Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0355

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/355/PESK tat- 3 ta’ Lulju 2013 li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah)

    ĠU L 185, 4.7.2013, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/355/oj

    4.7.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 185/16


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/355/PESK

    tat-3 ta’ Lulju 2013

    li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikoli 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fil-25 ta’ Novembru 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK (1).

    (2)

    Fil-25 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/332/PESK (2) li temenda l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK u li testendiha sat-30 ta’ Ġunju 2013.

    (3)

    Fis-7 ta’ Ġunju 2013, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà rrakkomanda li l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah tiġi estiża għal perijodu addizzjonali ta’ 12-il xahar sat-30 ta’ Ġunju 2014.

    (4)

    Il-missjoni EU BAM Rafah għandha tiġi estiża ulterjorment mill-1 ta’ Lulju 2013 sat-30 ta’ Ġunju 2014 abbażi tal-mandat attwali.

    (5)

    L-EU BAM Rafah ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun ir-rappreżentant tal-Missjoni. Il-Kap tal-Missjoni jista’ jiddelega kompiti ta’ ġestjoni fi kwistjonijiet ta’ persunal u finanzjarji lil membri tal-persunal tal-Missjoni, taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu/tagħha.”;

    (b)

    il-paragrafu 4 huwa mħassar;

    (2)

    L-Artikolu 8(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn l-EU BAM Rafah u l-membru tal-persunal ikkonċernat.”;

    (3)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 12a

    Arranġamenti legali

    EU BAM Rafah għandu jkollha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, li tidħol f’kuntratti u f’arranġamenti amministrattivi, li timpjega l-persunal, li jkollha kontijiet bankarji, li takkwista u tiddisponi minn assi u tillikkwida l-obbligi tagħha, u li tkun parti għal proċedimenti legali, kif meħtieġ sabiex timplimenta din l-Azzjoni Konġunta.”;

    (4)

    L-Artikolu 13 huwa mibdul b’dan li ġej:

    “Artikolu 13

    Arranġamenti finanzjarji

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni EU BAM Rafah għall-perijodu mill-25 ta’ Novembru 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2011 għandu jkun ta’ EUR 21 570 000.

    L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni EU BAM Rafah għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2012 għandu jkun ta’ EUR 970 000.

    L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni EU BAM Rafah għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2013 għandu jkun ta’ EUR 980 000.

    L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni EU BAM Rafah għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2013 sat-30 ta’ Ġunju 2014 għandu jkun ta’ EUR 940 000.

    2.   In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Ċittadini ta’ Stati terzi li jikkontribwixxu finanzjarjament għall-Missjoni, ta’ partijiet ospitanti u, jekk meħtieġ għall-ħtiġijiet operattivi tal-Missjoni, ta’ pajjiżi ġirien għandhom jitħallew jagħmlu offerti għall-kuntratti.

    3.   L-EU BAM Rafah għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dak il-għan, il-Missjoni għandha tiffirma ftehim mal-Kummissjoni.

    4.   L-EU BAM Rafah għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li joħorġu mill-implimentazzjoni tal-mandat li jibda mill-1 ta’ Lulju 2013, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe pretensjoni relatata ma’ mġieba ħażina ħafna mill-Kap tal-Missjoni, li għalihom hu għandu jġorr/hi għandha ġġorr ir-responsabbiltà.

    5.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-katina ta’ kmand kif previst fl-Artikoli 4, 4a u 5 u l-ħtiġiet operazzjonali tal-EU BAM Rafah, inkluż il-kompatibbiltà ta’ tagħmir u l-interoperabbiltà tat-timijiet tagħha.

    6.   In-nefqa għandha tkun eliġibbli sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Konġunta.”

    (5)

    fl-Artikolu 16, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Hija għandha tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2014.”;

    (6)

    L-Artikolu 17 jitħassar.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2013.

    Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Lulju 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. LINKEVIČIUS


    (1)  ĠU L 327, 14.12.2005, p. 28 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 193).

    (2)  ĠU L 165, 26.6.2012, p. 71.


    Top