EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0517

Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/517/PESK tal- 21 ta’ Ottubru 2013 dwar appoġġ mill-Unjoni għall-attivitajiet tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva

ĠU L 281, 23.10.2013, p. 6–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/517/oj

23.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 281/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/517/PESK

tal-21 ta’ Ottubru 2013

dwar appoġġ mill-Unjoni għall-attivitajiet tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 26(2) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (“l-Istrateġija”), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta’ miżuri li jridu jittieħdu kemm fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi biex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni.

(2)

L-Unjoni qed timplimenta attivament din l-Istrateġija u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b’mod partikolari bir-rilaxx ta’ riżorsi finanzjarji b’appoġġ għal proġetti speċifiċi mwettqa minn istituzzjonijiet multilaterali, bħall-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA).

(3)

Fis-17 ta’ Novembru 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/805/PESK fuq l-universalità u t-tisħiħ tal-ftehim multilaterali fil-qasam tan-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi tat-trasport tagħhom (1). Dik il-Pożizzjoni Komuni tappella, fost oħrajn, għall-promozzjoni tal-konklużjoni tal-Ftehimiet Komprensivi ta’ Salvagwardja u l-Protokolli Addizzjonali tal-IAEA u timpenja lill-Unjoni biex taħdem sabiex il-Ftehimiet Komprensivi ta’ Salvagwardja u l-Protokolli Addizzjonali jsiru l-istandard għas-sistema ta’ verifika tal-IAEA.

(4)

Fis-17 ta’ Mejju 2004, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/495/PESK dwar l-appoġġ għall-attivitajiet tal-IAEA taħt il-Programm ta’ Sigurtà Nukleari tagħha u fil-kwadru tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa (2).

(5)

Fit-18 ta’ Lulju 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/574/PESK dwar sostenn għall-attivitajiet tal-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas tal-implementazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Distruzzjoni Massiva (3).

(6)

Fit-12 ta’ Ġunju 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/418/PESK dwar l-appoġġ għall-attivitajiet tal-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi tal-Qerda tal-Massa (4).

(7)

Fl-14 ta’ April 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/314/PESK dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas tal-implementazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (5).

(8)

Fis-27 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/585/PESK dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas tal-implementazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (6).

(9)

It-tisħiħ tal-kontroll ta’ sorsi radjuattivi ta’ attività għolja f’konformità mad-dikjarazzjoni tal-G-8 u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sigurtà ta’ sorsi radjuattivi, adottati fis-Summit ta’ Evian tal-2003, jibqa’ objettiv importanti għall-Unjoni, li ser jitwettaq permezz ta’ sensibilizzazzjoni f’pajjiżi terzi.

(10)

Fit-8 ta’ Lulju 2005, l-Istati Partijiet u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika qablu b’kunsens li jemendaw il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika ta’ Materjal Nukleari (CPPNM) bil-ħsieb li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha sabiex tinkludi materjal u faċilitajiet nukleari fl-użu u fil-ħżin domestiku paċifiku, kif ukoll fit-trasport, u sabiex l-Istati Partijiet jiġu obbligati li jimponu sanzjonijiet kriminali għall-ksur.

(11)

Fis-7 ta’ Lulju 2007, daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta’ Atti ta’ Terroriżmu Nukleari. Din teħtieġ li l-Istati Partijiet jippromulgaw leġislazzjoni li tikkriminalizza r-reati msemmija fil-Konvenzjoni.

(12)

L-IAEA ssegwi l-istess objettivi bħal dawk stabbiliti fil-Premessi 3 sa 11. Dan isir permezz tal-implimentazzjoni tal-Pjan għas-Sigurtà Nukleari tagħha li huwa ffinanzjat kompletament permezz ta’ kontribuzzjonijiet volontarji lill-Fond għas-Sigurtà Nukleari tal-IAEA.

(13)

L-Unjoni tipparteċipa fil-proċess tas-Summit għas-Sigurtà Nukleari u ħadet l-impenn li tkompli ssaħħaħ l-isforzi tagħha li jimmiraw li jsaħħu s-sigurtà nukleari u li jassistu lil pajjiżi terzi f’dak ir-rigward. L-Unjoni tilqa’ l-passi reċenti biex jissaħħaħ il-Programm tal-IAEA għas-Sigurtà Nukleari kif ukoll il-Konferenza Internazzjonali dwar is-Sigurtà Nukleari li ser tiġi ospitata mill-IAEA mill-1 sal-5 ta’ Lulju 2013. L-Unjoni timmira li żżomm is-sostenibbiltà u l-effettività tal-implimentazzjoni tal-Azzjonijiet Konġuniti u d-Deċiżjoni tal-Kunsill preċedenti b’appoġġ għall-Pjani tal-IAEA għas-Sigurtà Nukleari u ħadet l-impenn li tipprovdi aktar appoġġ bil-ħsieb tal-adozzjoni tal-Pjan tal-IAEA għas-Sigurtà Nukleari 2014-2017. Ser titwettaq koordinazzjoni mill-qrib mal-Inizjattiva taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza tal-Kimika, Bijoloġija, Radjoloġija u Nukleari tal-UE, kif ukoll ma’ inizjattivi u programmi oħrajn biex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jissaħħu kemm jista’ jkun il-kosteffettività u t-tnaqqis kontinwu tar-riskji.

(14)

L-implimentazzjoni teknika ta’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi fdata f’idejn l-IAEA li, abbażi tal-ħila esperta stabbilita u rikonoxxuta b’mod estensiv fil-qasam tas-sigurtà nukleari, tista’ ssaħħaħ b’mod sinifikanti l-kapaċitajiet rilevanti fil-pajjiżi fil-mira. Il-proġetti kif appoġġati mill-Unjoni jistgħu jiġu ffinanzjati biss permezz ta’ kontribuzzjonijiet volontarji għall-Fond għas-Sigurtà Nukleari tal-IAEA. Dawn il-kontribuzzjonijiet li ser jiġu pprovduti mill-Unjoni ser ikunu strumentali biex l-IAEA jkun jista’ jkollha rwol prinċipali fil-qasam tas-sigurtà nukleari permezz ta’ appoġġ għall-isforzi tal-pajjiżi biex jitwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tas-sigurtà nukleari, kif rikonoxxut ukoll fil-qafas tal-proċess tas-Summit għas-Sigurtà Nukleari,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni immedjata u prattika ta’ ċerti elementi tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva, l-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet tal-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari sabiex jitmexxew ’il quddiem l-objettivi li ġejjin:

(a)

li jinkiseb progress lejn l-universalizzazzjoni ta’ strumenti għan-nonproliferazzjoni internazzjonali u għas-sigurtà nukleari, inkluż il-Ftehimiet ta’ Salvagwardja Komprensivi tal-IAEA u l-Protokolli Addizzjonali;

(b)

li titjieb il-protezzjoni ta’ materjal u tagħmir sensittiv għall-proliferazzjoni u t-teknoloġija rilevanti, filwaqt li tingħata assistenza leġislattiva u regolatorja fil-qasam tas-sigurtà u s-salvagwardji nukleari;

(c)

li jissaħħaħ il-kxif ta’ traffikar illeċitu ta’ materjal nukleari u materjal ieħor radjuattiv u r-rispons għalih.

2.   Il-proġetti tal-IAEA, li jikkorrispondu għal miżuri tal-Istrateġija, għandhom l-għan li:

jiżguraw is-sostenibbiltà u l-effettività ta’ appoġġ mogħti permezz ta’ Azzjonijiet Konġunti u Deċiżjonijiet tal-Kunsill preċedenti;

isaħħu l-Infrastruttura Indiġena tal-Istati għall-Appoġġ tas-Sigurtà Nukleari;

isaħħu l-Qafas Leġislattiv u Regolatorju tal-Istati;

isaħħu s-Sistemi għas-Sigurtà Nukleari u l-Miżuri għal Materjal Nukleari u Materjal Radjuattiv ieħor;

isaħħu l-Infrastruttura Istituzzjonali tal-Istati u l-Kapaċitajiet tal-Istati li Jittrattaw Materjal Nukleari u Materjal Radjuattiv ieħor li ma jaqax taħt il-Kontroll Regolatorju;

jissapportjaw il-kuxjenza dwar u isaħħu r-rispons tal-Istati u r-Reżistenza tagħhom għaċ-Ċiberkriminalità u l-Mitigazzjoni tal-Impatt tagħha fuq is-Sigurtà Nazzjonali u Nukleari.

li tiġi żviluppata kapaċità addizzjonali fil-laboratorji biex jingħata appoġġ għall-evalwazzjoni tat-teknoloġiji industrijali ta’ kontroll u fil-livell tas-sistema elettronika użati għall-identifikazzjoni ta’ vulnerabbiltajiet għal ċiberkriminalità relatata man-nukleari, u tisfrutta u żżid l-għarfien ta’ tali kwistjonijiet, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni fi skambji reġjonali u l-użu ta’ miżuri kompensatorji jew ta’ rimedju.

L-għażla tal-Istati benefiċjarji u tal-proġetti għandha ssir mill-Kunsill abbażi ta’ evalwazzjoni komprensiva mill-IAEA tal-ħtiġijiet u diversi konsiderazzjonijiet oħrajn bil-għan li jiġi żgurat l-ikbar impatt possibbli tal-azzjoni.

Fl-Anness tinstab deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-‘RGħ’) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Il-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandhom jitwettqu mill-IAEA bħala l-Entità ta’ Implimentazzjoni. Hija għandha twettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan l-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-IAEA.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta’ EUR 8 050 000.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun ġestit f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni adatta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dan l-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mal-IAEA. Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistipula li l-IAEA għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, b’mod adatt skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.

Artikolu 4

1.   Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mill-IAEA. Dawn ir-rapporti għandhom ikunu l-bażi għall-evalwazzjoni mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament bejn il-Kummissjoni u l-IAEA, jew wara 12-il xahar wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ta’ finanzjament qabel dik id-data.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 302, 20.11 2003, p. 34.

(2)  ĠU L 182, 19.5.2004, p. 46.

(3)  ĠU L 193, 23.7.2005, p. 44.

(4)  ĠU L 165, 17.6.2006, p. 20.

(5)  ĠU L 107, 17.4.2008, p. 62 rettifikata bil-ĠU L 212, 7.8.2008, p. 6.

(6)  ĠU L 259, 1.10.2010, p. 10.


ANNESS

Appoġġ tal-Unjoni Ewropea għall-attivitajiet tal-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva

Eliġibbiltà u għażla tal-Istati benefiċjarji

L-Istati eliġibbli li jirċievu appoġġ skont din id-Deċiżjoni jinkludu l-Istati Membri kollha tal-IAEA, u pajjiżi oħrajn li jeħtieġu appoġġ fil-qasam tas-sigurtà nukleari, soġġett għal deċiżjoni sussegwenti mill-Unjoni, abbażi ta’ proposta mill-IAEA, għal azzjoni prijoritarja.

L-għażla tal-Istati li jirċievu u l-proġetti li għandhom jiġu implimentati fih ser isiru abbażi ta’ evalwazzjoni komprensiva mill-IAEA tal-ħtiġijiet u konsiderazzjonijiet pertinenti oħrajn (Fażi ta’ evalwazzjoni u tħejjija tad-deċiżjoni), mill-korpi rilevanti tal-Kunsill tal-UE, bil-għan li jiġi żgurat l-akbar impatt possibbli tal-azzjoni. Ser titwettaq koordinazzjoni mill-qrib mal-Inizjattiva EU CBRN dwar iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza, kif ukoll ser jitwettqu inizjattivi u programmi oħrajn biex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jissaħħu kemm jista’ jkun il-kosteffettività u t-tnaqqis kontinwu tar-riskji. L-użu ta’ fondi għal attivitajiet speċifiċi ser ikun konformi mal-prijoritajiet tal-Unjoni u soġġett għal konsultazzjoni regolari minn qabel.

Il-proġetti ser jiġu implimentati fl-Istati li jirċievu u jistgħu jinkludu attivitajiet fis-seba’ oqsma li ġejjin:

1.

Sostenibbiltà u Effettività tal-Appoġġ mogħti permezz ta’ Azzjonijiet Konġunti u Deċiżjonijiet tal-Kunsill preċedenti;

2.

Tisħiħ tal-Infrastruttura Indiġena tal-Istati għall-Appoġġ tas-Sigurtà Nukleari;

3.

Tisħiħ tal-Oqsfa Leġislattivi u Regolatorji tal-Istati;

4.

Tisħiħ tas-Sistemi għas-Sigurtà Nukleari u l-Miżuri għal Materjal Nukleari u Materjal Radjuattiv ieħor;

5.

Tisħiħ tal-Infrastruttura Istituzzjonali tal-Istati u l-Kapaċitajiet tal-Istati li Jittrattaw Materjal Nukleari u Materjal Radjuattiv ieħor li ma jaqax taħt il-Kontroll Regolatorju;

6.

Is-sostenn tal-kuxjenza dwar u t-tisħiħ tar-rispons tal-Istati u r-reżistenza tagħhom għall-impatt taċ-Ċiberkriminalità fuq is-Sigurtà Nazzjonali u Nukleari;

7.

Kapaċità tal-laboratorju għall-indirizz ta’ ċiberkriminalità relatata man-nukleari.

I.   FAŻI TA’ EVALWAZZJONI U TĦEJJIJA TAD-DEĊIŻJONIJIET

Għan

Evalwazzjoni, imwettqa mill-IAEA, tal-ħtiġijiet tal-Istat li jirċievi biex tissaħħaħ is-sigurtà nukleari fil-pajjiżi kkonċernati bl-użu tal-metodoloġija u l-kriterji żviluppati taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/585/PESK. Tali evalwazzjoni ser tkopri kriterji rilevanti tas-seba’ oqsma kollha msemmija hawn fuq.

Li jintużaw ir-riżultati ta’ evalwazzjoni ġenerali u konsiderazzjonijiet pertinenti oħrajn bħala bazi għall-għażla tal-Istati fejn ser jiġu implimentati l-proġetti.

Riżultati

Għoti ta’ deskrizzjoni ġenerali tar-riżultati tal-evalwazzjoni għall-appoġġ għas-sigurtà nukleari fi Stati li jirċievu, kemm fil-livell tal-Istat kif ukoll fil-faċilitajiet, is-siti u t-trasporti individwali jew applikazzjonijiet oħrajn li fihom jintuża jew jiġi maħżun materjal nukleari u radjuattiv, inkluż l-infrastruttura li tittratta materjal li ma jaqax taħt il-kontroll regolatorju.

Għas-seba’ oqsma kollha msemmija hawn fuq, ser jiġu identifikati l-Istati li jirċievu u l-proġetti u ser tiġi pprovduta lista ta’ Stati proposti li jirċievu u riċevitorji fuq il-lista ta’ riżerva (tat-tieni prijorità) li għandhom jirċievu appoġġ taħt din id-Deċiżjoni.

L-IAEA ser twettaq parti minn din il-ħidma abbażi ta’ kofinanzjament, billi tikkontribwixxi madwar 1 % tal-ispiża eliġibbli totali tal-proġett. Din il-ħidma ser titwettaq abbażi tal-ħila esperta tal-IAEA rigward dan is-suġġett.

II.   FAŻI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TA’ PROĠETTI LI JINGĦATAW PRIJORITÀ

Qasam 1:   Sostenibbiltà u Effettività tal-Appoġġ mogħti permezz ta’ Azzjonijiet Konġunti u Deċiżjonijiet tal-Kunsill preċedenti

Objettiv Strateġiku

Li jinżammu s-sostenibbiltà u l-effettività tal-implimentazzjoni tal-Azzjonijiet Konġuniti u d-Deċiżjoni tal-Kunsill preċedenti abbażi tal-Pjani tal-IAEA għas-Sigurtà Nukleari li ġew imfasslin biex:

Isir kontribut għall-isforzi globali biex tinkiseb sigurtà effettiva fid-dinja kollha, kull fejn ikun qiegħed jintuża, jiġi maħżun u/jew jiġi trasportat materjal nukleari jew materjal ieħor radjuattiv, u ta’ faċilitajiet assoċjati billi, fuq talba, l-Istati jiġu appoġġati fl-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu u jżommu sigurtà nukleari effettiva permezz ta’ assistenza fil-bini ta’ kapaċitajiet, l-għoti ta’ gwida, l-iżvilupp tar-riżorsi umani, is-sostenibbiltà u t-tnaqqis tar-riskji.

Tingħata assistenza għall-adeżjoni għal u l-implimentazzjoni tal-istrumenti legali internazzjonali relatati mas-sigurtà nukleari, u biex jissaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni internazzjonali tal-assistenza mogħtija permezz ta’ programmi bilaterali u inizjattivi internazzjonali oħrajn b’mod li jikkontribwixxi wkoll għall-possibbiltà li jsir użu sikur, bla periklu u paċifiku tal-enerġija nukleari u ta’ dawk l-applikazzjonijiet b’sustanzi radjuattivi.

Jiġu identifikati l-Istati benefiċjarji billi jinġabru flimkien ir-riżultati tal-missjonijiet ta’ evalwazzjoni u l-informazzjoni eżistenti tal-IAEA u permezz ta’ diskussjonijiet bejn l-Istat u l-IAEA.

Għan

Li tiġi żgurata s-sostenibbiltà, l-effettività kontinwa u l-impatt previst skont Azzjonijiet Konġunti u Deċiżjonijiet tal-Kunsill preċedenti inkluż permezz ta’ sistemi tekniċi, kapaċità umana u attivitajiet ta’ konsolidazzjoni jew ripatrijazzjoni.

Li jittieħed kemm jista’ jkun vantaġġ mill-benefiċċji minn appoġġ internazzjonali, reġjonali u nazzjonali u l-attivitajiet għall-għoti ta’ riżorsi umani, appoġġ tekniku u xjentifiku ta’ kwalità permezz tal-użu effiċjenti tar-riżorsi.

Riżultati

Li jiġu evalwati s-sostenibbiltà, l-effettività u l-impatt tal-kompiti li ġew implimentati permezz ta’ Azzjonijiet Konġunti u Deċiżjonijiet tal-Kunsill preċedenti.

Li tiġi żviluppata u pprovduta sistema ta’ assigurazzjoni tal-kwalità inkluż l-ittestjar u l-implimentazzjoni pilota tagħha għal Stati li jkunu rċevew appoġġ rigward is-sigurtà nukleari.

Li tiġi identifikata assistenza ulterjuri li tkun meħtieġa biex tinżamm jew tiġi żgurata s-sostenibbiltà tat-titjib tas-sigurtà nukleari li kien maħsub.

Li jingħata appoġġ għas-sostenn ta’ tagħmir li jaħdem u persunal kompetenti, permezz ta’ aktar assistenza biex il-kapaċità indiġena tiġi istituzzjonalizzata għall-manutenzjoni ta’ tagħmir, it-tiswija ta’ tagħmir li ma jaħdimx sew jew is-sostituzzjoni ta’ komponenti bil-ħsara, kif ukoll li jiġi żgurat kemm jista’ jkun l-involviment tal-Istati fl-isforzi reġjonali tal-bini ta’ kapaċità.

Li jingħata aċċess affidabbli għal persunal kompetenti permezz tal-għoti ta’ taħriġ u edukazzjoni.

Qasam 2:   Tisħiħ tal-Infrastruttura Indiġena tal-Istati għall-Appoġġ tas-Sigurtà Nukleari

Objettiv Strateġiku

Il-programmi tal-IAEA jassistu lill-Istati biex jintegraw bosta attivitajiet li jiżguraw is-sostenibbiltà tat-titjib tas-sigurtà nukleari. L-iżvilupp tar-riżorsi umani li jkopri kemm it-taħriġ kif ukoll programmi edukattivi akkademiċi jiġi pprovdut biex jiġu indirizzati firxa ta’ responsabbiltajiet nazzjonali u reġjonali. L-IAEA tipprovdi wkoll appoġġ għal Stati li jixtiequ jiżviluppaw Ċentri ta’ Appoġġ għas-Sigurtà Nukleari (NSSC) maħsuba biex jiffaċilitaw l-iżvilupp tar-riżorsi umani u biex jipprovdu servizzi ta’ appoġġ tekniku bħal tagħmir u manutenzjoni fil-livell nazzjonali u f’dak reġjonali.

Għan

Li jiġi żviluppat u eżaminat, f’kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-awtoritajiet Statali adatti u inizjattivi oħrajn tal-UE, Pjan ta’ Appoġġ Integrat għas-Sigurtà Nukleari (INSSP), u li jitwettqu Missjonijiet Konsultattivi bħala bażi għat-tisħiħ tas-sigurtà nukleari fl-Istat.

Li tingħata assistenza lill-Istati biex jiżguraw id-disponibbiltà ta’ appoġġ tekniku u xjentifiku indiġenu, u l-iżvilupp tar-riżorsi umani li hu meħtieġ għal sigurtà nukleari effettiva u sostenibbli.

Riżultati

Li jiġu żviluppati jew eżaminati l-INSSPs nazzjonali mfasslin skont il-ħtiġijiet komprensivi speċifiċi tal-Istat u li jiġu identifikati s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet għat-tisħiħ tas-sigurtà fl-Istat.

Li ssir koordinazzjoni tal-attivitajiet relatati mal-istabbiliment ta’ NSSC nazzjonali maċ-Ċentri ta’ Eċċellenza attwali u futuri tal-EU CBRN u attivitajiet rilevanti oħrajn fir-reġjuni adatti.

Li jingħataw tagħmir u servizzi ta’ esperti biex jiġi appoġġat l-istabbiliment ta’ NSSCs nazzjonali, titrawwem kultura ta’ sigurtà nukleari adatta u jiġi ffaċilitat l-użu ta’ lezzjonijiet miksuba u l-aħjar prattiki għal titjib kontinwu u applikazzjoni fir-rigward tal-perspettiva usa’ tas-CBRN.

Qasam 3:   Tisħiħ tal-Qafas Leġislattiv u Regolatorju tal-Istati

Objettiv Strateġiku

L-IAEA qed tipprovdi sett komprensiv ta’ rakkomandazzjonijiet u gwida rigward is-sigurtà nukleari b’appoġġ għall-qafas globali għas-sigurtà nukleari. Permezz tal-użu ta’ din il-gwida, l-IAEA, fuq talba mill-Istati, twettaq diversi Missjonijiet Konsultattivi esperti lill-Istati li jipprovdu assistenza leġislattiva speċifika għat-tisħiħ tal-oqfsa legali u regolatorji nazzjonali u tiffaċilita r-rispett għall-istrumenti legali internazzjonali li huma rilevanti għas-sigurtà nukleari u l-implimentazzjoni tagħhom.

Għan

Li jissaħħu l-oqsfa leġislattivi u regolatorji nazzjonali, kif ukoll il-kapaċità tal-Istati li jiżviluppaw skambji tal-aħjar prattiki fuq livell reġjonali, kif japplikaw għal kwalunkwe awtorità involuta fis-sigurtà ta’ materjal nukleari u materjal radjuattiv ieħor jew taħt il-kontroll regolatorju jew inkella barra mill-kontroll regolatorju.

Li l-Istati jingħataw mezzi kosteffettivi li jassistuhom biex jissodisfaw obbligi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, il-promulgazzjoni ta’ strumenti legali vinkolanti u internazzjonali, inkluż Ftehimiet ta’ Salvagwardja u Protokolli Addizzjonali, u impenn fir-rigward tal-istrumenti legali nonvinkolanti.

Riżultati

Li jiġi ġġenerat numru ikbar ta’ Stati li taw bidu għall-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ leġislazzjoni komprensiva u koerenti fil-livell nazzjonali, li tkopri sigurtà nukleari, salvagwardji, sikurezza, u responsabbiltà għal dannu nukleari, inkluż dawk abbażi ta’ sinerġiji mal-azzjonijiet implimentati mill-Unjoni permezz ta’ strumenti oħrajn bħall-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Istrument ta’ Qabel l-Adeżjoni, u li tiġi inkoraġġuta l-inklużjoni tas-sigurtà nukleari bħala konsiderazzjoni prinċipali għall-Istati li jesprimu interess fit-tnedija ta’ programm ta’ enerġija nukleari.

Li tingħata konsulenza minn persuni esperti permezz tal-forniment ta’ servizzi ta’ valutazzjoni mill-IAEA, eż. is-Servizz Internazzjonali għas-Sigurtà Nukleari (INSServ), is-Servizz Internazzjonali ta’ Konsulenza rigward il-Protezzjoni Fiżika (IPPAS), il-Missjoni għall-Analiżi Integrata tal-Infrastruttura Nukleari (INIR), is-Servizz għall-Analiżi Integrata tar-Regolamentazzjoni (IRRS), Is-Servizz Internazzjonali ta’ Konsulenza rigward l-SSAC (ISSAS) u servizzi konsultattivi oħrajn kif ukoll it-tagħmir u t-taħriġ indikat mir-riżultati ddokumentati.

Li jiżdied in-numru ta’ Stati li jaderixxu mas-CPPNM u l-Emenda tagħha u/jew li jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jimplimentaw l-istrumenti legali internazzjonali li jappoġġaw il-qafas tas-sigurtà nukleari.

Li tissaħħaħ l-infrastruttura regolatorja nazzjonali għas-sikurezza tar-radjazzjoni u s-sigurtà ta’ materjal radjuattiv f’konformità mal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar is-Sikurezza u s-Sigurtà ta’ Sorsi Radjuattivi u l-Gwida dwar l-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Sorsi Radjuattivi.

Li jissaħħu l-oqfsa leġislattivi nazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ Ftehimiet ta’ Salvagwardja u Protokolli Addizzjonali konklużi bejn l-Istati u l-IAEAA, b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ Sistema tal-Istat għall-Kontabbilità u l-Kontroll tal-Materjal Nukelari (SSAC) komprensiva.

Qasam 4:   Tisħiħ tas-Sistemi għas-Sigurtà Nukleari u l-Miżuri għal Materjal Nukleari u Materjal Radjuattiv ieħor

Objettiv Strateġiku

L-IAEA ser tkompli tikkontribwixxi għat-titjib tas-sigurtà nukleari globali u nazzjonali permezz ta’ attivitajiet li jappoġġaw, fuq talba, lill-Istati fl-isforzi tagħhom biex inaqqsu r-riskju li materjal nukleari jew materjal radjuattiv ieħor li jkun qiegħed jintuża, ikun maħżun u/jew ikun qed jiġi ttrasportat jista’ jintuża f’atti malintenzjonati. Jeħtieġ li s-sistemi nazzjonali għas-sigurtà nukleari jiġu appoġġati permezz tal-istabbiliment ta’ ċentri ta’ appoġġ nazzjonali għas-sigurtà nukleari biex jipprovdu bażi ta’ riżorsi, jiffaċilitaw it-taħriġ nazzjonali b’mod sistematiku u jipprovdu appoġġ tekniku speċifiku meħtieġ għall-użu effettiv u l-manutenzjoni ta’ strumenti ta’ kxif u sistemi tekniċi oħra għas-sigurtà nukleari.

Għan

Li tissaħħaħ l-ewwel linja tad-difiża tal-Istat fl-għamla ta’ sigurtà għal materjal nukleari u materjal radjoloġiku ieħor, u l-faċilitajiet u s-sistemi tat-trasport assoċjati magħhom.

Li jinstabu u jiġu identifikati sorsi radjuattivi f’ċirkostanzi li jindikaw il-ħtieġa ta’ kondizzjonament tas-sorsi u t-trasport tagħhom lejn post ta’ ħżin sikur u bla periklu fil-pajjiżi magħżula, inkluża r-ripatrijazzjoni lejn il-pajjiż tal-oriġini jew tal-forniment.

Li jissaħħu s-sistemi tekniċi u amministrattivi implimentati għall-kontabbiltà u l-kontroll ta’ materjali nukleari, inkluż it-tisħiħ tal-SSACs eżistenti, stabbiliti għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Salvagwardja u l-Protokolli Addizzjonali, inkluż fi Stati bi programmi nukleari limitati, u tnaqqis tal-obbligi ta’ rappurtar skont l-hekk imsejħa “protokolli għal kwantitajiet żgħar” għall-ftehimiet ta’ salvagwardja tagħhom.

Li jissaħħu, jew, fejn applikabbli, jiġu stabbiliti reġistri nazzjonali ta’ sustanzi, materjal u sorsi radjuattivi fl-Istati magħżula.

Riżultati

Li jiġu implimentati miżuri fir-rigward tal-protezzjoni fiżika ta’ materjal nukleari f’faċilitajiet u siti nukleari magħżula u ta’ sorsi radjuattivi f’applikazzjonijiet mhux nukleari (eż. l-użu mediku jew industrijali, jew l-iskart radjuattiv), inkluż permezz tat-tisħiħ tal-iskambji reġjonali tal-aħjar prattiki, fejn adatt.

Li jitnaqqas ir-riskju minn sorsi radjuattivi f’ċirkostanzi vulnerabbli permezz ta’ protezzjoni fiżika aktar effettiva jew, kif adatt, iż-żarmar u t-trasport għal postijiet ta’ ħżin sikur u bla periklu fi Stat jew fi Stati oħrajn magħżula.

Li jitnaqqas in-numru ta’ sorsi radjuattivi f’ċirkostanzi mhux ikkontrollati u mhux protetti permezz tal-appoġġ minn kampanji nazzjonali ta’ tfittix u sigurtà fi Stati magħżula.

Li jiġi stabbilit u ssir manutenzjoni ta’ sistemi tekniċi u amministrattivi effettivi għall-kontabbiltà u l-kontroll tas-sigurtà tal-materjal nukleari, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ SSACs ġodda u/jew permezz tat-tisħiħ ta’ dawk eżistenti, li huma kapaċi jimplimentaw il-Ftehimiet ta’ Salvagwardja u l-Protokolli Addizzjonali, inkluż fi Stati bi “protokolli għal kwantitajiet żgħar”.

Li jingħata taħriġ lil persunal fi Stati li huma eliġibbli biex jirċievu appoġġ, biex tiżdied il-probabbiltà ta’ implimentazzjoni u sostenn ta’ sistema effettiva ta’ protezzjoni fiżika.

Qasam 5:   Tisħiħ tal-Infrastrutturi Istituzzjonali tal-Istati u l-Kapaċitajiet tal-Istati li Jittrattaw Materjal Nukleari u Materjal Radjuattiv ieħor li ma jaqax taħt il-Kontroll Regolatorju

Objettiv Strateġiku

Li jingħata appoġġ kontinwu tal-IAEA lill-Istati għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali ta’ sigurtà nukleari għall-protezzjoni ta’ persuni, proprjetà u l-ambjent minn avvenimenti ta’ sigurtà nukleari li jinvolvu materjal nukleari jew materjal radjuattiv ieħor li ma jaqax taħt il-kontroll regolatorju. Li jingħata appoġġ għall-kxif ta’ materjal ta’ dan it-tip u bħala rispons għal avvenimenti ta’ dan it-tip huma rwoli importanti għall-IAEA filwaqt li tingħata prijorità lill-iżvilupp ta’ kapaċitajiet nazzjonali għal kontroll effettiv tal-fruntieri u għall-protezzjoni mir-riskju ta’ atti malintenzjonati f’avvenimenti pubbliċi prinċipali u r-rispons għalihom.

Għan

Li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Istati għall-prevenzjoni, il-kxif, ir-rispons u l-protezzjoni ta’ persuni, proprjetà, l-ambjent u s-soċjetà minn atti mhux awtorizzati kriminali jew intenzjonali li jinvolvu materjal nukleari jew materjal radjuattiv ieħor li ma jaqax taħt kontroll regolatorju, inkluż permezz ta’ sforzi reġjonali għall-bini ta’ kapaċitajiet, fejn dawn ikunu disponibbli.

Riżultati

Li tiġi implimentata l-infrastruttura istituzzjonali għall-ġestjoni ta’ materjal li ma jaqax taħt il-kontroll regolatorju.

Li tiġi żviluppata u implimentata struttura nazzjonali għall-kxif relatat mas-sigurtà nukleari.

Li tiġi stabbilita kapaċità effettiva, indiġena, għall-ġestjoni tal-post tar-reat radjoloġiku u li tiġi identifikata opzjoni tal-forensika nukleari li tkun effiċjenti u kosteffettiva (fejn fattibbli, is-sejbiet għandhom ikunu disponibbli għal pajjiżi oħrajn tar-reġjun rispettiv).

Qasam 6:   Sostenn għall-kuxjenza dwar u tisħiħ tar-Rispons tal-Istati u r-Reżistenza tagħhom għall-impatt taċ-Ċiberkriminalità fuq is-Sigurtà Nukleari Nazzjonali

Objettiv Strateġiku

L-IAEA għandha l-għan li tipprovdi lill-Istati bir-riżorsi u l-ħila esperta esterna li jeħtieġu biex jiżviluppaw u jimplimentaw programmi kompjuterizzati għas-sigurtà u l-protezzjoni tal-informazzjoni biex tissaħħaħ is-sigurtà nukleari globali. L-appoġġ jiġi ffukat fuq il-prevenzjoni ta’ atti bil-kompjuter li jistgħu jwasslu, direttament jew indirettament, għat-tneħħija mhux awtorizzata ta’ materjal nukleari jew materjal radjuattiv ieħor, is-sabotaġġ ta’ materjal nukleari jew materjal radjuattiv jew ta’ faċilitajiet assoċjati u s-serq ta’ informazzjoni sensittiva ta’ natura nukleari.

Għan

Li jiġi żgurat li l-Istati jkollhom disponibbli l-appoġġ tekniku u l-kapaċità ta’ riżorsi umani meħtieġa għat-tisħiħ tal-programmi nazzjonali għaċ-ċibersigurtà kontra t-theddid emerġenti li jista’ jkollu impatt fuq is-sigurtà nukleari nazzjonali, bl-użu ta’ teknoloġiji stabbiliti għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ prevenzjoni taċ-ċiberkriminalità, kxif u rkupru minn attakki ċibernetiċi.

Li jissaħħu s-sistemi tekniċi u amministrattivi għal protezzjoni minn attivitajiet ċibernetiċi kriminali kontra miri fl-infrastruttura kritika li jinkludu materjal nukleari jew materjal radjuattiv ieħor, u l-faċilitajiet u l-attivitajiet tat-trasport assoċjati magħhom.

Li jiġu żviluppati netwerks nazzjonali li jippromwovu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-assistenza fir-rispons għal kwistjonijiet transkonfinali relatati maċ-ċibersigurtà.

Riżultati

Li tiġi stabbilita sistema nazzjonali effettiva ta’ netwerks tekniċi u amministrattivi għall-prevenzjoni u l-kxif ta’ attakki ċibernetiċi u r-rispons għalihom.

Li titjieb is-sistema reġjonali u internazzjonali ta’ informazzjoni biex tiġi kondiviża informazzjoni dwar attivitajiet ċiberkriminali fir-rigward ta’ theddid attwali u emerġenti.

Li titjieb il-kollaborazzjoni bejn l-Istati għall-arrest u l-prosekuzzjoni fir-rigward ta’ avvenimenti ċiberkriminali.

Li jiġu installati strumenti għat-tnaqqis tal-“ispiża li tirriżulta” mill-ċiberkriminalità fl-Istati f’termini ta’ spejjeż diretti u indiretti minħabba kompromessi, spjejjeż ta’ rispons u spejjeż ta’ irkupru relatati mal-proprjetà intellettwali.

Li jissaħħu s-sistemi nazzjonali għas-sigurtà nukleari permezz tat-tnaqqis fl-attivitajiet taċ-ċiberkriminalità u t-theddid minnha.

Li titjieb is-sħubija mas-sħab industrijali u bejniethom fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji u servizzi li jipprovdu livell ogħla ta’ difiża u reżistenza kontra ċ-ċiberkriminalità.

Taqsima 7:   Kapaċità tal-laboratorju għall-indirizz ta’ ċiberkriminalità relatata man-nukleari

Għan

Li tiġi żviluppata kapaċità addizzjonali fil-laboratorji biex jingħata appoġġ għall-evalwazzjoni tat-teknoloġiji industrijali ta’ kontroll u fil-livell tas-sistema elettronika użati għall-identifikazzjoni ta’ vulnerabbiltajiet għal ċiberkriminalità relatata man-nukleari, u tisfrutta u żżid l-għarfien ta’ tali kwistjonijiet, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni fi skambji reġjonali u l-użu ta’ miżuri kompensatorji jew ta’ rimedju.

Riżultat

Li tiġi żviluppata kapaċità fil-laboratorji għall-evalwazzjoni tal-kontroll industrijali u t-teknoloġiji fil-livell tas-sistema elettronika għal vulnerabbiltajiet fir-rigward taċ-ċiberkriminalità għal finijiet edukattivi u ta’ taħriġ.


Top