Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0775

    2012/775/: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 6 ta’ Diċembru 2012 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni u l-Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika ta’ San Marino, minn naħa oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali

    ĠU L 340, 13.12.2012, p. 13–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/775/oj

    13.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 340/13


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-6 ta’ Diċembru 2012

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni u l-Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika ta’ San Marino, minn naħa oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali

    (2012/775/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 79(2)(b), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 22 tal-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni u l-Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika ta’ San Marino, minn naħa oħra (1) (il-“Ftehim”), jipprevedi li l-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jadotta dispożizzjonijiet biex jiġu implimentati l-prinċipji dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali kif stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Ftehim.

    (2)

    F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda, fir-rigward taż-Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, dawn l-Istati Membri mhumiex qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, u mhumiex marbutin biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

    (3)

    F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (4)

    Huwa opportun li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali.

    (5)

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandha għaldaqstant tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni mehmuż.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni u l-Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa u r-Repubblika ta’ San Marino, minn naħa oħra fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Tibdil minuri għal dak labbozz tad-deċiżjoni jista’ jiġi miftiehem mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat ta’ Kooperazzjoni mingħajr il-ħtieġa li tiġi adottata deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. CHARALAMBOUS


    (1)  ĠU L 84, 28.3.2002, p. 43.


    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI Nru …/… TAL-KUMITAT TA’ KOOPERAZZJONI UE-SAN MARINO

    ta’ …

    fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali

    IL-KUMITAT TA’ KOOPERAZZJONI,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni u l-Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa u r-Repubblika ta’ San Marino, minn naħa oħra (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 21 tal-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni u l-Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika ta’ San Marino, minn naħa oħra (il-“Ftehim”) jistabbilixxi l-prinċipji għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali ta’ San Marino u l-Istati Membri.

    (2)

    L-Artikolu 22 tal-Ftehim jipprovdi li l-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jadotta dispożizzjonijiet biex jiġu implimentati dawk il-prinċipji.

    (3)

    Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, din id-Deċiżjoni ma għandha tagħti l-ebda drittijiet addizzjonali li jirriżultaw minn ċerti fatti jew avvenimenti li jseħħu fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, fejn dawn il-fatti jew avvenimenti ma jitqisux taħt il-leġiżlazzjoni tal-ewwel Parti Kontraenti, għajr id-dritt ta’ esportazzjoni ta’ ċerti benefiċċji.

    (4)

    Fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, id-dritt tal-ħaddiema ta’ San Marino għall-benefiċċji tal-familja għandu jkun soġġett għall-kundizzjoni li l-membri tal-familja tagħhom jirrisjedu legalment magħhom fl-Istat Membru fejn il-ħaddiema huma impjegati. Fejn il-membri tal-familja tagħhom jirrisjedu legalment fi Stat Membru ieħor, japplika r-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (2). Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tagħti xi intitolament għall-benefiċċji familjari fir-rigward tal-membri tal-familji ta’ ħaddiem residenti f’pajjiż li mhux Stat Membru, pereżempju San Marino.

    (5)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1231/2010 jestendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (3) u tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (4) għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti minn dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom. Ir-Regolament (UE) Nru 1231/2010 diġà jkopri l-prinċipju ta’ aggregazzjoni ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni miksuba minn ħaddiema li huma ċittadini ta’ San Marino fid-diversi Stati Membri rigward l-intitolament għal ċerti benefiċċji, kif stipulat fl-Artikolu 21(2) tal-Ftehim.

    (6)

    Jista’ jkun neċessarju li jiġu stipulati dispożizzjonijiet speċjali li jikkorrispondu mal-karatteristiċi speċifiċi tal-leġiżlazzjoni ta’ San Matino sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli tal-koordinazzjoni.

    (7)

    Sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri u ta’ San Marino, huwa neċessarju li jiġu previsti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u San Marino kif ukoll bejn il-persuna kkonċernata u l-istituzzjoni tal-Istat kompetenti.

    (8)

    Id-dispożizzjonijiet tranżitorji għandhom jiġu adottati sabiex iħarsu l-persuni koperti minn din id-Deċiżjoni u sabiex jiġi żgurat li ma jitilfu l-ebda dritt b’riżultat tad-dħul fis-seħħ tagħha,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    PARTI I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    1.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

    (a)

    “Ftehim” tfisser il-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni u l-Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika ta’ San Marino, minn naħa oħra;

    (b)

    “Regolament” tfisser ir-Regolament (KE) Nru 883/2004, kif applikabbli fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

    (c)

    “Regolament ta’ implimentazzjoni” tfisser ir-Regolament (KE) Nru 987/2009;

    (d)

    “Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

    (e)

    “ħaddiem” tfisser:

    (i)

    għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata skont it-tifsira tal-Artikolu 1(a) tar-Regolament;

    (ii)

    għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ San Marino, persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata skont it-tifsira ta’ dik il-leġiżlazzjoni;

    (f)

    “membru tal-familja” tfisser:

    (i)

    għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, membru tal-familja skont it-tifsira tal-Artikolu 1(i) tar-Regolament;

    (ii)

    għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ San Marino, membru tal-familja skont it-tifsira ta’ dik il-leġiżlazzjoni;

    (g)

    “leġiżlazzjoni” tfisser:

    (i)

    fir-rigward tal-Istati Membri, leġiżlazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament, kif applikabbli għall-benefiċċji koperti b’din id-Deċiżjoni;

    (ii)

    fir-rigward ta’ San Marino, il-leġiżlazzjoni kif applikabbli f’San Marino dwar il-benefiċċiji koperti minn din id-Deċiżjoni;

    (h)

    “benefiċċji” tfisser:

    (i)

    fir-rigward tal-Istati Membri, benefiċċji fit-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament;

    (ii)

    fir-rigward ta’ San Marino, il-benefiċċji korrispondenti li japplikaw f’San Marino;

    (i)

    “benefiċċji esportabbli” tfisser:

    (i)

    fir-rigward tal-Istati Membri:

    pensjonijiet tal-irtirar,

    pensjonijiet għas-superstiti,

    pensjonijiet marbuta ma’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol u ma’ mard okkupazzjonali,

    pensjonijiet tal-invalidità marbuta ma’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol u ma’ mard okkupazzjonali,

    skont it-tifsira tar-Regolament, bl-eċċezzjoni ta’ benefiċċji speċjali fi flus kontanti mhux kontributorji kif stipulat fl-Anness X tar-Regolament;

    (ii)

    fir-rigward ta’ San Marino, il-benefiċċji korrispondenti kif previst skont il-leġiżlazzjoni ta’ San Marino, bl-eċċezzjoni ta’ benefiċċji speċjali fi flus kontanti mhux kontributorji kif stipulat fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   Termini oħra użati f’din id-Deċiżjoni għandu jkollhom it-tifsira mogħtija lilhom:

    (a)

    fir-rigward tal-Istati Membri, fir-Regolament u fir-Regolament ta’ implimentazzjoni;

    (b)

    fir-rigward ta’ San Marino, fil-leġiżlazzjoni rilevanti, kif applikabbli f’San Marino.

    Artikolu 2

    Persuni koperti

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal:

    (a)

    ħaddiema li huma ċittadini ta’ San Marino u li huma, jew li kienu, legalment impjegati fit-territorju ta’ Stat Membru u li huma, jew li kienu, soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, u s-superstiti tagħhom;

    (b)

    membri tal-familja tal-ħaddiema msemmija fil-punt (a) bil-kundizzjoni li dawk il-membri tal-familja jkunu, jew kienu, residenti legalment mal-ħaddiem ikkonċernat waqt li l-ħaddiem ikun impjegat fi Stat Membru;

    (c)

    ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat Membru u li huma, jew li kienu, legalment impjegati fit-territorju ta’ San Marino u li huma, jew li kienu, soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ San Marino, u s-superstiti tagħhom; u

    (d)

    membri tal-familja tal-ħaddiema msemmija fil-punt (c) sakemm dawk il-membri tal-familja huma, jew kienu, residenti legalment mal-ħaddiem ikkonċernat filwaqt li l-ħaddiem huwa impjegat f’San Marino.

    Artikolu 3

    Trattament ugwali

    1.   Ħaddiema li huma ċittadini ta’ San Marino u li huma impjegati legalment fi Stat Membru u kwalunkwe membru tal-familja tagħhom li hu residenti legalment magħhom għandu jgawdi, fir-rigward tal-benefiċċji, skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(h), trattament ħieles minn kull diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Istati Membri fejn dawk il-ħaddiema huma impjegati.

    2.   Il-ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat Membru u li huma impjegati legalment f’San Marino u kwalunkwe membru tal-familja tagħhom li hu residenti legalment magħhom għandu jgawdi, fir-rigward tal-benefiċċji, skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(h), minn trattament ħieles minn kull diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, meta mqabbla maċ-ċittadini ta’ San Marino.

    PARTI II

    RELAZZJONIJIET BEJN L-ISTATI MEMBRI U SAN MARINO

    Artikolu 4

    Revoka tal-klawsoli ta’ residenza

    1.   Il-benefiċċji esportabbli, skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i), li għandhom dritt għalihom il-persuni msemmija fl-Artikolu 2(a) u (c), ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, irtirar jew konfiska minħabba li l-benefiċjarju jirrisjedi:

    (i)

    għall-fini ta’ benefiċċji skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, fit-territorju ta’ San Marino, jew

    (ii)

    għall-fini ta’ benefiċċji skont il-leġiżlazzjoni ta’ San Marino, fit-territorju ta’ Stat Membru.

    2.   Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem imsemmija fl-Artikolu 2(b) għandhom ikunu intitolati għal benefiċċji esportabbli, fit-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i)(i), bl-istess mod bħall-membri tal-familja ta’ ħaddiem li huwa ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat meta dawk il-membri tal-familja jirrisjedu fit-territorju ta’ San Marino.

    3.   Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem imsemmija fl-Artikolu 2(d) għandhom ikunu intitolati għal benefiċċji esportabbli fit-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i)(ii), bl-istess mod bħall-membri tal-familja ta’ ħaddiem li huwa ċittadin ta’ San Marino meta dawk il-membri tal-familja jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru.

    PARTI III

    DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

    Artikolu 5

    Kooperazzjoni

    1.   L-Istati Membri u San Marino għandhom jikkomunikaw lil xulxin l-informazzjoni kollha dwar il-bidliet fil-leġiżlazzjoni tagħhom li jistgħu jolqtu l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri u ta’ San Marino għandhom joffru lil xulxin l-aħjar għajnuna li jistgħu u għandhom jaġixxu daqs li kieku qegħdin jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tagħhom stess. Bħala regola, l-għajnuna amministrattiva mogħtija minn dawk l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet għandha tkun bla ħlas. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u ta’ San Marino jistgħu jaqblu li ċerti spejjeż jitħallsu lura.

    3.   L-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri u ta’ San Marino jistgħu, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, jikkomunikaw direttament ma’ xulxin u mal-persuni involuti jew mar-rappreżentanti tagħhom.

    4.   L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn din id-Deċiżjoni għandhom id-dmir ta’ informazzjoni u kooperazzjoni reċiproċi sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni korretta ta’ din id-Deċiżjoni.

    5.   Il-persuni koperti minn din id-Deċiżjoni għandhom jinfurmaw lill-istituzzjonijiet tal-Istat Membru kompetenti jew ta’ San Marino, fejn dan tal-aħħar huwa l-Istat kompetenti, u tal-Istat Membru ta’ residenza jew ta’ San Marino, fejn dan tal-aħħar huwa l-Istat ta’ residenza, mill-aktar fis possibbli dwar kull tibdil fis-sitwazzjoni personali jew familjari tagħhom li taffettwa d-dritt tagħhom għall-benefiċċji skont din id-Deċiżjoni.

    6.   In-nuqqas ta’ rispett lejn l-obbligu ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 5 jista’ jwassal biex jiġu applikati miżuri proporzjonati b’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Madankollu, dawk il-miżuri għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli għal sitwazzjonijiet simili skont il-liġi nazzjonali u ma għandhomx jagħmluha impossibbli jew diffiċli ż-żejjed fil-prattika għal dawk li japplikaw li jeżerċitaw id-drittijiet konferiti lilhom b’din id-Deċiżjoni.

    7.   L-Istati Membri u San Marino jistgħu jipprevedu dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-verifika tad-dritt għall-benefiċċji sabiex jitqies il-fatt li l-benefiċjarji abitazzjoni jew jirrisjedu barra t-territorju tal-Istat fejn tinsab l-istituzzjoni debitriċi. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati, ħielsa minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità u għandhom ikunu skont il-prinċipji stipulati f’din id-Deċiżjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu notifikati lill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni.

    Artikolu 6

    Kontrolli amministrattivi u eżamijiet mediċi

    1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għall-persuni msemmija fl-Artikolu 2, li jirċievu benefiċċji esportabbli, fit-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i), kif ukoll għall-istituzzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   Fejn benefiċjarju jew applikant għall-benefiċċji, jew membru tal-familja ta’ dik il-persuna, abitazzjoni jew jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru meta l-istituzzjoni debitriċi tkun qiegħda f’San Marino, jew jabita jew jirrisjedi fit-territorju ta’ San Marino meta l-istituzzjoni debitriċi tkun qiegħda fi Stat Membru, l-eżami mediku għandu jsir, fuq it-talba tal-istituzzjoni debitriċi, mill-istituzzjoni tal-post ta’ abitazzjoni jew ta’ residenza tal-benefiċjarju, skont il-proċeduri stabbiliti mil-leġiżlazzjoni applikata minn dik l-istituzzjoni.

    L-istituzzjoni debitriċi għandha tinforma lill-istituzzjoni tal-post ta’ abitazzjoni jew ta’ residenza dwar kwalunkwe ħtieġa speċjali li għandha tiġi segwita u, jekk meħtieġ, bil-punti li jridu jiġu koperti mill-eżami mediku.

    L-istituzzjoni tal-post ta’ abitazzjoni jew ta’ residenza għandha tgħaddi rapport lill-istituzzjoni debitriċi li tkun talbet l-eżami mediku.

    L-istituzzjoni debitriċi żżomm id-dritt li teżamina lill-benefiċjarju minn tabib tal-għażla tagħha, jew fit-territorju fejn il-benefiċjarju jew l-applikant ta’ benefiċċji jabita jew jirrisjedi jew fil-pajjiż fejn tinsab l-istituzzjoni debitriċi. Madankollu, il-benefiċjarju jista’ jintalab li jirritorna fl-Istat Membru tal-istituzzjoni debitriċi biss fejn huwa jew hija j/tista’ jagħmel il-vjaġġ mingħajr ma dan ikun ta’ dannu għal saħħtu/saħħitha u fejn l-ispiża tal-vjaġġ u tal-akkomodazzjoni titħallas mill-istituzzjoni debitriċi.

    3.   Fejn benefiċjarju jew applikant għall-benefiċċji, jew membru tal-familja tiegħu, ikun jabitajew jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru meta l-istituzzjoni debitriċi tkun tinsab f’San Marino, jew f’San Marino meta l-istituzzjoni debitriċi tkun tinsab fi Stat Membru, il-kontroll amministrattiv għandu jsir, fuq it-talba tal-istituzzjoni debitriċi, mill-istituzzjoni tal-post ta’ abitazzjoni jew ta’ residenza tal-benefiċjarju.

    L-istituzzjoni tal-post ta’ abitazzjoni jew ta’ residenza għandha tressaq rapport lill-istituzzjoni debitriċi li talbet il-kontroll amministrattiv.

    L-istituzzjoni debitriċi żżomm id-dritt li tinkariga professjonist biex jeżamina s-sitwazzjoni tal-benefiċjarju. Madankollu, il-benefiċjarju jista’ jintalab li jirritorna fl-Istat Membru tal-istituzzjoni debitriċi biss fejn huwa jew hija j/tista’ jagħmel il-vjaġġ mingħajr ma dan ikun ta’ dannu għal saħħtu/saħħitha u fejn l-ispiża tal-vjaġġ u tal-akkomodazzjoni titħallas mill-istituzzjoni debitriċi.

    4.   Stat Membru wieħed jew aktar u San Marino jistgħu jaqblu fuq id-dispożizzjonijiet amministrattivi, wara li jkunu infurmaw b’dan lill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni.

    5.   Bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ għajnuna amministrattiva reċiproka mingħajr ħlas stabbilit fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-Deċiżjoni, l-ammont effettiv tal-ispejjeż tal-kontrolli msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jitħallas lura lill-istituzzjoni li ntalbet twettaqhom mill-istituzzjoni debitriċi li talbithom.

    Artikolu 7

    Applikazzjoni tal-Artikolu 24 tal-Ftehim

    L-Artikolu 24 tal-Ftehim għandu japplika fil-każ li kwalunkwe waħda mill-Partijiet tqis li l-Parti l-oħra ma kkonformatx mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6.

    Artikolu 8

    Dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ San Marino

    Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni jista’, jekk neċessarju, jistipula dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ San Marino fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 9

    Proċeduri amministrattivi li jinsabu fil-ftehimiet bilaterali eżistenti

    Il-proċeduri amministrattivi li jinsabu fil-ftehimiet bilaterali eżistenti bejn Stat Membru u San Marino jistgħu jkomplu japplikaw dment li dawk il-proċeduri ma jaffettwawx b’mod negattiv id-drittijiet jew l-obbligi tal-persuni kkonċernati, kif stabbilit f’din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 10

    Ftehimiet li jissupplimentaw il-proċeduri amministrattivi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni

    Stat Membru wieħed jew aktar u San Marino jistgħu jikkonkludu ftehimiet maħsuba biex jissupplimentaw il-proċeduri amministrattivi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, partikolarment fir-rigward tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-frodi u l-iżbalji.

    PARTI IV

    DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

    Artikolu 11

    Dispożizzjonijiet transitorji

    1.   L-ebda dritt ma jista’ jinkiseb skont din id-Deċiżjoni għall-perijodu qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

    2.   Soġġett għall-paragrafu 1, għandu jinkiseb dritt skont din id-Deċiżjoni anki jekk dan jirreferi għall-kontinġenza li tqum qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

    3.   Kull benefiċċju li ma ngħatax jew li ġie sospiż minħabba raġuni ta’ nazzjonalità jew post ta’ residenza tal-persuna kkonċernata għandu, fuq talba ta’ dik il-persuna, jingħata jew jitkompla b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, dment li d-drittijiet li wasslu għall-benefiċċji li ngħataw qabel ma rriżultawx fi ħlas ta’ somma waħda f’daqqa.

    4.   Jekk talba, kif imsemmi fil-paragrafu 3, titressaq fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, id-drittijiet miksuba b’konformità ma’ din id-Deċiżjoni għandu jkollhom effett minn dik id-data, u l-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru jew ta’ San Marino dwar ir-rinunzja jew il-limitazzjoni tad-drittijiet ma tistax tkun invokata kontra l-persuni kkonċernati.

    5.   Jekk talba, kif imsemmi fil-paragrafu 3, titressaq wara li jiskadi l-perijodu ta’ sentejn imsemmi fil-paragrafu 4, id-drittijiet li ma jkunux intilfu jew li ma jkunux miżmuma biż-żmien għandu jkollhom effett mid-data li fiha tkun saret it-talba, suġġett għal kwalunkwe dispożizzjoni aktar favorevoli skont il-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru jew ta’ San Marino.

    Artikolu 12

    Annessi ma’ din id-Deċiżjoni

    1.   L-Annessi ma’ din id-Deċiżjoni jikkostitwixxu parti integrali minnha.

    2.   Fuq talba ta’ San Marino jew tal-Unjoni Ewropea, l-Annessi jistgħu jkunu emendati b’deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni.

    Artikolu 13

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi,

    Għall-Kumitat ta’ Kooperazzjoni

    Il-President


    (1)  ĠU L 84, 28.3.2002, p. 43.

    (2)  ĠU L 344, 29.12.2010, p. 1.

    (3)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

    (4)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.

    ANNESS I

    LISTA TA’ BENEFIĊĊJI SPEĊJALI FI FLUS KONTANTI MHUX KONTRIBUTORJI TA’ SAN MARINO

    ANNESS II

    DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI GĦALL-APPLIKAZZJONI TAL-LEĠIŻLAZZJONI TA’ SAN MARINO


    Top