Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013H0730(15)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad- 9 ta’ Lulju 2013 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2013 ta' Malta u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà ta' Malta, 2012-2016

ĠU C 217, 30.7.2013, p. 59–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

30.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 217/59


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Lulju 2013

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2013 ta' Malta u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà ta' Malta, 2012-2016

2013/C 217/15

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li titnieda strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tinħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida wiesa' għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (3), li flimkien jiffurmaw il-'linji gwida integrati'. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-ekonomija u tal-impjiegi.

(3)

Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew tal-Gvern tal-Istati Membri ddeċidew fuq Patt għal Tkabbir u Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fil-livell nazzjonali, fil-livell tal-UE u fil-livell taż-żona tal-euro bl-użu tal-pressjonijiet, strumenti u politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Istati Membri, fejn b'mod partikolari esprimew impenn sħiħ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż partikolari.

(4)

Fl-10 ta' Lulju 2012, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (4) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma ta' Malta għall-2012 u wassal l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Stabbiltà ta' Malta għall-perjodu 2012-2015.

(5)

Fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li jimmarka l-bidu tas-Semestru Ewropew 2013 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Barra minn hekk, fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, adottat ir-Rapport dwar il-Mekkanżmu ta' Twissija, li fih identifikat lil Malta bħala wieħed mill-Istati Membri li għalihom se ssir reviżjoni fil-fond.

(6)

Il-Parlament Ewropew huwa involut kif dovut fis-Semestru Ewropew, b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1466/97, u, fis-7 ta' Frar 2013, adotta riżoluzzjoni dwar l-impjiegi u l-aspetti soċjali fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 u riżoluzzjoni dwar il-kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013.

(7)

Fl-14 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex ikunu żgurati l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u azzjoni biex jitħeġġeġ it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li tkun segwita konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir, li jerġgħu jinġiebu l-kundizzjonijiet normali għas-self fl-ekonomija, li jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, li jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u li tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(8)

Fl-10 ta' April 2013, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tar-reviżjoni fil-fond tagħha għal Malta, b'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li Malta għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi, li jistħoqqilhom monitoraġġ u jeħtieġu azzjoni ta' politika. B'mod partikolari, is-settur bankarju u l-iżviluppi fis-suq immobiljari jiġġustifikaw monitoraġġ mill-qrib. Is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi tirrikjedi attenzjoni fir-rigward ta' politika.

(9)

Fit-30 ta’ April 2013, Malta ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha għall-2013 u l-Programm ta’ Stabbiltà tagħha għall-perjodu 2012-2016. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ Programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(10)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta' Stabbiltà taħt ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku li jsejjes it-tbassir baġitarju fil-Programm huwa plawsibbli. Il-Kunsill abroga d-deċiżjoni tiegħu dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv f'Malta fl-4 ta' Diċembru 2012 (5), ladarba saritlu korrezzjoni fl-2011 li, abbażi tat-tbassir tal-ħarifa tal-2012 mis-servizzi tal-Kummissjoni, dehret durabbli. Madankollu, fl-2012 Malta rreġistrat defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta' 3,3 % tal-PDG, li għal darb'oħra qabeż il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG. L-objettiv tal-istrateġija baġitarja deskritta fil-Programm ta' Stabbiltà huwa li gradwalment jitnaqqas id-defiċit minn 3,3 % tal-PDG fl-2012 għal 0,8 % tal-PDG fl-2016, li jimplika progress gradwali lejn l-objettiv ta' terminu medju (OTM). Il-Programm ta' Stabbiltà jikkonferma l-OTM ta' pożizzjoni bbilanċjata f'termini strutturali, li huwa aktar ambizzjuż milli huwa meħtieġ mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, iżda l-kisba tiegħu mhijiex ippjanata fil-perjodu tal-Programm ta' Stabbiltà. Il-mira ta' defiċit tal-2013 fil-Programm ta' Stabbiltà sserraħ fuq tkabbir relattivament għoli fi dħul mit-taxxa, li ma jidhirx li huwa spjegat bis-sħiħ mix-xenarju makroekonomiku sottostanti. Barra minn hekk, mhijiex appoġġata biżżejjed mill-miżuri dettaljati, bħal kif inhu l-każ ukoll għas-snin sussegwenti. B'riżultat ta' dan, il-bidla fil-bilanċ strutturali (ikkalkulat mill-ġdid) ippjanat hija sinifikattivament ogħla mit-tbassir mis-servizzi tal-Kummissjoni. Skont dan tal-aħħar, il-bilanċ strutturali jitjieb b'¼ punti perċentwali biss tal-PDG fl-2013 u marġinalment biss fl-2014, fuq bażi li ma ssir l-ebda bidla fil-politika.

Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa mbassar li jibqa' 'l fuq mil-limitu ta' 60 % tal-PDG matul il-perjodu kollu tal-Programm ta' Stabbiltà. L-awtoritajiet nazzjonali jbassru li d-dejn jiżdied sa 74,2 % tal-PDG fl-2014 u sussegwentement jibda jonqos sa 70 % sal-2016. Fit-tbassir tar-rebbiegħa tal-2013 mis-servizzi tal-Kummissjoni, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG huwa mistenni li jiżdied b'rata ftit aktar mgħaġġla, sa 74,9 % fl-2014, hekk kif id-defiċit primarju huwa mistenni li jkompli jikber. Fid-dawl tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-2011, Malta tinsab f’perjodu tranżizzjonali ta’ tliet snin fir-rigward tal-applikabbiltà tal-limitu referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn, li beda fl-2012. Malta ma għamlitx biżżejjed progress sabiex tikkonforma mal-kriterju tad-dejn fl-2012 u mhuwiex imbassar li se tagħmel dan fil-perjodu 2013-2014. Filwaqt li l-qafas fiskali ta' Malta huwa pjuttost flessibbli, in-natura mhux vinkolanti tiegħu u l-orizzont qasir ta' ppjanar fiskali ma jappoġġawx pożizzjoni fiskali soda. Id-Direttiva 2011/85/UE (6) dwar l-oqfsa baġitarji għadha ma ġietx trasposta u lanqas ma għadha ġiet introdotta fil-liġi nazzjonali regola tal-bilanċ baġitarju strutturali, kif previst fit-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, iffirmat fit-2 ta' Marzu 2012 fi Brussell. Il-Programm ta' Stabbiltà jiddikjara l-intenzjoni tal-Gvern li jwaqqaf Kunsill Fiskali, iżda ma ġew stabbiliti l-ebda pjanijiet konkreti.

(11)

Il-konformità mat-taxxa u l-evażjoni mit-taxxa jkomplu jkunu ta' sfida għall-kwalità tal-finanzi pubbliċi. L-awtoritajiet introduċew għadd ta' miżuri relevanti u qed jitħejjew oħrajn addizzjonali, iżda jeħtieġ li l-implimentazzjoni tiġi mmonitorjata mill-qrib billi għad iridu jinkisbu riżultati konkreti. L-inċentivi tat-taxxa għall-kumpaniji sabiex jidħlu għad-dejn għadhom għoljin ħafna. Fl-2012, Malta eċċellat bħala l-pajjiż bit-tieni l-akbar differenza bejn it-trattament tat-taxxa tad-dejn u l-finanzjament azzjonarju ta' investimenti ġodda. Din it-tendenza tad-dejn tista' twassal għal ingranaġġ korporattiv għoli u allokazzjoni ineffiċjenti tal-kapital. Malta hija fost il-ftit Stati Membri mingħajr l-ebda dispożizzjoni li tmur kontra t-tendenza tad-dejn.

(12)

Malta għadha qed tħabbat wiċċha ma' sfidi fir-rigward tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tagħha fid-dawl tal-impatt baġitarju tat-tixjiħ li huwa mbassar li se jaqbeż b'mod konsiderevoli l-medja tal-UE. Iż-żieda fin-nefqa pensjonistika tammonta għal aktar minn nofs iż-żieda totali mbassra fin-nefqa relatata mal-età, filwaqt li, meta mqabbla ma' Stati Membri oħra, l-età statutorja tal-irtirar għadha baxxa u ż-żieda lleġiżlata mar-riforma tal-2006 miexja bil-mod.Riforma oħra hija meħtieġa biex tiżgura s-sostenibbiltà filwaqt li tissalvagwardja l-adegwatezza u tindirizza t-tħassib dwar l-ekwità interġenerazzjonali. Filwaqt li saru diskussjonijiet ma' sħab soċjali, ma tressqu l-ebda proposti konkreti għal riforma pensjonistika ulterjuri. Ir-rata tal-impjiegi tal-ħaddiema li huma kbar fl-età hija baxxa u għadha trid tiġi ffinalizzata strateġija komprensiva dwar it-tixjiħ attiv. Il-limitazzjonijiet fil-proviżjoni tal- kura primarja pubblika, flimkien mat-tixjiħ li hu mbassar, jistghu jwasslu ghal spiza ogħla tas-saħħa fuq terminu twil. Il-kapaċità amministrattiva fil-qasam tal-akkwist pubbliku hija dgħajfa, li jwassal għal proċeduri kkumplikati u twal.

(13)

Il-miżuri li ttieħdu biex titnaqqas ir-rata tat-tluq bikri mill-iskola, fosthom it-tnedija riċenti tal-proċess preparatorju li jwassal għal strateġija dwar it-tluq bikri mill-iskola, qed jintlaqgħu tajjeb, anke bil-ħsieb li jitnaqqas l-iżbilanċ bejn id-domanda u l-forza ta' nies b'ħiliet. L-effikaċja tal-isforzi ta' politika li saru se jiddipendu fuq l-implimentazzjoni xierqa u f'waqtha li se jkollha tiġi mmonitorjata mill-qrib. Madankollu, ir-rabta insuffiċjenti bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol hija ostaklu ewlieni. Il-ħolqien previst ta' skema unika ta' apprentistat li tkopri aktar livelli ta' kwalifikazzjoni huwa mistenni wkoll li jikkontribwixxi biex titrawwem forza tax-xogħol li tkun immirata lejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

(14)

Malta ħadet ukoll passi sinifikanti biex iżżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol, speċjalment bil-għan li titjieb ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja tal-familja. Ir-rata tal-impjiegi tan-nisa qed tkompli togħla, anke bis-saħħa ta' effett assoċjattiv favorevoli. Madankollu, għad baqa' lok għal titjib: ir-rata tal-impjiegi tan-nisa għadha baxxa, l-istat parentali għad għandu effett sinifikanti fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, u d-distakk bejn il-ġeneri fl-impjiegi hija l-ogħla fl-Unjoni. Ir-rinfurzar tal-promozzjoni ta' arranġamenti flessibbli tax-xogħol u ż-żieda fil-provvista ta' faċilitajiet għall-kura tat-tfal u ta' wara l-ħinijiet tal-iskola li jilħqu l-but ta' kulħadd għal segment usa' tal-popolazzjoni tista' tikkontribwixxi biex tkompli żżid ir-rata tal-impjiegi tan-nisa.

(15)

Il-mekkaniżmu ta' aġġustament ta' Malta għall-għoli tal-ħajja għandu karatteristiċi speċifiċi li jidhru li jtaffu l-effett negattiv tiegħu fuq il-prestazzjoni ġenerali tas-suq tax-xogħol u fuq l-aġġustament fil-pagi: il-mekkaniżmu jagħti żieda b'ammont fiss, b'hekk jirrappreżenta biss kumpens parzjali għall-inflazzjoni għall-pagi li huma ogħla mill-paga bażika "ta' referenza", hemm disponibbli klawsoli ta' deroga mikorekonomiċi u makroekonomiċi, u n-negozjar tal-pagi huwa ddeċentralizzat kollu kemm hu. Madankollu, f'każ ta' fażijiet negattivi ħafna taċ-ċiklu ekonomiku, is-sistema xorta tirrappreżenta sfida potenzjali għall-flessibbiltà tal-pagi reali, u b'hekk tfixkel l-aġġustament tas-suq tax-xogħol u xxekkel il-kompetittività. Il-volatilità tal-prezzijiet ta' xi komponenti tal-indiċi tal-prezzijiet użat fil-mekkaniżmu, b'mod partikolari l-prezzijiet tal-enerġija, tista' titfa' pressjoni fuq l-inflazzjoni permezz ta' spiral ta' pagi-prezzijiet. Għaldaqstant, il-ġbir ta' dejta dwar il-pagi u l-produttività fil-livell settorjali, u monitoraġġ mill-qrib tal-impatt tas-sistema tal-indiċizzar tal-pagi se jkunu essenzjali biex jittaffew ir-riskji potenzjali. L-awtoritajiet Maltin għandhom jimmonitorjaw mill-qrib l-impatt tal-mekkaniżmu fuq l-ekonomija u jħejju ruħhom biex jirriformawh kif xieraq.

(16)

Il-kompetittività ta' Malta għadha f'riskju fid-dawl tad-diversifikazzjoni limitata ħafna u tal-prestazzjoni ambjentali fqira tal-provvista tal-enerġija tagħha, li ġġib magħha tariffi għolja tal-elettriku. L-istat finanzjarju ħażin tal-fornitur ewlieni tal-enerġija (Enemalta) iżid ma' dan in-nuqqas ta' sigurtà, iżda l-konnettur tal-elettriku ma' Sqallija huwa mistenni li jipprovdi solliev wara l-2014. Filwaqt li għadd ta' inizjattivi ġew segwiti aktar, bħall-użu tal-enerġija fotovoltajka, is-sehem ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli għadu partikolarment baxx u l-fattibbiltà ta' proġetti ewlenin, bħall-iżvilupp ta' wind farms, tidher li tinsab f'riskju. Ġie rreġistrat progress fl-effiċjenza tal-enerġija, notevolment għall-bini pubbliku, b'appoġġ mill-finanzjament tal-Unjoni. Il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport ta' Malta hija fqira wkoll. Malta tkun tibbenefika minn strateġija komprensiva tat-trasport li tfittex li ttejjeb it-trasport pubbliku, in-netwerk tat-toroq, il-prestazzjoni tas-sistema f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju u li tkompli tħeġġeġ l-użu ta' tipi oħra ta' trasport minflok karozzi tal-passiġġieri.

(17)

Is-settur bankarju f'Malta huwa kbir ħafna meta mqabbel mal-ekonomija domestika. Filwaqt li dan huwa partikolarment minħabba banek domestiċi non-core u internazzjonali, li huma esposti b'mod limitat għall-ekonomija domestika, hija ġustifikata l-kontinwazzjoni ta' superviżjoni stretta tagħhom biex jiġi evitat impatt negattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja mill-attivitajiet tagħhom. Il-banek domestiċi jibqgħu esposti ħafna għas-suq tal-proprjetà filwaqt li dispożizzjonijiet speċifiċi ta' telf mis-self huma relattivament baxxi. Kien hemm diskussjonijiet ta' politika iżda dawn għadhom iridu jsarrfu f'azzjoni regolatorja adegwata. Is-sistema ġudizzjarja tbati minn insuffiċjenzi li huma ta' riskju ulterjuri għall-istabbiltà finanzjarja. Iż-żmien twil meħtieġ biex jiġu solvuti każijiet ta' insolvenza jostakola l-infurzar effiċjenti ta' drittijiet kollaterali. Fi żminijiet ta' stress ekonomiku, dan jista' jkompli jitfa' piż fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek u jżid it-telf, li jirriżulta fi ħtiġijiet ta' rikapitalizzazzjoni.

(18)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għamlet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta’ Malta. Hija vvalutat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà, u ppreżentat reviżjoni fil-fond. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli f’Malta iżda anke l-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha fil-qafas tas-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (5) hawn taħt.

(19)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà, u l-opinjoni tiegħu (7) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(20)

Fid-dawl tar-reviżjoni fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu taħt l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (2) u (5) hawn taħt.

(21)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għamlet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Abbażi ta' dan, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (8). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, Malta għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li Malta tieħu azzjoni fil-perjodu 2013-2014 sabiex:

1.

Tispeċifika u timplimenta l-miżuri meħtieġa biex tilħaq l-isforz ta' aġġustament strutturali annwali stabbilit fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill taħt il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv sabiex tikkorreġi d-defiċit eċċessiv sal-2014 b'mod sostenibbli u li jiffavorixxi t-tkabbir, li jillimitaha milli tirrikorri għal miżuri ta' darba/temporanji. Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, tagħmel sforz ta' aġġustament strutturali b'pass xieraq biex tilħaq l-OTM sal-2019. Timplimenta qafas fiskali pluriennali vinkolanti u bbażat fuq regoli fl-2013. Tiżgura t-twassil konkret ta' miżuri li jittieħdu biex tiżdied il-konformità mat-taxxa u biex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa, u tieħu azzjoni biex tnaqqas it-tendenza tad-dejn fit-tassazzjoni tal-kumpaniji.

2.

Sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, tkompli tirriforma s-sistema tal-pensjonijiet sabiex trażżan iż-żieda mbassra fin-nefqa, fosthom b'miżuri bħall-aċċellerazzjoni taż-żieda fl-età tal-irtirar statutorja, iżżid l-età effettiva tal-irtirar billi tiġi allinjata l-età tal-irtirar jew il-benefiċċji tal-pensjoni mal-bidliet tal-istennija tal-għomor u billi tinkoraggixxi t-tfaddil tal-pensjonijiet privat. Tieħu miżuri biex iżżid ir-rata tal-impjiegi tal-ħaddiema li huma akbar fl-età billi tiffinalizza u timplimenta strateġija komprensiva tat-tixjiħ attiv. Twettaq ir-riformi fil-provizjoni tal-kura tas-saħħa biex iżżid il-kosteffettività tas-settur, b'mod partikolari billi ssaħħaħ il-proviżjoni tal-kura primarja pubblika. Ittejjeb l-effiċjenza u tnaqqas it-tul tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku.

3.

Tkompli tagħmel sforzi politiċi biex tnaqqas it-tluq bikri mill-iskola, b'mod partikolari billi twaqqaf sistema komprensiva ta' monitoraġġ, u tagħmel l-edukazzjoni u t-taħriġ iktar relevanti għas-suq tax-xogħol biex tindirizza n-nuqqasijiet fil-ħiliet, fosthom permezz tar-riforma mħabbra tas-sistema ta' apprentistat. Tkompli tappoġġa l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol li qed titjieb billi tippromwovi arranġamenti tax-xogħol flessibbli, b'mod partikolari billi ttejjeb il-proviżjoni u l-affordjabbiltà ta' ċentri li jieħdu ħsieb it-tfal u ta’ ċentri li jieħdu ħsieb it-tfal ' barra mill-ħin tal-iskola.

4.

Tkompli bl-isforzi biex tiddiversifika t-taħlita tal-enerġija u s-sorsi tal-enerġija, b'mod partikolari permezz taż-żieda fl-użu ta' enerġija rinnovabbli u t-tlestija f'waqtha tal-konnessjoni tal-elettriku ma' Sqallija. Tkompli bl-isforzi biex tippromwovi l-effiċjenza tal-enerġija u tnaqqas l-emissjonijiet mis-settur tat-trasport.

5.

Tieħu miżuri biex tkompli ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet għat-telf minn self mhux onorat fis-settur bankarju biex ittaffi r-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-esponizzjoni għas-suq immobiljari. Tkompli bl-isforzi ta' politika biex tiżgura s-superviżjoni stretta tas-settur bankarju, fosthom għall-banek domestiċi non-core u għal dawk orjentati internazzjonalment. Ittejjeb l-effiċjenza ġenerali tas-sistema ġudizzjarja, pereżempju billi tnaqqas iż-żmien meħtieġ biex jiġu riżolti każijiet ta' insolvenza.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

R. ŠADŽIUS


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  Miżmuma għall-2013 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/208/UE tat-22 ta' April 2013 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 118, 30.4.2013, p. 21).

(4)  ĠU C 219, 24.7.2012, p. 61.

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/778/UE tal-4 Diċembru 2012 (ĠU L 342, 14.12.2012, p. 43).

(6)  Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41).

(7)  Taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(8)  Ara paġna 97 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


Top