This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012R0005
Council Regulation (EU) No 5/2012 of 19 December 2011 fixing for 2012 the fishing opportunities for certain fish stocks and groups of fish stocks applicable in the Black Sea
Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 5/2012 tad- 19 ta' Diċembru 2011 li jistabbilixxi għall-2012 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut applikabbli fil-Baħar l-Iswed
Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 5/2012 tad- 19 ta' Diċembru 2011 li jistabbilixxi għall-2012 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut applikabbli fil-Baħar l-Iswed
ĠU L 3, 6.1.2012, pp. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
6.1.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 3/1 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 5/2012
tad-19 ta' Diċembru 2011
li jistabbilixxi għall-2012 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut applikabbli fil-Baħar l-Iswed
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 43(3) tat-Trattat jipprovdi li l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd. |
|
(2) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (1) jistipula li l-miżuri li jirregolaw l-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi u t-tkomplija sostenibbli ta’ attivitajiet tas-sajd ikunu stabbiliti b’kunsiderazzjoni tal-parir xjentifiku disponibbli u, b’mod partikolari, ir-rapport magħmul mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF). |
|
(3) |
Hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jadotta l-miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont żona ta’ sajd jew grupp ta’ żoni ta’ sajd, inklużi ċerti kondizzjonijiet li huma funzjonalment marbuta magħhom, kif xieraq. L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu distribwiti fost l-Istati Membri b’tali mod li f’kull Stat Membru tiġi żgurata stabbiltà relattiva ta’ attivitajiet ta’ sajd għal kull stokk jew żona ta’ sajd u b’kont meħud tal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2371/2002. |
|
(4) |
Il-qabdiet totali permissibbli (TACs) għandhom jiġu ffissati abbażi tal-parir xjentifiku disponibbli, b’kunsiderazzjoni ta’ aspetti bijoloġiċi u soċjo-ekonomiċi filwaqt li jiġi żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, kif ukoll fid-dawl tal-opinjonijiet espressi matul il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati. |
|
(5) |
L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti f’dan ir-Regolament għandu jsir soġġett għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (2) u b’mod partikolari għall-Artikoli 33 u 34 tiegħu dwar rispettivament ir-reġistrar ta’ qabdiet u l-isforz tas-sajd u n-notifika ta’ data dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk, jeħtieġ li jkunu speċifikati l-kodiċijiet li l-Istati Membri għandhom jużaw meta jibagħtu data lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art tal-istokkijiet soġġetti għal dan ir-Regolament. |
|
(6) |
F’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta’ Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għall-amministrazjoni minn sena għal sena tat-TAC u tal-kwoti (3), huwa meħtieġ li jiġu identifikati l-istokkijiet li huma soġġetti għall-miżuri varji msemmija fih. |
|
(7) |
Sabiex tkun evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd u sabiex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Unjoni, huwa importanti li dawk iż-żoni tas-sajd jinfetħu fl-1 ta’ Jannar 2012. Għal raġunijiet ta’ urġenza, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
AMBITU U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2012 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut fil-Baħar l-Iswed.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tal-UE li joperaw fil-Baħar l-Iswed.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“GFCM” tfisser il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran; |
|
(b) |
“il-Baħar l-Iswed” tfisser is-subżona ġeografika tal-GFCM kif definita fir-riżoluzzjoni GFCM/33/2009/2; |
|
(c) |
“bastiment tal-UE” tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru u li jkun irreġistrat fl-Unjoni; |
|
(d) |
“qabda totali permissibli” (TAC) tfisser il-kwantità li tista’ tittieħed minn kull stokk kull sena; |
|
(e) |
“kwota” tfisser proporzjon mit-TAC allokat lill-Unjoni, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz. |
KAPITOLU II
OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD
Artikolu 4
TACs u allokazzjonijiet
It-TACs, l-allokazzjonijiet ta’ dawn it-TACs fost l-Istati Membri, u l-kondizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom, fejn xieraq, huma stipulati fl-Anness.
Artikolu 5
Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet
L-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif stipulat f’dan ir-Regolament għandha tkun bla preġudizzju għal:
|
(a) |
skambji magħmula skont l-Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002; |
|
(b) |
riallokazzjonjiet magħmula skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009; |
|
(c) |
ħatt l-art addizzjonali permess taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96; |
|
(d) |
kwantitajiet miżmuma skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96; |
|
(e) |
tnaqqis magħmul skont l-Artikoli 37, 105 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. |
Artikolu 6
Kondizzjonijiet għall-ħatt l-art ta’ qabdiet u ta’ qabdiet inċidentali
Il-ħut minn stokkijiet li għalihom huma stabbiliti t-TACs għandu jinżamm abbord jew jinħatt l-art biss jekk:
|
(a) |
il-qabdiet ikunu saru minn bastimenti ta’ Stat Membru li jkollu kwota u dik il-kwota ma tkunx ġiet eżawrita; jew |
|
(b) |
il-qabdiet jikkonsistu f’sehem ta’ kwota tal-Unjoni li ma ġietx allokata permezz ta’ kwota fost l-Istati Membri, u dik il-kwota tal-Unjoni ma ġietx eżawrita. |
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 7
Trażmissjoni ta’ data
Meta, skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri jibagħtu data lill-Kummissjoni relatata ma’ ħatt l-art ta’ kwantitajiet ta’ stokkijiet maqbuda, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
M. DOWGIELEWICZ
(1) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.
ANNESS
TACS APPLIKABBLI GĦALL-BASTIMENTI TAL-UE F’ŻONI FEJN JEŻISTU T-TACS SKONT L-ISPEĊI U Ż-ŻONA
It-tabelli li ġejjin jistabbilixxu t-TACs u l-kwoti (f’tunnellati ta’ piż ħaj, ħlief fejn huwa speċifikat mod ieħor) skont l-istokk, u l-kondizzjonijiet funzjonalment relatati magħhom, fejn ikun il-każ.
Ir-referenza għall-istokkijiet tal-ħut issir skont l-ordni alfabetika tal-ismijiet bil-Latin tal-ispeċi. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, hawn taħt hija mogħtija tabella komparattiva ta’ ismijiet bil-Latin u ismijiet komuni:
|
Isem xjentifiku |
Kodiċi alfa-3 |
Isem komuni |
|
Psetta maxima |
TUR |
Barbun imperjali |
|
Sprattus sprattus |
SPR |
Laċċa kaħla |
|
|
|||||||
|
Il-Bulgarija |
43,2 |
TAC analitika L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. |
||||||
|
Ir-Rumanija |
43,2 |
|||||||
|
UE |
86,4 (1) |
|||||||
|
TAC |
Mhux rilevanti |
|||||||
|
|
|||||||
|
Il-Bulgarija |
8 032,5 |
TAC analitika L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. |
||||||
|
Ir-Rumanija |
3 442,5 |
|||||||
|
UE |
11 475 |
|||||||
|
TAC |
Mhux rilevanti |
|||||||
(1) L-ebda attività tas-sajd, trażbord, teħid abbord jew ħatt l-art m’huwa permess mill-15 ta' April sal-15 ta' Ġunju 2011.