Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0937

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 937/2012 tat- 12 ta’ Ottubru 2012 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1122/2009 u (UE) Nru 65/2011 fir-rigward tal-metodu li jiddetermina l-imgħax applikabbli fuq pagamenti mhux dovuti minn benefiċjarji tal-iskemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 u ta’ appoġġ għas-settur tal-inbid skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007

    ĠU L 280, 13.10.2012, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2014; Imħassar b' 32014R0640

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/937/oj

    13.10.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 280/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 937/2012

    tat-12 ta’ Ottubru 2012

    li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1122/2009 u (UE) Nru 65/2011 fir-rigward tal-metodu li jiddetermina l-imgħax applikabbli fuq pagamenti mhux dovuti minn benefiċjarji tal-iskemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 u ta’ appoġġ għas-settur tal-inbid skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 51(4), l-Artikolu 74(4) u l-Artikolu 91 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 85x u 103za, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (3), u b’mod partikolari l-punti (c) u (o) tal-Artikolu 142 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 80(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (4) u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 tas-27 ta’ Jannar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali (5) jistipulaw il-metodu li jiddetermina l-imgħax applikabbli fuq pagamenti mhux dovuti li għandu jiġi rkuprat minn benefiċjarji tal-appoġġ kopert minn dawk ir-Regolamenti.

    (2)

    L-imgħax japplika għal perjodu ta’ żmien min-notifika tal-obbligu tal-ħlas lura sal-ħlas lura effettiv jew it-tnaqqis tal-ammont li jrid jerġa’ jitħallas. Dan iwassal għal obbligu min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali li jiġbru l-imgħax fi prattikament kull każ ta’ rkupru, b’ordni ta’ rkupru separata ladarba jkun magħruf iż-żmien li jkun għadda.

    (3)

    Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u sabiex tittejjeb l-effiċjenza amministrattiva, l-imgħax għandu jkun dovut biss minn data ta’ skadenza tal-pagament li tkun raġonevoli għad-debitur, indikata fl-ordni ta’ rkupru.

    (4)

    Għalhekk, ir-Regolamenti (KE) Nru 1122/2009 u (KE) Nru 65/2011 għandhom ikunu emendati skont dan.

    (5)

    Fl-interess taċ-ċertezza legali, għandu jkun speċifikat li l-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament japplikaw fir-rigward tal-ordnijiet ta’ rkupru maħruġa mis-16 ta’ Ottubru 2012.

    (6)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali, tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli u tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emenda tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009

    Fl-Artikolu 80(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “2.   L-imgħax għandu jiġu kkalkulat għall-perjodu mid-data ta’ skadenza tal-pagament għall-bidwi, indikata fl-ordni ta’ rkupru, li ma għandhiex tkun aktar minn 60 ġurnata, sad-data jew tal-ħlas lura jew tat-tnaqqis.”

    Artikolu 2

    Emenda għar-Regolament (UE) Nru 65/2011

    Fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011, l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “2.   L-imgħax għandu jiġu kkalkulat għall-perjodu mid-data ta’ skadenza tal-pagament għall-benefiċjarju, indikata fl-ordni ta’ rkupru, li ma għandhiex tkun aktar minn 60 ġurnata, sad-data jew tal-ħlas lura jew tat-tnaqqis.”.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan għandu japplika fir-rigward tal-ordnijiet ta’ rkupru maħruġa mis-16 ta’ Ottubru 2012.

    Dan ir-Regolament għandu japplika fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

    (2)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (3)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

    (4)  ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65.

    (5)  ĠU L 25, 28.1.2011, p. 8.


    Top