This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013D0482
2013/482/EU: Council Decision of 30 September 2013 on the position to be taken by the European Union within the Joint Committee set up by Article 11 of the Agreement between the European Union and the Republic of Moldova on protection of geographical indications of agricultural products and foodstuffs, as regards the adoption of the rules of procedure of the Joint Committee
2013/482/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 30 ta’ Settembru 2013 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 11 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt
2013/482/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 30 ta’ Settembru 2013 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 11 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt
ĠU L 263, 5.10.2013, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
5.10.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 263/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-30 ta’ Settembru 2013
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 11 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt
(2013/482/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-protezzjoni ta’ indikazzzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1) (“il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2013. |
(2) |
L-Artikolu 11 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt, li fost affarijiet oħra, għandu jiżgura li l-Ftehim jaħdem kif suppost. |
(3) |
Skont l-Artikolu 11(2) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jiddetermina r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess. |
(4) |
Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura ta’ dak il-Kumitat Konġunt, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 11 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura ta’ dak il-Kumitat Konġunt, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Korrezzjonijiet tekniċi minuri għall-abbozz tad-Deċiżjoni jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Settembru 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
L. LINKEVIČIUS
ABBOZZ
ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT
ta’ …
dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu
IL-KUMITAT KONĠUNT,
Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel, u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,
Billi dak il-Ftehim daħal fis-seħħ nhar l-1 ta’ April 2013,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Kapijiet tad-Delegazzjoni
1. L-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova (“il-Partijiet”), għandhom jaħtru Kap ta’ Delegazzjoni kull wieħed, li għandu jkun il-persuna ta’ kuntatt rigward il-materji kollha marbutin mal-Kumitat.
2. Kull Kap tad-Delegazzjoni jista’ jiddelega l-funzjonijiet kollha tiegħu ta’ Kap tad-Delegazzjoni jew xi wħud minnhom lil deputat innominat, u f’dan il-każ kwalunkwe referenza li ssir wara għall-Kap tad-Delegazzjoni tkun tapplika bl-istess mod għad-deputat innominat.
Artikolu 2
Presidenza
1. Il-kariga tal-Presidenza tal-Kumitat għandha talterna minn idejn il-Kap tad-Delegazzjoni ta’ waħda mill-Partijiet għal idejn il-Kap tal-Parti l-oħra, għal perjodu ta’ sena kalendarja.
2. Il-Presidenza għandu jkollha r-responsabbiltà tal-karigi segretarjali tal-Kumitat.
Artikolu 3
Laqgħat
1. Il-Presidenza għandha tiffissa d-data u l-post jew, fil-każ li l-laqgħat isiru b’mezzi elettroniċi, l-arranġamenti tekniċi, tal-laqgħat bi qbil mal-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor. Il-President u l-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor, meta jiftiehmu dwar id-data u l-post tal-laqgħa, għandhom josservaw ir-rekwiżit li jorganizzaw laqgħa fi żmien 90 jum.
2. Fejn iż-żewġ partijiet jaqblu, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt jistgħu jattenduhom esperti li huma kapaċi jfornu informazzjoni speċifika mitluba.
3. Sakemm ma jkunx hemm qbil konġunt mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat ma għandhomx ikunu pubbliċi.
Artikolu 4
Korrispondenza
1. Kull korrispondenza lill-Kumitat jew għalih għandha tiġi indirizzata lill-President tal-Kumitat. Dan tal-aħħar għandu jgħaddi kopja tal-korrispondenza kollha marbuta mal-Kumitat lill-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor, lill-Kap tal-Missjoni tal-Moldova fi Brussell u lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE f’Chisinau.
2. Il-korrispondenza bejn il-President u l-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor tista’ ssir permezz ta’ kwalunkwe mezz bil-miktub, inkluża l-posta elettronika.
Artikolu 5
Aġendi għal-laqgħat
1. Il-Presidenza għandha tfassal l-abbozz tal-aġenda qabel kull laqgħa. L-abbozz tal-aġenda għandu jintbagħat lill-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor mhux aktar tard minn 20 jum tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa. L-abbozz tal-aġenda ċċirkolat mill-President għandu jinkludi kwalunkwe punt kopert mill-Artikolu 11(3) tal-Ftehim, magħżul mill-President.
2. Il-Kapjijiet tad-Delegazzjoni jistgħu jitolbu punti addizzjonali koperti mill-Artikolu 11(3) sa mhux inqas minn 10 ijiem tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa, u l-Presidenza għandha tinkludihom fl-abbozz tal-aġenda.
3. L-abbozz finali tal-aġenda għandu jiġi ċċirkolat lill-Kap ta’ Delegazzjoni l-ieħor mill-President mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa.
4. L-aġenda għandha tiġi adottata bi qbil konġunt mill-President u mill-Kap ta’ Delegazzjoni l-ieħor fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punti oħra għajr dawk li jidhru fl-abbozz tal-aġenda jistgħu jiżdiedu fl-aġenda jekk jintlaħaq qbil dwar dan min-naħa tal-Presidenza u l-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor.
Artikolu 6
Adozzjoni ta’ strumenti
1. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 11(2) tal-Ftehim għandhom jiġu indirizzati lill-Partijiet u għandhom jinkludu l-firem tal-Presidenza u tal-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor.
2. Kull waħda mill-Partijiet tista’ tiddeċiedi li tippubblika kwalunkwe deċiżjoni adottata mill-Kumitat.
Artikolu 7
Proċedura bil-miktub
1. Deċiżjoni mill-Kumitat tista’ tiġi adottata permezz ta’ proċedura bil-miktub meta l-Presidenza u l-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor jkunu qablu dwar dan.
2. Il-Kap tad-Delegazzjoni li jipproponi l-użu tal-proċedura bil-miktub għandu jissottometti l-abbozz ta’ deċiżjoni lill-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor. Il-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor għandu jwieġeb, filwaqt li jindika jekk jaċċettax jew le l-abbozz, jekk jipproponix xi emendi, jew jekk jitlobx aktar żmien ta’ riflessjoni. Jekk l-abbozz jiġi adottat, dan għandu jiġi ffinalizzat skont l-Artikolu 6(1).
Artikolu 8
Minuti
1. Il-Presidenza għandha tfassal l-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa u tissottomettihom lill-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor fi żmien 20 jum tax-xogħol minn dakinhar tal-laqgħa. L-abbozz tal-minuti għandu jiddikjara r-rakkomandazzjonijiet magħmula u jista’ wkoll jinnota kwalunkwe konklużjoni oħra milħuqa. Il-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor għandu jaqbel mal-abbozz, jew jissottometti l-emendi li jipproponi. Malli jintlaħaq qbil dwar l-abbozz tal-minuti, għandhom jiġu ffirmati żewġ kopji oriġinali mill-Presidenza u mill-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor. Kopja oriġinali tal-minuti għandha tinżamm mill-Presidenza u l-oħra mill-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor.
2. Fil-każ li ma jintlaħaqx qbil dwar il-minuti qabel ma tiġi organizzata l-laqgħa li jkun imiss, il-minuti għandhom jiddokumentaw l-abbozz imfassal mill-Presidenza li miegħu għandhom jiġu annessi l-emendi proposti sottomessi mill-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor.
Artikolu 9
Spejjeż
Kull parti għandha tkun responsabbli għall-ispejjeż li ġġarrab biex tieħu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat.
Artikolu 10
Kunfidenzjalità
Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għandhom ikunu kunfidenzjali.