EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012H0724(11)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal- 10 ta’ Lulju 2012 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2012 tal-Greċja

ĠU C 219, 24.7.2012, p. 38–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

24.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 219/38


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Lulju 2012

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2012 tal-Greċja

2012/C 219/11

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi varata strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa ta’ politika ekonomika, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għal-linji politiċi dwar l-ekonomija tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni dwar linji gwida għal-linji politiċi tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (2), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-linji ta’ politika nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)

Fit-12 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni (3) dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Greċja għall-2011.

(4)

Fit-23 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat it-tieni Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li kien il-bidu tat-tieni semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ linji politiċi, li huwa msejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(5)

Il-Parlament Ewropew kien debitament involut fis-Simestru Ewropew, b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1466/97, u, fil-15 ta’ Frar 2012, adotta riżoluzzjoni dwar aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2012 u riżoluzzjoni dwar il-kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2012.

(6)

Fit-2 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex ikunu żgurati l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li trawwem it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li ssir konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tkun favorevoli għat-tkabbir, biex jiġu rkuprati l-kondizzjonijiet normali ta’ self lill-ekonomija, għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-kompetittività, għall-indirizzar tal-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u għall-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika.

(7)

Fit-2 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipanti fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin biex jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(8)

Fit-12 ta’ April 2012, il-Greċja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha għall-2012 u informazzjoni mhux sħiħa dwar il-pjanijiet baġitarji tagħha minħabba l-proċess li għaddej biex tiġi aġġornata l-Istrateġija Fiskali għat-Terminu Medju (MTFS), mistennija li tiġi ffinalizzata dalwaqt. L-awtoritajiet Griegi huma mistiedna jippreżentaw is-sensiela sħiħa ta’ tabelli standard meħtieġa skont il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir ladarba l-aġġornament tal-MTFS jitlesta.

(9)

Fil-21 ta’ Frar 2012, il-Grupp tal-Euro qabel dwar it-tieni programm ta’ aġġustament ekonomiku għall-Greċja. L-implimentazzjoni tal-linji politiċi dwar l-ekonomija spjegati b’mod ġenerali fil-Memorandum ta’ Qbil dwar Kondizzjonalità Speċifika ta’ Politika Ekonomika se tikkontribwixxi biex id-dejn pubbliku Grieg jitnaqqas għal 117 % tal-PDG sal-2020. Il-Grupp tal-Euro ftiehem ukoll li l-finanzjament tas-settur uffiċjali tal-programm jammonta għal EUR 130 biljun sal-2014, minbarra l-ammonti impenjati fl-ewwel programm ta’ finanzjament.

(10)

Ir-rilaxx tas-segmenti huwa bbażat fuq il-konformità mal-kriterji kwantitattivi ta’ prestazzjoni u mal-evalwazzjoni pożittiva tal-progress li sar fir-rigward tal-kriterji ta’ politika stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE tat-12 ta’ Lulju 2011 indirizzata lill-Greċja bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (4) (kif emendata fit-8 ta’ Novembru 2011 (5) u fit-13 ta’ Marzu 2012 (6)) u fil-Memorandum ta’ Qbil dwar Kondizzjonalità Speċifika ta’ Politika Ekonomika, li kien iffirmat fl-14 ta’ Marzu 2012.

(11)

Fid-19 ta’ Marzu 2012, l-ewwel pagament (EUR 5,9 biljun) tal-ewwel segment (EUR 14,5 biljun) tal-programm ta’ finanzjament il-ġdid kien imħallas mill-Faċilità Ewropea għall-Istabbiltà Finanzjarja (FESF) lill-Greċja. Il-Greċja rċeviet ukoll EUR 1,6 biljun mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). Sa Mejju 2012, il-Greċja kienet irċeviet EUR 147,5 biljun minn finanzjamenti uffiċjali skont l-ewwel u t-tieni programmi.

(12)

Fl-2010 u fl-2011, il-Greċja għamlet progress parzjali lejn l-għanijiet ambizzjużi tal-programm ta’ aġġustament. Diversi fatturi fixklu l-implimentazzjoni: l-instabbiltà politika, it-taqlib soċjali u l-kwistjonijiet ta’ kapaċità amministrattiva u, aktar fundamentalment, reċessjoni li kienet ħafna aktar profonda milli kemm kienet prevista qabel. Ma ntlaħqux miri fiskali importanti, u dan wassal għall-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali ta’ konsolidazzjoni matul l-2010 u l-2011. Madankollu, il-Greċja rnexxielha tnaqqas sostanzjalment id-defiċit ġenerali tal-gvern: minn 15,8 % tal-PDG fl-2009 għal 9,1 % fl-2011.

(13)

Fit-18 ta’ April 2012, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar ‘It-Tkabbir għall-Greċja’ li tenfasizza l-impatt pożittiv li jista’ jkollha l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku, billi tħejji s-sisien għat-tkabbir, għall-investiment u għat-tiġdid soċjali. Din il-Komunikazzjoni tfakkar li l-Greċja tista’ ġġib is-saħħa u l-appoġġ konkret mis-sħubija tagħha fl-Unjoni u miż-żona tal-euro. Hija tisħaq li r-riformi stipulati fit-tieni programm ta’ aġġustament ekonomiku huma mfassla sabiex jerġa jiġi f’tiegħu il-potenzjal tat-tkabbir u tal-ħolqien tax-xogħol tal-ekonomija Griega u sabiex tinħoloq soċjetà aktar ekwa. Hija tiddeskrivi l-appoġġ finanzjarju estensiv li qed jingħata lill-Greċja u tenfasizza l-volontà tas-sħab tal-Greċja, u b’mod partikolari tal-Kummissjoni, biex jidentifikaw modi li jimmassimizzaw l-impatt tal-ewwel riżultati permezz ta’ azzjonijiet rapidi u tal-appoġġ tal-UE.

(14)

Il-kriżi ekonomika u l-miżuri sussegwenti ta’ konsolidazzjoni fiskali kellhom impatt fuq il-kapaċità tal-Greċja biex tilħaq il-miri tal-Ewropa 2020, speċjalment dawk b’orjentazzjoni soċjali. Madankollu, ir-riformi strutturali, partikolarment dawk fis-suq tax-xogħol, il-liberalizzazzjoni ta’ diversi setturi u għadd ta’ miżuri għat-titjib fl-ambjent tan-negozju, se jgħinu biex jippromwovu l-kompetizzjoni, jixprunaw il-produttività, jżidu l-impjiegi u jnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni, u b’hekk jikkontribwixxu għal żieda fl-impjiegi, u jillimitaw l-faqar u l-esklużjoni soċjali fit-terminu medju. Minkejja l-kriżi ekonomika, il-Greċja kompliet taħdem biex tilħaq l-għanijiet ambjentali tal-Ewropa 2020.

(15)

Qiegħed isir programmar strateġiku mill-ġdid tal-Fondi Strutturali, li jiffoka fuq l-appoġġ għall-impjieg taż-żgħażagħ u għall-kompetittività (b’mod partikolari l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)). Il-miżuri l-ġodda jsaħħu l-azzjonijiet fl-oqsma tal-passaport għall-impjiegi, tat-taħriġ u tal-kwalifiki professjonali, u tal-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs.

(16)

Il-Greċja ħadet għadd ta’ impenji fil-Patt Euro Plus. L-impenji, u l-implimentazzjoni tal-impenji ppreżentati fl-2011, huma relattivi għall-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-kompetittività, it-tisħiħ tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, u t-tisħiħ tal-istabbiltà finanzjarja,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Greċja:

Timplimenta l-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni 2011/734/UE kif emendata fit-8 ta’ Novembru 2011 u fit-13 ta’ Marzu 2012, u l-Memorandum ta’ Qbil dwar Kondizzjonalità Speċifika ta’ Politika Ekonomika, li kien iffirmat fl-14 ta’ Marzu 2012.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Lulju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

V. SHIARLY


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Miżmuma għall-2012 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/238/UE tas-26 ta’ April 2012 dwar linji gwida għal-linji politiċi tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 119, 4.5.2012, p. 47).

(3)  ĠU C 213, 20.7.2011, p. 12.

(4)  ĠU L 296, 15.11.2011, p. 38.

(5)  ĠU L 320, 3.12.2011, p. 28.

(6)  ĠU L 113, 25.4.2011, p. 8.


Top