Atlasiet eksperimentālās funkcijas, kuras vēlaties izmēģināt!

Šis dokuments ir izvilkums no tīmekļa vietnes EUR-Lex.

Dokuments 32012D0678

    2012/678/UE: Deċiżjoni ta’ Delega tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ Ġunju 2012 dwar l-investigazzjonijiet u l-multi marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro

    ĠU L 306, 6.11.2012., 21./25. lpp. (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Dokumenta juridiskais statuss Spēkā

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_del/2012/678/oj

    6.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 306/21


    DEĊIŻJONI TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI

    tad-29 ta’ Ġunju 2012

    dwar l-investigazzjonijiet u l-multi marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro

    (2012/678/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 jistabbilixxi sistema ta’ sanzjonijiet għat-tisħiħ tal-infurzar tal-partijiet preventivi u korrettivi tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fiż-żona tal-euro. Dan japplika għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

    (2)

    Id-disponibbiltà ta’ dejta fiskali korretta hija essenzjali għas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro. Sabiex jiggarantixxu statistika korretta u indipendenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-prinċipju tal-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea (2), u kif hemm stabbilit ulterjorment fil-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea.

    (3)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistħarreġ il-kooperazzjoni ekonomika u monetarja bl-għan li tindividwa u tesponi l-manipulazzjoni tad-dejta dwar id-dejn u d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika rilevanti għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ sorveljanza multilaterali u l-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv.

    (4)

    Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tmexxi l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa biex tikkonferma l-eżistenza ta’ rappreżentazzjonijiet żbaljati tad-dejta effettiva dwar id-defiċit u d-dejn, bħala riżultat ta’ intenzjoni jew negliġenza serja, kif imsemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1173/2011.

    (5)

    Jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli dettaljati dwar il-proċeduri għall-investigazzjonijiet, il-kriterji dettaljati biex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, ir-regoli dettaljati li jiggarantixxu d-drittijiet għad-difiża, l-aċċess għall-fajl, ir-rappreżentanza legali, il-kunfidenzjalità u dispożizzjonijiet dwar l-iskeda u l-ġbir tal-multi.

    (6)

    Id-deċiżjoni mill-Kummissjoni li tniedi l-investigazzjonijiet għandha tkun iġġustifikata, u l-investigazzjonijiet imwettqa għandhom ikunu proporzjonati b'mod li ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex tiġi stabbilita l-eżistenza possibbli ta’ manipulazzjoni tad-dejta rilevanti dwar id-defiċit u d-dejn.

    (7)

    Meta tidħol għal dawn l-investigazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tkun tista' twettaq spezzjonijiet fuq il-post u titlob li l-informazzjoni minn kull entità li se tiġi klassifikata fis-settur tal-amministrazzjoni pubblika, jew f'livell ċentrali, statali, lokali jew f'livell tas-sigurtà soċjali, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (3), minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala "ESA 95".

    (8)

    Sabiex jiġi kkonfermat suspett li jirriżulta minn indikazzjonijiet serji ta’ rappreżentazzjoni żbaljata tad-dejta rilevanti dwar id-defiċit u d-dejn, it-tnedija ta’ investigazzjoni normalment għandha tiġi preċeduta minn żjara metodoloġika mmexxija mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 11b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (4).

    (9)

    Meta jiġi vvalutat dak li jikkostitwixxi rappreżentazzjoni żbaljata tad-dejta dwar id-defiċit u d-dejn skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 1173/2011, l-implimentazzjoni żbaljata tar-regoli tal-kontabilità tal-ESA 95 li ma tkunx tirriżulta minn intenzjoni jew negliġenza serja, ma għandhiex titqies bħala tali. Għandhom jiġu wkoll esklużi mill-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ir-reviżjonijiet, inklużi r-reviżjonijiet ewlenin minħabba bidliet fil-metodoloġija għas-snin storiċi kollha, li huma spjegati b’mod ċar u adegwat, żbalji insinifikanti u każijiet fejn ġie espress dubju mill-Istat Membru kkonċernat u ntalbet kjarifika mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009.

    (10)

    L-utenti tal-Istatistika Ewropea jistennew b'mod leġittimu li din tkun imfassla mill-awtoritajiet tal-istatistika li jwettqu l-attivitajiet tagħhom professjonalment u bid-diliġenza dovuta. Att jew ommissjoni mhux intenzjonata għandha titqies bħala każ ta’ negliġenza serja jekk il-persuna responsabbli għall-produzzjoni tad-dejta dwar id-dejn u d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika tkun qed tikser b'mod evidenti d-dover ta’ reqqa tagħha.

    (11)

    Għall-fini tad-difiża tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiġi debitament notifikat dwar it-tnedija tal-investigazzjonijiet mill-Kummissjoni kif ukoll dwar ir-riżultati tagħom. Ir-riżultati tal-investigazzjonijiet għandhom jiġu kkomunikati permezz ta’ rapport tal-Kummissjoni li għandu jiġi trażmess lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u jrid isir disponibbli għall-pubbliku. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tiżgura li l-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea u l-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika jkunu informati kif jixraq.

    (12)

    Id-drittijiet tad-difiża u l-prinċipju tal-kunfidenzjalità għandhom jiġu rrispettati skont il-prinċipji ġenerali tal-liġi u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkollu d-dritt li jinstema' mill-Kummissjoni matul l-investigazzjonijiet, kif ukoll id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ikkompilat mill-Kummissjoni.

    (13)

    Ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill biex jimponi multa għandhom ikunu msejsa esklużivament fuq ir-raġunijiet li dwarhom ikun seta' jikkummenta l-Istat Membru kkonċernat.

    (14)

    Għandhom jiġu stabbiliti l-kriterji li jiddeterminaw l-ammont tal-multa. Dawn il-kriterji għandhom jintużaw sabiex jiżguraw li l-multa proposta tkun stabbilita f'livell xieraq b'mod li tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva, abbażi tal-ammont ta’ referenza adattat 'l isfel jew 'il fuq, fejn meħtieġ, fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi.

    (15)

    Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-Kummissjoni (Eurostat) li teżerċita s-setgħat tagħha skont ir-Regolament (KE) Nru 479/2009.

    (16)

    Il-kontenut u l-forma tal-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ma jeċċedux dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011, skont l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    (17)

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (5),

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    KAPITOLU I

    SUĠĠETT U KAMP TA' APPLIKAZZJONI

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-proċeduri għall-investigazzjonijiet ta’ rappreżentazzjonijiet żbaljati tad-dejta dwar id-dejn u d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika li huma r-riżultat ta’ intenzjoni jew negliġenza serja, ir-regoli dettaljati dwar id-dritt tad-difiża u l-kunfidenzjalità, il-kriterji dettaljati li jistabbilixxu l-ammont tal-multa u d-dispożizzjonijiet rigward l-għażla taż-żmien u l-ġbir tal-multi, imsemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1173/2011.

    2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

    KAPITOLU II

    PROĊEDURI GĦALL-INVESTIGAZZJONIJIET

    Artikolu 2

    Bidu tal-investigazzjonijiet

    1.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat bid-deċiżjoni tagħha li tibda investigazzjoni, inkluża informazzjoni dwar l-indikazzjonijiet serji li nstabu tal-eżistenza ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu rappreżentazzjoni ħażina tad-dejta dwar id-dejn u d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika li tirriżulta mill-manipulazzjoni ta’ tali dejta bħala riżultat ta’ intenzjoni jew negliġenza serja.

    2.   Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni (Eurostat) tista’ titlob informazzjoni, tintervista persuni, twettaq spezzjonijiet fuq il-post u taċċedi l-kontijiet tal-entitajiet governattivi kollha fil-livell ċentrali, statali, lokali u dak tas-sigurtà soċjali, skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 5. Dawn il-mezzi ta’ investigazzjoni jistgħu jintużaw mill-Kummissjoni (Eurostat), jew individwalment jew flimkien. Fejn rilevanti u b'rispett sħiħ lejn ir-regoli nazzjonali li jirregolaw tali istituzzjonijiet, il-Qorti tal-Awdituri jew istituzzjonijiet supremi oħra tal-awditjar tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jkunu mistiedna jgħinu u jipparteċipaw.

    3.   Il-Kummissjoni tista' tagħżel li ma twettaqx tali investigazzjoni sakemm tkun saret żjara metodoloġika skont deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni (Eurostat) skont ir-Regolament (KE) Nru 479/2009.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bid-deċiżjoni tagħha li tibda investigazzjoni.

    Artikolu 3

    Talba għall-informazzjoni

    1.   Fuq talba tal-Kummissjoni, kwalunkwe entità tal-gvern, direttament jew indirettament involuta fil-kompilazzjoni tad-dejta dwar id-dejn u d-defiċit tal-Istat Membru kkonċernat, jew li l-kontijiet tagħha jintużaw għal din il-kompilazzjoni (minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-entità kkonċernata"), għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq il-kompitu tagħha ta’ investigazzjoni. L-Istat Membru kkonċernat għandu jkun informat dwar kull talba bħal din mill-Kummissjoni lill-entità kkonċernata.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-iskop tat-talba, tispeċifika li t-talba qed issir skont din id-Deċiżjoni, u għandha tindika d-data ta’ skadenza għat-tweġiba, li ma għandhiex tkun inqas minn erba' ġimgħat.

    Artikolu 4

    Intervisti

    Il-Kummissjoni tista’ tintervista kwalunkwe persuna, inkluż kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-entità kkonċernata, direttament jew indirettament involuti fil-kompilazzjoni tad-dejta dwar id-dejn u d-defiċit, li jaqbel li jiġi intervistat, bl-għan li tinġabar informazzjoni jew spjegazzjonijiet dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett tal-nvestigazzjoni u biex jiġu rreġistrati t-tweġibiet. L-entità kkonċernata għandha tkun informata qabel ma ssir l-intervista lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tagħha. Il-persuna intervistata tista' titlob l-assistenza ta’ rappreżentant tal-entità kkonċernata jew ta’ konsulent legali.

    Artikolu 5

    Spezzjonijiet

    1.   L-uffiċjali tal-Kummissjoni u persuni oħra li jakkumpanjawhom li huma awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni, għandhom jingħataw is-setgħa li:

    (a)

    jidħlu fl-uffiċċji tal-entità kkonċernata;

    (b)

    jeżaminaw l-informazzjoni kontabilistika u baġitarja tal-entità kkonċernata, irrispettivament mill-mezz li tkun miżmuma fih;

    (c)

    jieħdu jew jiksbu kwalunkwe forma ta’ kopja jew estratt ta’ kwalunkwe rekords u kontijiet;

    (d)

    jissiġillaw kwalunkwe rekords u kontijiet sa fejn meħtieġ u għall-perjodu ta’ żmien neċessarju biex tinġabar l-evidenza fattwali għall-investigazzjoni filwaqt li ma jxekklux l-attivitajiet essenzjali tal-entità kkonċernata;

    (e)

    jistaqsu lil kwalunkwe rappreżentattiv jew membru tal-istaff tal-entità kkonċernata għal spjegazzjonijiet dwar il-fatti jew id-dokumenti relatati mas-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ispezzjonijiet, skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4.

    2.   L-uffiċjali tal-Kummissjoni u persuni oħra li jakkumpanjawhom li huma awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni, għandhom jippreżentaw awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni, filwaqt li jindikaw id-data li fiha tibda l-ispezzjoni.

    3.   L-entità kkonċernata għandha tikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni għall-finijiet tal-ispezzjoni.

    4.   Membri tal-istaff tal-awtoritajiet tal-istatistika tal-Istati Membri kkonċernati għandhom, fuq talba tal-Kummissjoni, jgħinu b'mod attiv lill-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, huma għandhom igawdu mis-setgħat speċifikati fil-paragrafu 1.

    5.   Fejn l-uffiċjali tal-Kummissjoni u persuni oħra li jakkumpanjawhom li huma awtorizzati mill-Kummissjoni, isibu li entità topponi xi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħtihom l-għajnuna meħtieġa skont ir-regoli nazzjonali.

    6.   Jekk, skont ir-regoli nazzjonali, tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja biex titwettaq l-ispezzjoni, l-applikazzjoni għal din l-awtorizzazzjoni għandha ssir mill-Kummissjoni. Tista’ ssir ukoll applikazzjoni għal din l-awtorizzazzjoni bħala miżura ta’ prekawzjoni. F'dawn il-każijiet, l-awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja għandha tiġi ppreżentata flimkien mal-awtorizzazzjoni bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 2.

    Artikolu 6

    Dritt ta’ smigħ

    Qabel ma jiġi adottat ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 7, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istat Membru kkonċernat biex jippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub dwar is-sejbiet preliminari.

    Għandha tagħmel dan bil-miktub, filwaqt li tindika d-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni ta’ dawn l-osservazzjonijiet, li ma għandhiex tkun inqas minn erba' ġimgħat.

    Artikolu 7

    Rappurtar

    1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta rapport li jippreżenta s-sejbiet tagħha u l-osservazzjonijiet imressqa mill-Istat Membru kkonċernat fid-dawl tal-investigazzjonijiet imwettqa skont dan il-Kapitolu u tippreżentah lil dak l-Istat Membru.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dan ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan ir-rapport għandu jsir pubbliku.

    3.   Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tinforma lill-Kumitat Ewropew tas-Sistema Statistika u lill-Bord Konsultattiv dwar il-Governanza tal-Istatistika Ewropea dwar l-eżitu tal-investigazzjoni.

    4.   Kwalunkwe rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill biex jimponi multa fuq l-Istat Membru kkonċernat għandha tkun imsejsa fuq ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.

    Artikolu 8

    Tul ta’ żmien

    1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta r-rapport imsemmi fl-Artikolu 7 mhux aktar tard minn għaxar xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tagħha li tniedi investigazzjoni skont l-Artikolu 2. F'każijiet eċċezzjonali, fejn l-investigazzjonijiet jiġu mxekkla jew fejn il-kisba tal-informazzjoni meħtieġa għall-investigazzjonijiet tkun tinvolvi proċeduri twal iżżejjed, il-Kummissjoni tista' testendi d-data ta’ skadenza b'ħames xhur.

    2.   L-ispezzjonijiet għandhom jitlestew fi żmien għoxrin ġimgħa mid-data tal-bidu tal-ispezzjoni. F'każijiet eċċezzjonali, fejn l-ispezzjonijiet jiġu mxekkla jew fejn il-kisba tal-informazzjoni b'rabta mal-ispezzjonijiet tkun tinvolvi proċeduri twal iżżejjed, il-Kummissjoni tista' testendi d-data ta’ skadenza b'għaxar ġimgħat.

    KAPITOLU III

    DRITT GĦAD-DIFIŻA U L-KUNFIDENZJALITÀ

    Artikolu 9

    Dritt għad-difiża

    Il-prinċipju tad-dritt għad-difiża għandu japplika għal kwalunkwe implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 10

    Aċċess għall-fajl

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jkollu d-dritt, fuq talba, għal aċċess għad-dokumenti kollha u materjali fattwali oħra kkompilati mill-Kummissjoni li jistgħu jservu bħala evidenza ta’ sostenn għar-rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jimponi multa fuq l-Istat Membru kkonċernat.

    Id-dokumenti miksuba mill-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ aċċess għall-fajl għandhom jintużaw biss għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 11

    Rappreżentanza legali

    L-Istat Membru kkonċernat, kull entità kkonċernata, kull persuna li taħdem għal tali entità jew kwalunkwe persuna fiżika oħra kkonċernata għandu jkollha d-dritt għal rappreżentanza legali matul il-proċedura tal-investigazzjoni.

    Artikolu 12

    Kunfidenzjalità u segretezza professjonali

    L-investigazzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu II għandhom jitwettqu soġġetti għall-prinċipji ta’ kunfidenzjalità u segretezza professjonali. L-uffiċjali tal-Kummissjoni u persuni oħra li jakkumpanjawhom li huma awtorizzati mill-Kummissjoni ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni miksuba fil-qafas tal-investigazzjoni, li hi koperta bl-obbligu tas-segretezza professjonali u tal-kunfidenzjalità.

    Id-dokumenti jew l-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni waqt l-investigazzjonijiet għandhom jintużaw biss għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

    KAPITOLU IV

    KRITERJI BIEX JIĠI STABBILIT L-AMMONT TAL-MULTA

    Artikolu 13

    Ammont massimu

    L-ammont totali tal-multa ma għandux ikun ogħla minn 0,2 % tal-aħħar prodott domestiku gross uffiċjali bil-prezzijiet tas-suq attwali tal-Istat Membru kkonċernat, kif definit fl-ESA 95, fis-sena preċedenti.

    Artikolu 14

    Kriterji fir-rigward tal-ammont tal-multa

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-multa li trid tiġi rrakkomandata tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva. Il-multa għandha tkun stabbilita abbażi tal-ammont ta’ referenza li jista' jiġi adattat 'il fuq jew 'l isfel meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi msemmija fil-paragrafu 3.

    2.   L-ammont ta’ referenza għandu jkun ugwali għal 5 % tal-akbar impatt tar-rappreżentazzjoni żbaljata fuq il-livell tad-dejn jew tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika tal-Istat Membru għas-snin rilevanti koperti bin-notifika fil-kuntest tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv.

    3.   Filwaqt li tqis l-ammont massimu stabbilit fl-Artikolu 13, il-Kummissjoni għandha f'kull każ tqis, fejn rilevanti, iċ-ċirkustanzi li ġejjin:

    (a)

    is-serjetà u l-effetti usa' tar-rappreżentazzjoni żbaljata: b'mod partikolari l-impatt tar-rappreżentazzjoni żbaljata fuq il-funzjonament tal-governanza ekonomika msaħħa tal-Unjoni;

    (b)

    il-fatt li jkun intwera li r-rappreżentazzjoni żbaljata kienet ir-riżultat ta’ negliġenza serja jew, alternattivament, ikun intwera li r-rappreżentazzjoni żbaljata kienet waħda intenzjonata;

    (c)

    il-fatt li r-rappreżentazzjoni żbaljata kienet ix-xogħol ta’ entità waħda li taġixxi waħedha jew, alternattivament, ir-rappreżentazzjoni żbaljata kienet ir-riżultat ta’ azzjoni miftiehma minn żewġ entitajiet jew aktar;

    (d)

    it-tennija, il-frekwenza jew id-dewmien tar-rappreżentazzjoni żbaljata mill-Istat Membru kkonċernat; f'każijiet bħal dawn, l-ammont ta’ referenza għandu jkun il-massimu individwat u għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ snin, tul l-erba' snin tal-aħħar notifika, li matulhom seħħet ir-rappreżentazzjoni żbaljata rilevanti;

    (e)

    il-grad ta’ diliġenza u kooperazzjoni murija, alternattivament il-grad ta’ ostruzzjoni, mill-Istat Membru kkonċernat fl-iskoperta tar-rappreżentazzjoni żbaljata u matul l-investigazzjonijiet.

    Artikolu 15

    Perjodu ta’ limitazzjoni għall-ġbir tal-multi

    1.   Id-dritt tal-Kummissjoni li tinforza d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1173/2011 għandu jkun eżerċitat f’perjodu ta’ ħames snin.

    2.   Il-perjodu għandu jibda fil-jum li fih l-Istat Membru kkonċernat jiġi notifikat dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill.

    3.   Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-irkupru tal-multi għandu jiġi interrott minn kwalunkwe azzjoni tal-Kummissjoni mfassla biex tinforza l-ħlas tal-multa jew għandu jiġi sospiż sakemm l-infurzar tal-ħlas ikun sospiż skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    KAPITOLU V

    DISPOŻIZZJONI FINALI

    Artikolu 16

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.

    (2)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

    (3)  ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1.

    (4)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

    (5)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.


    Augša