżultati preliminari f'Jannar tal-2014, u l-konklużjonijiet tal-aħħar fl-2016. Dan l-eżami se jkun importanti quddiem it-tħassib li tqajjem dwar il-kosteffettività ta' din il-miżura.

    (14)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Isvezja. Hi vvalutat il-Programm ta’ Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma, u ppreżentat eżami fil-fond. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Isvezja iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, minħabba l-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-Rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) hawn taħt.

    (15)

    Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza, u l-opinjoni tiegħu (5) qed tiġi riflessa partikolarment fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

    (16)

    Abbażi tal-eżami fil-fond tal-Kummissjoni u din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina il-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Konverġenza tal-Isvezja. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (2) u (3) hawn taħt.

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Isvezja tieħu azzjoni fil-perijodu 2013-2014 biex:

    1.

    Timplimenta l-miżuri neċessarji sabiex twettaq politika fiskali favur it-tkabbir u żżomm pożizzjoni fiskali soda, u tiżgura konformità mal-OTM fuq il-programm kollu.

    2.

    Tkompli tindirizza r-riskji relatati mad-dejn privat billi tnaqqas il-preġudizzju tad-dejn fit-tassazzjoni fuq id-djar billi telimina gradwalment it-tnaqqis fit-taxxa fuq il-pagamenti tal-imgħax fuq ipoteki jew/u żżid it-taxxi fuq il-proprjetà. Tkompli tieħu miżuri biex tinkoraġġixi self prudenti b'miżuri li jippromwovu l-ammortizzazzjoni ipotekarja. Tkompli tnaqqas il-preġudizzju tad-dejn fit-tassazzjoni tal-kumpaniji.

    3.

    Ittejjeb l-effiċjenza fis-suq tad-djar permezz ta' riformi kontinwi tas-sistema tal-istabbiliment tal-kera u ssaħħaħ il-libertà kuntrattwali bejn il-kerrejja u s-sidien. Tiġi promossa aktar kompetizzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni u jiġu riveduti l-proċeduri tal-ippjanar, tat-tqassim f'żoni u tal-approvazzjoni, bl-għan li tiżdied it-trasparneza, jiqsar id-dewmien u jonqsu l-ostakli għad-dħul ta' kumpaniji tal-kostruzzjoni.

    4.

    Jiġu msaħħa l-isforzi sabiex titjieb l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ bi ftit kompetenzi professjonali u tal-persuni migranti, b'miżuri iktar b'saħħithom u mmirati aħjar sabiex titjieb l-impjegabbiltà u d-domanda għall-ħaddiema ta' dawn il-gruppi. Jiżdiedu l-isforzi sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, anki permezz tal-użu aktar wiesa' ta' tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, apprendistati u forom oħra ta' kuntratti li jikkumbinaw ix-xogħol u l-edukazzjoni. Titlesta il-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex tkopri aħjar liż-żgħażagħ li mhux jitgħallmu jew jitħarrġu. Tlesti u tiġbed konklużjonijiet mill-eżami fuq l-effettività tar-rata mnaqqsa tal-VAT attwali għar-ristoranti u s-servizzi tal-forniment tal-ikel għas-sostenn tal-ħolqien tal-impjiegi.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    R. ŠADŽIUS


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

    (3)  Miżmuma għall-2013 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/208/UE tas-22 ta' April 2013 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 118, 30.4.2013, p. 21).

    (4)  ĠU C 219, 24.7.2012, p. 85.

    (5)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top