EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013A1217(03)

Opinjoni tal-Kunsill tal- 10 ta' Diċembru 2013 dwar il-Programm ta' Sħubija Ekonomika tas-Slovenja

ĠU C 368, 17.12.2013, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

17.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 368/7


OPINJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta' Diċembru 2013

dwar il-Programm ta' Sħubija Ekonomika tas-Slovenja

2013/C 368/03

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 (1) dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro, b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) għandu l-għan li jiżgura d-dixxiplina baġitarja fl-Unjoni u jistabbilixxi l-qafas għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni tad-defiċits eċċessivi tal-gvern. Huwa bbażat fuq l-objettiv ta' finanzi governattivi sodi bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b'saħħtu bbażat fuq l-istabbiltà finanzjarja, u b'hekk jappoġġja l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni għal tkabbir u impjiegi sostenibbli.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-monitoraġġ imsaħħaħ tal-politiki baġitarji fiż-żona tal-euro u għall-iżgurar li l-baġits nazzjonali jkunu konsistenti mal-gwida politika ekonomika maħruġa fil-kuntest tal-PST u tas-Semestru Ewropew. Peress li miżuri purament baġitarji jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw korrezzjoni dejjiema tad-defiċit eċċessiv, jistgħu jkunu meħtieġa miżuri ta' politika u riformi strutturali addizzjonali.

(3)

L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 jistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għall-programmi ta' sħubija ekonomika, li għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro taħt proċedura ta' defiċit eċċessiv. Il-programm ta' sħubija ekonomika, li jistabbilixxi pjan direzzjonali ta' miżuri biex jikkontribwixxu għal korrezzjoni effettiva u dejjiema tad-defiċit eċċessiv, għandu jispeċifika, b'mod partikolari, ir-riformi fiskali strutturali ewlenin, b'mod partikolari dawk li jirreferu għat-tassazzjoni, is-sistemi tal-pensjonijiet u tas-saħħa u l-oqfsa baġitarji.

(4)

Fit-2 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill adotta deċiżjoni skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat, fejn is-Slovenja kienet is-suġġett ta' proċedura ta' defiċit eċċessiv. Il-Kunsill adotta fil-21 ta' Ġunju 2013 rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat fil-kuntest ta' defiċit eċċessiv li nfetħet qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 473/2013. F'dan il-kuntest, is-Slovenja ntalbet tippreżenta programm ta' sħubija ekonomika sal-1 ta' Ottubru 2013, li jistabbilixxi r-riformi fiskali-strutturali li jimmiraw li jiżguraw korrezzjoni effettiva u dejjiema tad-defiċit eċċessiv.

(5)

Il-programm ta' sħubija ekonomika ppreżentat mis-Slovenja fl-1 ta' Ottubru jinkludi miżuri mmirati biex isaħħu l-istrateġija baġitarja għal korrezzjoni dejjiema tad-defiċit eċċessiv (Rakkomandazzjoni tal-Kunsill speċifika għall-pajjiż ((“RSP”) 1), biex jappoġġjaw is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet u jinkludu l-ispejjeż tat-tixjiħ (RSP2), jirriformaw is-suq tax-xogħol (RSP3), jevalwaw il-kwalità tal-assi fis-sistema bankarja (RSP4), itejbu l-qafas regolatorju u l-kapaċitajiet superviżorji tal-banek (RSP5), jirriformaw il-professjonijiet regolati (RSP6), inaqqsu t-tul tal-proċeduri ġudizzjarji (RSP7), isaħħu l-governanza korporattiva tal-SOEs u l-privatizzazzjoni (RSP8) u jirristrutturaw il-kumpaniji u jtejbu l-ambjent tan-negozju (RSP9).

(6)

Il-miżuri fiskali-strutturali u r-riformi li s-Slovenja qed tippjana li timplimenta jikkonċernaw dan li ġej: (i) is-sistema tat-taxxa u l-konformità tat-taxxa; (ii) il-qafas fiskali; (iii) is-sistema tal-pensjonijiet, u (iv) l-kura fit-tul. Is-sett ta' miżuri huwa parzjalment adegwat u jista' jkun mistenni li jikkontribwixxi għall-korrezzjoni effettiva u dejjiema tas-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv. Madankollu, jeħtieġu aktar sforzi u implimentazzjoni aċċellerata f'ċerti oqsma.

(7)

Il-miżuri strutturali riċenti li jżidu d-dħul, b'mod partikolari rati tal-VAT ogħla u taxxa ġdida fuq il-proprjetà, huma previsti li jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli (madwar 1,3 % tal-PDG) għall-konsolidament tal-finanzi pubbliċi. Dawn l-azzjonijiet mhumiex ikkumplimentati b'miżuri strutturali tan-naħa tan-nefqa li huma wkoll essenzjali sabiex tinkiseb il-pożizzjoni ta' bilanċ/surplus tal-baġit. Abbażi tal-informazzjoni attwali, huwa prematur li jiġu evalwati l-bosta miżuri amministrattivi biex tissaħħaħ il-konformità tat-taxxa, madankollu jekk dawn ikunu effiċjenti, ikomplu jsaħħu s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

(8)

L-awtoritajiet qed iħejju riforma tal-leġiżlazzjoni li fuqha huwa bbażat il-qafas fiskali b'konformità mat-Trattat ta' Stabbiltà, Koordinazzjoni u Governanza fl-UME (TSKG) u ma' liġijiet oħra tal-Unjoni. Ir-regola kostituzzjonali approvata tal-bilanċ/surplus tal-baġit u l-atti legali previsti li jispeċifikaw l-implimentazzjoni tagħha, b'mod partikolari l-Att dwar ir-Regoli Fiskali l-ġdid u l-Att dwar il-Finanzi Pubbliċi emendat, għandhom jgħinu biex jankraw id-dixxiplina fiskali fid-dritt nazzjonali.

(9)

Bħala riżultat tal-implimentazzjoni tar-riforma tal-pensjonijiet f'Diċembru 2012, in-numri ta' pensjonanti anzjani ġodda kull xahar jindikaw moderazzjoni fit-tkabbir tagħhom. Madankollu, il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjoni tkun prematura. Grupp ta' ħidma magħmul minn membri mill-akkademja u l-amministrazzjoni pubblika qed jevalwa l-implikazzjonijiet tar-riforma. Abbażi tas-sejbiet tiegħu, il-Gvern bi ħsiebu jistabbilixxi proposti għal aktar adattamenti tas-sistema tal-pensjonijiet biex jiżgura s-sostenibbiltà tagħha wara l-2020.

(10)

Sabiex ikompli jindirizza l-ispejjeż marbuta mal-anzjani li dejjem jiżdiedu, il-gvern approva pjan għal att dwar il-kura fit-tul u l-assistenza personali li jintroduċi sistema ġdida bbażata fuq l-assigurazzjoni. L-adozzjoni tal-att il-ġdid hija prevista fl-ewwel nofs tal-2014. Il-finanzjament tas-sistema obbligatorja bbażata fuq l-assigurazzjoni għandu jiġi ċċarat, iżda x'aktarx se jkun ibbażat fuq kontribuzzjonijiet obbligatorji mill-popolazzjoni attiva u inattiva u m'għandux iżid ir-rata tal-kontribuzzjonijiet ġenerali tas-sigurtà soċjali.

(11)

Matul l-aħħar xhur, is-Slovenja żiedet ir-ritmu tar-riformi strutturali mhux fiskali rilevanti għall-aġġustament tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Qiegħed jinkiseb progress kruċjali fil-qasam tas-settur bankarju. Madankollu, ir-riformi ewlenin li jappoġġjaw l-aġġustament u t-tkabbir għadhom qegħdin jitħejjew u huma sostanzjalment tard, b'mod partikolari r-ristrutturar tal-kumpaniji barra mill-qorti u l-adozzjoni tal-klassifikazzjoni tal-assi statali.

(12)

L-implimentazzjoni ta' miżuri biex jistabbilizzaw is-settur bankarju għadha għaddejja, b'mod partikolari Eżami bir-reqqa tal-Kwalità tal-Assi u Simulazzjonijiet ta' Kriżi li jkopru kważi 70 % tas-settur bankarju qed jitwettqu u għandhom jitlestew qabel tmiem l-2013. Valutazzjoni bħal din hija mistennija li tiġi segwita minn strateġija komprensiva ta' ristrutturar, konsolidazzjoni u rikapitalizzazzjoni tas-settur bankarju, li tkun tinkludi wkoll pjanijiet għad-diżinvestiment tal-parteċipazzjonijiet fis-settur pubbliku diretti u indiretti fil-banek domestiċi. Tali diżinvestiment inaqqas b'mod sinifikanti r-riskju li jerġgħu jitfaċċaw l-passivitajiet kontinġenti fis-snin li ġejjin.

(13)

Ir-riforma li għaddejja bħalissa tal-Liġi Slovena dwar il-Holdings Sovrani, jekk tkun imfassla u implimentata sewwa, inkluż il-progress rapidu tal-privatizzazzjoni ta' ċerti SOEs, tista', minn naħa, tiġġenera d-dħul u tnaqqas l-obbligazzjonijiet kontinġenti tal-gvern ġenerali u, min-naħa l-oħra, tikkontribwixxi għal ġestjoni strateġika mtejba u ġestjoni ta' assi statali aktar effiċjenti, b'mod partikolari rigward il-possibilitajiet li jiġu attirati investituri barranin,

ADOTTA DIN L-OPINJONI:

Il-Programm ta' Sħubija Ekonomika tas-Slovenja ppreżentat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fl-1 ta' Ottubru 2013 jinkludi sett ta' riformi strutturali fiskali li huwa parzjalment adegwat biex jappoġġja korrezzjoni effettiva u dejjiema tad-defiċit eċċessiv u jeħtieġ li jiġi implimentat kif suppost u b'mod komprensiv biex iwassal ir-riżultati mistennija. B'mod speċifiku, il-programm ta' sħubija ekonomika juri xi progress fl-ilħuq tal-impenji mill-Programm Sloven ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali Sloven ta' Riforma dwar ir-riforma tat-taxxa, it-tisħiħ tal-konformità tat-taxxa u tal-governanza fiskali kif ukoll it-tiswija tas-settur bankarju. Ir-ristrutturar tas-settur bankarju u korporattiv u l-istrateġija ta' konsolidazzjoni wara l-ħruġ tar-Reviżjonijiet ta' Kwalità tal-Assi u s-Simulazzjonijiet ta' Kriżi għall-banek huma ewlenin biex tissaħħaħ il-kunfidenza u jiġu attirati investituri barranin fis-Slovenja, inklużi fil-bonds sovrani. Ix-xogħol fuq adattamenti ulterjuri possibbli tas-sistema tal-pensjonijiet m'ilux li beda u l-informazzjoni dwar il-miżuri konkreti u l-iskedi previsti f'dan il-qasam mhix disponibbli. B'mod ġenerali, kważi r-riformi kollha għadha għaddejja l-ħidma fuqhom u b'hekk l-adozzjoni rapida u l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom huma ta' importanza kbira. Għalhekk, is-Slovenja hija mistiedna tagħti aktar dettalji dwar l-informazzjoni pprovduta u tipprovdi informazzjoni addizzjonali fuq ir-riformi previsti fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà li jmiss, li l-valutazzjoni sħiħa tagħhom se ssir mill-Kummissjoni u l-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

R. ŠADŽIUS


(1)  ĠU L 140, 27.5.2013 p. 11.


Top