Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0214

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 214/2012 tat- 13 ta’ Marzu 2012 li għas-sena tas-suq 2011/2012, jidderoga mill-Artikolu 63(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tad-dati għall-komunikazzjoni ta' trasferiment ’il quddiem ta' zokkor żejjed

    ĠU L 74, 14.3.2012, p. 3–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1308

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/214/oj

    14.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 74/3


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 214/2012

    tat-13 ta’ Marzu 2012

    li għas-sena tas-suq 2011/2012, jidderoga mill-Artikolu 63(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tad-dati għall-komunikazzjoni ta' trasferiment ’il quddiem ta' zokkor żejjed

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) [Ir-Regolament dwar l-OKS Unika] (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 85, il-punt (c), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont Artikolu 63(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, impriżi li jiddeċiedu li jittrasferixxu ’l quddiem parti jew il-produzzjoni tagħhom kollha li taqbeż il-kwota għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri konċernati dwar id-deċiżjoni. Dik l-informazzjoni għandha tiġi sottomessa qabel id-data li għandha tiġi ddeterminata mill-Istati Membri, fil-limiti taż-żmien stabbiliti b’dak l-Artikolu.

    (2)

    Sabiex ikun iffaċilitat il-forniment taz-zokkor barra mill-kwota fis-suq tal-Unjoni, u b’hekk l-impriżi jitħallew jirreaġixxu għat-tibdiliet fid-domanda mhux previsti fl-ewwel xhur tas-sena tas-suq 2011/2012, jeħtieġ li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jistabbilixxu dati aktar tard minn dawk provduti fl-Artikolu 63(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

    (3)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-Artikolu 63(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, għas-sena tas-suq 2011/2012, l-impriżi wara li ddeċidew li jittrasferixxu ’l quddiem kwantitajiet ta’ zokkor, fi qbil mal-Artikolu 63(1) ta’ dak ir-Regolament, jinfurmaw lill-Istat Membru kkonċernati qabel id-data li se tiġi ddeterminata mill-Istati Membri bejn l-1 ta' Frar u l-15 ta' Awwissu 2012.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu jibqa’ japplika sat-30 ta’ Settembru 2012.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Marzu 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.


    Top