EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0304

2013/304/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 10 ta' Ġunju 2013 li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea li tipparteċipa, f’isem l-UE, fin-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport bl-eċċezzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija

ĠU L 170, 22.6.2013, p. 62–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/304/oj

22.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/62


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta' Ġunju 2013

li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea li tipparteċipa, f’isem l-UE, fin-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport bl-eċċezzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija

(2013/304/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 50, 56, 165, u 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

In-negozjati għandhom jinfetħu fir-rigward tal-preparazzjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi miġġielda l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport.

(2)

Il-proċess ta’ negozjazzjoni hu bbażat fuq id-Deċiżjoni CM/Del/Dec/1145/8.1 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa datata t-13 ta’ Ġunju 2012, b’segwitu għar-Riżoluzzjoni Nru 1 adottata mit-12-il Kunsill tal-Konferenza tal-Ewropa tal-Ministri responsabbli għall-Isport li tindika li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-abbozz ta’ strument u d-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom ikunu bbażati fuq ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2011)10, u l-istudju ta’ fattibbiltà MSL12 (2012) 4 rev3.

(3)

L-għan tal-proċess ta’ negozjar hu li jiġi ppreżentat lill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa abbozz ta’ konvenzjoni li, skont id-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ministri, ser jiġi finalizzat bħala konvenzjoni u ppreżentata lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa għal opinjoni, jew irreferut lill-EPAS biex jiġi finalizzat bħala strument legali vinkolanti.

(4)

Ċerti dispożizzjonijiet tal-abbozz tal-Konvenzjoni Internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport jikkonċernaw l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni bejn il-pulizija u għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titlu V tal-Parti Tlieta tat-TFUE. Deċiżjoni separata marbuta ma’ dawk id-dispożizzjonijiet ser tiġi adottata b’mod parallel għal din id-Deċiżjoni.

(5)

Peress li n-negozjati ser ikopru materji li parzjalment jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni u parzjalment taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, l-Unjoni għandha tipparteċipa f’dawn in-negozjati flimkien mal-Istati Membri tagħha. Għalhekk l-Istati Membri jistgħu jattendu n-negozjati u jinnegozjaw dwar materji li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom.

(6)

Fil-każ li l-UE tiddeċiedi li taderixxi mal-Konvenzjoni futura, in-natura legali tal-Konvenzjoni u d-distribuzzjoni tas-setgħat bejn l-Istati Membri u l-Unjoni ser jiġu determinati separatament fi tmiem in-negozjati abbażi ta’ analiżi tal-kamp ta’ applikazzjoni preċiż tal-kopertura tad-dispożizzjonijiet individwali.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummssjoni hi hawn awtorizzata li tinnegozja, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-materji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport bl-eċċezzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija, kif jidher fid-Direttivi ta’ negozjati annessi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-direttivi ta’ negozjati jidhru fl-Anness.

Artikolu 3

F’konformità mal-Artikolu 1, in-negozjati għandhom isiru f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Isport, b’rinforz minn esperti minn Gruppi ta’ Ħidma oħra tal-Kunsill kif adatt.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Lussemburgu, l-10 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

L. VARADKAR


ANNESS

Direttivi ta’ negozjati dwar konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport bl-eċċezzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija

Il-konvenzjoni futura ser timmira li tistabbilixxi qafas legali internazzjonali għall-prevenzjoni tal-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport u l-ġlieda kontriha, b’mod partikolari l-logħob miftiehem. l-objettiv tal-konvenzjoni għandu jkun li tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-kuntest u li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ monitoraġġ biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-konvenzjoni jiġu segwiti b’mod effettiv.

Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni futura jistgħu jikkonċernaw l-oqsma ta’ kompetenzi tal-Unjoni li ġejjin:

1.

Il-promozzjoni tal-korrettezza u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi u kooperazzjoni bejn il-korpi responsabbli għall-isport, u billi jkunu protetti l-integrità fiżika u morali tal-isportiv u l-isportiva.

2.

Libertajiet fis-Suq Intern (libertà li tipprovdi servizz u l-libertà tal-istabbiliment) sa fejn huma relatati mad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-logħob miftiehem u l-imħatri fuq il-logħob fl-abbozz tal-Konvenzjoni.

3.

Protezzjoni tad-data fir-rigward tal-oqsma msemmija hawn fuq.

Fir-rigward ta’ dawn l-oqsma, l-Unjoni Ewropea, rappreżentata mill-Kummissjoni, ser tipparteċipa fin-negozjati bl-objettivi li ġejjin, b’kont meħud tal-iżviluppi l-aktar reċenti tal-acquis, filwaqt li tirrispetta d-diviżjoni tal-kompetenzi:

1.

Biex tieħu kont tal-politika tal-UE fil-qasam tal-promozzjoni tal-korrettezza u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi u l-kooperazzjoni bejn il-korpi responsabbli għall-isport, u l-protezzjoni tal-integrità fiżika u morali tal-isport u tal-isportivi permezz tal-protezzjoni tal-integrità tal-isport kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport, b’mod partikolari:

a.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport għall-2011-2014 (1);

b.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-logħob miftiehem (2);

Il-kompetenza tal-UE fil-qasam tal-isport hija kompetenza ta’ appoġġ li, f’konformità mal-Artikolu 165(4), l-ewwel inċiż, TFUE, teskludi kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u regolamenti tal-Istati Membri.

2.

Biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni futura:

mhumiex inkompatibbli mar-regoli tal-UE dwar id-drtitt tal-istabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi, bħala qasam ta’ kompetenza kondiviża, fir-rigward tal-logħob tal-azzard u l-imħatri, b’referenza għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 49 u 56 tiegħu kif interpretati mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, u biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni futura ma jxekklux l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet;

jindirizzaw l-imħatri tal-isport biss sa fejn huwa direttament relatat mal-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport;

ma jimmirawx lejn jew effettivament ma jirriżultawx f’armonizzazzjoni tar-regolament tas-servizzi tal-imħatri mingħajr ma dawn ir-regoli jkunu l-ewwel ġew adottati mill-Unjoni.

Il-politika tal-UE kif definita fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-qafas għal-logħob tal-azzard u l-imħatri fl-Istati Membri tal-UE tal-10 ta’ Diċembru 2010 għandu jittieħed kont tagħha matul in-negozjati.

3.

Biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni futura mhumiex kompatibbli mar-regoli adottati mill-Unjoni fil-qasam tal-Protezzjoni tad-Data, bħala qasam ta’ kompetenza kondiviża, b’mod partikolari:

a.

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (3).

b.

Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (4).

Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta qabel u tirrapporta wara kull sessjoni ta’ negozjar u/jew ta’ abbozzar fil-Kunsill tal-Ewropa lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill kif imsemmi fl-Artikolu 3.

Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, b’rispett reċiproku totali, jassistu lil xulxin fil-kuntest tan-negozjati dwar din il-konvenzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-konvenzjoni futura tippermetti għall-applikazzjoni ta’ standards ogħla stipulati fl-istrumenti tal-UE fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-UE.


(1)  ĠU C 162, 1.6.2011, p. 1.

(2)  ĠU C 378, 23.12.2011, p. 1.

(3)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(4)  ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.


Top