EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0990

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 990/2012 tal- 25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni ta’ Propionibacterium acidipropionici (CNCM MA 26/4U) bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 297, 26.10.2012, p. 15–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/02/2024; Imħassar b' 32024R0251

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/990/oj

26.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 297/15


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 990/2012

tal-25 ta’ Ottubru 2012

dwar l-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni ta’ Propionibacterium acidipropionici (CNCM MA 26/4U) bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutriment tal-annimali u għar-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni bħal din. L-Artikolu 10(7) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 flimkien mal-Artikolu 10, minn (1) sa (4), tiegħu jistipula dispożizzjonijiet speċifiċi għall-evalwazzjoni tal-prodotti użati fl-Unjoni bħala addittivi tal-furrajna minn dakinhar li daħal fis-seħħ ir-Regolament.

(2)

Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, preparazzjoni ta’ Propionibacterium acidipropionici (CNCM MA 26/4U), minn hawn ‘il quddiem “preparazzjoni”, ġiet irreġistrata fir-Reġistru Komunitarju tal-Addittivi fl-Għalf bħala prodott eżistenti li jappartjeni għall-grupp funzjonali ta’ addittivi tal-furrajna, għall-ispeċijiet kollha tal-annimali.

(3)

Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċijiet tal-annimali kollha, bit-talba li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija “addittivi teknoloġiċi” u fil-grupp funzjonali “addittivi tal-furrajna”. Din l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mid-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet fl-opinjoni tagħha tal-25 ta’ April 2012 (2) li, skont il-kundizzjonijiet proposti tal-użu, il-preparazzjoni ma għandhiex effett negattiv fuq saħħet l-annimali, saħħet il-bniedem jew l-ambjent, u li l-użu tal-preparazzjoni għandha l-potenzjal li ttejjeb l-istabbiltà aerobika tal-furrajna ttrattata. L-Awtorità tqis li ma hemmx bżonn ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ għal wara t-tqegħid fis-suq. Hija vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta’ analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf imressaq mil-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Il-valutazzjoni tal-preparazzjoni turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għaldaqstant, l-użu tal-preparazzjoni għandu jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(6)

Minħabba li r-raġunijiet ta’ sikurezza ma jeħtiġux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni, huwa xieraq li jitħalla perjodu tranżitorju sabiex il-partijiet interessati jħejju ruħhom biex jilħqu r-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni.

(7)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni

Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija ta’ addittivi “addittivi teknoloġiċi” u mill-grupp funzjonali “addittivi tal-furrajna”, hija awtorizzata bħala addittiv fl-għalf tal-annimali, soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Miżuri tranżitorji

Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness u l-għalf li fih dik il-preparazzjoni, li huma manifatturati u ttikkettjati qabel il-15 ta’ Mejju 2013 skont ir-regoli applikabbli qabel il-15 ta’ Novembru 2012 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm il-ħażniet eżistenti tagħhom jispiċċaw.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  EFSA Journal 2012;10(5):2673.


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija ta’ annimali

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni

CFU/kg ta’ materja friska

Kategorija ta’ addittivi teknoloġiċi. Grupp funzjonali: additivi tal-furrajna

1k2111

Propionibacterium acidipropionici (CNCM MA 26/4U)

 

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparazzjoni ta’ propionibacterium acidipropionici (CNCM MA 26/4U) li jkollha minimu ta’ addittiv ta’ 1 x 108 CFU/g

 

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Propionibacterium acidipropionici (CNCM MA 26/4U)

 

Metodu analitiku  (1)

 

Enumerazzjoni fl-addittiv tal-għalf: il-metodu tat-tifrix (EN 15787)

 

Identifikazzjoni: Elettroforeżi bil-Ġell f’Kamp Pulsat (PFGE).

L-ispeċijiet kollha tal-annimali

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u t-taħlita lesta minn qabel, indika t-temperatura li fiha għandu jinħażen, u kemm jista’ jdum maħżun.

2.

Id-doża minima tal-addittiv meta ma tintużax ma’ taħlita ta’ mikroorganiżmi oħrajn bħala addittivi tal-furrajna: 1 x 108 CFU/kg ta’ materja friska.

3.

Għas-sikurezza: huwa rakkomandat li tintuża protezzjoni għall-imnifsejn u par ingwanti waqt l-immaniġġjar.

Il-15 ta’ Novembru 2022


(1)  Id-dettalji dwar il-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz li ġej tal-Laboratorju ta’ Referenza: http://irmm.jrc.ec.europa.eu/EURLs/EURL_feed_additives/Pages/index.aspx


Top