EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0649

2013/649/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ Novembru 2013 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ polline prodott mill-qamħirrum MON 810 (MON-ØØ81Ø-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2013) 4743) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 302, 13.11.2013, p. 44–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 16/02/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/649/oj

13.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 302/44


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ Novembru 2013

li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ polline prodott mill-qamħirrum MON 810 (MON-ØØ81Ø-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2013) 4743)

(It-testi bil-Franċiż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/649/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-ikel u l-għalf modifikat ġenetikament (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Marzu 2012, Monsanto Europe S.A. ressqet applikazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Pajjiżi l-Baxxi, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tqegħid fis-suq ta’ ikel ta’ polline prodott mill-qamħirrum MON 810 bħala ikel jew fl-ikel u fl-ingredjenti tal-ikel (“l-applikazzjoni”).

(2)

Fid-19 ta’ Diċembru 2012, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-EFSA”) tat opinjoni favorevoli skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. Hija kkonkludiet li l-modifikazzjoni ġenetika f’qamħirrum MON 810 ma jikkostitwixxix riskju għas-saħħa kieku l-polline tal-qamħirrum MON 810 kellha tissostitwixxi polline derivat minn qamħirrum mhux immodifikat ġenetikament fi jew bħala ikel.

(3)

Fl-opinjoni tagħha, l-EFSA qieset il-mistoqsijiet u t-tħassib speċifiċi kollha li tqajmu mill-Istati Membri fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

(4)

Wara li tqiesu dawk il-kunsiderazzjonijiet, għandha tingħata l-awtorizzazzjoni għall-polline prodott minn qamħirrum MON 810, bħala ikel jew fl-ikel u fl-ingredjenti tal-ikel.

(5)

Għandu jiġi assenjat identifikatur uniku għal kull organiżmu ġenetikament modifikat (minn issa ‘l quddiem “OĠM”) kif stipulat fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 tal-14 ta’ Jannar 2004 li jistabbilixxi sistema għall-iżvilupp u l-assenjazzjoni ta’ identifikaturi uniċi għall-organiżmi modifikati ġenetikament (2).

(6)

Fuq il-bażi tal-opinjoni tal-EFSA, l-ebda rekwiżiti speċifiċi ta’ ttikkettjar għajr dawk stipulati fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ma jidher li huma meħtieġa għall-ikel, l-ingredjenti tal-ikel u l-għalf li jkun fihom, li jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti mill-polline tal-qamħirrum MON 810.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċjabilità ta’ prodotti tal-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE (3), jistipula rekwiżiti tat-traċċjabilità fl-Artikolu 5 għal prodotti li fihom jew li jikkonsistu minn OĠM. L-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-awtorizzazzjoni tal-prodotti għandha tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf modifikat ġenetikament, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(8)

L-applikant ġie kkonsultat dwar il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni.

(9)

Il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma tax opinjoni fi ħdan il-limitu ta’ żmien stabbilit mill-President tiegħu. Att ta’ implimentazzjoni kien meqjus neċessarju u l-President ressaq l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni lill-Kumitat tal-Appelli għal iktar deliberazzjoni. Il-Kumitat tal-Appelli ma ressaqx opinjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Organiżmu modifikat ġenetikament u identifikatur uniku

Il-qamħirrum modifikat ġenetikament (Zea mays L.) MON 810, kif inhu speċifikat fil-punt (b) tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, hu assenjat l-identifikatur uniku MON-ØØ81Ø-6, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 65/2004.

Artikolu 2

Awtorizzazzjoni

Polline prodott minn qamħirrum MON 810, bħala ikel jew fl-ikel u fl-ingredjenti tal-ikel, huwa awtorizzat għall-finijiet tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

It-tikkettar

Għall-finijiet tar-rekwiżiti speċifiċi dwar it-tikkettar previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-“isem tal-organiżmu” huwa “qamħirrum”.

Artikolu 4

Reġistru Komunitarju

It-tagħrif stipulat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandu jiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati, kif stipulat fl-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

Artikolu 5

Detentur tal-Awtorizzazzjoni

Id-dententur tal-awtorizzazzjoni għandu jkun Monsanto Europe S.A., fil-Belġju, li jirrappreżenta lil Monsanto Company, fl-Istati Uniti tal-Amerika.

Artikolu 6

Validità

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal perjodu ta’ 10 snin mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 7

Indirizzat

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Monsanto Europe S.A., Avenue de Tervuren 270-272, B-1150 Brussell – il-Belġju.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 10, 16.1.2004, p. 5.

(3)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24.


ANNESS

(a)   L-Applikant u d-Detentur tal-awtorizzazzjoni

Isem

:

Monsanto Europe S.A.

Indirizz

:

Avenue de Tervuren 270-272, B-1150 Brussell, il-Belġju

F’isem Monsanto Company, fl-Istati Uniti tal-Amerika.

(b)   Id-denominazzjoni u l-ispeċifikazzjoni tal-prodotti

Polline prodott minn MON-ØØ81Ø-6, bħala ikel jew fl-ikel u fl-ingredjenti tal-ikel.

Il-qamħirrum MON-ØØ81Ø-6 modifikat ġenetikament, kif deskritt fl-applikazzjoni, jesprimi l-proteina Cry1Ab li tipprovdi ħarsien kontra ċerti parassiti lepidotteri.

(c)   Tikkettar

Għall-finijiet tar-rekwiżiti speċifiċi dwar it-tikkettar previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-“isem tal-organiżmu” huwa “qamħirrum”.

(d)   Metodu ta’ detezzjoni

Metodu fil-ħin reali speċifiku għall-avveniment ibbażat fuq il-PCR għall-kwantifikazzjoni tal-qamħirrum MON-ØØ81Ø-6.

Ivvalidat fuq iż-żerriegħa tal-qamħirrum (materjali ta’ referenza ċċertifikati [CRM IRMM-413]), li jkun fihom taħlitiet ta’ qamħirrun immodifikat ġenetikament MON 810 u qamħirrum konvenzjonali, billi l-Istitut Federali għall-Valutazzjoni tar-Riskju (BfR) f’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Amerikana ta’ Studjużi tal-Kimika taċ-Ċereali (AACC), Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea (KE) (Istitut għal Materjal u Kejl ta’ Referenza (IRMM), Istitut għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IHCP)), u GeneScan, Berlin, ippubblikat fuq

http://gmo-crl.jrc.ec.europa.eu/summaries/Mon810_validation_report.pdf

Materjal ta’ Referenza: ERM-BF413k aċċessibli miċ-Ċentru ta’ Riċerka Konġunt (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea, l-Istitut tal-Kejl u l-Materjali ta’ Referenza (IRMM) fuq

http://www.irmm.jrc.be/html/reference_materials_catalogue/index.htm

(e)   Identifikatur uniku

MON-ØØ81Ø-6

(f)   Tagħrif meħtieġ skont l-Anness II tal-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza fir-rigward tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika

Mhux meħtieġa.

(g)   Kundizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq, l-użu jew l-immaniġjar tal-prodotti

Mhux meħtieġa.

(h)   Il-pjan ta’ monitoraġġ

Mhux meħtieġa.

(i)   Rekwiżiti ta’ monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq għall-użu tal-ikel għall-konsum mill-bniedem

Mhux meħtieġa.

Nota: il-links għal dokumenti rilevanti jista’ jkollhom bżonn jiġu emendati minn żmien għall-ieħor. Dawk il-modifiki ser ikunu mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz tal-aġġornament tar-reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf modifikati ġenetikament.


Top