Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0175

2013/175/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta’ April 2013 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 għal programm għall-kontroll tal-organiżmi li jagħmlu l-ħsara lill-pjanti u l-prodotti tal-pjanti fid-dipartimenti Franċiżi extra -Ewropej għall-2013 (notifikata bid-dokument C(2013) 1934)

ĠU L 101, 10.4.2013, p. 48–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/175/oj

10.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 101/48


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ April 2013

dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 għal programm għall-kontroll tal-organiżmi li jagħmlu l-ħsara lill-pjanti u l-prodotti tal-pjanti fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej għall-2013

(notifikata bid-dokument C(2013) 1934)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(2013/175/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 tat-30 ta’ Jannar 2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikultura fir-reġjuni l-aktar il-bogħod tal-Unjoni (1) u b’mod partikolari l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(3),

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Novembru 2012, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw programm lill-Kummissjoni għall-2013 li jistipula l-miżuri għas-saħħa tal-pjanti fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej. Dan il-programm jispeċifika l-għanijiet li jridu jinkisbu, ir-riżultati mistennija, il-miżuri li jridu jittieħdu, kemm idumu u l-ispiża fuqhom bil-għan li possibbilment tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għalih.

(2)

Il-miżuri stipulati f’dak il-programm jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/609/KE tal-10 ta’ Settembru 2007 dwar it-tifsira tal-miżuri eliġibbli għall-finanzjament tal-Komunità fil-programmi għall-kontroll ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti u prodotti tal-pjanti f’dipartimenti Franċiżi barra mill-pajjiż, fl-Azores u Madeira (2).

(3)

Il-miżuri stabbiliti fil-programm ġew ivvalutati mill-Kummissjoni u diskussi fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti tat-22 u t-23 ta’ Novembru 2012. Tabella finanzjarja riveduta ġiet ipprovduta fil-15 ta’ Frar 2013. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-programm u l-għanijiet tiegħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 247/2006.

(4)

Skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (KE) Nru 247/2006, għandu jiġi stabbilit limitu massimu adegwat għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, u l-ħlas ghandu jsir abbażi tad-dokumenti ppreżentati minn Franza.

(5)

Skont l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (3), il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għall-miżuri għas-saħħa tal-pjanti għandhom jiġu ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija. Għall-finijiet tal-kontroll finanzjarju ta’ dawk il-miżuri, għandhom japplikaw l-Artikoli 9, 36 u 37 ta’ dak ir-Regolament.

(6)

Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit generali tal-Komunitajiet Ewropej (4) u l-Artikolu 90(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), l-impenn tan-nefqa mill-baġit tal-Unjoni għandu jsegwi deċiżjoni ta’ finanzjament adottata mill-istituzzjoni jew l-awtorità li lilha jkunu ngħataw il-poteri, li tistabbilixxi l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi n-nefqa.

(7)

Il-programm ippreżentat mill-awtoritajiet Franċiżi fit-12 ta’ Novembru 2012 u l-miżuri stipulati jirrigwardaw is-sena kalendarja tal-2013. L-Artikolu 112 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 jistipula li l-għotja għal azzjoni diġà mibdija tista’ tingħata biss meta l-applikant ikun jista’ juri l-ħtieġa li jibda l-azzjoni qabel ma tingħata l-għotja. Franza wriet il-ħtieġa li tibda dan il-programm mill-bidu tal-2013 biex tippermetti finanzjament xieraq u biex tippermetti li dawn il-miżuri jibdew jitwettqu qabel ma tingħata l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni stipulata fid-Deċiżjoni attwali.

(8)

Din id-deċiżjoni tikkostitwixxi deċiżjoni finanzjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 għall-ammonti massimi awtorizzati ta’ nfiq ipprovduti fit-talba għall-kofinanzjament, kif inhu stabbilit fil-programm imressaq minn Franza.

(9)

Il-miżuri stipulati f’din id-deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Qed tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni lil Franza għall-implimentazzjoni tal-programm uffiċjali għall-kontroll tal-organiżmi li jagħmlu l-ħsara lill-pjanti u l-prodotti tal-pjanti fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej għall-2013, kif speċifikat fil-Parti A tal-Anness.

Din il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tkun limitata għal ammont massimu ta’ 60 % tan-nefqa totali eliġibbli, kif speċifikat fil-Parti B tal-Anness, b’massimu ta’ EUR 219 000 (mingħajr VAT).

Artikolu 2

1.   Għandhom jitħallsu EUR 100 000 bil-quddiem fi żmien 60 jum mill-wasla ta’ talba għall-ħlas minn Franza.

2.   Il-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandu jitħallas sakemm ikun intbagħat rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm lill-Kummissjoni f’forma elettronika sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Marzu 2014, u wara li dak ir-rapport ikun ġie approvat mill-Kummissjoni.

Dak ir-rapport għandu jkun fih mill-inqas:

(a)

evalwazzjoni teknika konċiża tal-programm kollu, inkluż il-grad ta’ kisba tal-għanijiet fiżiċi u kwalitattivi. Dik l-evalwazzjoni għandha torbot l-għanijiet stabbiliti fil-programm inizjali ppreżentat minn Franza mar-riżultati miksuba, mogħtija f’termini tal-kisbiet mistennija u tal-passi tat-tlestija tax-xogħol. Hija għandha tispjega l-progress li sar u tivvaluta l-impatt fitosanitarju u ekonomiku immedjat tal-miżuri miksuba; kif ukoll

(b)

dikjarazzjoni tal-ispiża finanzjarja li tistabbilixxi l-ispejjeż imġarrba u mħallsa mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2013, imqassmin skont is-sottoprogramm u skont il-miżura. Din id-dikjarazzjoni għandu jkollha magħha prova jew evidenza tal-ħlas tan-nefqa permezz tad-dokumentazzjoni x-xierqa, bħall-fatturi jew l-irċevuti.

3.   Fir-rigward tat-tqassim indikattiv tal-baġit speċifikat fil-Parti B tal-Anness, Franza tista’ taġġusta l-finanzjament bejn il-miżuri differenti fl-istess sottoprogramm f’limitu ta’ 15 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal dak is-sottoprogramm, sakemm l-ammont totali tal-ispejjeż eliġibbli skedati fil-programm ma jinqabiżx u l-għanijiet ewlenin tal-programm ma jiġux kompromessi b’dan.

Hija għandha tgħarraf lill-Kummissjoni bi kwalunkwe aġġustament li jsir.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ April 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 42, 14.2.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 242, 15.9.2007, p. 20.

(3)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.


ANNESS

PROGRAMM U TQASSIM INDIKATTIV TAL-BAĠIT GĦALL-2013

PARTI A

Il-programm

Il-programm għandu jikkonsisti f’żewġ sottoprogrammi:

(1)

Sottoprogramm interdipartimentali:

1.

Il-miżura 1.1: għodda għall-prijoritizzazzjoni tal-parassiti u tal-mard li huma suġġetti għall-kwarantina għad-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej (DOM), li tippermetti l-gradazzjoni tal-organiżmi li jagħmlu l-ħsara u tal-metodi ta’ individwazzjoni rilevanti tagħhom.

2.

Il-miżura 1.2: l-iżvilupp ta’ metodi innovattivi ta’ individwazzjoni għal Xanthomonas axonopodis pv.alii, Xanthomonas citri pv. citri u l-begomovirus tas-Solanaceae.

3.

Il-miżura 1.3: l-adattament u l-validazzjoni tal-metodi ta’ individwazzjoni għall-organiżmi li jagħmlu l-ħsara liċ-ċitru (Candidatus Liberibacter asiaticus, C.L. africanus u C.L. americanus, il-virus imsejjaħ “Citrus tristeza virus”, il-klorosi msejħa “Citrus variegated chlorosis”, il-virus imsejjaħ “Citrus mosaic virus”, il-virus imsejjaħ “Citrus psorosis virus” u l-virus imsejjaħ “Citrus tatter leaf virus” u virusis relatati).

(2)

Sottoprogramm għad-dipartiment ta’ Martinique:

Miżura: it-twaqqif u l-animazzjoni ta’ netwerk ta’ rziezet agroekoloġiċi u s-sorveljanza tas-saħħa tal-pjanti ta’ ġo fih.

PARTI B

It-tqassim indikattiv tal-baġit (f’euro), b’indikazzjoni tar-riżultati varji mistennija

Sottoprogrammi

Riżultati (S = il-forniment ta’ servizzi, R = ix-xogħol ta’ riċerka jew ta’studju)

Nefqa eliġibbli

Kontribuzzjoni finanzjarja nazzjonali (40 %)

Kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Unjoni (60 %)

Sottoprogramm interdipartimentali (inter-DOM):

 

Miżura 1

Għodda għall-prijoritizzazzjoni tal-parassiti u tal-mard li huma suġġetti għall-kwarantina għad-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej (DOM) (S)

62 000

24 800

37 200

Miżura 2

Metodi innovattivi ta’ individwazzjoni għall-organiżmi li jagħmlu l-ħsara (R)

120 000

48 000

72 000

Miżura 3

Metodi ta’ individwazzjoni għall-organiżmi li jagħmlu l-ħsara liċ-ċitru (R)

97 000

38 800

58 200

Sottototal

 

279 000

111 600

167 400

Martinique

 

Miżura

Netwerk ta’ rziezet agroekoloġiċi (S)

86 000

34 400

51 600

Sottototal

 

86 000

34 400

51 600

Ammont totali

 

365 000

146 000

219 000


Top