EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0261

Regolament (UE) Nru 261/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta’ Marzu 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

ĠU L 94, 30.3.2012, p. 38–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1308

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/261/oj

30.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/38


REGOLAMENT (UE) Nru 261/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Marzu 2012

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Riformi suċċessivi tal-organizzazzjoni komuni tas-suq li jkopru l-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, li bħalissa jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (4), ġew immirati lejn l-orjentazzjoni tas-suq, jiġifieri, li s-sinjali tal-prezzijiet jitħallew jiggwidaw id-deċiżjonijiet tar-raħħala fit-termini ta’ x’jipproduċu u kemm jipproduċu, sabiex tissaħħaħ is-sitwazzjoni kompetittiva tas-settur tal-prodotti tal-ħalib u s-sostenibbiltà tiegħu fil-kuntest tal-kummerċ globalizzat. Kien għalhekk deċiż, li jiżdiedu l-kwoti gradwalment bl-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 dwar modifiki għall-Politika Agrikola Komuni billi jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 320/2006, (KE) Nru 1405/2006, (KE) Nru 1234/2007, (KE) Nru 3/2008 u (KE) Nru 479/2008 u jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 1883/78, (KEE) Nru 1254/89, (KEE) Nru 2247/89, (KEE) Nru 2055/93, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 2596/97, (KE) Nru 1182/2005 u (KE) Nru 315/2007 (5), (ir-riforma ‘l-Verifika tas-Saħħa’ tal-2008-2009), sabiex tiġi żgurata t-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema ta’ kwoti tal-ħalib sal-2015.

(2)

Fil-perijodu mill-2007 sal-2009, seħħew żviluppi eċċezzjonali fis-swieq tas-setturi tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, li fl-aħħar irriżultaw f’kollass tal-prezzijiet fl-2008/09. Inizjalment, il-kundizzjonijiet estremi tat-temp fl-Oċeanja ġabu tnaqqis sinifikanti fil-provvisti, li wasslu għal żieda malajr u sinifikanti fil-prezzijiet. Għalkemm il-provvisti fid-dinja bdew jirkupraw, u l-prezzijiet bdew jirritornaw għal livelli aktar normali, il-kriżi finanzjarja u ekonomika sussegwenti affettwat b’mod negattiv lill-produtturi tal-prodotti tal-ħalib tal-Unjoni, u aggravat il-volatilità tal-prezzijiet. Żieda fil-prezzijiet tal-prodotti rriżultaw f’żieda sinifikanti tal-ispejjeż tal-għalf u spejjeż oħra ta’ input inkluż l-enerġija. Sussegwentement, tnaqqis fid-domanda madwar id-dinja, kif ukoll fl-Unjoni, inkluż id-domanda għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, f’perijodu li matulu l-produzzjoni tal-Unjoni baqgħet stabbli, wasslet għal waqgħa fil-prezzijiet tal-Unjoni sal-livell l-aktar baxx tax-xibka tas-sikurezza. Dan it-tnaqqis drastiku fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib ma rriżultax fi prezzijiet aktar baxxi tal-prodotti tal-ħalib fil-livell tal-konsumatur, u ġġenera, għas-setturi fi tmiem il-katina, twessigħ fil-marġni gross għal ħafna mill-ħalib u prodotti u pajjiżi fis-settur tal-ħalib, u b’hekk żamm lid-domanda tagħhom milli taġġusta għall-prezzijiet baxxi tal-prodott, b’hekk naqqas l-irkupru tal-prezzijiet u ħarrax l-impatt tal-prezzijiet baxxi fuq il-produtturi tal-ħalib bil-vijabilità ta’ ħafna minnhom tpoġġiet f’riskju serju.

(3)

Bħala reazzjoni għal din is-sitwazzjoni diffiċli fis-suq tal-ħalib, f’Ottubru 2009 twaqqaf Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Esperti dwar il-Ħalib (HLG), bil-għan li jiddiskuti l-arranġamenti għal żmien medju u fit-tul għas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib li, fil-kuntest tal-għeluq tal-kwoti tal-prodotti tal-ħalib fl-2015, kellhom jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni tas-suq u d-dħul tal-produtturi tal-ħalib u t-tisħiħ tat-trasparenza tiegħu.

(4)

L-HLG kiseb kontribut orali u bil-miktub minn gruppi kbar Ewropej interessati fil-katina tal-provvista tal-prodotti tal-ħalib li jirrappreżentaw lir-raħħala, lill-proċessuri tal-prodotti tal-ħalib, lin-negozjanti tal-prodotti tal-ħalib, lill-bejjiegħa bl-imnut u lill-konsumaturi. Barra minn hekk, l-HLG irċieva kontibuzzjonijiet minn esperti akkademiċi mistiedna, rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi, awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u mis-servizzi tal-Kummissjoni. Saret ukoll konferenza tal-partijiet interessati dwar il-ħalib fis-26 ta’ Marzu 2010 li awtorizzat li firxa usa’ ta’ atturi fil-katina tal-provvista jesprimu l-fehmiet tagħhom. L-HLG ippreżenta r-rapport tiegħu fil-15 ta’ Ġunju 2010. Ir-rapport kien fih analiżi tal-istat attwali tas-settur tal-prodotti tal-ħalib u numru ta’ rakkomandazzjonijiet li ffukaw fuq ir-relazzjonijiet kuntrattwali, is-saħħa ta’ negozjar tal-produtturi, l-organizzazzjonijiet interprofessjonali jew ta’ bejn il-fergħat, it-trasparenza (inkluż aktar elaborazzjoni tal-Għodda Ewropea għall-Monitoraġġ tal-Prezzijiet), il-miżuri tas-suq u l-futures, l-istandards tal-ikkummerċjar u t-tikkettar tal-oriġini u l-innovazzjoni u r-riċerka. Bħala l-ewwel pass, dan ir-Regolament jindirizza l-ewwel erbgħa minn dawn il-kwestjonijiet.

(5)

L-HLG innota li s-setturi li jipproduċu u li jipproċessaw il-prodotti tal-ħalib huma differenti ħafna bejn l-Istati Membri. Hemm ukoll sitwazzjoni varjabbli ħafna bejn l-operaturi u t-tipi ta’ operaturi fi Stati Membri individwali. Madankollu f’ħafna każijiet il-konċentrazzjoni tal-provvista hija baxxa li tirriżulta fi żbilanċ fis-saħħa tan-negozjar fil-katina tal-provvista bejn ir-raħħala u l-imħaleb. Dan l-iżbilanċ jista’ jwassal għal prattiki kummerċjali mhux ġusti; b’mod partikolari, ir-raħħala jistgħu ma jkunux jafu fil-mument tal-kunsinja liema prezz ikunu sejrin jirċievu għall-ħalib tagħhom minħabba li l-prezz huwa spiss iffissat ħafna aktar tard mill-imħaleb fuq il-bażi tal-valur miżjud miksub, li huwa ħafna drabi lil hinn mill-kontroll tar-raħħala.

(6)

Hemm għalhekk problema ta’ trażmissjoni tal-prezz tul il-katina, b’mod partikolari rigward il-prezzijiet tal-prodott meta jitlaq mir-razzett, li l-livell tagħhom ġeneralment ma jevolvix skont l-ispejjeż tal-produzzjoni li qed jiżdiedu. Min-naħa l-oħra, matul l-2009, il-provvista tal-ħalib ma ġietx aġġustata fil-pront għal domanda aktar baxxa. Fil-fatt, f’xi Stati Membri produtturi kbar, ir-raħħala irreagixxew għal prezzijiet aktar baxxi, billi pproduċew aktar milli fis-sena preċedenti. Il-valur miżjud fil-katina tal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib sar dejjem aktar ikkonċentrat fis-setturi aktar ‘l isfel fil-katina, speċjalment fl-imħaleb u l-bejjiegħa bl-imnut, bi prezz finali għall-konsumatur li ma jkunx rifless fil-prezz imħallas lill-produtturi tal-ħalib. L-atturi kollha fil-katina tal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib, inkluż is-settur tad-distribuzzjoni, għandhom jiġu inkuraġġiti jikkollaboraw biex jindirizzaw dan l-iżbilanċ.

(7)

Fil-każ tal-imħaleb, il-volum ta’ ħalib li jiġi kkunsinjat lilhom matul l-istaġun mhux dejjem ikun ippjanat sew. Anke fil-każ ta’ kooperattivi tal-prodotti tal-ħalib li huma proprjetà tar-raħħala, li għandhom l-faċilitajiet tal-ipproċessar, u jipproċessaw 58 % tal-ħalib mhux ipproċessat tal-Unjoni, hemm nuqqas potenzjali ta’ addattament tal-provvista għad-domanda: ir-raħħala huma obbligati li jikkunsinjaw il-ħalib tagħhom kollu għall-kooperattiva tagħhom u l-kooperattiva hija obbligata li taċċetta dak il-ħalib kollu.

(8)

L-użu ta’ kuntratti formalizzati u bil-miktub li jinkludu elementi bażiċi konklużi qabel il-kunsinja mhuwiex mifrux. Madankollu, tali kuntratti jistgħu jgħinu biex tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-operaturi fil-katina tal-prodotti tal-ħalib u sabiex iżidu l-kuxjenza dwar il-bżonn li jittieħed kont aħjar tas-sinjali tas-suq, biex titjieb it-trażmissjoni tal-prezzijiet u biex jaddattaw il-provvista mad-domanda, kif ukoll biex jgħinu biex jiġu evitati ċerti prattiki kummerċjali mhux ġusti.

(9)

Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar tali kuntratti, l-Istati Membri jistgħu, fis-sistemi tagħhom tal-liġi kuntrattwali, jiddeċiedu li jagħmlu użu ta’ dawn il-kuntratti obbligatorji sakemm jagħmlu dan b’mod konformi mal-liġi tal-Unjoni u jirrispettaw il-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-organizzazzjoni tas-suq komuni. Fid-dawl tad-diversità tas-sitwazzjonijiet li jeżistu madwar l-Unjoni fir-rigward tas-sistemi tagħhom tal-liġi tal-kuntratti, fl-interessi tas-sussidjarjetà, deċiżjoni bħal din għandha tibqa’ f’idejn l-Istati Membri. Għandhom japplikaw kundizzjonijiet ugwali għall-kunsinji kollha ta’ ħalib mhux ipproċessat f’territorju partikolari. Għalhekk, jekk Stat Membru jiddeċiedi li kull kunsinja ta’ ħalib mhux ipproċessat fit-territorju tiegħu, minn raħħal lil proċessur tal-ħalib għandha tiġi koperta minn kuntratt bil-miktub bejn il-partijiet, dan l-obbligu għandu japplika wkoll għall-kunsinji ta’ ħalib mhux ipproċessat li jkun ġej minn Stati Membri oħra iżda mhux neċessarju li tapplika għall-kunsinji lil Stati Membri oħra. Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jitħalla f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jirrikjedux l-ewwel xerrej jagħmel offerta bil-miktub lir-raħħal biex jidħol f’tali kuntratt.

(10)

Sabiex jiġu żgurati standards minimi xierqa għal kuntratti bħal dawn u biex jiġi żgurat li l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-organizzazzjoni tas-suq komuni jaħdmu sew, għandhom jiġu stabbiliti xi kundizzjonijiet bażiċi għall-użu ta’ kuntratti bħal dawn fuq il-livell tal-Unjoni. Dawn il-kundizzjonijiet bażiċi kollha għandhom, madankollu, jiġu nnegozjati bil-libertà. Madankollu, bil-għan li tissaħħaħ l-istabilità tas-suq tal-prodotti tal-ħalib u s-suq għall-produtturi tal-ħalib f’ċerti Stati Membri fejn l-użu ta’ kuntratti estremament qosra hu mifrux mhux ħażin, l-Istati Membri għandhom jitħallew jistabbilixxu tul ta’ żmien minimu għal kuntratti li għandu jiġi inkluż f’ tali kuntratti u/jew offerti. Tali tul ta’ żmien minimu għandu madankollu jiġi impost biss fuq kuntratti bejn l-ewwel xerrejja u l-produtturi tal-ħalib jew fl-offerti li jsiru mill-ewwel xerrejja lill-produtturi tal-ħalib. Barra minn hekk, m’għandux ixekkel il-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-produtturi tal-ħalib għandhom ikunu ħielsa li jagħżlu li ma jidħlux f’dan it-tul ta’ żmien minimu jew li jirrifjutawh. Fost il-kundizzjonijiet bażiċi, huwa importanti li l-prezz pagabbli għall-kunsinja ikun jista’ jiġi stabbilit fil-kuntratt, skont l-għażla tal-partijiet kontrattanti, bħala prezz statiku jew prezz li jvarja li jiddependi fuq fatturi ddefiniti, bħall-volum u l-kwalità jew il-kompożizzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat ikkunsinjat, mingħajr ma tiġi eskluża l-possibilità ta’ kumbinazzjoni ta’ prezz statiku għal ċertu volum u prezz ta’ formula għal volum addizzjonali ta’ ħalib mhux ipproċessat ikkunsinjat f’kuntratt wieħed.

(11)

Kooperattivi tal-prodotti tal-ħalib li jkollhom fl-istatuti tagħhom jew fir-regoli u deċiżjonijiet ibbażati fuqhom, dispożizzjonijiet b’effetti simili għal dawk tal-kundizzjonijiet bażiċi għall-kuntratti mniżżla f’dan ir-Regolament għandhom, għal raġunijiet ta’ sempliċità, jiġu eżentati mill-ħtieġa li jsir kuntratt bil-miktub.

(12)

Sabiex tissaħħaħ l-effettività tas-sistema bbażata fuq kuntratti stipulata hawn fuq, meta partijiet intermedjarji jiġbru l-ħalib mingħand ir-raħħala biex jgħadduh lill-proċessuri, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibilità li japplikaw dik is-sistema ukoll lill-dawk l-intermedjarji

(13)

L-Artikolu 42 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi li r-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni japplikaw għall-produzzjoni u l-kummerċ ta’ prodotti agrikoli biss safejn ikun determinat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont il-qafas tal-Artikolu 43(2) tat-TFUE, li jipprovdi għall-istabbiliment ta’ organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli.

(14)

Sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp vijabbli tal-produzzjoni u sabiex jiġi żgurat standard ta’ għajxien ġust għar-raħħala tal-prodotti tal-ħalib, is-saħħa tan-negozjar tagħhom vis-à-vis il-proċessuri tal-ħalib għandha tissaħħaħ u għalhekk għandha tirriżulta fi tqassim aktar ġust tal-valur miżjud tul il-katina tal-provvista. Għalhekk, sabiex jitwettqu dawn l-għanijiet tal-politika agrikola komuni, għandha tiġi adottata dispożizzjoni skont l-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tat-TFUE sabiex tippermetti lil organizzazzjonijiet ta’ produtturi magħmula unikament minn raħħala tal-prodotti tal-ħalib jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom biex jinnegozjaw b’mod konġunt it-termini tal-kuntratt, inkluż il-prezz, għal parti mill-produzzjoni jew għall-produzzjoni kollha tal-membri tagħha mal-imħaleb. Madankollu, huma biss l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jfittxu u jakkwistaw rikonoxximent skont l-Artikolu 122 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom ikunu eliġibbli biex jibbenefikaw mill-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, dik id-dispożizzjoni m’għandhiex tapplika għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, inklużi l-kooperattivi, li jipproċessaw il-ħalib mhux ipproċessat kollu tal-membri tagħhom billi l-ebda kunsinja ta’ ħalib mhux ipproċessat lil proċessuri oħra ma hi involuta. Barra minn hekk, għandha ssir dispożizzjoni għall-possibilità ta’ rikonoxximent de facto taħt dan ir-Regolament għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi eżistenti rikonoxxuti skont il-liġi nazzjonali.

(15)

Sabiex ma jiddgħajjifx il-funzjonament effikaċi tal-kooperattivi u fl-interess taċ-ċarezza, għandu jiġi speċifikat li meta sħubija ta’ raħħal f’kooperattiva tinvolvi obbligu, fir-rigward tal-produzzjoni tal-ħalib kollha tar-raħħal jew parti minnha, li jiġi kkunsinjat ħalib mhux ipproċessat, li għalih dawk il-kundizzjonijiet huma stipulati fl-istatut tal-kooperattiva jew fir-regoli u deċiżjonijiet ibbażati fuqhom, dawk il-kundizzjonijiet m’għandhomx ikunu soġġetti għal negozjar min-naħa ta’ organizzazzjoni tal-produtturi.

(16)

Barra minn hekk, sabiex tinżamm kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-prodotti tal-ħalib, din il-possibbiltà għandha tkun soġġetta għal limiti adatti espressi f’termini ta’ persentaġġ tal-produzzjoni tal-Unjoni u tal-produzzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru kopert minn tali negozjati. Il-limitu espress f’termini ta’ persentaġġ tal-produzzjoni nazzjonali għandu japplika l-ewwel għall-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat fl-Istat Membru produttur jew f’kull wieħed mill-Istati Membri produtturi. L-istess limitu ta’ persentaġġ għandu japplika wkoll għall-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat li jiġi kkunsinjat lil kwalunkwe Stat Membru partikolari ta’ destinazzjoni.

(17)

Minħabba l-importanza tad-denominazzjoni protetta ta’ oriġini (DPO) u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) b’mod partikolari għar-reġjuni rurali vulnerabbli, u bil-għan li jiġi żgurat il-valur miżjud u biex tinżamm il-kwalità, partikolarment, tal-varjetajiet ta’ ġobon li jibbenefikaw minn DPO jew IĠP, u fil-kuntest tal-fatt li s-sistema tal-kwoti tal-ħalib qiegħda tiskadi, l-Istati Membri għandhom jitħallew japplikaw regoli biex jirregolaw il-provvista ta’ tali ġobon prodott fiż-żona ġeografika definita. Ir-regoli għandhom ikopru l-produzzjoni kollha kemm hi tal-ġobon ikkonċernat u għandhom jintalbu minn organizzazzjoni interprofessjonali, organizzazzjoni tal-produtturi jew grupp kif definit fir-Regolament (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġni għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (6). Tali talba għandha tkun appoġġjata minn maġġoranza kbira ta’ produtturi tal-ħalib li tirrappreżenta l-maġġorparti l-kbira tal-volum tal-ħalib użat għal dak il-ġobon u, fil-każ ta’ organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat u ta’ gruppi, mill-maġġorparti l-kbira tal-produtturi tal-ġobon li jirrappreżentaw il-maġġoranza kbira tal-produzzjoni ta’ dak il-ġobon. Barra minn hekk, dawn ir-regoli għandhom jiġu soġġetti għal kundizzjonijiet stretti, b’mod partikolari bil-għan li jiġi evitat li ssir ħsara lill-kummerċ tal-prodotti fi swieq oħra u biex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-minoranzi. Stati Membri għandhom immedjatament jippubblikaw u jinnotifikaw lill-Kummissjoni r-regoli adottati, jiżguraw li jsiru spezzjonijiet regolari, u jirrevokaw ir-regoli f’każ li ma jkunx hemm konformità.

(18)

F’xi setturi ġew introdotti regoli fuq il-livell tal-Unjoni għal organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat. Dawn l-organizzazzjonijiet jista’ jkollhom rwoli utli sabiex jippermettu djalogu bejn l-atturi fil-katina tal-provvista u fil-promozzjoni tal-aħjar prattiki u tat-trasparenza tas-suq. Dawn ir-regoli għandhom jiġu applikati wkoll fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, flimkien mad-dispożizzjonijiet li jiċċaraw il-pożizzjoni ta’ dawn l-organizzazzjonijiet skont il-liġi tal-kompetizzjoni, sakemm l-attivitajiet ta’ dawk l-organizzazzjonijiet ma jgħawġux il-kompetizzjoni jew is-suq intern jew jaffettwaw b’mod ħażin il-funzjonament tajjeb tal-organizzazzjoni komuni tas-suq agrikolu. L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-atturi relevanti kollha jieħdu sehem fl-organizzazzjonijiet interprofessjonali.

(19)

Sabiex issegwi l-iżviluppi fis-suq, il-Kummissjoni teħtieġ informazzjoni f’waqtha dwar il-volumi tal-ħalib mhux ipproċessat ikkunsinjat. Għalhekk, għandha ssir dispożizzjoni biex tiżgura li l-ewwel xerrej jikkomunika din l-informazzjoni lill-Istati Membri b’mod regolari u li l-Istat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan.

(20)

Il-Kummissjoni għandha bżonn ukoll ta’ notifiki mill-Istati Membri fir-rigward tan-negozjati kuntrattwali, ir-rikonoxximent tal-organizzazzjoni tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom u l-organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat kif ukoll ir-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, għall-fini li tiġi mmonitorjata u analizzata l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari bil-ħsieb li tipprepara r-rapporti li għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-suq tal-prodotti tal-ħalib.

(21)

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma ġġustifikati fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi attwali tas-suq tal-prodotti tal-ħalib u l-istruttura tal-katina tal-provvista. Huma għandhom għalhekk jiġu applikati għal perijodu twil biżżejjed li jippermettilhom li jkollhom effett totali. Madankollu, minħabba n-natura wiesgħa tagħhom, huma għandhom ikunu temporanji u soġġetti għal reviżjoni bil-għan li wieħed ikun jista’ jara kif tħaddmu u jekk għandhomx ikomplu japplikaw. Dan għandu jiġi ttrattat f’żewġ rapporti tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tas-suq tal-prodotti tal-ħalib, li partikolarment ikopru inċentivi potenzjali biex ir-raħħala jkunu mħeġġa jidħlu għal ftehimiet ta’ produzzjoni konġunta li għandhom jiġu sottomessi sat-30 ta’ Ġunju 2014 u sal-31 ta’ Diċembru 2018 rispettivament.

(22)

L-ekonomija ta’ ċerti reġjuni żvantaġġjati fl-Unjoni tiddependi b’mod qawwi fuq il-produzzjoni tal-ħalib. Minħabba l-ispeċifiċitajiet ta’ dawn ir-reġjuni, il-politiki ġenerali jeħtieġ li jiġu adattati biex jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet tagħhom. Il-politika agrikola komuni diġà fiha miżuri speċifiċi għal dawk ir-reġjuni żvantaġġjati. Miżuri ta’ politika addizzjonali stabbiliti f’dan ir-Regolament jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-produtturi tal-ħalib f’ tali reġjuni. Dawn l-effetti għandhom madankollu jiġu evalwati fir-rapporti msemmija hawn fuq fuq il-bażi li l-Kummissjoni għandha, fejn meħtieġ, tkun tista’ tissottometti proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(23)

Bil-għan li jiġi żgurat li l-objettivi u r-responsabilitajiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib jiġu definiti b’mod ċar, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandu jkun delegat lill-Kummissjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi transnazzjonali u tal-assoċjazzjonijiet transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, ir-regoli dwar l-istabbiliment u l-kundizzjonijiet tal-għajnuna amministrattiva fil-każ ta’ kooperazzjoni transnazzjonali u l-kalkolu tal-volum tal-ħalib mhux ipproċessat koperti min-negozjati minn organizzazzjoni tal-produtturi. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha, inkluż fuq il-livell tal-għarfien espert. Il-Kummissjoni, fil-preparazzjoni u t-tfassil tal-atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(24)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni fuq il-Kummissjoni. Is-setgħat ta’ implimentazzjoni relatati mal-implimentazzjoni ta’ kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom u l-organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat, in-notifikazzjonijiet minn dawk l-organizzazzjonijiet tal-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat kopert minn negozjati, in-notifikazzjonijiet li jridu jsiru mill-Istati Membri lill-Kummissjoni rigward dawk l-organizzazzjonijiet u r-regoli għar-regolamentazzjoni tal-provvista tal-ġobon li tibbenefika minn DPO jew minn IĠP, f’regoli dettaljati rigward ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, il-kontenut, il-format u l-iskedar tad-dikjarazzjonijiet obbligatorji f’dak is-settur, ċerti aspetti tal-kuntratti għall-kunsinja mir-raħħala ta’ ħalib mhux ipproċessat u n-notifika, lill-Kummissjoni, tal-għażliet meħuda mill-Istat Membru f’dan ir-rigward għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (7).

(25)

Fid-dawl tas-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u minħabba n-natura speċjali ta’ dawk l-atti, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi mingħajr ma tapplika r-Regolament (UE) Nru 182/2011 jekk ċerti ftehimiet u prattiki miftiehma fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib humiex inkompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jekk in-negozjati minn organizzazzjoni tal-produtturi rigward iktar minn Stat Membru wieħed jistgħux isiru u jekk ċerti regoli stabbiliti mill-Istati Membri biex jirregolaw il-provvista ta’ tali varjetajiet ta’ ġobon b’DPO jew minn IĠP għandhomx jiġu rrevokati.

(26)

Ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007

Ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122, il-punt li ġej ġie miżjud:

‘(iiia)

ħalib u prodotti tal-ħalib;’;.

(2)

fl-Artikolu 123, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

‘4.   L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu wkoll organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat li:

(a)

ikunu talbu formalment ir-rikonoxximent u huma magħmulin minn rappreżentanti ta’ attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-produzzjoni ta’ ħalib mhux ipproċessat u marbut ma’ tal-anqas wieħed mill-istadji li ġejjin tal-katina ta’ provvista: l-ipproċessar jew il-kummerċ, inkluża d-distribuzzjoni, tal-prodotti tas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib;

(b)

ikunu ffurmati fuq l-inizjattiva tar-rappreżentanti kollha jew xi wħud minn dawk imsemmija fil-punt (a);

(c)

iwettqu f’reġjun wieħed jew aktar tal-Unjoni, b’kont meħud tal-interessi tal-membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat u tal-konsumaturi, attività waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(i)

ikunu jtejbu l-għarfien u t-trasparenza tal-produzzjoni u s-suq, inkluż permezz tal-pubblikazzjoni ta’ data statistika fuq il-prezzijiet, volumi u tul ta’ kuntratti għall-kunsinja ta’ ħalib mhux ipproċessat li kienu diġà ġew konklużi preċedentement, u permezz tal-provvista ta’ analiżi ta’ żviluppi potenzjali futuri tas-suq fuq livell reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali;

(ii)

ikunu jgħinu l-koordinazzjoni aħjar tal-mod li bih il-prodotti tas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib jitpoġġew fis-suq, b’mod partikolari permezz ta’ riċerka u studji tas-suq;

(iii)

jippromwovu l-konsum u l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib kemm fis-suq intern kif ukoll f’dak estern;

(iv)

jesploraw is-swieq potenzjali għall-esportazzjoni;

(v)

ifasslu formoli standard ta’ kuntratt kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni għall-bejgħ ta’ ħalib mhux ipproċessat lix-xerrejja u/jew il-forniment ta’ prodotti pproċessati lid-distributuri u lill-bejjiegħa bl-imnut, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jintlaħqu kundizzonijiet kompetittivi ġusti u li jiġi evitat it-tagħwiġ tas-suq;

(vi)

jagħtu informazzjoni u jwettqu r-riċerka meħtieġa sabiex il-produzzjoni tiġi aġġustata favur prodotti aktar xierqa għall-ħtiġijiet tas-suq u l-gosti u l-aspettattivi tal-konsumatur, b’mod partikolari rigward il-kwalità tal-prodott u ħarsien tal-ambjent;

(vii)

isostnu u jiżviluppaw il-potenzjali tal-produzzjoni tas-settur tal-ħalib, inter alia billi tiġi promossal-innovazzjoni u jiġu appoġġati programmi għar-riċerka u l-iżvilupp applikati sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, speċjalment sabiex jinħolqu prodotti b’valur miżjud li jkunu aktar attraenti għall-konsumatur;

(viii)

ifittxu metodi li jillimitaw l-użu ta’ prodotti tas-saħħa tal-annimali filwaqt li jtejbu l-ġestjoni ta’ kontributi oħra u jtejbu s-sikurezza tal-ikel u s-saħħa tal-annimali;

(ix)

jiżviluppaw metodi u strumenti għat-titjib tal-kwalità tal-prodott fl-istadji kollha tal-produzzjoni u tqegħid fis-suq;

(x)

jisfruttaw il-potenzjal tal-biedja organika u l-protezzjoni u l-promozzjoni ta’ din il-biedja kif ukoll il-produzzjoni tal-prodotti b’denominazzjonijiet ta’ oriġini, tikketti ta’ kwalità u indikazzjonijiet ġeografiċi; kif ukoll

(xi)

jipromwovu l-produzzjoni integrata jew metodi oħra ta’ produzzjoni ambjentalment tajbin.’;

(3)

fil-Kapitolu II tat-Titolu II tal-Parti II, it-Taqsima li ġejja hija miżjuda:

Taqsima IIA

Regoli li jikkonċernaw organizzazzjonijiet ta’ produtturi u organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

Artikolu 126a

Ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu bħala organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib l-entitajiet legali kollha jew partijiet definiti b’mod ċar tal-entitajiet legali li japplikaw għal tali rikonoxximent, sakemm:

(a)

jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (b) u (c) fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122;

(b)

ikollhom numru minimu ta’ membri u/jew ikopru volum minimu ta’ produzzjoni kummerċjabbli, li għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat, fiż-żona fejn joperaw;

(c)

ikun hemm evidenza suffiċjenti li jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom b’mod xieraq, kemm tul iż-żmien u kemm mil-lat tal-effettività u l-konċentrazzjoni tal-provvista;

(d)

ikollhom statut li hu konsistenti mal-punti (a), (b) u (c) ta’ dan il-paragrafu.

2.   Bħala reazzjoni għal applikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib jekk l-Istat Membru kkonċernat iqis li din l-assoċjazzjoni tkun kapaċi twettaq b’mod effikaċi kwalunkwe mill-attivitajiet ta’ organizzazzjoni tal-produtturi rikonoxxuta u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi li ġew rikonoxxuti qabel it-2 ta’ April 2012 fuq il-bażi ta’ liġi nazzjonali u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragarafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jitqiesu rikonoxxuti bħala organizzazzjonijiet tal-prodotturi skont il-punt (iiia) tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122.

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi li kienu rikonoxxuti qabel 2 ta’ April 2012 fuq il-bażi tal-liġi nazzjonali u li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jkomplu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom skont il-liġi nazzjonali sat-3 ta’ Ottubru 2012.

4.   L-Istati Membri għandhom:

(a)

jiddeċiedu jekk jagħtux rikonoxximent lil organizzazzjoni tal-produtturi fi żmien erba’ xhur minn meta titressaq applikazzjoni akkumpanjata mill-evidenza ta’ appoġġ rilevanti kollha; din l-applikazzjoni għandha titressaq lill-Istati Membri fejn l-organizzazzjoni jkollha l-kwartieri ġenerali tagħha;

(b)

iwettqu, f’intervalli li għandhom jiġu stabbiliti minnhom, kontrolli biex jiġi aċċertat li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkunu qed jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu;

(c)

f’każ ta’ nonkonformità jew irregolaritajiet fl-implimentazzjoni tal-miżuri provduti f’dan il-Kapitolu, jimponu fuq dawk l-organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet il-pieni applikabbli li jkunu stabbilixxew u jiddeċiedu għandux, jekk ikun meħtieġ, jiġi rtirat ir-rikonoxximent;

(d)

jinfurmaw lill-Kummissjoni darba fis-sena u mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu b’kull deċiżjoni għall-għoti, iċ-ċaħda jew l-irtirar ta’ rikonoxximent li jkun ħadu matul is-sena kalendarja preċedenti.

Artikolu 126b

Ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

1.   L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu lill-organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib kemm-il darba dawn it-tali organizzazzjonijiet:

(a)

jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 123(4);

(b)

iwettqu l-attivitajiet tagħhom f’wieħed jew aktar mir-reġjuni tat-territorju kkonċernat;

(c)

jiffurmaw sehem sinifikanti mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 123(4)(a);

(d)

ma jkunux huma stess li jwettqu l-produzzjoni, l-ipproċessar jew l-ikkummerċjar ta’ prodotti fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat li ġew rikonoxxuti qabel it-2 ta’ April 2012 fuq il-bażi ta’ liġi nazzjonali u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragarafu 1 għandhom jitqiesu bħala rikonoxxuti bħala organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat skont l-Artikolu 123(4).

3.   Fejn l-Istati Membri jagħmlu użu mill-għażla li jirrikonoxxu organizzazzjoni ta’ bejn fergħat skont il-paragrafu 1 u/jew 2, għandhom:

(a)

jiddeċiedu jekk jagħtux rikonoxximent lil organizzazzjoni ta’ bejn fergħat fi żmien erba’ xhur minn meta titressaq applikazzjoni akkumpanjata mill-evidenza ta’ appoġġ rilevanti kollha; din l-applikazzjoni għandha titressaq lill-Istati Membri fejn l-organizzazzjoni jkollha l-kwartieri ġenerali tagħha;

(b)

iwettqu, f’intervalli li għandhom jiġu determinati minnhom, kontrolli biex jivverifikaw li l-organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat ikunu qed jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-rikonoxximent tagħhom;

(c)

f’każ ta’ nonkonformità jew irregolaritajiet fl-implimentazzjoni tal-miżuri li hemm dispożizzjoni għalihom f’dan ir-Regolament, jimponu fuq dawk l-organizzazzjonijiet il-pieni applikabbli li jkunu stabbilixxew u jiddeċiedu għandux, jekk ikun meħtieġ, jiġi rtirat ir-rikonoxximent;

(d)

jirtiraw ir-rikonoxximent jekk:

(i)

ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent stabbiliti f’dan l-Artikolu ma jibqgħux jiġu ssodisfati;

(ii)

l-organizzazzjoni interprofessjonali tkun involuta fi kwalunkwe ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma msemmija fl-Artikolu 177a(4), bla ħsara għal kwalunkwe piena oħra li għandha tiġi imposta skont il-liġi nazzjonali;

(iii)

l-organizzazzjoni ta’ bejn fergħat ma tikkonformax mal-obbligu tan-notifika msemmi fl-Artikolu 177a(2);

(e)

jinfurmaw lill-Kummissjoni darba fis-sena u mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu b’kull deċiżjoni għall-għoti, iċ-ċaħda jew l-irtirar ta’ rikonoxximent meħuda matul is-sena kalendarja preċedenti.

Artikolu 126c

Negozjati kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

1.   Organizzazzjoni tal-produtturi fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib rikonoxxuta skont l-Artikolu 122, tista’ tinnegozja f’isem il-membri raħħala tagħha, rigward parti mill-produzzjoni konġunta tagħhom jew għal din il-produzzjoni kollha, kuntratti għall-kunsinja ta’ ħalib mhux ipproċessat minn raħħal lil proċessur ta’ ħalib mhux ipproċessat, jew lil kollettur skont it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 185f(1).

2.   In-negozjati mill-organizzazzjoni ta’ produttur jistgħu isseħħu:

(a)

kemm jekk ikun hemm kif ukoll jekk ma jkunx hemm trasferiment tal-proprjetà tal-ħalib mhux ipproċessat mir-raħħala lill-organizzazzjoni tal-produtturi;

(b)

kemm jekk il-prezz innegozjat ikunx l-istess jew le rigward il-produzzjoni konġunta għal uħud jew għall-membri raħħala kollha;

(c)

sakemm, għal organizzazzjoni ta’ produtturi partikolari:

(i)

il-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat kopert minn tali negozjati ma jaqbiżx it-3,5 % tat-total tal-produzzjoni tal-Unjoni; u

(ii)

il-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat kopert minn tali negozjati li jiġi prodott fi kwalunkwe Stat Membru partikolari ma jaqbiżx it-33 % tal-produzzjoni nazzjonali totali ta’ dak l-Istat Membru; u

(iii)

il-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat kopert minn tali negozjati li jiġi kunsinjat fi kwalunkwe Stat Membru partikolari ma jaqbiżx it-33 % tal-produzzjoni nazzjonali totali ta’ dak l-Istat Membru;

(d)

sakemm ir-raħħala kkonċernati ma jkunux membri ta’ xi organizzazzjoni oħra ta’ produtturi li tinnegozja wkoll kuntratti bħal dawn f’isimhom; madankollu, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn din il-kundizzjoni f’każi ġġustifikati kif dovut fejn ir-raħħala jkollhom żewġ unitajiet distinti ta’ produzzjoni li jkunu jinsabu f’żoni ġeografiċi differenti;

(e)

sakemm il-ħalib mhux ipproċessat mhuwiex kopert minn obbligu ta’ kunsinja li jirriżulta mis-sħubija li raħħal ikollu f’kooperattiva skont il-kundizzjonijiet spjegati fl-istatuti tal-kooperattiva jew ir-regoli u d-deċiżjonijiet previsti f’dawn l-istatuti jew derivati minnhom; u

(f)

sakemm l-organizzazzjoni tal-produtturi tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew l-Istati Membri li topera fihom dwar il-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat kopert minn tali negozjati.

3.   Minkejja l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (ii) u (iii) tal-punt (c) tal-paragrafu 2, organizzazzjoni tal-produtturi tista’ tinnegozja skont il-paragrafu 1 sakemm, fir-rigward ta’ dik l-organizzazzjoni tal-produtturi, il-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat kopert minn dawk in-negozjati li huwa prodott jew ikkunsinjat fi Stat Membru li għandu produzzjoni annwali totali ta’ ħalib mhux ipproċessat ta’ anqas minn 500 000 tunnellata ma jaqbiżx il-45 % tal-produzzjoni nazzjonali totali ta’ dak l-Istat Membru.

4.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, referenzi għal organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jinkludu wkoll assoċjazzjonijiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

5.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt (c) tal-paragrafu 2 u l-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tippubblika, b’mezzi li tikkunsidra xierqa, l-ammonti ta’ produzzjoni ta’ ħalib mhux ipproċessat fl-Unjoni u fl-Istati Membri billi tuża l-iktar informazzjoni aġġornata disponibbli.

6.   B’deroga mill-punt (c) tal-paragrafu 2 u l-paragrafu 3, anki meta l-limiti stabbiliti hemmhekk ma jinqabżux, l-awtorità tal-kompetizzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu tista’ tiddeċiedi f’każ individwali li n-negozjati partikolari magħmula mill-organizzazzjoni produttriċi għandu jew jinfetaħ mill-ġdid jew ma għandux iseħħ bl-ebda mod jekk tqis li dan meħtieġ sabiex iżżomm milli l-kompetizzjoni tkun eskluża jew sabiex tevita li jkun hemm ħsara serja għall-proċessuri SME tal-ħalib mhux ipproċessat fit-territorju tagħha.

Għal negozjati li jkopru iktar minn Stat Membru wieħed, id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tittieħed mill-Kummissjoni mingħajr ma tiġi applikata l-proċedura msemmija fl-Artikoli 195(2) jew 196b(2). F’każijiet oħrajn, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru li magħha huma relatati n-negozjati.

Id-deċiżjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu m’għandhomx japplikaw aktar kmieni mid-data tan-notifika tagħhom lill-impriżi kkonċernati.

7.   Għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu:

(a)

“awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni” tfisser l-awtorità msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat (*);

(b)

“SME” tfisser mikroimpriża, impriża żgħira jew impriża medja skont it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 li tikkonċerna d-definzzjoni ta’ mikroimpriża, impriża żgħira jew medja (**).

8.   L-Istati Membri li fihom isiru n-negozjati skont dan l-Artikolu għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-punt (f) tal-paragrafu 2 u paragrafu 6.

Artikolu 126d

Regolamentazzjoni tal-provvista għall-ġobon b’denominazzjoni tal-oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta

1.   Fuq talba ta’ organizzazzjoni tal-produtturi rikonoxxuta skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122, organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat rikonoxxuta skont l-Artikolu 123(4) jew grupp ta’ operaturi msemmi fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għal perijodu ta’ żmien limitat, regoli vinkolanti għar-regolamentazzjoni tal-provvista ta’ ġobon li jibbenefika minn denominazzjoni tal-oriġini protetta jew minn indikazzjoni ġeografika protetta skont l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

2.   Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 u għandhom ikunu soġġetti għall-eżistenza ta’ ftehim minn qabel bejn il-partijiet fiż-żona ġeografika msemmija fl-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Tali ftehim għandu jiġi konkluż bejn tal-anqas żewġ terzi tal-produtturi tal-ħalib jew ir-rappreżentanti tagħhom li jirrappreżentaw tal-anqas żewġ terzi tal-ħalib mhux ipproċessat użat għall-produzzjoni tal-ġobon imsemmi fil-paragrafu 1 u, jekk ikun xieraq, tal-anqas żewġ terzi tal-produtturi ta’ dak il-ġobon li jirrappreżentaw tal-anqas żewġ terzi tal-produzzjoni ta’ dak il-ġobon fiż-żona ġeografika msemmija fl-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

3.   Għall-fini tal-paragrafu 1, li jikkonċerna l-ġobon li jibbenefika minn indikazzjoni ġeografika protetta, ż-żona ġeografika ta’ oriġini tal-ħalib mhux ipproċessat kif stabbilit fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-ġobon għandha tkun l-istess bħaż-żona ġeografika msemmija fl-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 relatata ma’ dak il-ġobon.

4.   Ir-regoli msemmijin fil-paragrafu 1:

(a)

għandhom ikopru biss ir-regolamentazzjoni tal-provvista tal-prodott ikkonċernat u għandu jkollhom il-għan li jadattaw il-provvista ta’ dak il-ġobon skont id-domanda;

(b)

għandu jkollhom effett biss fuq il-prodott ikkonċernat;

(c)

jistgħu jsiru vinkolanti għal mhux aktar minn tliet snin u jiġġeddu wara dan il-perijodu wara li tkun saret talba ġdida, kif imsemmi fil-paragrafu 1;

(d)

m’għandhomx jagħmlu ħsara lill-kummerċ ta’ prodotti ħlief dawk ikkonċernati mir-regoli msemmija fil-paragrafu 1;

(e)

m’għandhomx ikunu jirrigwardaw l-ebda transazzjoni wara l-ewwel darba li l-ġobon ikkonċernat jiġi kkummerċjalizzat;

(f)

m’għandhomx jippermettu l-iffissar tal-prezzijiet, inkluż fejn il-prezzijiet jiġu stabbiliti bħala gwida jew bħala rakkomandazzjoni;

(g)

m’għandhomx irendu bħala mhux disponibbli proporzjon eċċessiv ta’ dak il-prodott ikkonċernat li altrimenti jkun disponibbli;

(h)

m’għandhomx joħolqu diskriminazzjoni, jikkostitwixxu ostaklu biex jidħlu persuni ġodda fis-suq, jew iwasslu għal effetti ħżiena fuq il-produtturi żgħar;

(i)

għandhom jikkontribwixxu għas-sostenn tal-kwalità u/jew l-iżvilupp tal-prodott ikkonċernat.

(j)

għandhom ikunu mingħajr ħsara għall-Artikolu 126c.

5.   Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppubblikati f’pubblikazzjoni uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat.

6.   L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli bil-għan li jiżguraw li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 huma rrispettati, u fejn ikun instab mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li tali kundizzjonijiet ma jkunux ġew irrispettati, għandhom jirrevokaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1.

7.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mill-ewwel dwar ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 li jkunu adottaw. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar kwalunkwe notifika ta’ tali regoli.

8.   Il-Kummissjoni tista’ fi kwalunkwe ħin taddotta atti ta’ implimentazzjoni li jirrikjedu li Stat Membru jirrevoka r-regoli stabbiliti minn dak l-Istat Membru skont il-paragrafu 1 jekk il-Kummissjoni ssib li dawk ir-regoli ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4, jipprevjenu jew jgħawġu l-kompetizzjoni f’parti sostanzjali tas-suq intern jew jipperikolaw il-kummerċ ħieles jew li l-kisba tal-objettivi tal-Artikolu 39 tat-TFUE jkun kompromess. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati mingħajr ma tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(2) jew fl-Artikolu 196b(2).

Artikolu 126e

Is-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

1.   Sabiex jiġi żgurat li l-objettivi u r-responsabilitajiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib ikunu ddefiniti b’mod ċar, sabiex jikkontribwixxu għall-effettività tal-azzjonijiet ta’ tali organizzazzjonijiet mingħajr xkiel żejjed, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 196a li jistipula:

(a)

il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi transnazzjonali u assoċjazzjonijiet transnazzjonali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi;

(b)

regoli relatati mal-istabbiliment u l-kundizzjonijiet tal-għajnuna amministrattiva li għandha tingħata mill-awtoritajiet kompetenti relevanti fil-każ ta’ kooperazzjoni transnazzjonali;

(c)

regoli addizzjonali rigward il-kalkolu tal-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat kopert min-negozjati msemmija fl-Artikolu 126c(2)(c) u l-Artikolu 126c(3).

2.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati meħtieġa għal:

(a)

l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom u l-organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat spjegati fl-Artikoli 126a u 126b;

(b)

in-notifika msemmija fl-Artikolu 126c(2)(f);

(c)

in-notifiki li għandhom isiru mill-Istati Membri lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 126a(4)(d), l-Artikolu 126b(3)(e), l-Artikolu 126c(8) u l-Artikolu 126d(7);

(d)

il-proċeduri relatati mal-għajnuna amministrattiva fil-każ ta’ kooperazzjoni transnazzjonali.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 196b(2).

(*)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. Nota editorjali: It-titolu tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ġie aġġustat biex jieħu kont tar-remunerazzjoni tal-artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, skont l-Artikolu 5 tat-Trattat ta’ Liżbona; ir-referenza oriġinali kienet għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat."

(**)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.’;"

(4)

fl-Artikolu 175 il-kliem ‘skont l-Artikoli 176 sa 177 ta’ dan ir-Regolament’ huwa sostitwit bil-kliem ‘soġġett għall-Artikoli 176 sa 177a ta’ dan ir-Regolament’;

(5)

l-Artikolu li ġej ġie miżjud:

“Artikolu 177a

Ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

1.   L-Artikolu 101(1) tat-TFUE m’għandux japplika għall-ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma ta’ organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat rikonoxxuti bl-iskop li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 123(4)(c) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika biss jekk:

(a)

il-ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma jkunu ġew innotifikati lill-Kummissjoni; u

(b)

fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi d-dettalji kollha meħtieġa, il-Kummissjoni, mingħajr ma tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(2) jew l-Artikolu 196b(2), ma tkunx sabet li l-ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiki miftiehma huma inkompatibbli mar-regoli tal-Unjoni.

3.   Il-ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma ma jistgħux jidħlu fis-seħħ qabel il-perijodu msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2 jiskadi.

4.   Il-ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma li ġejjin għandhom f’kull każ ikunu ddikjarati inkompatibbli mar-regoli tal-Unjoni jekk dawn:

(a)

jistgħu jwasslu għal diviżjoni ta’ kwalunkwe għamla fis-swieq tal-Unjoni;

(b)

jistgħu jaffettwaw it-tħaddim korrett tal-organizzazzjoni tas-suq;

(c)

jistgħu joħolqu tgħawwiġ fil-kompetizzjoni, u mhumiex essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika agrikola komuni segwita mill-attività tal-organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat;

(d)

jinvolvu l-iffissar tal-prezzijiet;

(e)

jistgħu joħolqu diskriminazzjoni jew jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ proporzjon sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni.

5.   Jekk, wara l-iskadenza tal-perijodu msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2, il-Kummissjoni ssib li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ma ġewx issodisfati, hija għandha, mingħajr ma tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(2) jew l-Artikolu 196b(2), tadotta deċiżjoni li tiddikjara li l-Artikolu 101(1) TFUE japplika għall-ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma in kwistjoni.

Dik id-deċiżjoni tal-Kummissjoni m’għandhiex tapplika qabel id-data tan-notifika tagħha lill-organizzazzjoni ta’ bejn fergħat ikkonċernata, sakemm dik l-organizzazzjoni ta’ bejn fergħat ma tkunx tat informazzjoni inkorretta jew tkun abbużat mill-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

6.   Fil-każ ta’ ftehimiet pluriennali, in-notifika għall-ewwel sena għandha tkun valida għas-snin sussegwenti tal-ftehim. Madankollu, il-Kummissjoni tista’, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ Stat Membru ieħor, toħroġ dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà fi kwalunkwe ħin.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 196b(2).’;

(6)

L-Artikolu 184, huwa emendat kif ġej:

(a)

punt 6 ġie sostitwit b’dan li ġej:

‘6.

qabel il-31 ta’ Diċembru 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2012 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib, flimkien, jekk ikunu meħtieġa, ma’ proposti adatti;’;

(b)

il-punt li ġej ġie miżjud:

‘9.

sat-30 ta’ Ġunju 2014 u sal-31 ta’ Diċembru 2018 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fis-suq tas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u b’mod partikolari dwar il-funzjonament tal-punt (iiia) tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 u tal-Artikolu 123(4) u tal-Artikoli 126c, 126d, 177a, 185e u 185f, li jivvaluta, partikolarment, l-effetti fuq il-produtturi tal-ħalib u l-produzzjoni tal-ħalib fir-reġjuni żvantaġġjati, f’rabta mal-objettiv ġenerali li tiġi sostnuta l-produzzjoni f’tali reġjuni, u li jkopri inċentivi potenzjali biex ir-raħħala jkunu mħeġġa jidħlu għal ftehimiet ta’ produzzjoni konġunta flimkien ma’ kwalunwke proposta xierqa.’,

(7)

L-Artikoli li ġejjin ġew imdaħħla:

‘Artikolu 185e

Dikjarazzjonijiet obbligatorji fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

Mill-1 ta’ April 2015, l-ewwel xerrejja tal-ħalib mhux ipproċessat għandhom jiddikjaraw lill-awtorità nazzjonali kompetenti l-kwantità ta’ ħalib mhux ipproċessat li ġie ikkunsinjat lilhom kull xahar.

Għall-fini ta’ dan l-Artikolu u tal-Artikolu 185f, ‘l-ewwel xerrej’ tfisser impriża jew grupp li jixtri l-ħalib mill-produtturi biex:

(a)

jissoġġettawh għall-ġbir, l-ippakkjar, il-ħażna, it-tkessiħ jew l-ipproċessar, inkluż skont kuntratt;

(b)

ibigħuh lil impriża waħda jew aktar li tittratta jew tipproċessal-ħalib jew prodotti oħra tal-ħalib.

Stati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-kwantità ta’ ħalib mhux ipproċessat imsemmija fl-ewwel subparagrafu.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dwar il-kontenut, il-format u l-iskeda ta’ meta għandhom isiru tali dikjarazzjonijiet u miżuri rigward in-notifiki li jridu jsiru mill-Istati Membri skont dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 196b(2).

Artikolu 185f

Relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

1.   Jekk Stat Membru jiddeċiedi li kull kunsinja ta’ ħalib mhux ipproċessat fit-territorju tiegħu minn raħħal lil proċessur tal-ħalib mhux ipproċessat għandha tiġi koperta minn kuntratt bil-miktub bejn il-partijiet, u/jew jiddeċiedi li l-ewwel xerrejja jridu jagħmlu offerta bil-miktub għal kuntratt għall-kunsinja mir-raħħala ta’ ħalib mhux ipproċessat, tali kuntratt u/jew tali offerta għal kuntratt għandhom ikunu konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2.

Fejn l-Istat Membru jiddeċiedi li l-kunsinji, minn raħħal, ta’ ħalib mhux ipproċessat lil proċessur ta’ ħalib mhux ipproċessat iridu jkunu koperti minn kuntratt miktub bejn il-partijiet, huwa għandu wkoll jiddeċiedi liema stadju jew stadji tal-kunsinja għandha/għandhom jiġu koperti minn tali kuntratt jekk il-kunsinja tal-ħalib mhux ipproċessat issir permezz ta’ kollettur wieħed jew aktar. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘kollettur’ tfisser intrapriża li tittrasporta l-ħalib mhux ipproċessat minn bidwi jew kollettur ieħor lil proċessur tal-ħalib mhux ipproċessat jew kollettur ieħor, fejn il-proprjetà tal-ħalib mhux ipproċessat tiġi trasferita f’kull każ.

2.   Il-kuntratt u/jew l-offerta għal kuntratt għandhom:

(a)

isiru qabel ma ssir il-kunsinja,

(b)

ikunu bil-miktub, u

(c)

jinkludu, b’mod partikolari, l-elementi li ġejjin:

(i)

il-prezz li għandu jitħallas għall-kunsinja, li għandu:

ikun statiku u jiġi stabbilit fil-kuntratt, u/jew

jiġi kkalkulat billi jiġu kkumbinati diversi fatturi stabbiliti fil-kuntratt, li jistgħu jinkludu indikaturi tas-suq li jirriflettu l-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq, il-volum ikkunsinjat u l-kwalità jew il-kompożizzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat ikkunsinjat;

(ii)

il-volum tal-ħalib mhux ipproċessat li jista’ u/jew għandu jiġi kkunsinjat u l-ħin ta’ dawn il-kunsinji;

(iii)

it-tul ta’ żmien tal-kuntratt, li jista’ jinkludi jew tul ta’ żmien definit jew ta’ tul indefinit bi klawsoli ta’ terminazzjoni;

(iv)

id-dettalji rigward il-perijodi u l-proċeduri ta’ ħlas;

(v)

l-arranġamenti għall-ġbir jew il-kunsinja tal-ħalib mhux ipproċessat; u

(vi)

regoli applikabbli fil-każ ta’ force majeure.

3.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, ma jkunx hemm għalfejn kuntratt u/jew offerta għal kuntratt fejn il-ħalib mhux ipproċessat huwa kkunsinjat minn raħħal lil kooperattiva li r-raħħal huwa membru tagħha jekk l-istatuti ta’ din il-kooperattiva jew ir-regoli u d-deċiżjonijiet previsti jew li huma derivati minn dawn l-istatuti jinkludu dispożizzjonijiet li għandhom effetti simili bħal dawk id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 2.

4.   L-elementi kollha tal-kuntratti għall-kunsinja ta’ ħalib mhux ipproċessat konkluż mir-raħħala, il-kolletturi jew il-proċessuri tal-ħalib mhux ipproċessat, inkluż l-elementi msemmija fil-paragrafu 2(c), għandhom jiġu nnegozjati liberament bejn il-partijiet.

Minkejja l-ewwel subparagrafu,

(i)

meta Stat Membru jiddeċiedi li jagħmel il-kuntratti bil-miktub għall-kunsinja ta’ ħalib mhux ipproċessat obbligatorji skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jista’ jistabbilixxi tul ta’ żmien minimu, applikabbli biss f’kuntratti bil-miktub bejn ir-raħħal u l-ewwel xerrej tal-ħalib mhux ipproċessat. Tali tul ta’ żmien minimu għandu jkun ta’ mill-anqas sitt xhur u m’għandux ixekkel il-funzjonament xieraq tas-suq intern; u/jew

(ii)

meta Stat Membru jiddeċiedi li l-ewwel xerrej tal-ħalib mhux ipproċessat irid jagħmel offerta bil-miktub għal kuntratt lir-raħħal skont il-paragrafu 1, huwa jista’ jagħmel dispożizzjoni li l-offerta trid tinkludi tul ta’ żmien minimu tal-kuntratt, kif stabbilit mil-liġi nazzjonali għal dan il-għan. Tali tul ta’ żmien minimu għandu jkun ta’ mill-anqas sitt xhur u m’għandux ixekkel il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

It-tieni subparagrafu għandu jkun mingħajr ħsara għad-driitt tar-raħħal li jirrifjuta tali tul ta’ żmien minimu sakemm jagħmel dan bil-miktub. F’dan il-każ, il-partijiet għandhom ikunu ħielsa li jinnegozjaw l-elementi kollha tal-kuntratt, inklużi dawk l-elementi msemmija fil-paragrafu 2(c).

5.   L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-għażliet imsemmija f’dan l-Artikolu għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom.

6.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni uniformi tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 u l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u miżuri relatati man-notifiki li jridu jsiru mill-Istati Membri skont dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 196b(2).’;

(8)

fil-Kapitolu I tal-Parti VII, l-Artikoli li ġejjin huma miżjuda:

‘Artikolu 196a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa biex jiġu adottati atti delegati tiġi kkonferita fuq il-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li taddotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 126e(1) għandha tiġi kkonferita fuq il-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-2 ta’ April 2012. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġġedded b’mod taċitu għal perijodi ta’ tul ta’ żmien identiku, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponix tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 126e(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni biex tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din m’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti ddelegati li huma diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 126e(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressal-ebda oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 196b

Il-proċedura tal-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għajnuna ta’ kumitat li għandu jkun magħruf bħala l-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni ta’ Swieq Agrikoli. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal- eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni. (***)

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(***)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.’,"

(9)

fl-Artikolu 204, jiżdied il-paragrafu li ġej:

‘7.   F’dak li jirrigwarda s-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, il-punt (iiia) tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122, l-Artikolu 123(4) u l-Artikoli 126a, 126b, 126e u 177a għandhom japplikaw mit-2 ta’ April 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2020 u l-Artikoli 126c, 126d, 185e u 185f għandhom japplikaw mit-3 ta’ Ottubru 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2020.’.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika mit-2 ta’ April 2012.

Madankollu, l-Artikoli 126c, 126d, 185e u 185f tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 kif imdaħħla minn dan ir-Regolament, għandhom japplikaw mit-3 ta’ Ottubru 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Marzu 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 110.

(2)  ĠU C 192, 1.7.2011, p. 36.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Frar 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2012.

(4)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(5)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 1.

(6)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(7)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.


Top