Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013H0730(17)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad- 9 ta’ Lulju 2013 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2013 tar-Rumanija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tar-Rumanija, 2012-2016

    ĠU C 217, 30.7.2013, p. 67–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    30.7.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 217/67


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tad-9 ta’ Lulju 2013

    dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2013 tar-Rumanija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tar-Rumanija, 2012-2016

    2013/C 217/17

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tniedi strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li se tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tinħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

    (2)

    Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali tagħhom.

    (3)

    Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tal-Istati Membri ddeċidew fuq Patt għal Tkabbir u Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għall-azzjoni fil-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro bl-użu tal-livers, l-istrumenti u l-politiki possibbli kollha. Huma ddeċidew fuq l-azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, b'mod partikolari billi esprimew l-impenn li jiksbu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi

    (4)

    Fl-10 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni (3) dwar il-programm ta’ riforma nazzjonali tar-Rumanija għall-2012 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta’ konverġenza aġġornat tar-Rumanija għall-perijodu 2012-2015.

    (5)

    Fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2013 ta' koordinazzjoni ta' politika ekonomika. Barra minn hekk, fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (4), adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih ma identifikatx lir-Rumanija ma kinitx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li se ssirlu analiżi fil-fond.

    (6)

    Il-Parlament Ewropew ġie debitament involut fis-Simestru Ewropew, skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, u, fis-7 ta' Frar 2013, adotta riżoluzzjoni dwar aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 u riżoluzzjoni dwar il-kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2013.

    (7)

    Fl-14 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet għall-iżgurar tal-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni biex jitrawwem it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla l-konsolidazzjoni fiskali differenzjata favur it-tkabbir, biex jinkisbu lura l-kundizzjonijiet normali tas-self għall-ekonomija, biex jinġiebu ‘l quddiem it-tkabbir u l-kompetittività, jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u tkun immodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

    (8)

    Fit-30 ta’ April 2013, ir-Rumanija ressqet Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha għall-2013 u l-Programm ta’ Konverġenza tagħha għall-perjodu 2012-2016. Sabiex jitqiesu l-interkonnessjonijiet tagħhom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

    (9)

    Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm huwa plawżibbli u konformi mal-valutazzjoni tar-rebbiegħa tal-2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Minħabba l-isforzi ta' konsolidazzjoni sostanzjali, u f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, ir-Rumanija naqqset id-defiċit globali tal-gvern għal taħt it 3 % fl-2012. Il-Programm ta' Konverġenza jimmira lejn objettiv baġitarju fuq terminu medju (OTM) ta' -1 % tal-PDG (-0,7 % tal-PDG preċedentement), li huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-Programm għandu strateġija baġitarja mmirata lejn l-ilħuq tal-OTM sal-2014 li, meta ġie kkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni abbażi tal-metodoloġija miftiehma, jikkorrispondi għall-kisba tal-OTM sal-2015. Il-progress f'termini strutturali lejn l-OTM huwa ogħla minn 0,5 % tal-PDG fl-2013 u jinsab f'madwar 0,4 % fl-2014. Il-livell limitu ta' nefqa tal-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir matul il-perjodu tal-programm ġie ssodisfat. L-aġġustament huwa kkonċentrat fil-bidu tal-2013, b'miżuri li jkattru d-dħul inkluż tnaqqis fl-oġġetti bit-taxxa deduċibbli, titjib fit-tassazzjoni tal-agrikultura, l-introduzzjoni ta' dazju mhux previst wara d-deregolazzjoni tal-prezzijiet tal-gass u l-introduzzjoni ta' taxxa speċjali fuq it-trażmissjoni tal-elettriku u l-gass. Ir-riskji ewlenin għall-Programm ta' Konverġenza jirrelataw ma' aktar korrezzjonijiet finanzjarji possibbli marbuta mal-assorbiment tal-fondi tal-UE, jew il-finanzjament mill-baġit nazzjonali għall-proġetti prijoritarji, akkumulazzjoni mill-ġdid ta' arretrati, b'mod speċjali fil-livell tal-gvern lokali, u progress limitat fir-ristrutturazzjoni tal-intrapriżi tal-gverm. Id-dejn pubbliku tar-Rumanija jibqa relattivament baxx, jiġifieri 37,8 % tal-PDG fl-2012. Dan huwa mistenni li jiżdied għal 38,6 % fl-2014 iżda se jibqa' ferm taħt il-livell limitu ta' 60 % tul il-perjodu tal-Programm.

    (10)

    Wara talba mir-Rumanija fis-17 ta' Frar 2011, il-Kummissjoni u l-FMI nnegozjaw programm prekawzjonarju ta' aġġustament ekonomiku mal-awtoritajiet Rumeni. Fil-Kuntest tal-assistenza prekawzjonarja tal-Unjoni, ir-Rumanija impenjat ruħha li timplimenta programm ta' politika ekonomika komprensiva b'attenzjoni partikolari fuq miżuri ta' riforma strutturali biex ittejjeb il-funzjonament tas-swieq tal-prodotti u tax-xogħol u żżid ir-reżiljenza u l-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija Rumena. Fl-istess waqt, dak il-programm żgura l-kontinwazzjoni tal-konsolidazzjoni fiskali, it-titjib tal-ġestjoni u l-kontroll tal-finanzi pubbliċi, u li r-riformi huma implimentati fil-politiki tas-suq finanzjarju, esterni, monetarji u ta' stabbiltà finanzjarja tagħha. F'Marzu 2013, ir-Rumanija talbet formalment estensjoni ta' 3 xhur tal-programm tagħha tal-FMI. Filwaqt li l-possibilità li jittieħdu fondi mill-pogramm tal-UE skadiet fl-aħħar ta' Marzu 2013, ir-reviżjoni tal-programm finali se sseħħ sal-aħħar ta' Ġunju 2013.

    (11)

    Il-qagħda fiskali tar-Rumanija qiegħda titjieb bid-defiċit tal-baġit jinżel taħt it-3 % fl-2012 u b'konsolidazzjoni fiskali ulterjuri mistennija għall-2013. Il-konformità mat-taxxa baxxa tirrappreżenta sfida kbira għas-sistema tat-taxxa tar-Rumanija, b'mod partikolari fl-oqsma tal-VAT u tat-tassazzjoni tax-xogħol. It-taxxi ambjentali huma taħt il-medja tal-UE. Id-dejn pubbliku tar-Rumanija jibqa' baxx, 34,7 % tal-PDG fl-2011. Huwa mistenni li jiżdied għal 38 % fl-2014 iżda se jibqa' taħt is-60 % tal-livell limitu tal-PDG. Għalkemm ir-Rumanija mhix qed taffaċċja stress fiskali fit-terminu qasir jew medju taż-żmien, xorta waħda qiegħda f'riskju medju fit-terminu twil taż-żmien minħabba n-nefqa marbuta mal-età. Hemm tħassib dwar is-sostenibbilità u l-adegwatezza tas-sistema tal-pensjoni minħabba l-proporzjon baxx ta' kontributuri impjegati għan-nies li jieħdu l-pensjoni. Illum ir-Rumanija hija waħda minn żewġ Stati Membri li għadhom ma ddeċidewx li jġibu l-età pensjonabbli għan-nisa u l-irġiel indaqs u r-rata ta' impjieg ta' ħaddiema akbar fl-età (41.4 % fl-2012) hija sostanzjalment taħt il-medja tal-UE. Il-Gvern tar-Rumanija ddeċieda li jkompli r-riforma tal-pensjonijiet u li jassoċja lill-imsieħba soċjali fit-tfassil tar-riforma u t-titjib tas-sjieda tagħha.

    (12)

    Is-settur tas-saħħa tar-Rumanija huwa kkaraterizzat minn inugwaljanzi kbar f'termini ta' aċċess għas-servizzi pprovduti u tal-kwalità tagħhom. Dan huwa, fost l-oħrajn, minħabba l-użu ineffiċjenti tar-riżorsi u ġestjoni ħażina. Inbdew riformi biex tittejjeb l-effiċjenza tas-settur tal-kura tas-saħħa iżda xorta waħda jinħtieġu sforzi kontinwi. Il-kosteffettività tas-sistema tista' tiżdied billi jitnaqqas l-użu eċċessiv ta' kura ġewwa l-isptarijiet u billi jissaħħu s-sistemi ta' kura primarja u riferiment.

    (13)

    Ir-rata ta' impjieg tar-Rumanija baqgħet baxxa, 63,8 % fl-2012 għalkemm ġie rreġistrat titjib żgħir minn 62,8 % fis-sena ta' qabel. Il-mira ta' 70 % ta' Ewropa 2020 għall-pajjiż sas-sena 2020 tibqa' tikkostitwixxi sfida. Il-produttività tax-xogħol tar-Rumanija għadha waħda mill-aktar baxxi fl-Unjoni. Il-kwalità tal-attivazzjoni tax-xogħol pubbliku, it-tiftix għax-xogħol u s-servizzi ta' taħriġ mill-ġdid għadha relattivament baxxa. Il-kapaċità amministrattiva limitata ma tippermettix it-twassil effiċjenti ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol permezz ta' servizzi personalizzati ta' kwalità, u lanqas ma tippermetti integrazzjoni aħjar tal-politiki attivi u passivi tas-suq tax-xogħol. Il-parteċipazzjoni adulta fit-tagħlim tul il-ħajja tibqa' staġnata f'livelli ferm baxxi, li f'1,6 % fl-2011, hija ħafna iktar baxxa mill-medja tal-UE ta' 8,9 %. Ir-rati tal-attività u x-xogħol fost iż-żgħażagħ kienu fost l-aktar baxxi fl-Unjoni fl-2012, 23,9 % u 30,9 % rispettivament, filwaqt li r-rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ kienet għolja, 22,7 % fl-2012. Is-sehem tar-Rumanija ta' żgħażagħ li la qed jaħdmu u lanqas mhuma qed jistudjaw jew isegwu xi taħriġ, li kienet ta'16,8 % fl-2012. hija għolja u qiegħda tiżdied.

    (14)

    It-tnaqqis tal-faqar jibqa' sfida importanti. Fl-2011, 40,3 % tal-popolazzjoni kienu f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali, aktar minn żewġ terzi tal-medja tal-UE ta' 24,2 %. L-aktar milquta huma t-tfal (49,1 %). L-impatt tat-trasferimenti soċjali, esklużi l-pensjonijiet, fit-tnaqqis tal-faqar jibqa' ferm taħt l-effiċjenza medja ta' trasferimenti fl-Unjoni, kemm għall-popolazzjoni kollha (23.7 % fir-Rumanija kontra 37.5 % għall-UE fl-2011) u għat-tfal (22 % meta mqabbel mal-42.8 % għall-Unjoni). L-adozzjoni, il-kopertura u l-adegwatezza baxxi tal-benefiċċji soċjali jibqgħu ta' sfida għall-effiċjenza tal-benefiċċji soċjali għat-tnaqqis tal-faqar. Fil-qasam tal-assistenza soċjali, bosta biċċiet ta' leġiżlazzjoni ġew adottati fl-2012 bħala segwitu għar-riforma tal-2011. L-adozzjoni tal-leġislazzjoni li jifdal se tkun pass importanti lejn it-tlestija tar-riforma. Madankollu, ir-rabta mal-miżuri ta' attivazzjoni tista' tissaħħaħ aktar. L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom bdiet fl-2012, iżda r-riżultat huma modesti. Hemm bżonn ta' koordinazzjoni aħjar bejn il-partijiet interessati differenti għal implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija tal-allokazzjoni tal-finanzjament.

    (15)

    Il-liġi tal-edukazzjoni tal-2011, riforma ewlenija li stabbiliet aġenda fit-tul għat-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni fil-livelli kollha, għadha mhix operazzjonali kompletament. Sabiex issir implimentazzjoni b'suċċess tar-riforma edukazzjonali, ir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa se jkollhom jiġi ddedikati għall-bini tal-kapaċità amministrattiva u t-tfassil tal-politika. Ir-Rumanija taffaċċja sfida ewlenija biex iżżid il-kwalità tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħha. It-tluq bikri mill-iskola huwa sfida ewlenija. Ir-rata ta' tluq bikri mill-iskola tar-Rumanija ta' 17,4 % għall-2012 hija ferm ogħla mill-medja tal-UE ta' 13,5 % u l-mira nazzjonali ta' 11,3 %. Il-problemi jippersistu fiż-żoni rurali u remoti u għar-Rom. Ir-Rumanija għandha wkoll nuqqas ta' mekkaniżmu adegwat tal-ġbir tad-data fir-rigward ta' dawk li jitilqu l-iskola kmieni; strateġija komprensiva, li għandha tiġi adottata din is-sena, għandha tgħin f'dan ir-rigward. L-aċċess għal edukazzjoni u kura ta' kwalità u affordabbli kmieni fit-tfulija tibqa' problematika. In-nuqqas ta' taqbil bejn il-ħiliet u d-domanda tas-suq tax-xogħol huma karatteristika ta' proporzjon kbir ta' programmi ta' edukazzjoni terzjarja u vokazzjonali, bi sfida partikolari fil-livell fqir ta' ħiliet vokazzjonali. Ir-rata għolja ta' qgħad fost il-gradwati terzjarji u r-rata ta' soprakwalifiki jagħmlu l-allinjament ulterjuri tal-edukazzjoni terzjarja mas-suq tax-xogħol prijorità ewlenija. Ġie rreġistrat progress kajman fit-transizzjoni mill-kura istituzzjonali għal dik alternattiva għat-tfal bla ġenituri iżda hemm bżonn ta' aktar sforzi.

    (16)

    Il-kapaċità fqira ta' amministrazzjoni hija ta' tħassib ewlieni għar-Rumanija. L-amministrazzjoni pubblika hija kkaraterizzata minn qafas legali inkonsistenti, rikors frekwenti għal ordinanzi ta' emerġenza, livelli baxxi ta' kooperazzjoni interministerjali u burokrazija eċċessiva. Din hija wkoll mminata minħabba nuqqas ta' ħiliet, nuqqas ta' trasparenza fir-reklutaġġ tal-persunal u rati għolja tar-rotazzjoni tal-ġestjoni. Kapaċità amministrattiva fqira tikkontribwixxi għal assorbiment baxxa tal-fondi tal-UE. Il-mira ta' assorbiment ta' tmiem l-2012 maqbula skont il-Programm ta' Assistenza Finanzjarja ma ntlaħqitx b'ħafna. L-assorbiment kumulattiv sal-aħħar tal-2012 kien ta' EUR 5,53 biljun jew 20,2 % tat-total disponibbli ta' fondi strutturali, agrikoli u ta' koeżjoni. Dan kien EUR 2,47 biljun inqas mill-mira ta' tmiem l-2012 tal-programm ta' EUR 8 biljun. Kien hemm titjib fir-rata ta' assorbiment tal-fondi strutturali u ta' koeżjoni minn 7,5 % fi tmiem April 2012 għal 15,2 % fi tmiem Mejju 2013. Biex ikompli jitjieb l-assorbiment u jitnaqqas ir-riskju ta' diżimpenn fl-2013, l-awtoritajiet Rumeni jridu jiffukaw, fost l-oħrajn, fuq miżuri li jtejbu l-effiċjenza tas-sistemi ta' amministrazzjoni u kontroll tal-Fondi Ewropej u jsaħħu l-kapaċità amministrattiva tas-sistema tal-akkwist pubbliku.

    (17)

    Ir-Rumanija taffaċċa għadd ta' sfidi fil-kompetittività ekonomika fejn il-produttività baqgħet baxxa fl-industrija u s-servizzi. L-isfidi ewlenin huma ambjent ta' negozju fqir u appoġġ baxx għar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż). It-titjib fl-ambjent tan-negozju għandu jiġi integrat fi strateġija aktar wiesgħa u koerenti tal-gvern biex tiġi promossa l-kultura amministrattiva tat-trasparenza u ċ-ċertezza legali u jiġu pprovduti servizzi pubbliċi onlajn aħjar. Ir-Rumanija għandha wkoll tieħu impenji biex tiffaċilita l-aċċess għall-finanzi u tnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs). L-intensità tar-R&Ż hija estremament baxxa, 0.48 % fl-2011, u l-effiċjenza u l-effettività ta' investiment hemm bżonn jittejbu sostanzjalment. Investituri fir-R&Ż jeħtieġu li jipprijoritizzaw l-attivitajiet li għandhom il-potenzjal li jattiraw l-investiment privat. Ir-Rumanija għandha wkoll ittejjeb il-qafas tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali bil-ħsieb li żżid il-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati ta' riċerka.

    (18)

    Ir-Rumanija għandha livell baxx ta' kompetizzjoni u effiċjenza fl-industriji tat-trasport u l-enerġija. Il-governanza ineffiċjenti u n-nuqqas ta' trasparenza tal-intrapriżi tal-istat f'dawn is-setturi tirrappreżenta sfida ewlenija. Sfida ewlenija oħra hija ż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija fil-bini, it-tisħin distrettwali, l-industrija u t-trasport. Ir-Rumanija hija l-ekonomija l-aktar li tuża enerġija fl-Unjoni b'intensità tal-enerġija 2,5 darbiet ogħla mill-medja tal-UE. Hija wkoll it-tielet l-aktar ekonomija li tuża l-karbonju b'mod intensiv fl-Unjoni. Il-bini residenzjali fir-Rumanija juża 8 darbiet aktar enerġija mill-medja tal-UE-15 minħabba sistema ta' tisħin distrettwali ineffiċjenti u minħabba l-fatt li l-bini mhuwiex insulat kif xieraq. L-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku u l-gass tar-Rumanija fis-swieq tal-UE tibqa' mhux kompletata u għad irid jiġu implimentati konnessjonijiet transkonfinali għall-gass.

    (19)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Rumanija. Hija studjat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Konverġenza. Hija ma qisitx biss ir-rilevanza tagħhom għal politika soċjoekonomika u fiskali sostenibbli fir-Rumanija iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, minħabba l-ħtieġa ta' tisħiħ tal-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni billi tipprovdi input fil-livell tal-UE f'deċiżjonijiet nazzjonali fil-futur. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha tas-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (8) hawn taħt.

    (20)

    Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina il-Programm ta' Konverġenza, u l-opinjoni tiegħu (5) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li r-Rumanija tieħu azzjoni tul il-perjodu 2013-2013 biex:

    1.

    Ittemm il-programm ta' assistenza finanzjarja tal-UE/FMI.

    2.

    Tiżgura konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir u timplimenta strateġija baġitarja għas-sena 2013 u lil hinn kif previst, biex b'hekk tiżgura l-kisba tal-OTM sal-2015. Ittejjeb il-ġbir tat-taxxa billi timplimenta strateġija komprensiva ta' konformità mat-taxxa u tiġġieled ix-xogħol mhux dikjarat. Fl-istess ħin, tesplora modi differenti kif iżżid id-dipendenza fuq it-taxxi ambjentali. Tkompli bir-riforma tal-pensjonijiet li nbdiet fl-2010 billi l-età tal-pensjoni tal-irġiel u tan-nisa ssir ugwali u billi tippromwovi l-impjegabbiltà ta' ħaddiema akbar fl-età.

    3.

    Issegwi riformi fis-settur tas-saħħa biex iżżid l-effiċjenza, il-kwalità u l-aċċessibilità, b'mod partikolari għal nies żvantaġġati u komunitajiet remoti u iżolati. Tnaqqas l-użu eċċessiv tal-kura fl-isptar, anke billi tissaħħaħ il-kura tal-pazjenti barra l-isptar.

    4.

    Ittejjeb il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, kif ukoll l-impjegabbiltà u l-produttività tal-forza tax-xogħol, billi tirrevedi u ssaħħaħ politiki attivi tas-suq tax-xogħol, biex tipprovdi taħriġ u servizzi individwalizzati u tippromwovi tagħlim tul il-ħajja. Issaħħaħ il-kapaċità tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Impjiegi sabiex iżżid il-kwalità u l-kopertura tas-servizzi tagħha. Sabiex tiġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ, timplimenta rapidament il-Pjan Nazzjonali għall-Impjiegi għaż-Żgħażagħ, inkluż pereżempju permezz tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Ittaffi l-faqar, ittejjeb l-effettività u l-effiċjenza tat-trasferimenti soċjali b'attenzjoni partikolari għat-tfal. Tlesti r-riforma tal-assistenza soċjali billi tadotta l-leġislazzjoni rilevanti u ssaħħaħ ir-rabta tagħha mal-miżuri ta' attivazzjoni. Tiżgura riżultati konkreti mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom.

    5.

    Tħaffef ir-riforma tal-edukazzjoni inkluż il-bini tal-kapaċità amministrattiva kemm fil-livell ċentrali u kif ukoll dak lokali u tevalwa l-impatt tar-riformi. Tqawwi r-riformi fl-edukazzjoni t-taħriġ vokazzjonali. Tallinja ulterjorment l-edukazzjoni terzjarja mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u ttejjeb l-aċċess għall-persuni żvantaġġati. Timplimenta strateġija nazzjonali dwar it-tluq bikri mill-iskola b'attenzjoni partikolari fuq aċċess aħjar għal edukazzjoni ta' kwalità kmieni fit-tfulija, anke għat-tfal Rom. Tħaffef it-transizzjoni mill-kura istituzzjonali għal dik alternattivi għat-tfal mingħajr ġenituri.

    6.

    Issaħħaħ il-governanza u l-kwalità tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika, b'mod partikolari billi ttejjeb il-kapaċità għall-ippjanar strateġiku u baġitarju, billi żżid il-professjonaliżmu tas-servizz pubbliku permezz ta' ġestjoni tar-riżorsi umani mtejba u permezz tat-tisħiħ tal-mekkaniżmi għal koordinazzjoni bejn id-diversi livelli tal-gvern. Ittejjeb b'mod sinifikanti l-kwalità tar-regolamenti permezz tal-użu tal-valutazzjonijiet tal-impatt, u l-evalwazzjonijiet sistematiċi. Issaħħaħ l-isforzi biex tiġi jiżdied l-assorbiment tal-fondi tal-UE b'mod partikolari billi jissaħħu s-sistemi tal-ġestjoni u l-kontroll u jittejjeb l-akkwist pubbliku.

    7.

    Ittejjeb u tissimplifika l-ambjent tan-negozju b'mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fuq l-SMEs u l-implimentazzjoni ta' strateġija koerenti tal-gvern. Tiffaċilita u tiddiversifika l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs. Tiżgura rabtiet aktar mill-qrib bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-industrija, b'mod partikolari billi tipprijoritizza l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp li għandhom il-potenzjal li jattiraw investiment privat. Tħaffef l-isforzi biex ittejjeb il-kwalità, l-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja fir-riżoluzzjoni tal-każijiet u tiġġieled il-korruzzjoni b'mod aktar effettiv.

    8.

    Tippromwovi l-kompetizzjoni u l-effiċjenza fl-industriji tan-netwerk billi tiżgura l-indipendenza u l-kapaċità tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, u billi tkompli r-riforma ta' governanza korporattiva tal-intrapriżi tal-gvern fis-setturi tal-enerġija u t-trasport. Tadotta pjan fit-tul u komprensiv għat-trasport u ttejjeb l-infrastruttura tal-broadband. Tibqa' tneħħi l-prezzijiet regolati tal-elettriku u tal-gass u ttejjeb l-effiċjenza tal-enerġija. Ittejjeb l-integrazzjoni transkonfinali tan-netwerks tal-enerġija u tħaffef l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-interkonnessjoni tal-gass.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    R. ŠADŽIUS


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Miżmuma għall-2013 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/208/UE tat-22 ta' April 2013 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 118, 30.4.2013, p. 21).

    (3)  ĠU C 219, 24.7.2012, p. 72.

    (4)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

    (5)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top