EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0442

2013/442/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta’ Awwissu 2013 dwar l-istabbiliment tal-listi annwali ta’ prijoritajiet għall-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida għall-2014 Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 224, 22.8.2013, p. 14–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/442/oj

22.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/14


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Awwissu 2013

dwar l-istabbiliment tal-listi annwali ta’ prijoritajiet għall-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida għall-2014

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/442/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kundizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks għall-bdil bejn il-furntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (1) u r-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 6(1) tagħhom,

Billi:

IL-KUNTEST

(1)

Il-Kunsill Ewropew, fl-4 ta’ Frar 2011, iffissal-2014 bħala d-data ta’ mira għat-tlestija tas-suq intern għall-elettriku u l-gass. It-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija huwa element importanti fl-iżvilupp lejn din il-mira. Madanakollu, iridu jsiru aktar sforzi biex jiġi permess il-fluss ħieles tal-gass u l-elettriku madwar l-Ewropa. Il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida li huma previsti mit-Tielet Pakkett se jipprovdu r-regoli rilevanti għal dan l-iżvilupp ulterjuri.

(2)

Bħala l-ewwel pass lejn kodiċijiet tan-netwerk Ewropej vinkolanti, trid tiġi stabbilita mill-Kummissjoni lista annwali ta’ prijoritajiet li tidentifika ż-żoni li jridu jiġu inklużi fl-iżvilupp ta’ kodiċijiet tan-netwerk f’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 (“ir-Regolament tal-Elettriku”) u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 (“ir-Regolament tal-Gass”). Waqt l-iffissar tal-prijoritajiet, il-Kummissjoni trid tikkonsulta l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (Agency for the Cooperation of Energy Regulators - “ACER”), in-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni responsabbli (European Network of Transmission System Operators - “ENTSOs”) u partijiet interessati oħra rilevanti. Din id-deċiżjoni tiffissal-prijoritajiet kif deċiżi mill-Kummissjoni bbażati fuq ir-riżultati mill-konsultazzjoni pubblika.

(3)

Għall-ippjanar tar-riżorsi huwa importanti li kull sena jiġu identifikati ż-żoni ewlenin għall-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk u tal-linji gwida. Hekk kif żona tiġi identifikata għall-ewwel darba bħala importanti, jeħtieġ li jinbeda xogħol ta’ definizzjoni tal-ambitu sabiex jiġi identifikat kemm tinħtieġ l-armonizzazzjoni. Iż-żoni ewlenin li fihom diġà nbeda x-xogħol fuq il-kodiċi tan-netwerk u l-linji gwida se jitkomplew u jitlestew.

IL-KONSULTAZZJONI PUBBLIKA

(4)

Il-konsultazzjoni pubblika, kif meħtieġ fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Elettriku u tal-Gass, seħħet mit-2 ta’ April sat-13 ta’ Mejju 2013. Il-Kummissjoni rċeviet 22 tweġiba (3).

(5)

Dawn li ġejjin kienu l-kummenti ġenerali l-aktar komuni li daħlu matul il-konsultazzjoni pubblika:

(a)

Messaġġ ċar mill-konsultazzjoni pubblika kien li l-partijiet interessati appoġġaw l-approċċ aktar iffukat tal-Kummissjoni fejn tipprijoritizza x-xogħol biex twassal elementi ewlenin li huma meħtieġa biex jitlesta s-suq intern tal-enerġija. Il-partijiet interessati huma tal-fehma li l-Kummissjoni, fil-konsultazzjoni tagħha, enfasizzat il-kompiti l-aktar importanti li jridu jsiru sabiex ikun hemm aktar integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija u m’għandu jiżdied l-ebda kompitu fil-lista annwali ta’ prijoritajiet għall-2014.

(b)

Bosta partijiet interessati qed jenfasizzaw l-importanza ta’ implimentazzjoni xierqa tal-kodiċijiet tan-netwerk li diġà ġew adottati, u wħud minnhom qed jappellaw għal rwol aktar attiv tal-Kummissjoni u tal-ACER biex jiżguraw implimentazzjoni koerenti. Barra minn hekk, il-partijiet interessati qed ifittxu ċarezza dwar emendi futuri tal-kodiċijiet tan-netwerk li diġà ġew adottati u x’governanza se jkun hemm. Waħda mill-partijiet interessati tistqarr il-ħtieġa urġenti li jkun hemm lista ta’ definizzjonijiet globali u unika li tkun valida għal kull kodiċi tan-netwerk.

(c)

Bosta partijiet interessati enfasizzaw l-importanza ta’ proċess trasparenti, effiċjenti u koerenti li jiggarantixxi l-involviment bikri u mill-qrib tal-partijiet interessati. Issemma wkoll il-bżonn li jingħataw il-perjodi ta’ żmien meħtieġa għall-iżvilupp ta’ kodiċijiet tan-netwerk b’saħħtihom, b’biżżejjed żmien għall-konsultazzjoni tal-atturi involuti. F’dan il-kuntest il-partijiet interessati talbu li l-abbozzi tal-proposti għal-linji gwida tal-qafas u għall-kodiċijiet tan-netwerk għandhom ikunu akkumpanjati mill-Valutazzjoni tal-Impatt rilevanti li kienet suġġetta għal konsultazzjoni mal-partijiet interessati.

(6)

Dawn li ġejjin kienu l-kummenti l-aktar komuni li jikkonċernaw il-lista annwali ta’ prijoritajiet għall-2014 fir-rigward tar-regoli tan-netwerk tal-elettriku li daħlu matul il-konsultazzjoni pubblika:

(a)

Diversi partijiet interessati wrew tħassib li l-kodiċijiet tan-netwerk li qegħdin jiġu żviluppati ma jipprovdux livell suffiċjenti ta’ armonizzazzjoni fuq livell Ewropew, b’enfażi fuq il-fatt li bosta deċiżjonijiet (pereżempju dwar il-valuri jew il-metodoloġiji) mhumiex jittieħdu fil-kodiċi nnifsu iżda tħallew miftuħa għal proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet/approvazzjoni ulterjuri mit-TSOs u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Il-partijiet interessati jibżgħu li dan jista’ jwassal għal saff regolatorju supplimentari fil-livell Ewropew, u jżid aktar milli jsolvi d-diversità eżistenti fil-ġestjoni tan-netwerk u fir-regoli għat-tfassil tas-suq.

(b)

Xi partijiet interessati kienu mħassba dwar il-possibbiltà ta’ inkonsistenzi bejn il-kodiċijiet tan-netwerk u ddikjaraw li l-iżvilupp ta’ diversi kodiċijiet tan-netwerk skont l-istess linja gwida tal-qafas wera li mhuwiex l-aktar mod effiċjenti biex jiġu stabbiliti r-regoli Ewropej u għalhekk ipproponew li jiġi żviluppat kodiċi tan-netwerk wieħed biss f’konformità mal-linja gwida tal-qafas rispettiva. Xi wħud enfasizzaw li sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, jinħtieġ li tal-anqas xi kodiċijiet tan-netwerk jiġu żviluppati flimkien bħalma huma r-regoli dwar ir-rekwiżit għal ġeneraturi, r-regoli għal allokazzjoni (bil-quddiem) tal-kapaċità fuq terminu twil, regoli ta’ bbilanċjar u regoli dwar rekwiżiti ta’ emerġenza.

(c)

Bosta partijiet interessati jappoġġaw l-iżvilupp ta’ regoli dwar l-istrutturi tariffarji tat-trażmissjoni armonizzati, peress li l-varjetà ta’ strutturi tariffarji attwali toħloq l-inugwaljanzi għall-ġeneraturi tal-elettriku fi ħdan l-UE minħabba li xi wħud, pereżempju, huma meħtieġa li jħallsu t-tariffi tal-grid u oħrajn le.

(d)

L-ENTSO-E esprima it-tħassib tiegħu li l-lista annwali ta’ prijoritajiet għall-2014 ma tinkludix regoli dwar l-inċentivi għall-investiment filwaqt li dawn kienu parti mil-lista għall-2013. L-ENTSO-E huwa tal-opinjoni li s-serħan fuq il-proċess stabbilit bir-Regolament il-ġdid dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (4) (‘Ir-Regolament TEN-E’), li permezz tiegħu il-KE tista’ toħroġ linji gwida fil-każ li tqis li l-metodoloġija li għandha tiġi ppubblikata sal-31 ta’ Marzu 2014 mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar prattika mill-ACER, mhijiex suffiċjenti biex tkun żgurata l-implimentazzjoni f’waqtha tal-proġetti ta’ interess komuni, jipperikola l-effiċjenza tar-Regolament TEN-E kollu.

(7)

Dawn li ġejjin kienu l-kummenti l-aktar komuni li jikkonċernaw il-lista annwali ta’ prijoritajiet għall-2014 fir-rigward tar-regoli tan-netwerk tal-gass riċevuti matul il-konsultazzjoni pubblika:

(a)

Il-maġġoranza tal-partijiet interessati jilqgħu b’mod pożittiv il-fatt li l-kapaċità inkrementali tqiegħdet fuq il-lista annwali ta’ prijoritajiet għall-2014 u jenfasizzaw li l-partijiet interessati jridu jiġu kkonsultati bir-reqqa fit-tħejjija tar-regoli u dawn għandhom ikunu koerenti mal-kodiċi tan-netwerk dwar il-mekkaniżi tal-allokazzjoni tal-kapaċità. Bosta partijiet interessati fosthom l-ENTSOG enfasizzaw l-interazzjoni b’saħħitha tar-regoli dwar it-tariffi u l-kapaċità inkrementali u li hemm bżonn tingħata attenzjoni għall-konsistenza bejn iż-żewġ suġġetti.

(b)

Bosta partijiet interessati fosthom l-ENTSOG appoġġaw it-twettiq ta’ eżerċizzju dwar id-definizzjoni tal-ambitu dwar regoli għall-kummerċ fl-2014 sabiex jiġi identifikat jekk humiex meħtieġa regoli Ewropej armonizzati għat-tfassil tal-kapaċità tal-prodotti u l-kuntratti fir-rigward ta’ fermezza, restrizzjonijiet għall-allokazzjoni u swieq sekondarji. Fl-ambitu għandha titqies l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tal-kodiċi tan-netwerk dwar il-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità u l-ibbilanċjar u l-impatti possibbli miż-żieda fil-penetrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-swieq tal-elettriku. Waħda mill-partijiet interessati qed tipproponi li twettaq analiżi pass pass tad-differenzi fit-termini kuntrattwali u tal-proċessi tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni f’kull Punt ta’ Interkonnessjoni. L-ENTSOG jappella biex jiġi rikonoxxut il-fatt li d-diskrepanzi tal-kapaċità u d-differenza fil-livelli ta’ fermezza huma konsegwenza inevitabbli tal-implimentazzjoni tas-sistemi tad-dħul u tal-ħruġ. Waħda mill-partijiet interessati qajmet oppożizzjoni qawwija fir-rigward tat-tfassil aktar armonizzat ta’ prodotti u kuntratti tal-kapaċità peress li mhuwiex meħtieġ u jista’ jwassal għal nuqqas ta’ offerta ta’ kapaċità kostanti u finalment għal investimenti ineffiċjenti. Barra minn hekk ġie ddikjarat li r-regoli għall-kummerċ għandhom jevitaw li jżidu l-kumplessità fil-proċess tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija.

(c)

Waħda mill-partijiet interessati qed tappella għal kodiċi tan-netwerk għall-kwalità tal-gass u kodiċi ta’ netwerk għall-effiċjenzi relatati mal-punt ta’ riferiment inklużi t-tariffi sabiex jintlaħaq l-għan ta’ suq intern b’mod effiċjenti u effikaċi, filwaqt li tissuġġerixxi bħala l-ewwel pass li jingħata mandat lill-ACER biex isir paragun bejn it-TSOs Ewropej kollha, inklużi s-servizzi pprovvduti kollha.

(d)

Waħda mill-partijiet interessati tissuġġerixxi li jiġi inkluż fil-lista ta’ prijoritajiet l-iżvilupp ta’ linji gwida biex tissolva s-sitwazzjoni tal-kuntratti storiċi, skont l-Artikolu 23.1 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

(8)

Għalkemm din id-deċiżjoni tiffoka biss fuq l-istabbiliment ta’ listi annwali ta’ prijoritajiet għall-2014, il-Kummissjoni kkonsultat ukoll il-partijiet interessati dwar il-ħtieġa u l-ambitu possibbli tal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida li jistgħu jitqiesu bħala oqsma ewlenin għal wara l-2014 sabiex tippermetti li l-ACER tipprevedi l-ambitu tax-xogħol fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2014.

(9)

Dawn li ġejjin kienu l-kummenti l-aktar komuni dwar l-ambitu possibbli u l-ħtieġa tal-kodiċijiet tan-netwerk u linji gwida li jmorru lil hinn mill-2014 fir-rigward tar-regoli tan-netwerk tal-elettriku riċevuti matul il-konsultazzjoni pubblika:

(a)

Xi partijiet interessati laqgħu b’mod pożittiv ir-regoli dwar l-istabbiliment ta’ prinċipji biex jiġġudikaw l-adegwatezza tan-netwerks ta’ trażmissjoni, u għalhekk ir-rekwiżit lejn il-partijiet terzi. Partijiet interessati oħra huma tal-opinjoni li r-regoli dwar ir-riżervi, l-adegwatezza u l-mekkaniżmi tal-kapaċità mhumiex inklużi fl-Artikolu 8(6) tar-Regolament tal-Elettriku u tal-Gass u għalhekk ma jidhrux ġuridikament sodi, iżda minflok jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-gvernijiet nazzjonali.

(b)

Bosta partijiet interessati qed jitolbu għal kjarifika dwar x’se jiġi inkluż fir-regoli dwar il-koordinazzjoni operazzjonali.

(c)

Waħda mill-partijiet interessati qed tipproponi li jiġu żviluppati regoli dwar l-akkwist, il-kummerċ u l-governanza ta’ servizzi anċillari kif ukoll it-tipi kollha ta’ flessibbiltà u ta’ servizzi ta’ kapaċità bl-għan ġenerali li jiġi żviluppat suq Ewropew għas-servizzi ta’ appoġġ tal-grid, inkluż l-ibbilanċjar u t-tipi kollha ta’ servizzi ta’ flessibbiltà.

(10)

Dawn li ġejjin kienu l-kummenti l-aktar komuni dwar l-ambitu possibbli u l-ħtieġa tal-kodiċijiet tan-netwerk u tal-linji gwida li jmorru lil hinn mill-2014 fir-rigward tar-regoli tan-netwerk tal-gass riċevuti matul il-konsultazzjoni pubblika:

(a)

Bosta partijiet interessati kienu tal-opinjoni li r-regoli dwar il-konnessjoni man-netwerk u l-proċeduri ta’ emerġenza għandhom ikunu koerenti mar-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) dwar miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass.

(b)

Il-partijiet interessati kienu qed jiddubitaw l-ambitu tar-regoli dwar il-konnessjoni man-netwerk fir-rigward tal-provvediment ta’ sinjali tal-lokalità u ma kinux qed jappoġġaw l-iżvilupp ta’ regoli bħal dawn.

ID-DEĊIŻJONI

(11)

Wara li kkunsidrat it-twegibiet tal-partijiet interessati li jappoġġaw l-għoti ta’ prijorità lix-xogħol biex jitwasslu l-elementi ewlenin li huma meħtieġa għat-tlestija tas-suq intern tal-enerġija sal-2014 u jirrikonoxxu diversi azzjonijiet meħtieġa għat-tlestija tiegħu, il-limiti għar-riżorsi, il-fatt li l-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida li diġà ġew adottati jeħtieġu riżorsi sabiex jiġu implimentati kif suppost, u l-fatt li kwalunkwe żona ġdida li tiżdied fil-lista annwali ta’ prijoritajiet 2014 ma tistax tirriżulta f’linja gwida jew kodiċi tan-netwerk li jiġi adottati sal-2014,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni tistabbilixxi din il-lista annwali ta’ prijoritajiet għall-2014 għall-iżvilupp ta’ regoli armonizzati dwar l-elettriku:

l-allokazzjoni tal-kapaċità u regoli għall-immaniġġjar tal-konġestjoni li jinkludu l-governanza ta’ swieq ta’ jum bil-quddiem u swieq ta’ dak il-jum stess li jinkludu l-kalkoli tal-kapaċità (fażi ta’ adozzjoni mill-Kummissjoni),

regoli għall-konnessjoni man-netwerk

regoli dwar ir-rekwiżiti għall-ġeneraturi (fażi ta’ adozzjoni mill-Kummissjoni)

regoli dwar l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni u l-konnessjoni tat-tagħbija industrijali (fażi ta’ adozzjoni mill-Kummissjoni)

regoli dwar konnessjoni ta’ sistema ta’ trażmissjoni b’kurrent dirett b’vultaġġ għoli (finalizzazzjoni tal-kodiċi tan-netwerk u tinbeda l-fażi ta’ adozzjoni mill-Kummissjoni)

regoli dwar l-operat tas-sistema (7):

regoli dwar is-sigurtà tal-operat (fażi ta’ adozzjoni mill-Kummissjoni)

regoli dwar l-ippjanar u l-iskedar tal-operat (fażi ta’ adozzjoni mill-Kummissjoni)

regoli dwar il-kontroll u r-riżervi tal-frekwenza tat-tagħbija (fażi ta’ adozzjoni mill-Kummissjoni)

regoli dwar ir-rekwiżiti u l-proċeduri ta’ emerġenza (finalizzazzjoni tal-kodiċi tan-netwerk u tinbeda l-fażi ta’ adozzjoni mill-Kummissjoni)

regoli tal-ibbilanċjar li jinkludu r-riżerva tal-enerġija li hija relatata man-netwerk (fażi ta’ adozzjoni mill-Kummissjoni),

regoli għal allokazzjoni (bil-quddiem) tal-kapaċità fuq terminu twil (fażi ta’ adozzjoni mill-Kummissjoni),

regoli dwar strutturi tariffarji ta’ trażmissjoni armonizzata (definizzjoni tal-ambitu mill-ACER għat-tħejjija ta’ linja gwida tal-qafas (8)).

Artikolu 2

Hekk kif ġie previst li fl-2013 se jiġu adottati regoli armonizzati għall-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ibbilanċjar, il-Kummissjoni tistabbilixxi din il-lista annwali ta’ prijoritajiet għall-2014 għall-iżvilupp ta’ regoli armonizzati għall-gass:

regoli dwar l-interoperabbiltà u l-iskambju tad-dejta (fażi ta’ adozzjoni mill-Kummissjoni),

regoli dwar strutturi tariffarji ta’ trażmissjoni armonizzata (abbozzar tal-kodiċi tan-netwerk mill-ENTSOG),

regoli dwar approċċ ibbażat fuq is-suq madwar l-UE dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità tat-trażmissjoni tal-gass b’binja ġdida (l-abbozzar tal-emenda tal-Kodiċi tan-netwerk dwar il-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità mill-ACER u l-ENTSOG kif ukoll l-inklużjoni ta’ regoli tariffarji rispettivi fil-kodiċi tan-netwerk tal-istrutturi tariffarji għat-trażmissjoni),

regoli għall-kummerċ relatati mad-dispożizzjonijiet tekniċi u operazzjonali tas-servizz tan-netwerk ta’ aċċess u l-ibbilanċjar tas-sistema (definizzjoni tal-ambitu mill-ACER biex jiġi identifikat humiex meħtieġa regoli vinkolanti tal-UE għal aktar armonizzazzjoni fit-tfassil ta’ prodotti u kuntratti tal-kapaċità fir-rigward ta’ fermezza, restrizzjonijiet fuq l-allokazzjoni jew swieq sekondarji, filwaqt li titqies l-implimentazzjoni ta’ linji gwida dwar proċeduri tal-immaniġġjar tal-konġestjoni u l-kodiċijiet tan-netwerk dwar il-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità u dwar l-ibbilanċjar).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.

(2)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

(3)  It-tweġibiet huma ppublikati fis-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/energy/gas_electricity/consultations/20130513_netwerk_codes_en.htm

(4)  ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39.

(5)  ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1.

(6)  ĠU L 295, 12.11.2010, p. 1.

(7)  regoli dwar it-taħriġ operazzjonali u dwar ir-rekwiżiti u l-proċeduri operazzjonali f’emerġenza se jsegwu aktar tard.

(8)  Rigward ir-regoli dwar l-inċentivi għall-investiment, ir-Regolament TEN-E u partikolarment l-Artikolu 13 tiegħu, jistipula regoli li jiżguraw l-għotja ta’ inċentivi xierqa lil proġetti ta’ infrastruttura ta’ interess komuni tal-gass u l-elettriku, li huma soġġetti għal riskji ogħla minn dawk normalment imġarrba. F’dan il-kuntest, ir-Regolament TEN-E jistabbilixxi l-kompiti li ġejjin:

Kull awtorità regolatorja nazzjonali tressaq quddiem l-ACER il-metodoloġija tagħha u l-kriterji użati biex tevalwa l-investimenti u r-riskji ogħla mġarrba minnha, fejn disponibbli, sal-31 ta’ Lulju 2013

L-ACER tiffaċilitata l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba u tagħmel rakkomandazzjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2013

Kull awtorità regolatorja nazzjonali tippubblika l-kriterji użati biex tevalwa l-investimenti u r-riskji ogħla mġarrba minnha u l-metodoloġija rispettiva tagħha lill-ACER, fejn disponibbli, sal-31 ta’ Marzu 2014

Fuq il-bażi tal-kontribut tal-kompiti imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni Ewropea se tiddeċiedi għandhomx jinħarġu linji gwida vinkolanti.


Top