Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0784

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 784/2012 tat- 30 ta’ Awwissu 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1031/2010 biex tiġi elenkata pjattaforma tal-irkant li trid tiġi maħtura mill-Ġermanja u jikkoreġi l-Artikolu 59(7) tiegħu Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 234, 31.8.2012, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/12/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R2830

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/784/oj

31.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 234/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 784/2012

tat-30 ta’ Awwissu 2012

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1031/2010 biex tiġi elenkata pjattaforma tal-irkant li trid tiġi maħtura mill-Ġermanja u jikkoreġi l-Artikolu 59(7) tiegħu

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 3d(3) u 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 tat-12 ta’ Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (2), jippermetti lill-Istati Membri li mhux qed jipparteċipaw fl-azzjoni konġunta kif provdut fl-Artikolu 26(1) u (2) biex jaħtru l-pjattaforma tal-irkant tagħhom għall-irkantar tas-sehem tagħhom tal-volum tal-kwoti koperti mill-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2003/87/KE. Il-ħatra ta’ pjattaformi tal-irkant bħal dawn hija soġġetta għall-elenkar tal-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata fl-Anness III, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 30(5) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Skont l-Artikolu 30(4) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, il-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li ma tipparteċipax fl-azzjoni konġunta kif provdut fl-Artikolu 26(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament, u li taħtar pjattaforma tal-irkant tagħha.

(3)

Fid-9 ta’ Marzu 2012, il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tagħha li taħtar European Energy Exchange (“EEX”) bħala pjattaforma tal-irkant kif jissemma fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010.

(4)

Fit-22 ta’ Marzu 2012, il-Ġermanja ppreżentat in-notifika lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima. Barra minn hekk, il-Ġermanja pprovdiet aktar informazzjoni u kjarifika lill-Kummissjoni, li jissupplimentaw in-notifika skont dan.

(5)

Il-ħatra proposta ta’ EEX bħala pjattaforma tal-irkant kif jissemma fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 hija kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ dak ir-Regolament u hija f’konformità mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE.

(6)

Skont il-punt (e) tal-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, pjattaforma tal-irkant ma għandhiex twassal għal distorsjoni fil-kuntratt li jaħtarha biex tingrana, mhux debitament, il-kompetittività tal-attivitajiet l-oħra tagħha, partikolarment is-suq sekondarju li torganizza. Għalhekk, l-elenkar ta’ EEX bħala pjattaforma tal-irkant għandu jsir bil-kundizzjoni li EEX tipprovdi l-għażla għall-kandidati offerenti sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-offerti fl-irkanti mingħajr il-ħtieġa li jsiru membri ta’ jew parteċipanti fis-suq sekondarju organizzat minn EEX jew ta’ kwalunkwe post tal-kummerċ ieħor operat minn EEX jew minn kwalunkwe parti terza.

(7)

Skont il-punt (h) tal-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, meta tinħatar pjattaforma tal-irkant, l-Istati Membri jridu jikkunsidraw il-limitu sa fejn miżuri adegwati huma pprovduti biex jirrikjedu li pjattaforma tal-irkant titrasferixxi l-assi kollha tanġibbli u intanġibbli meħtieġa għat-twettiq tal-irkantijiet minn suċċessur tal-pjattaforma tal-irkant. Miżuri bħal dawn għandhom ikunu stabbiliti b’mod ċar u f’waqthom fi strateġija ta’ ħruġ li għandha tiġi riveduta mis-sorveljatur tal-irkant. EEX għandha tiżviluppa strateġija ta’ ħruġ bħal din u kemm jista’ jkun tikkunsidra l-opinjoni tas-sorveljatur tal-irkant dwarha.

(8)

Pjattaforma tal-irkant hija meħtieġa sabiex tikseb l-opinjoni tas-sorveljatur tal-irkant dwar il-metodoloġija għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(6) u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010. Madankollu, fejn is-sorveljatur tal-irkant ma jkunx ġie maħtur qabel il-bidu tal-irkant konċernat, il-pjattaforma tal-irkant għandha titħalla tipproċedi mingħajr ma tkun kisbet l-opinjoni tas-sorveljatur tal-irkant.

(9)

Ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(10)

Barra minn hekk, ċerti referenzi fl-Artikolu 59(7) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 għandhom jiġu kkoreġuti.

(11)

Sabiex ikunu żgurati rkanti prevedibbli u f’waqthom mill-pjattaforma tal-irkant li għandha tinħatar mill-Ġermanja, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni urġenti.

(12)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1031/2010

Ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3, għandu jiżdied il-punt li ġej:

“44.

‘strateġija ta’ ħruġ’ tfisser dokument wieħed jew iktar determinati skont il-kuntratti li jaħtru s-sorveljatur tal-irkant jew il-pjattaforma tal-irkant konċernati, li jistipula miżuri dettaljati pjanati biex jiżgura dawn li ġejjin:

(a)

it-trasferiment tal-assi kollha tanġibbli u intanġibbli meħtieġa għall-kontinwazzjoni mingħajr interruzzjoni tal-irkanti u l-operat bla xkiel tal-proċess tal-irkant minn suċċessur tal-pjattaforma tal-irkant;

(b)

il-provvediment lill-awtoritajiet kontraenti jew lis-sorveljatur tal-irkant, jew lit-tnejn, tal-informazzjoni kollha dwar il-proċess tal-irkant, li hija meħtieġa għall-proċedura tal-akkwist għall-ħatra tas-suċċessur tal-pjattaforma tal-irkant;

(c)

il-provvediment lill-awtoritajiet kontraenti, jew lis-sorveljatur tal-irkant jew lis-suċċessur tal-pjattaforma tal-irkant, jew kwalunkwe taħlita ta’ dawn, tal-assistenza teknika li tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti, jew lis-sorveljatur tal-irkant jew lis-suċċessur tal-pjattaforma tal-irkant, jew kwalunkwe taħlita ta’ dawn, biex jifmhu, jaċċessaw jew jużaw l-informazzjoni rilevanti pprovduta skont il-punti (a) u (b).”

(2)

L-Artikolu 7, il-paragrafu 7 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“7.   Qabel jibda rkant, il-pjattaforma tal-irkant għandha tiddetermina l-metodoloġija għall-applikazzjoni tal-paragrafu 6, wara li tikkonsulta sorveljatur tal-irkant u tikseb l-opinjoni tiegħu dwar dan u tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali msemmija fl-Artikolu 56.

Bejn żewġ perjodi ta’ offerti fuq l-istess pjattaforma tal-irkant, il-pjattaforma tal-irkant konċernata tista’ timmodifika l-metodoloġija wara li tikkonsulta sorveljatur tal-irkant, tikseb l-opinjoni tiegħu dwar dan, u tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali msemmija fl-Artikolu 56.

Fejn is-sorveljatur tal-irkant ma jkunx ġie maħtur mill-inqas xahar qabel il-bidu tal-irkant konċernat, il-pjattaforma tal-irkant tista’ tapplika l-metodoloġija intenzjonata mingħajr ma tkun kisbet l-opinjoni tas-sorveljatur tal-irkant.

Il-pjattaforma tal-irkant konċernata għandha kemm jista’ jkun tikkunsidra l-opinjoni tas-sorveljatur tal-irkant.”

(3)

Fl-Artikolu 8, paragrafu 3, għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fejn is-sorveljatur tal-irkant ikun għadu ma ġiex maħtur mill-inqas xahar qabel il-bidu tal-irkant konċernat, il-pjattaforma tal-irkant tista’ tipproċedi bil-bidla fiż-żmien maħsuba.”

(4)

Fl-Artikolu 25, il-paragrafu 6 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“6.   Is-sorveljatur tal-irkant għandu jipprovdi opinjonijiet skont l-Artikolu 7(7) u 8(3), u kif ipprovdut fl-Anness III. L-opinjonijiet għandhom jitwasslu fi żmien raġonevoli.”

(5)

L-Anness III huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Korrezzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010

Fl-Artikolu 59, il-paragrafu 7 jinbidel b’dan li ġej:

“7.   Klijenti tal-offerenti msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jressqu kwalunkwe ilment li jista’ jkollhom fir-rigward tal-konformità mar-regoli ta’ twettiq ipprovduti fil-paragrafi 2 u 3 lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 4 skont ir-regoli ta’ proċedura stabbiliti għall-ġestjoni ta’ lmenti bħal dawn fl-Istat Membru fejn il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 huma sorveljati.”

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Awwissu 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  ĠU L 302, 18.11.2010, p. 1.


ANNESS

Fl-Anness III għar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, it-tabella għandha tinbidel b'dan li ġej:

“Pjattaformi tal-irkant maħtura mill-Ġermanja

1

Pjattaforma tal-irkant

European Energy Exchange AG (EEX)

 

Terminu tal-ħatra

Mill-1 ta’ Settembru 2012 l-aktar kmieni sa, tal-inqas, il-31 ta’ Marzu 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013 l-iktar tard, mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(5).

 

Kundizzjonjiet

L-ammissjoni fl-irkanti ma għandhiex tkun dipendenti fuq li wieħed isir membru ta’ jew parteċipant fis-suq sekondarju organizzat mill-EEX jew ta’ kwalunkwe post tal-kummerċ ieħor operat mill-EEX jew minn kwalunkwe parti terza.

 

Obbligi

Fi żmien xahrejn mill-1 ta’ Settembru 2012, EEX għandha tissottometti l-istrateġija ta’ ħruġ tagħha lill-Ġermanja biex issir konsultazzjoni tas-sorveljatur tal-irkant.

Fi żmien xahrejn minn meta tasal l-opinjoni tas-sorveljatur tal-irkant, EEX għandha tirrevedi l-istrateġija ta’ ħruġ tagħha, filwaqt li kemm jista' jkun tikkunsidra dik l-opinjoni.

Il-Ġermanja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidliet sostantivi f'relazzjonijiet kuntrattwali rilevanti mal-EEX.”


Top