EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D1030(02)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta’ Ottubru 2013 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar it-Tassazzjoni tal-Ekonomija Diġitali

ĠU C 316, 30.10.2013, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/07/2014

30.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 316/11


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta’ Ottubru 2013

li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar it-Tassazzjoni tal-Ekonomija Diġitali

2013/C 316/07

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 113 u 115 tat-Trattat assenjaw lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri l-kompitu li jiżguraw l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

(2)

Bil-għan li tkun żviluppata pożizzjoni komprensiva tal-Unjoni dwar kwistjonijiet ta’ taxxa fl-ekonomija diġitali, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ li titlob il-kompetenza ta’ speċjalisti f’korp konsultattiv.

(3)

Huwa għalhekk meħtieġ li jitwaqqaf grupp ta’ esperti fil-qasam tat-tassazzjoni fl-ekonomija diġitali u li jiġu ddefiniti l-kompiti u l-istruttura tiegħu.

(4)

Il-grupp ta' esperti għandu jgħin fl-iżvilupp ta’ pożizzjoni komprensiva tal-Unjoni dwar kwistjonijiet ta' taxxa fl-ekonomija diġitali billi janalizza l-kwistjonijiet involuti u jipprovdi lill-Kummissjoni b’firxa ta’ soluzzjonijiet biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet.

(5)

Il-grupp ta' esperti għandu jkun relattivament żgħir biex ikun hemm lok għal progress rapidu u riżultati. Dan għandu jkun magħmul minn individwi b’għarfien profond u b'esperjenza prattika fl-ekonomija diġitali, individwi bi sfond akkademiku fit-tassazzjoni jew fl-ekonomija, jew fit-tnejn li huma u individwi bi sfond fit-tassazzjoni speċjalizzati u, preferibbilment, esperjenza prattika fit-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali. Biex tintwera l-awtorità tal-grupp u biex tiġi żgurata l-indipendenza tiegħu, il-grupp għandu jkun ippresedut minn membru b'esperjenza politika sinifikanti.

(6)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni minn membri tal-grupp ta' esperti.

(7)

Dejta personali tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

(8)

Huwa xieraq li jiġi ffissat perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

Il-Grupp ta’ Esperti dwar it-Tassazzjoni tal-Ekonomija Diġitali, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-grupp ta' esperti”, huwa b’dan stabbilit.

Artikolu 2

Kompiti

1.   Il-kompiti tal-grupp ta’ esperti huma:

(a)

jassisti lill-Kummissjoni fil-preparazzjoni ta’ proposti leġiżlattivi jew inizjattivi oħra ta’ politika;

(b)

jissorvelja l-evoluzzjoni tal-politiki tat-tassazzjoni relatati mal-ekonomija diġitali;

(c)

iġib skambju ta’ esperjenza u prattika tajba fil-qasam tat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali;

(d)

jikkontribwixxi ideat għat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali u jeżamina mill-ġdid bażijiet alternattivi possibbli għat-tassazzjoni minflok dawk attwalment fis-seħħ, filwaqt li jikkunsidra l-ispeċifiċitajiet tal-UE, iżda jikkunsidra wkoll ir-reazzjoni għall-iżvilupp fil-politika globali;

(e)

jipprovdi analiżi komprensiva tar-relazzjoni bejn l-operazzjonijiet ta’ kumpaniji attivi fl-ekonomija diġitali fl-UE u l-kontribut dirett jew indirett tagħhom għad-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri, u ta’ kwalunkwe nuqqasijiet fl-adattament tar-regoli tat-taxxa internazzjonali attwali fl-ekonomija diġitali;

(f)

jipprovdi lill-Kummissjoni b’firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet possibbli biex jiġu indirizzati l-iktar kwistjonijiet importanti identifikati matul l-analiżi msemmija fil-punt (e) filwaqt li jiddikjara r-riskji, il-konsegwenzi possibbli u l-impatt finanzjarju u ekonomiku għall-UE ta’ kull waħda mis-soluzzjonijiet.

2.   Il-grupp ta’ esperti jipprovdi lill-Kummissjoni b’rapport dwar il-ħidma tiegħu qabel l-1 ta’ Lulju 2014.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-grupp ta' esperti dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mat-tassazzjoni fl-ekonomija diġitali.

Artikolu 4

Sħubija – ħatra

1.   Il-grupp ta’ esperti jkun magħmul minn minimu ta’ sitt membri u massimu ta’ seba’ membri:

(a)

membru wieħed maħtur f’kapaċità personali, li għandu sfond ġenerali ekonomiku, legali jew finanzjarju u profil politiku għoli;

(b)

membru wieħed jew tnejn maħtura f’kapaċità personali, li għandhom għarfien profond tal-ekonomija diġitali u esperjenza prattika fiha;

(c)

membru wieħed jew tnejn maħtura f’kapaċità personali, li għandhom profil akkademiku primarju fit-tassazzjoni jew fl-ekonomija jew fit-tnejn li huma;

(d)

membru wieħed jew tnejn maħtura f’kapaċità personali, li għandhom sfond speċjalizzat fit-tassazzjoni, preferibbilment b'esperjenza prattika fit-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali;

2.   Il-membru msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 jinħatar mill-Kummissarju responsabbli għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali. Il-membri msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 1 jinħatru mid-Direttorat-Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali minn speċjalisti b’kompetenza fl-oqsma msemmija fl-Artikoli 2 u 3 li jkunu wieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet.

3.   Il-membri jinħatru għall-perjodu sal-1 ta’ Lulju 2014. Dawn jibqgħu fil-kariga sa tmiem il-mandat tagħhom sakemm ma jkunux esklużi jew sostitwiti.

4.   Il-membri li ma jibqgħux f’pożizzjoni li jikkontribwixxu b’mod effettiv fil-ħidmiet tal-grupp, li jippreżentaw ir-riżenja tagħhom jew li ma jirrispettawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikolu 399 tat-Trattat jistgħu jiġu esklużi jew sostitwiti għall-kumplament tal-perjodu taż-żmien li jkun fadallu l-mandat tagħhom.

5.   Il-membri jaġixxu b'mod indipendenti u fl-interess pubbliku.

6.   L-ismijiet tal-membri jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi ta' esperti u entitajiet oħra simili tal-Kummissjoni (“ir-Reġistru”).

7.   Id-dejta personali tinġabar, tiġi proċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 5

Ħidma

1.   Il-grupp ta’ esperti jkun ippresedut mill-membru msemmi fl-Artikolu 4(1)(a).

2.   Il-Kummissarju responsabbli għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali jinnomina rappreżentant tal-Kummissjoni li jista’ jistieden esperti minn barra l-grupp ta' esperti li għandhom kompetenza speċifika f’suġġett li jkun fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp, fuq bażi ad hoc.

3.   Il-membri tal-grupp ta’ esperti kif ukoll l-esperti mistiedna jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti mit-Trattati u r-regoli tal-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà relatata mal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE, stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta’ Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura (2). Jekk jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

4.   Il-laqgħat tal-grupp ta’ esperti jsiru fil-bini tal-Kummissjoni sakemm il-grupp ta’ esperti ma jiddeċidix mod ieħor, suġġett għall-approvazzjoni tar-rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tipprovdi s-servizzi segretarjali. L-uffiċjali l-oħra tal-Kummissjoni li jkollhom interess fil-proċeduri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp ta’ esperti.

5.   Il-grupp ta' esperti jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti.

6.   Il-Kummissjoni tagħmel disponibbli d-dokumenti kollha rilevanti, bħall-aġendi u l-minuti tal-grupp u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti tiegħu fir-Reġistru jew permezz ta’ ħolqa mir-Reġistru għal websajt apposta, fejn tista’ tinstab l-informazzjoni. Id-dokumenti ma jiġux magħmula disponibbli jekk l-iżvelar tagħhom idgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

Artikolu 6

L-ispejjeż tal-laqgħat

1.   Il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-grupp ta’ esperti ma jiġux irrimunerati għas-servizzi li jagħtu.

2.   L-ispejjeż għall-ivvjaġġar u għall-għajxien li jġarrbu l-parteċipanti fl-attivitajiet tal-grupp ta' esperti jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.

3.   L-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2 jiġu rimborżati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 7

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni tapplika sal-1 ta’ Lulju 2014.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kummissjoni

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.


Top