Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013H0730(20)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad- 9 ta’ Lulju 2013 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ta’ Spanja għall-2013 u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà ta’ Spanja, 2012-2016

ĠU C 217, 30.7.2013, p. 81–85 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

30.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 217/81


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Lulju 2013

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ta’ Spanja għall-2013 u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà ta’ Spanja, 2012-2016

2013/C 217/20

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Protezzjoni Ċivili,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, bl-isem ta' Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi u li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (3), li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali ekonomiċi u dwar l-impjiegi, tagħhom.

(3)

Fid-29 ta’ Ġunju 2012, il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tal-Istati Membri iddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fil-livelli nazzjonali, tal-UE u l-livelli taż-żona tal-euro li jużaw l-livers, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, b’mod partikolari li jesprimu l-impenn sħiħ sabiex jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

(4)

Fl-10 ta' Lulju 2012, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (4) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma ta’ Spanja għall-2012 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Stabbiltà ta’ Spanja għall-perjodu 2012-2015.

(5)

Fit-28 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li jimmarka l-bidu tas-Semestru Ewropew 2013 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fit-28 ta’ Novembru 2012, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lil Spanja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(6)

Il-Parlament Ewropew ġie debitament involut fis-Simestru Ewropew, skont ir-Regolament 1466/97, u, fis-7 ta' Frar 2013, adotta riżoluzzjoni dwar aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 u riżoluzzjoni dwar il-kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2013.

(7)

Fl-14 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet għall-iżgurar ta’ stabbiltà finanzjarja, konsolidazzjoni fiskali u azzjoni biex jitrawwem it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa’ jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(8)

Fl-10 ta’ April 2013, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tar-reviżjoni fil-fond għal Spanja, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni waslitha biex tikkonkludi li Spanja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B’mod partikolari, livelli għoljin ħafna tad-dejn domestiku u dak estern ikomplu joħolqu riskji għat-tkabbir u l-istabbiltà finanzjarja; is-settur bankarju għaddej minn proċess ta’ rikapitalizzazzjoni u ristrutturar, inkluż bi flejjes pubbliċi; riġiditajiet fis-swieq tal-prodott u tax-xogħol jikkontribwixxu għal qgħad għoli li dejjem qed jiżdied, u b'mod aktar ġenerali jfixklu l-aġġustament tal-ekonomija. Għalkemm l-aġġustament qiegħed iseħħ, il-kobor tar-rettifika meħtieġa jirrikjedi azzjoni politika qawwija kontinwa, fl-oqsma fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi, is-suq tax-xogħol, is-settur finanzjarju, u l-finanzi pubbliċi.

(9)

Fit-30 ta’ April 2013, Spanja ssottomettiet il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Stabbiltà tagħha għall-perjodu 2012-2016. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ Programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(10)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Stabbiltà għall-2013 skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm huwa plawsibbli ħafna għas-sena 2013 u soġġett għal xi riskji negattivi fl-2014 u lil hinn meta mqabbel mat-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni għar-Rebbiegħa 2013. Għalkemm il-Programm ta’ Stabbiltà jipprevedi tkabbir li jkun aktar baxx matul il-perjodu 2014-2016 meta mqabbel mat-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-Rebbiegħa 2013, dan tal-aħħar huwa msejjes fuq suppożizzjoni tal-ebda bidla fil-politika, u għalhekk ma jqisx konsolidazzjoni fiskali li se tkun meħtieġa biex jintlaħqu l-miri baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà. L-objettiv tal-istrateġija baġitarja spjegata fil-Programm ta’ Stabbiltà, huwa li d-defiċit ġenerali tal-gvern jitnaqqas għal taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG sal-2016. Il-konsolidazzjoni tiddependi prinċipalment fuq it-trażżin tal-infiq bil-proporzjon tal-infiq jonqos bi 3,7 punti perċentwali matul il-perjodu 2012-2016, iżda wkoll permezz ta’ miżuri li jżidu d-dħul. Abbażi tal-bilanċ strutturali (ikkalkulat mill-ġdid) (5) it-titjib annwali tad-defiċit strutturali ppjanat fil-Programm ta’ Stabbiltà huwa ta' 1,2 %, 0,4 %, 0,9 % u 0,9 % tal-PDG għas-snin 2013 sal-2016. Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, il-Programm ta’ Stabbiltà jikkonferma l-objettiv għal terminu medju (OTM) ta’ pożizzjoni baġitarja bbilanċjata f’termini strutturali, li jkun intlaħaq sal-2018. L-OTM huwa aktar ambizzjuż milli meħtieġ mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-pass ta’ aġġustament previst f’termini strutturali fl-2017-18 jirrappreżenta progress suffiċjenti lejn l-OTM. Il-Programm ta’ Stabbiltà jipprojetta li l-proporzjoni tad-dejn tal-Gvern se jilħaq l-ogħla punt tiegħu fl-2016 u mbagħad jibda jonqos wara.

Il-mogħdijiet ta’ aġġustament ta’ defiċit u dejn huma suġġetti għal riskji negattivi. Miżuri li jappoġġjaw il-miri tad-defiċit mhumiex speċifikati biżżejjed, speċjalment fil-livell reġjonali. Għall-2016, il-Programm ta’ Stabbiltà ma jippreżenta l-ebda miżura u l-miżuri temporanji preċedenti huma estiżi biss sal-2014. Tfaddil ippjanat mir-riforma tal-gvern lokali huwa soġġett għal riskji sinifikanti ta’ implimentazzjoni. Barra minn hekk, hemm inċertezzi madwar il-qagħda ekonomika, is-suq tax-xogħol u dik finanzjarja kif ukoll żviluppi fid-dħul fil-kuntest ta’ żbilanċi makroekonomiċi kbar persistenti. L-implimentazzjoni sħiħa tar-riforma ta’ rtirar bikri adottata u l-ilħuq ta' ftehim fuq il-fattur tas-sostenibbiltà jnaqqsu r-riskji fis-sistema tas-sigurtà soċjali. Riskju ulterjuri jirriżulta minn obbligazzjonijiet kontinġenti marbuta ma’ skemi/garanziji ta’ protezzjoni tal-assi. Kien hemm progress kbir fir-rappurtar ta’ eżekuzzjoni baġitarja, iżda għad hemm lok għal aktar implimentazzjoni trasparenti u f’waqtha tal-mekkaniżmi preventivi u korrettivi tal-Liġi dwar l-Istabbiltà Baġitarja. Rappurtar sistematiku u f’waqtu dwar arretrati tal-Gvern, li l-ammont kbir pendenti tagħhom kien jeħtieġ skema ta' ħlas mill-ġdid ad hoc, huwa nieqes. L-istabbiliment ta’ kunsill fiskali indipendenti waqa' lura. Proposta ta’ reviżjoni tar-regoli ta' indiċjar għad-dħul u l-infiq pubbliku kollu ġġib magħha tfaddil baġitarju u aktar rispons tal-prezzijiet għall-kundizzjonijiet ekonomiċi. Il-Programm Nazzjonali ta' Riforma jirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa għal aktar titjib fil-kost-effittività fin-nefqa fuq il-kura tas-saħħa u l-mediċini, per eżempju billi jiġu riveduti l-prezzijiet ta’ referenza u jiġi ċċentralizzat ix-xiri ta’ prodotti farmaċewtiċi, jew jiġu estiżi l-kopagamenti.

(11)

Filwaqt li l-ibbilanċjar mill-ġdid sinifikanti tal-piż relattiv tat-taxxa lejn il-konsum u taxxi ambjentali seħħew fl-2012, il-proporzjon tat-taxxa għall-PDG fi Spanja għadu fost l-aktar baxxi fl-Unjoni. L-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa tista’ titjieb aktar billi jiżdied is-sehem ta’ taxxi indiretti li jiffavorixxu aktar it-tkabbir u billi jiġu ttrattati l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, f’konformità mal-isforzi ta’ konsolidazzjoni fiskali. Spanja ħadet xi miżuri biex jiġi indirizzat il-preġudizzju tad-dejn fit-tassazzjoni korporattiva, iżda hemm bżonn isiru iktar sforzi fil-kuntest ta’ dejn privat għoli.

(12)

Il-programm ta’ aġġustament tas-settur finanzjarju qiegħed fit-triq it-tajba. B’mod partikolari, ir-rikapitalizzazzjonijiet meħtieġa kienu ġew imwettqa, u ġiet stabbilita l-kumpanija għall-ġestjoni tal-assi Sareb. Ir-ristrutturar tal-banek, b'konformità mad-deċiżjonijiet meħuda skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, se jeħtieġu attenzjoni kontinwa fis-snin li ġejjin. Biex ittaffi r-restrizzjonijiet tal-finanzjament u l-likwidità fuq il-kumpaniji, fl-2012 Spanja implimentat pjan kbir ta’ ħlas ta’ dejn kummerċjali tal-gvernijiet reġjonali u lokali lil kumpaniji (EUR 27,3 biljun) u nediet diversi inizjattivi biex twessa’ l-għażliet tal-finanzjament għall-impriżi. Estensjoni ta' dak il-pjan hija prevista għall-2013.

(13)

Is-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol tibqa’ kritika. L-aġġustament mill-ġdid tal-ekonomija 'l bogħod mid-domanda domestika u l-kostruzzjoni f’kuntest ta’ riġiditajiet fis-suq u tlaqqigħ ħażin tal-ħiliet, fost l-oħrajn, ikkontribwew għaż-żieda fir-rata tal-qgħad sa 27 % fil-bidu tal-2013. Ta’ tħassib partikolari hija żieda kbira fir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ għal 56 % u ż-żieda ta’ qgħad fuq perjodu ta’ żmien twil għal 44,4 % tal-qgħad totali fi tmiem l-2012. Id-dejta disponibbli tissuġġerixxi li r-riforma tas-suq tax-xogħol tal-2012 bdiet twassal għal aktar flessibbiltà interna (fl-impriżi), għal xi tnaqqis fl-ispejjeż ta’ sensji u għal żieda fil-moderazzjoni tal-pagi. F’Lulju 2013, fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma tħabbret valutazzjoni uffiċjali tar-riforma mqabbla mal-objettivi mistqarrija tagħha, bil-ħsieb li tikkumplimentaha fejn meħtieġ. Ir-riformi fil-qasam tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol baqgħu lura u azzjonijiet li jimmodernizzaw u jsaħħu s-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi nnifisu għadhom meħtieġa u l-ftuħ addottat riċenti għal aġenziji ta’ tqegħid privat għad irid isir kompletament operattiv kif ukoll il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-impjiegi pubbliċi nazzjonali u reġjonali (Single Job Portal).

(14)

Sehem għoli ta’ nies qiegħda mingħajr kwalifiki formali (35 %) u rilevanza tas-suq tax-xogħol inadegwata tal-edukazzjoni u t-taħriġ jikkontribwixxu għar-rata għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, kif ukoll qgħad fuq terminu twil. L-Istrateġija tal-Impjiegi għaż-Żgħażagħ u l-Intraprenditorija 2013-2016 nazzjonali, ippreżentata f’Marzu 2013, tinkorpora firxa ta' miżuri fuq perjodu qasir u fuq perjodu itwal maħsuba biex itejbu l-opportunitajiet ta’ impjieg għaż-żgħażagħ. Fl-istess ħin, ġie introdott taħriġ vokazzjonali doppju u diġà bdew proġetti bi prova fl-2012. Il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2013 jenfasizza wkoll l-importanza ta’ implimentazzjoni rapida tar-riforma tas-sistema edukattiva u jtejjeb il-kwalità ġenerali tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

(15)

Bażikament bħala riżultat tal-qagħda tas-suq tax-xogħol, iżda wkoll minħabba l-effetività limitata tal-ħarsien soċjali fit-tnaqqis tal-faqar, Spanja hija taħt il-medja tal-UE fl-indikaturi prinċipali ewlenin jkejlu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, bit-tfal ikunu partikolarment esposti. B’mod ġenerali, l-ebda titjib maġġuri ma ġie rreġistrat fl-iżvilupp ta’ miżuri ġodda ta’ politika. Il-Programm Nazzjonali ta' Riforma ma jinkludix informazzjoni dwar il-kontenut jew iż-żmien għall-approvazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Inklużjoni Soċjali 2013-2016. L-isfidi ewlenin huma l-ħtieġa li jiġu rrazzjonalizzati l-miri u r-riżorsi taħt qafas xieraq ta’ politika, titjieb il-governanza u l-koordinazzjoni interistituzzjonali fuq il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-assistenza soċjali tar-rikorrenti u jiġu riveduti l-ostakli għall-mobbiltà. Ġie rreġistat ċertu progress fil-miżuri biex jindirizzaw il-faqar tat-tfal u titjieb l-effiċjenza tas-servizzi ta’ appoġġ għall-familji.

(16)

Dgħufijiet fl-ambjent tan-negozju bħas-segmentazzjoni tas-suq domestiku jew ostakoli għad-dħul f’industriji tas-servizzi, iżommu lura l-ħolqien tal-impjiegi u l-progress tar-riforma f’dan il-qasam qed jieħu iktar żmien milli mbassar fil-pjan ta’ riforma ta' Settembru 2012. L-ewwel abbozz tal-Liġi dwar l-Unità tas-Suq kienet adottata mill-Gvern f’Jannar 2013 u l-approvazzjoni finali tagħha mill-Parlament hija prevista sal-aħħar tal-2013. L-impenji mtennija fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2013 jipprevedu l-ewwel abbozz tal-liġi dwar servizzi professjonali sal-aħħar ta’ Ġunju 2013 u l-adozzjoni finali tal-liġi dwar l-intraprenditorija u dwar l-internazzjonalizzazzjoni tal-kumpaniji, qabel tmiem l-2013. Minkejja l-effetti mistennija ta’ dawn ir-riformi, għad hemm skop għal aktar faċilità tal-kundizzjonijiet għad-dħul u l-ħruġ mis-suq, b’mod partikolari billi jitnaqqas iż-żmien meħtieġ għal-liċenzji tan-negozju u billi jiġi rivedut il-qafas ta’ insolvenza. Barra minn hekk, l-ostakli regolatorji u oħrajn għat-tkabbir tal-impriżi għandhom jiġu ttrattati. Minkejja r-riformi riċenti, l-ostakoli għad-dħul għal ħwienet b'superfiċje kbira jkomplu jillimitaw il-kompetizzjoni fis-settur tal-bejgħ bl-imnut. F’Settembru 2012 il-Gvern adotta abbozz ta’ liġi li tgħaqqad l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni mal-awtoritajiet superviżorji u regolatorji f’sitt setturi, u b’hekk jinħoloq korp wieħed — il-Kummissjoni Nazzjonali għas-Swieq u l-Kompetizzjoni (CNMC). Din ir-riforma għandha l-għan li tapplika b'mod konsistenti l-prinċipji tal-kompetizzjoni fid-diversi setturi ekonomiċi. It-tneħħija tat-tnaqqis mit-taxxa ta’ pagamenti u pagamenti mill-ġdid ta’ imgħax tas-self b’ipoteka fl-2012 kien essenzjali li jċaqilqu inċentivi 'l bogħod mis-sjieda tad-dar, iżda l-isforzi sabiex jinħoloq suq tal-kiri akbar u aktar effiċjenti, li għandu wkoll jappoġġa l-mobbiltà tax-xogħol, għadhom fi stadju bikri.

(17)

Id-defiċit fit-tariffi tal-elettriku, li jimplika li hemm responsabbiltà potenzjalment imdaqsa ta' obbligazzjoni kontinġenti għall-baġit u r-riskji makroekonomiċi mhux negliġibbli, għadha ma ġietx indirizzata b’mod konklussiv, billi l-miżuri ppreżentati matul l-2012 u fil-bidu tal-2013 kienu insuffiċjenti. Fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2013, il-Gvern ħabbar li abbozz ta’ liġi li tirriforma aktar is-settur tal-elettriku se tiġi ppreżentata sal-aħħar ta’ Ġunju 2013. Hemm kamp ta' applikazzjoni għal aktar titjib fil-kompetizzjoni fis-suq tal-bejgħ tal-elettriku. L-infrastruttura tat-trasport hija abbundanti iżda hemm lok biex l-għażla tal-investiment issir aktar stretta u tingħata prijorità għall-manutenzjoni effiċjenti ta’ netwerks eżistenti. It-twaqqif ta’ osservatorju indipendenti, kif ippjanat, jista’ jgħin f’dan ir-rigward. Fl-istess ħin, ostakoli tekniċi u legali jipprevjenu l-kompetizzjoni fit-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u tal-passiġġieri.

(18)

Ix-xenarju deċentralizzat ħafna li jitlob li jkun hemm koordinazzjoni mtejba bejn id-diversi amministrazzjonijiet pubbliċi, kemm sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv fuq kumpaniji u familji. Għal dan l-għan, ittieħdu bosta inizjattivi jew jinsabu għaddejjin. B’mod partikolari fi Frar 2013 il-Gvern ippreżenta abbozz ta’ Liġi dwar ir-Riforma tal-Amministrazzjoni Lokali (li għandha tiġi adottata mill-Parlament qabel tmiem l-2013) u ġie stabbilit kumitat għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika. Huwa ser jippreżenta proposti għal riforma tal-amministrazzjoni pubblika Spanjola sal-aħħar ta’ Ġunju 2013. Riformi biex titjieb il-ħidma tas-sistema ġudizzjarja jinsabu għaddejjin, għalkemm xi miżuri qed jakkumulaw id-dewmien u għad baqa' ambitu biex titjieb l-effiċjenza tal-ġudikatura Spanjola.

(19)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta’ Spanja. Hija vvalutat il-Programm ta’ Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma. Hija ma qisitx biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fi Spanja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ mill-ġdid il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-Rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (9) hawn taħt.

(20)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà, u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(21)

Fid-dawl tar-riżultati tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Stabblità. Il-valutazzjoni tikkonkludi li l-aġenda ta’ riforma proposta hija komprensiva u qiegħda fid-direzzjoni t-tajba. Fl-istess waqt, il-valutazzjoni tenfasizza l-urġenza li jiġu adottati u implimentati b’mod effettiv r-riformi nieqsa sabiex ikunu jistgħu jibdew jużaw l-effetti pożittivi mistennija. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3), (4), (5), (7), (8) u (9) hawn taħt.

(22)

Fil-kuntest tas-semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika fiż-żona tal-euro bħala entità sħiħa. Abbażi ta' dan, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (7). Bħala pajjiż li l-munita tagħha hija l-euro, Spanja għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li Spanja tieħu azzjoni fil-perjodu 2013-2014 biex:

1.

Twassal l-isforz fiskali strutturali kif meħtieġ mir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont il-PDE biex tiżgura l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2016. Għal dan il-għan, timplimenta l-miżuri adottati fil-pjanijiet tal-baġit 2013 fil-livelli kollha tal-gvern, isaħħaħ l-istrateġija baġitarja fuq medda medja ta’ żmien b’miżuri strutturali speċifikati biżżejjed għas-snin 2014-2016. Korrezzjoni dewwiema tal-iżbilanċi fiskali kredibbli hija bbażata fuq l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ambizzjużi li jżidu l-kapaċità tal-aġġustament u jippermettu żieda fit-tkabbir potenzjali u l-impjiegi. Wara li tinkiseb il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, isegwi l-aġġustament strutturali b’pass xieraq sabiex jilħaq l-OTM sal-2018. Tiżgura infurzar strett u trasparenti tal-miżuri preventivi u korrettivi previsti fl-istabbiltà baġitarja mil-liġi organika. Tistabbilixxi awtorità fiskali indipendenti qabel tmiem l-2013 biex tipprovdi analiżi u pariri u tissorvelja l-konformità tal-politika fiskali u nazzjonali tar-regoli fiskali tal-UE. Ittejjeb l-effiċjenza u l-kwalità tan-nefqa pubblika fil-livelli kollha tal-Gvern, u twettaq analiżi sistematika ta’ oġġetti ewlenin ta’ nfiq sa Marzu 2014. Iżżid il-kosteffettività tas-settur tal-kura tas-saħħa, filwaqt li tinżamm l-aċċessibbiltà għal gruppi vulnerabbli, pereżempju billi tnaqqas l-infiq farmaċewtiku tal-isptar, issaħħaħ il-koordinazzjoni bejn tipi ta’ kura u ttejjeb l-inċentivi għal użu effiċjenti tar-riżorsi. Tieħu miżuri biex tnaqqas l-ammont pendenti ta’ arretrati tal-Gvern, tevitaw akkumulazzjoni ulterjuri tagħhom u tippubblika regolarment dejta dwar ammonti dovuti. Tadotta l-liġi tad-diżindiċjar biex jitnaqqas il-livell ta’ inerzja tal-prezzijiet fin-nefqiet u d-dħul pubbliċi, fil-ħin biex tkun fis-seħħ sal-bidu tal-2014 u tikkunsidra passi addizzjonali biex tillimita l-applikazzjoni ta’ klawżoli ta’ indiċjar. Tiffinalizza sal-aħħar tal-2013 ir-Regolament tal-fattur ta’ sostenibbiltà sabiex tiżgura l-istabbiltà finanzjarja fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, inkluż billi iżżid l-età tal-irtirar effettiva billi tallinja l-età tal-irtirar jew il-benefiċċji tal-pensjoni mat-tibdil fl-istennija tal-ħajja.

2.

Twettaq analiżi sistematika tas-sistema tat-taxxa sa Marzu 2014. Tikkunsidra li tkompli trażżan l-ispiża tat-taxxi f’tassazzjoni diretta, tesplora l-kamp ta' applikazzjoni sabiex tkompli tillimita l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa ta’ VAT u tieħu passi addizzjonali f’tassazzjoni ambjentali, b'mod partikolari fir-rigward tad-dazji doganali u t-taxxi fuq il-fjuwil. Tieħu aktar miżuri biex tindirizza l-preġudizzju tad-dejn fit-tassazzjoni korporattiva. Tintensifika l-ġlieda kontra l-ekonomija klandestina u x-xogħol mhux iddikjarat.

3.

Timplimenta l-programm tas-settur finanzjarju għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji, inklużi l-miżuri li jippromwovu intermedjazzjoni mhux bankarja adottata f’Novembru 2012.

4.

Tiffinalizza l-evalwazzjoni tar-riforma tas-suq tax-xogħol għall-2012 li tkopri l-firxa sħiħa tal-objettivi u l-miżuri tagħha sa Lulju 2013, u tippreżenta emendi, jekk meħtieġ, sa Settembru 2013. Tadotta l-pjan nazzjonali tal-impjiegi għall-2013 sa Lulju 2013 u tadotta malajr riforma orjentata lejn ir-riżultat ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-immirar u l-effiċjenza ta’ gwida. Issaħħaħ u timmodernizza s-servizzi pubbliċi tal-impjieg biex tiġi żgurata assistenza individwalizzata effettiva għal dawk li jinsabu qiegħda skont il-profili u l-bżonnijiet tat-taħriġ tagħhom. Tissaħħaħ l-effettività ta’ programmi ta’ taħriġ mill-ġdid għal ħaddiema li huma akbar fl-età u dawk b'ħiliet baxxi. Twettaq bis-sħiħ Il-portal uniku tal-impjiegi u tħaffef l-implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni pubblika-privata f’servizzi ta’ sejbien ta’ impjieg biex tiżgura l-applikazzjoni effettiv tagħha diġà fl-2013.

5.

Timplimenta u tissorvelja mill-qrib l-effettività tal-miżuri biex jitnaqqas il-qgħad taż-żgħażagħ stabbilit fl-istrateġija dwar l-intraprenditorija u l-impjieġi għaż-żgħażagħ 2013-2016, pereżempju permezz ta’ garanzija għaż-żgħażagħ. Tkompli bl-isforzi biex iżżid ir-rilevanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq tax-xogħol, biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola u jitjieb it-tagħlim tul il-ħajja, jiġifieri billi tespandi l-applikazzjoni ta’ taħriġ vokazzjonali doppju lil hinn mill-fażi bi prova li għaddejja bħalissa u billi tintroduċi sistema komprensiva ta’ monitoraġġ ta’ prestazzjoni tal-istudenti sa tmiem l-2013.

6.

Tadotta u timplimenta l-miżuri meħtieġa biex tnaqqas l-għadd ta’ persuni li qegħdin fir-riskju tal-faqar u/jew l-esklużjoni soċjali billi ssaħħaħ il-politiki tas-suq tax-xogħol attiv u billi ttejjeb l-impjegabilità tan-nies imbiegħda mis-suq tax-xogħol u billi ttejjeb l-immirar u ż-żieda fl-effiċjenza u l-effikaċja tal-miżuri ta’ appoġġ inkluża l-kwalità tas-servizzi ta’ appoġġ għall-familji.

7.

Tadotta u timplimenta b’mod urġenti l-abbozz ta’ liġi dwar l-unità tas-suq u tħaffef l-azzjonijiet kumplimentari kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni rapida tagħha. Tiġi żgurata l-effettività, l-awtonomija u l-indipendenza tal-awtorità regolatorja li għadha kif inħolqot. Sa tmiem l-2013, tkun adottat u implimentat il-Liġi dwar l-assoċjazzjonijiet u s-servizzi professjonali, sabiex telimina kwalunkwe restrizzjoni inġustifikata fuq l-aċċess għal, u għall-eżerċizzju ta', attivitajiet professjonali u l-Liġi dwar l-Intraprenditorija. Tiġbor mill-ġdid u tikkonċentra skemi ta’ Appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni ta’ impriżi. Tnaqqas in-numru u tqassar il-proċeduri tal-ħruġ tal-liċenzji, inkluż għal attivitajiet industrijali, u xxerred l-użu tal-approċċ “liċenzja mgħaġġla” għal attivitajiet li mhumiex għall-bejgħ bl-imnut. Tirrevedi l-oqfsa ta’ insolvenza għall-kumpaniji u l-individwi, inkluża l-limitazzjoni tar-responsabbiltà personali tal-intraprendituri u tħaffef toffri t-tieni ċans għan-negozji li jkunu fallew. Tneħħi restrizzjonijiet mhux ġustifikabbli għall-istabbiliment ta’ postijiet tan-negozju fuq skala kbira. Sa Marzu 2014, tirrevedi l-effettività tal-qafas regolatorju biex tappoġġa l-iżvilupp tas-suq tal-kiri tad-djar.

8.

Tindirizza d-defiċit fit-tariffi tal-elettriku permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ riforma strutturali tas-settur tal-elettriku sa tmiem l-2013. Tintensifika l-isforzi tagħha biex tlesti l-interkonnessjonijiet tal-elettriku u l-gass mal-pajjiżi ġirien. Tnaqqas l-obbligazzjoni kontinġenti għall-finanzi pubbliċi li jirriżultaw minn infrastruttura tat-trasport mhux profittabbli. Twaqqaf osservatorju indipendenti sabiex jikkontribwixxi għall-valutazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali maġġuri tal-ġejjieni. Tieħu miżuri biex tiżgura kompetizzjoni effettiva f’servizzi ferrovjarji tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri.

9.

Tadotta, skont l-iskeda ppreżentata r-riforma tal-amministrazzjoni lokali u tiddefinixxi sa Ottubru 2013 pjan biex ittejjeb l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika ġenerali. Tadotta u timplimenta riformi kontinwi biex titjieb l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

R. ŠADŽIUS


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  Miżmuma għall-2013 biId-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/208/UE tat-22 ta' April 2013 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 118, 30.4.2013, p. 21).

(4)  ĠU C 219, 24.7.2012, p. 81.

(5)  Bilanċ aġġustat ċiklikament, nett minn miżuri ta’ darba u temporanji, ikkalkulat mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tat-tagħrif ipprovdut fil-programm, permezz tal-użu tal-metodoloġija maqbula b'mod komuni.

(6)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(7)  Ara paġna 97 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


Top