Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0660

    2012/660/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta’ Marzu 2012 dwar il-miżuri SA. 26909 (2011/C) implimentati mill-Portugall fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tal-Banco Português de Negócios (il-BPN) (notifikata bid-dokument numru C(2012) 2043) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 301, 30.10.2012, p. 1–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/660/oj

    30.10.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 301/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-27 ta’ Marzu 2012

    dwar il-miżuri SA. 26909 (2011/C) implimentati mill-Portugall fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tal-Banco Português de Negócios (il-BPN)

    (notifikata bid-dokument numru C(2012) 2043)

    (Il-verżjoni bil-Portugiż biss hija awtentika)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2012/660/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Wara li għamlet sejħa biex il-partijiet interessati jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom (1) skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat, u wara li tat kas tal-osservazzjonijiet tagħhom,

    Billi:

    1.   Proċedura

    (1)

    Fit-2 ta’ Novembru tal-2008 l-Gvern Portugiż approva abbozz ta’ liġi biex jinnazzjonalizza l-ishma li jirrappreżentaw il-kapital azzjonarju tal-Banco Português de Negócios, S.A. (‘il-BPN’ jew ‘il-bank’). Dik il-liġi ġiet ippubblikata fil-11 ta’ Novembru tal-2008 bħala l-Liġi Nru 62-A/2008 (‘il-Liġi tan-Nazzjonalizzazzjoni’). In-nazzjonalizzazzjoni tal-BPN seħħet fit-12 ta' Novembru, mingħajr prezz.

    (2)

    Fil-5 ta’ Novembru tal-2008, l-awtoritajiet Portugiżi infurmaw lill-Kummissjoni bl-approvazzjoni ta’ abbozz ta’ liġi mill-Gvern Portugiż. Fil-11 u fit-13 ta’ Novembru tal-2008 infurmaw lill-Kummissjoni bil-pubblikazzjoni tal-Liġi tan-Nazzjonalizzazzjoni.

    (3)

    Immedjatament, il-Kummissjoni talbet għal aktar tagħrif dwar kwalunkwe miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li kienu se jingħataw lill-BPN bħala parti mill-proċedura tan-nazzjonalizzazzjoni. Talbet ukoll li jingħatalha pjan ta' ristrutturazzjoni għall-bank.

    (4)

    Il-Portugal ma bagħat l-ebda notifika minn qabel dwar xi miżuri mogħtijin lill-BPN mill-Istat. Lill-Kummissjoni għarrafha b’dawk il-miżuri biss meta kien tard mhux ħażin, u wara li rċieva talba wara l-oħra biex jagħmel dan.

    (5)

    F’dan il-kuntest, fl-14 ta’ Novembru tal-2008 l-Kummissjoni għamlet talbiet għal informazzjoni dwar il-miżuri speċifiċi ta’ għajnuna mill-Istat li ttieħdu favur il-BPN kif ukoll għal pjan ta' ristrutturazzjoni. Wara dan, il-Kummissjoni bagħtet tfakkiriet fil-5 ta’ Jannar, u fit-23 u d-29 ta’ April tal-2009.

    (6)

    L-awtoritajiet Portugiżi wieġbu għat-talbiet għall-informazzjoni fit-8 ta’ Jannar, fit-28 ta’ April u fit-23 ta’ Ġunju tal-2009, mingħajr ma pprovdew informazzjoni dwar miżuri speċifiċi ta’ għajnuna mill-Istat favur il-BPN u mingħajr ma bagħtu pjan ta’ ristrutturazzjoni. Fl-ittra tagħhom tat-23 ta’ Ġunju tal-2009, l-awtoritajiet Portugiżi indikaw li kienu qed jikkunsidraw il-possibbiltà li jissegregaw l-assi tal-BPN u jbigħu l-bank.

    (7)

    Il-Kummissjoni reġgħet għamlet it-talbiet tagħha għall-informazzjoni fis-17 ta’ Lulju, fl-4 u fl-14 ta' Settembru u fit-30 ta' Novembru tal-2009, u fil-5 ta' Frar u fis-16 ta' Marzu tal-2010.

    (8)

    L-awtoritajiet Portugiżi wieġbu fl-14 ta’ Awwissu tal-2009, u indikaw li l-BPN kien se joħroġ karta kummerċjali għal total ta’ EUR 2 biljun. Din kellha tiġi sottoskritta mill-Caixa Geral de Depósitos (‘il-CGD’) u tkun koperta minn garanzija Statali. Fil-fehma tagħhom, il-garanzija kienet riżultat dirett tal-Liġi tan-nazzjonalizzazzjoni u, għaldaqstant, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fit-12 ta’ Ottubru tal-2009, l-awtoritajiet Portugiżi bagħtu aktar tagħrif dwar l-intervent min-naħa tal-CGD u tal-Istat. Bagħtu wkoll aktar informazzjoni fil-21 ta’ Novembru tal-2009, u fis-17 u t-18 ta’ Frar u fil-31 ta’ Marzu tal-2010.

    (9)

    Wara laqgħa li saret mal-awtoritajiet Portugiżi fis-16 ta’ Ġunju tal-2010, fit-12 ta’ Awwissu tal-2010 l-Kummissjoni reġgħet talbithom, inter alia, jippreżentaw minnufih il-pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-BPN. Ma ġie ppreżentat l-ebda pjan u, għalhekk, il-Kummissjoni bagħtet tfakkira uffiċjali fil-31 ta’ Awwissu tal-2010, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu tal-1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (li issa sar l-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) (2).

    (10)

    Fl-14 ta’ Settembru tal-2010, l-awtoritajiet Portugiżi bagħtu dokument bit-titlu ‘Memorando: a nacionalização, a reestruturação e a reprivatização projectada do Banco Português de Negócios, SA’ (minn issa ’l quddiem “il-Memorandum tal-14 ta’ Settembru tal-2010”), li ppreżenta fil-qosor il-pjan għar-ristrutturazzjoni tal-BPN u l-elementi ewlenin tal-proċess tal-privatizzazzjoni.

    (11)

    Wara li sabet li kien għad hemm xi informazzjoni nieqsa mill-Memorandum tal-14 ta’ Settembru tal-2010, fid-19 ta’ Settembru tal-2010 l-Kummissjoni bagħtet ittra li fiha talbet għal aktar informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Portugiżi. Permezz ta’ ittra elettronika li bagħtu fil-15 ta Novembru tal-2010, l-awtoritajiet Portugiżi talbu għal estensjoni taż-żmien li kienu ngħataw biex iwieġbu, u l-Kummissjoni aċċettat dan permezz ta’ ittra ddatata t-18 ta’ Novembru tal-2010. L-awtoritajiet Portugiżi pprovdew aktar kjarifiki permezz tal-ittra tas-26 ta’ Novembru tal-2010 u permezz tal-ittra elettronika tal-25 ta’ Jannar tal-2011.

    (12)

    Fis-16 ta’ Frar tal-2011 il-Kummissjoni talbet għal kjarifika dwar għadd ta’ punti u talbet għal iktar informazzjoni. L-awtoritajiet Portugiżi wieġbu fis-16 ta’ Marzu tal-2011.

    (13)

    Fil-kuntest tal-laqgħat li saru qabel, fis-17 ta’ Mejju tal-2011, ġie ffirmat il-Memorandum ta’ Qbil (“il-MtQ”) (3) bejn il-Portugall, fuq in-naħa l-waħda, u l-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea fuq in-naħa l-oħra, fis-27 ta' April 2011 il-Kummissjoni kellha laqgħa mad-diriġenti tal-BPN. Il-MtQ kien jipprevedi l-bejgħ tal-BPN sa tmiem Lulju tal-2011. Għalhekk, fl-20 ta’ Mejju tal-2011 il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni dwar ir-ristrutturazzjoni tal-bank u dwar il-proċess li bih kien ippjanat li jsir il-bejgħ. Minħabba li l-awtoritajiet Portugiżi ma bagħtu l-ebda tweġiba, fit-8 ta’ Lulju tal-2011 intbagħtet tfakkira, flimkien ma’ talba oħra għall-informazzjoni wara li fl-istampa ġie rrappurtat li kienu ġew ipprovduti aktar riżorsi Statali lill-BPN permezz ta’ garanzija Statali. Fil-5 ta’ Awwissu tal-2011, l-awtoritajiet Portugiżi bagħtu preżentazzjoni ġenerali dwar il-proċess tal-privatizzazzjoni.

    (14)

    Il-Kummissjoni ltaqgħet mal-awtoritajiet Portugiżi fl-10 ta’ Awwissu tal-2011. L-awtoritajiet Portugiżi pprovdew lill-Kummissjoni b’aktar informazzjoni, kemm waqt il-laqgħa kif ukoll aktar tard, fit-28 ta’ Awwissu tal-2011. Il-Kummissjoni rċeviet aktar informazzjoni fl-14 ta’ Settembru u fl-14 ta’ Ottubru tal-2011.

    (15)

    Permezz tad-Deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru tal-2011 (‘id-Deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru tal-2011’), il-Kummissjoni tat bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat bin-numru tal-każ SA.26909 fir-rigward tal-allegata għajnuna mogħtija lill-BPN u lill-Banco BIC Português S.A. (‘il-BIC’) (4).

    (16)

    Id-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru tal-2011 ġiet ippubblikata fl-20 ta’ Diċembru tal-2011. Ma waslu l-ebda osservazzjonijiet min-naħa ta’ partijiet terzi fix-xahar li ngħata biex isir dan.

    (17)

    Fid-9 ta’ Diċembru tal-2011, il-Portugall ippreżenta lill-Kummissjoni l-Ftehim Qafas li kien ġie ffirmat bejn il-BIC u l-awtoritajiet Portugiżi dakinhar stess (‘il-Ftehim Qafas’).

    (18)

    Fl-20 ta’ Jannar tal-2012, il-Portugall ippreżenta t-tweġiba tiegħu għall-osservazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru tal-2011. Fl-istess data, l-awtoritajiet Portugiżi pprovdew ukoll aktar informazzjoni, inklużi pjan ġdid ta’ ristrutturazzjoni għall-BPN (minn issa ’l quddiem ‘il-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni ta’ Jannar tal-2012’) u tweġiba għall-mistoqsijiet addizzjonali li kienet għamlet il-Kummissjoni fil-21 ta’ Diċembru tal-2011 rigward il-Ftehim Qafas. Ma’ dik l-informazzjoni żdied, fit-3 ta’ Frar tal-2012, pjan kummerċjali u tal-vijabbiltà li kien tħejja mill-BIC u li minn issa ’l quddiem, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, huwa meqjus bħala parti integrali mill-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni ta’ Jannar tal-2012. Ġiet ipprovduta aktar informazzjoni fl-10, fis-17 u fit-23 ta’ Frar tal-2012, bi tweġiba għal aktar mistoqsijiet li l-Kummissjoni kienet bagħtet lill-awtoritajiet Portugiżi fit-8, fl-14 u fis-17 ta’ Frar tal-2012. Fis-16 ta’ Marzu tal-2012, il-Portugall ipprovda sensiela ta' impenji lill-Kummissjoni.

    (19)

    Matul il-proċedura, saru ħafna skambji ta’ informazzjoni, telekonferenzi u laqgħat bejn l-Istat Portugiż, il-BPN u l-Kummissjoni.

    2.   Deskrizzjoni tal-benefiċjarji u tal-miżuri

    2.1   Il-benefiċjarju u d-diffikultajiet tiegħu

    (20)

    Il-BPN huwa istituzzjoni finanzjarja bbażata fil-Portugall, u jipprovdi firxa wiesgħa ta’ servizzi bankarji. Ġie nnazzjonalizzat fil-11 ta’ Novembru tal-2008, meta kellu netwerk ta’ 213-il fergħa (li 4 minnhom kienu fi Franza), madwar 2 200 impjegat u total ta’ assi ta’ EUR 6.6 biljun, jiġifieri madwar 2 % tal-assi totali tas-settur Portugiż tas-servizzi bankarji għall-konsumatur.

    (21)

    Skont l-awtoritajiet Portugiżi (5), il-BPN kien ilu mis-sajf tal-2008 jħabbat wiċċu ma’ problemi ta’ likwidità, u fit-18 ta’ Lulju tal-2008 l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu Moody’s niżżlet lill-bank minn Baa1 għal Baa3 (6). Filwaqt li fi tmiem Awwissu l-BPN kellu likwidità pożittiva ta’ EUR 316-il miljun, sat-22 ta' Ottubru tal-2008 kien spiċċa b'likwidità negattiva kbira ta' EUR 831 miljun. Il-kont tad-depożiti tiegħu mal-Bank tal-Portugall (‘il-BdP’) kien ’il bogħod ħafna mill-ammonti medji li kien ikollu jżomm biex jikkonforma mal-limiti li titlob il-liġi. F’dak l-istadju, fix-xahar ta’ Ottubru tal-2008, ittieħdu diversi miżuri biex il-bank ikun jista’ jegħleb id-diffikultajiet ta' likwidità li kellu quddiemu u biex ma jonqosx fir-rigward tal-obbligi tal-pagamenti. Dan sar partikularment permezz tal-għoti ta’ għajnuna speċjali b’likwidità fil-forma ta’ selfiet, u permezz ta' operazzjonijiet oħrajn mill-BdP u mill-CGD (7), li hija proprjeta tal-Istat.

    (22)

    Minħabba l-volum tat-telf li beda jakkumula l-BPN, l-awtoritajiet Portugiżi ma kinux tal-fehma li kien ikun fattibbli li jingħata aktar sostenn permezz tal-likwidità, u dan fid-dawl tar-“riskju kbir li kienu jiġu esposti għalih l-entitajiet parteċipanti [il-BdP and l-CGD]” (8). L-azzjonisti tal-BPN kienu ppreżentaw pjan, iżda fuq il-bażi ta’ opinjoni tal-BdP bid-data tat-30 ta' Ottubru tal-2008 l-Gvern ma kkunsidrahx fattibbli. Minħabba li l-BPN ma kienx baqa’ jikkonforma mar-rekwiżiti tas-solvenza, kaġun tal-livell għoli ta’ indeboliment (9), il-Gvern ippropona lill-Parlament li jinnazzjonalizza l-BPN mingħajr prezz (10). Dik il-proposta ġiet approvata fil-11 ta’ Novembru tal-2008 permezz tal-Liġi nru 62-A/2008 (‘il-Liġi tan-Nazzjonalizzazzjoni’).

    (23)

    Skont l-awtoritajiet Portugiżi, l-indebolimenti rriżultaw minn irregolaritajiet u prattiki illegali li nstabu mill-BdP u minn eżerċizzji esterni ta’ awditjar li saru f’Ġunju tal-2008, li aktar tard, f’rapport tal-BdP fl-2009, ġew deskritti bħala “imġiba frodulenti, persistenti u maħsuba, li seħħet fl-ogħla livell tat-tmexxija tal-Grupp” (11). Dawn il-prattiki wasslu għal investigazzjonijiet, għal diversi proċeduri amministrattivi ta’ ksur (‘processos de contra-ordenação’) u għal ilment għand l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika.

    (24)

    Skont il-Liġi tan-Nazzjonalizzazzjoni, il-CGD ngħata l-inkarigu li jmexxi l-BPN, li jaħtar lill-membri tal-korpi tat-tmexxija tal-BPN, u li jistabbilixxi l-objettivi tat-tmexxija tal-BPN f'temp ta' 60 jum minn mindu sseħħ in-nazzjonalizzazzjoni. Barra minn hekk, il-Liġi tan-Nazzjonalizzazzjoni daħħlet ukoll id-dispożizzjoni li kwalunkwe miżuri ta’ għajnuna bi krediti jew b’likwidità meħudin mill-CGD “favur il-BPN fil-kuntest tan-nazzjonalizzazzjoni jew minflok l-Istat (…) igawdu minn garanzija Statali” (12).

    2.2   Il-miżuri ta' sostenn finanzjarju qabel in-nazzjonalizzazzjoni

    (25)

    Qabel ma ġie nnazzjonalizzat f’Novembru tal-2008, il-BPN kien diġà gawda minn għadd ta’ miżuri ta’ sostenn finanzjarju, li ġew deskritti mill-awtoritajiet Portugiżi bħala “miżuri speċjali ta’ sostenn bil-likwidità (13)”. Fis-17 ta’ Frar tal-2010, l-awtoritajiet Portugiżi infurmaw lill-Kummissjoni li, fil-perjodu sat-30 ta’ Ottubru tal-2008, il-BPN kien kiseb miżuri speċjali ta’ assistenza bil-likwidità kemm mingħand il-CGD kif ukoll mingħand il-BdP għal ammont totali ta’ EUR 501,6 miljun. Dawn kienu jikkonsistu f’erba’ selfiet li ngħataw lill-BPN mill-CGD għal amont totali ta’ EUR 315-il miljun (14) u f’assistenza b’likwidità ta’ emerġenza (ALE) li ngħatat f’Ottubru tal-2008 mill-BdP għal ammont ta' EUR 186.6 miljun (15).

    (26)

    Filwaqt li l-BdP ġie rrimburżat wara n-nazzjonalizzazzjoni, l-erba’ selfiet mogħtijin mill-CGD ma ġewx rimburżati ħlief fid-9 ta’ Marzu tal-2009, bil-ħruġ tal-ewwel karta kummerċjali mill-BPN

    2.3   Il-miżuri ta' sostenn finanzjarju qabel in-nazzjonalizzazzjoni

    (27)

    F’Marzu tal-2009 l-BPN ħareġ karta kummerċjali b’sottoskrizzjoni ggarantita mill-CGD u b’garanzija Statali għal ammont globali ta’ EUR 2 biljun. Il-Kummissjoni ma ġietx mgħarrfa b’dawn il-garanziji Statali ħlief fl-14 ta’ Awwissu tal-2009.

    (28)

    Permezz tal-ittra tas-17 ta’ Frar tal-2010, l-awtoritajiet Portugiżi semmew ukoll li fis-27 ta’ Ottubru tal-2009 l-CGD kien ġie awtorizzat jissottoskrivi b’kemm jiswew EUR 1 biljun ieħor ta’ karti kummerċjali b’garanzija Statali. Sussegwentement, permezz tal-ittra elettronika tal-14 ta’ Ġunju tal-2010, il-Kummissjomi ġiet mgħarrfa wkoll li t-total tal-garanziji Statali fuq karti kummerċjali maħruġin mill-BPN u sottoskritti mill-CGD kien tela’ għal EUR 4 biljun, minħabba li f’April tal-2010 kien ġiet organizzat it-tielet ħruġ ta’ karti kummerċjali tal-BPN u dan kien ġie sottoskritt mill-CGD għal ammont ta’ EUR 1 biljun.

    (29)

    F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota li minn mindu ġie nnazzjonalizzat, f’Novembru tal-2008, sa Ġunju tal-2011 il-BPN għamel użu ma jaqta’ xejn minn faċilitajiet ta’ kreditu tas-suq monetarju li ngħatawlu mill-CGD. Fit-28 ta’ Frar tal-2009, is-somom li l-BPN kellu jagħti lill-CGD bħala parti minn dawn l-istrumenti ta’ medda qasira ta’ żmien kienu jlaħħqu madwar EUR 2.2 biljun. Skont id-dejta pprovduta mill-awtoritajiet Portugiżi, dawn l-ammonti tnaqqsu bil-ħruġ tal-karti kummerċjali msemmijin fil-paragrafi (16).

    (30)

    Sa Ġunju tal-2011, l-iskopertura tal-BPN għall-CGD bi strumenti tas-suq monetarju kienet ta’ madwar EUR 1 biljun. Għalkemm il-finanzjament kien qed jingħata ġurnata wara ġurnata, skont l-awtoritajiet Portugiżi dan kien ta' natura strutturali b'dati tal-għeluq iktar fil-bogħod (17), u ġie ssostitwit ukoll bir-raba’, u l-aħħar, ħruġ ta’ karti kummerċjali f’Ġunju tal-2011, bil-varar ta’ żewġ ħarġiet ta’ EUR 500 miljun il-waħda.

    (31)

    Skont il-figuri li pprovdew l-awtoritajiet Portugiżi fit-3 ta’ Frar tal-2012, l-ammont dovut mill-BPN lill-CGD (minbarra l-ħarġiet tal-karti kummerċjali) kien EUR 433,7 miljun fil-31 ta’ Diċembru tal-2011 u EUR 232 miljun fil-31 ta’ Jannar tal-2012.

    Tabella nru 1

    Ħarsa ġenerali lejn kif kienet il-likwidità miksuba mill-BPN mingħand il-CGD fil-31 ta’ Diċembru tal-2011

     

    B’garanzija Statali espliċita

    Selfiet mingħand il-CGD

    (mingħajr garanzija Statali espliċita)

    Total

    BPN

    1 400 000 000,00

    433 732 654,56

    1 833 732 654,56

    Entitajiet ad hoc (Special Purpose Vehicles, SPVs) (18)

    3 100 000 000,00

    795 111 660,00

    3 895 111 660,00

    Total

    4 500 000 000,00

    1 228 844 314,56

    5 728 844 314,56

    Sors: l-awtoritajiet Portugiżi

    (32)

    Ta’ min jinnota li, skont l-Artikolu 2(9) tal-Liġi tan-Nazzjonalizzazzjoni, kwalunkwe linji ta’ krediti jew ta’ likwidità offruti mill-CGD lill-BPN fil-kuntest tan-nazzjonalizzazzjoni għandhom jiġu ggarantiti mill-Istat Portugiż.

    (33)

    Għalhekk, huwa ċar li l-ammonti kollha deskritti fit-Tabella nru 1 gawdew minn garanzija Statali skont l-Artikolu 2(9) tal-Liġi tan-Nazzjonalizzazzjoni u d-diversi ordnijiet maħruġin mis-Segretarju tal-Istat għat-Teżor u l-Finanzi. Ir-rimunerazzjoni għall-garanziji Statali ġiet iffissata bħala 0.2 % fis-sena.

    2.4   Ir-ristrutturazzjoni tal-BPN

    Il-pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-2010

    (34)

    Fis-16 ta’ Settembru tal-2010, l-awtoritajiet Portugiżi bagħtu lill-Kummissjoni pjan inizjali ta’ ristrutturazzjoni datat it-13 ta’ Settembru tal-2010 (minn issa ’l quddiem, ‘il-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni tal-2010’).

    (35)

    F’dan il-pjan, l-awtoritajiet Portugiżi spjegaw l-intenzjoni tagħhom li jaqsmu lill-BPN f’bank tal-assi t-tajbin u bank tal-assi l-ħżiena, u mbagħad jippruvaw ibigħu l-bank tal-assi t-tajbin.

    Fejn jibda u jispiċċa l-bank li se jiġi pprivatizzat: il-ħolqien tal-entitajiet ad hoc (SPVs - Special Purpose Vehicles)

    (36)

    L-Istat ried li, permezz ta' sejħa miftuħa għall-offerti, isir il-bejgħ tal-“bank tal-assi t-tajbin”, il-BPN S.A., li kellu jkun esklużivament bank li joffri servizzi għall-konsumatur. Dak il-proċess kellu jitwettaq fuq il-bażi ta’ sejħa għat-turija tal-interess, li l-ispeċifikazzjoni (‘Caderno de Encargos’) għaliha ġiet approvata mill-awtoritajiet Portugiżi fis-16 ta’ Awwissu tal-2010 (19).

    (37)

    Skont il-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni tal-2010, għadd ta’ assi u obbligazzjonijiet tal-BPN kellhom jibqgħu barra mill-ambitu tal-privatizzazzjoni u jiġu ttrasferiti għal ġo tliet entitajiet ad hoc (SPVs): il-Parvalorem, il-Parups u l-Parparticipadas. Dawn l-SPVs kellhom għall-bidu jibqgħu parti mill-BPN u wara l-bejgħ jiġu ttrasferiti lill-Istat. Is-selfiet u l-krediti kellhom jiġu ttrasferiti lill-Parvalorem, il-proprjetà immobbli u l-fondi tal-investiment lill-Parups, u s-sussidjarji lill-Parparticipadas. L-awtoritajiet Portugiżi vvalutaw l-ammont totali tal-assi li kellhom jiġu ttrasferiti għal ġol-SPVs bħala EUR 3 885 miljun, b’EUR 2 507 miljun ittrasferiti lill-Parvalorem, EUR 1 228 miljun lill-Parups, u EUR 150 miljun lill-Parparticipadas.

    (38)

    Is-selfiet ġew ittrasferiti bil-valur nominali tagħhom; l-unitajiet tal-parteċipazzjoni f’fondi, it-titoli u l-proprjetà immobbli kellhom jiġu ttrasferiti bil-prezz li bih kienu ġew akkwistati, u l-impriżi li kienu tal-BPN kellhom jiġu ttrasferiti bil-valur skont il-kotba. L-awtoritajiet Portugiżi stmaw li, kollox ma’ kollox, f'Diċembru tal-2010 l-indebolimenti kienu jammontaw għal EUR 1 798 miljun, li jinqasmu kif ġej: i) selfiet: EUR 1 474 miljun; ii) proprjetà immobbli: EUR 16-il miljun; iii) unitajiet tal-parteċipazzjoni f’fondi: EUR 247 miljun; u iv) titoli: EUR 61 miljun. Skont l-informazzjoni li pprovdew l-awtoritajiet Portugiżi fl-20 ta’ Jannar tal-2012, dawn l-assi ġew ittrasferiti għal ġol-SPVs fit-23 u t-30 ta’ Diċembru tal-2010 (20). Madankollu, l-SPVs baqgħu jagħmlu parti mill-BPN sal-15 ta’ Frar tal-2012, meta tneħħew mill-BPN u ġew ittrasferiti lejn kumpanija oħra kkontrollata mill-Istat.

    (39)

    Skont l-awtoritajiet Portugiżi, it-trasferiment tal-assi għal ġol-SPVs sar fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, b’mod li ta kas tal-volum tal-indebolimenti kif ukoll tal-fatt li ċerti attivitajiet ma kinux ċentrali għall-BPN wara n-nazzjonalizzazzjoni (is-self lill-konsumaturi, il-bank tal-investiment, il-ġestjoni tal-assi, il-ġestjoni tal-fondi ta' investiment, l-assigurazzjoni u attivitajiet internazzjonali). Il-BPN kellu jibdel il-pożizzjoni tiegħu u jsir bank li joffri biss servizzi għall-konsumatur, b’inqas skopertura għall-inċertezza tal-finanzjament lill-operaturi.

    (40)

    L-SPVs iffinanzjaw l-akkwist tal-assi permezz ta’ żewġ linji ta’ finanzjament ta’ EUR 3 895 miljun, li kienu jikkonsistu f’bonds b’garanzija Statali għal EUR 3 100 miljun li ġew akkwistati mill-CGD u f’selfiet mill-CGD b’assi mirhunin ta’ valur aggregat ta’ EUR 795 miljun. L-introjti mill-bejgħ tal-assi lill-SPVs ippermetta lill-BPN iħallas lura finanzjament ta’ EUR 3 900 miljun li kien kiseb mingħand il-CGD – EUR 3 600 biljun mill-EUR 4 biljun inizjali tal-karta kummerċjali (li jfisser li ammont ta’ EUR 400 miljun f’karti kummerċjali ggarantiti mill-Istat kien se jibqa’ mhux imħallas mill-BPN), kif ukoll EUR 300 miljun ta’ selfiet għal medda qasira ta’ żmien fis-suq monetarju.

    (41)

    Wara li seħħ it-trasferiment tal-assi, il-karta tal-bilanċ tal-BPN ċkienet b’madwar 30 %.

    (42)

    Skont l-informazzjoni li waslet mingħand l-awtoritajiet Portugiżi, sabiex il-BPN ikun jista’ jikkonforma mar-rekwiżiti legali u regolatorji (jiġifieri sabiex jilħaq id-9 % ta' kapital tal-qalba tal-ewwel grad mitlub għall-2011 (21)), u minħabba li l-kapital proprju tal-BPN jibqa’ xorta waħda negattiv anki wara t-trasferiment tal-assi lill-SPVs, l-Istat kien ikollu jikkapitalizza mill-ġdid lill-BPN b’madwar EUR 417-il miljun (22).

    L-ewwel żewġ sejħiet għall-privatizzazzjoni mill-ġdid

    (43)

    Il-prezz bażiku li ġie ffissat għall-BPN (li kien jeskludi l-assi li kellhom jiġu ttrasferiti għal ġol-SPVs) fis-sejħa għall-offerti ppubblikata mill-Portugall kien EUR 171,1 miljun, fuq il-bażi tal-valutazzjonijiet li saru mill-konsulenti terzi, Deloitte (EUR […] (*) miljun) u Deutsche Bank (EUR […] miljun). Fil-frattemp, l-amministrazzjoni l-ġdida tal-BPN, li issa kienet f’idejn il-CGD, kienet bdiet proċess biex il-bank jiġi rristrutturizzat. L-ispejjeż operazzjonali tnaqqsu b’[1-10]% bejn Diċembru tal-2008 u Diċembru tal-2010; l-attività tal-BPN tnaqqset sabiex il-bank ikun jista’ jikkonċentra biss fuq is-servizzi bankarji kummerċjali għall-konsumatur. Dan it-tnaqqis fl-attività kien ikkaġunat, minn banda, minn tnaqqis fid-depożiti wara li l-bank ġie nnazzjonalizzat u, mill-banda l-oħra, mit-trasferiment tal-assi għal ġot-tliet SPVs. Fl-2010 dawn il-miżuri naqqsu t-telf għal EUR [50-150] miljun, meta mqabbel mal-EUR [150-250] miljun tal-2009. Sa mill-bidu tal-2009, f'tentattiv biex il-bank jidher aħjar f'għajnejn in-nies u biex titjieb il-firxa ta’ prodotti li joffri, l-amministrazzjoni l-ġdida varat […] prodotti u kampanji ġodda. L-amministrazzjoni l-ġdida ħadet ukoll miżuri biex jitjiebu l-ġestjoni tar-riskju u s-sistemi tal-kontroll intern tal-bank.

    (44)

    Sat-30 ta’ Settembru u t-30 ta’ Novembru tal-2010 l-ebda parti interessata ma kienet wieġbet għall-ewwel żewġ sejħiet għall-privatizzazzjoni.

    (45)

    Wara li l-proċess tas-sejħa għall-offerti ma rnexxiex, f’Jannar tal-2011 il-Portugall indika l-ħsieb tiegħu li jirristruttura lill-BPN, b’mod li jagħmlu aktar indipendenti mill-CGD billi jaħtarlu bord ġdid li jkun indipendenti mill-CGD. Il-Portugall fittex ukoll li jgħaġġel l-irkupru operazzjonali tal-BPN, billi ddefinixxa mill-ġdid il-marka u l-identità korporattiva tal-bank u billi saħħaħ il-pjan tal-irkupru permezz tal-qtugħ tal-ispejjeż u t-titjib tad-dinamika kummerċjali. Madankollu, minkejja li saru diversi talbiet, lill-Kummissjoni ma ngħatalha l-ebda pjan aġġornat tar-ristrutturazzjoni.

    (46)

    Fil-FtQ tas-17 ta’ Mejju tal-2011, il-Gvern rabat lilu nnifsu li jvara proċess ġdid ta’ privatizzazzjoni.

    (47)

    Fil-MtQ, l-awtoritajiet Portugiżi impenjaw ruħhom li “jagħtu bidu għal proċess biex il-Banco Português de Negócios (il-BPN) jinbiegħ skont skeda aċċellerata u mingħajr prezz minimu. Għal dan il-għan, jiġi ppreżentat pjan ġdid lill-KE sabiex jiġi approvat skont ir-regoli dwar il-kompetizzjoni. It-tir hu li jinstab xerrej sa mhux aktar tard minn tmiem Lulju tal-2011. Sabiex jiġi ffaċilitat il-bejgħ, ġew isseparati mill-BPN it-tliet entitajiet ad hoc eżistenti li għandhom l-assi mhux produttivi u mhux tal-qalba tiegħu, u jistgħu jiġu ttrasferiti aktar assi għal ġo dawk l-entitajiet bħala parti min-negozjati ma' dawk li jistgħu jkunu interessati jixtru. Bil-ħsieb li jsir aktar attraenti għall-investituri, il-BPN qed ivara wkoll programm ieħor ta’ miżuri aktar ambizzjużi ta’ tnaqqis tal-ispejjeż. Ladarba tkun instabet soluzzjoni, il-krediti tal-CGD fuq il-BPN li huma ggarantiti mill-Istat u l-entitajiet ad hoc relatati kollha jeħodhom fuqu l-Istat, skont skeda li tiġi ddefinita fil-mument (23).

    Il-bejgħ lill-BIC

    (48)

    Fil-bidu ta’ Mejju tal-2011 ngħata bidu għat-tielet tentattiv ta’ privatizzazzjoni, u dan sar mingħajr ma ngħata prezz minimu sabiex jinstab xerrej għall-BPN sal-31 ta’ Lulju tal-2011, kif kien miftiehem fil-MtQ.

    (49)

    Saret proċedura ta’ sejħa għall-offerti li matulha saru kuntatti ma’ xerrejja li setgħu jkunu interessati. Ġiet elaborata wkoll preżentazzjoni ġenerali dwar l-opportunita ta’ investiment (Investment Opportunity Overview – ‘IOO’). Skont l-IOO, il-partijiet interessati kellhom jitfgħu offerti għal sa 100 % tal-ishma tal-BPN, iżda setgħu jitolbu biex jitneħħew mill-karta tal-bilanċ tal-BPN aktar assi jew obbligazzjonijiet. Setgħu ukoll jitolbu għal xenarji ogħla ta’ kapitalizzazzjoni mill-ġdid. Il-BPN u l-offerenti potenzjali ffirmaw memorandum dwar ir-regoli tal-proċess, u dan ippermetta lill-offerenti jidħlu f’sala tad-dejta li nħolqot fil-15 ta’ Ġunju tal-2011 għal ħames ġimgħat.

    (50)

    Sal-20 ta’ Ġunju tal-2011 kienu ġew ippreżentati erba’ offerti li jorbtu. Dawn l-offerti ġew analizzati mill-bordijiet tal-CGD u l-BPN, li ppreżentaw l-opinjoni tagħhom lill-azzjonist – l-Istat – sal-25 ta’ Lulju tal-2011.

    (51)

    Tlieta mill-erba’ offerenti li ppreżentaw offerti li jorbtu ġew eliminati. Skont l-awtoritajiet Portugiżi, żewġ offerenti (il-Montepio u Aníbal Ribeiro) ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-memorandum li kien ġie ffirmat mal-BPN (24). Il-Montepio ma tefax offerta biex jakkwista l-ishma tal-BPN, iżda biss għal għażla ta’ assi u obbligazzjonijiet, filwaqt li Aníbal Ribeiro ma kienx ipprovda biżżejjed provi li kellu l-kapaċitajiet maniġerjali u finanzjarji biex imexxi bank. It-tielet offerta, li ġiet mingħand in-NEI (25), kienet tikkonforma mar-rekwiżiti tal-memorandum, imma ma kienx hemm biżżejjed provi tal-kapaċitajiet tagħha li tmexxi bank u tal-kapaċità finanzjarja tagħha li tassumi l-ħtiġijiet futuri tal-BPN fir-rigward tal-kapital.

    (52)

    Fuq il-bażi tal-unika offerta valida li ġiet ippreżentata bħala parti mill-proċedura tas-sejħa għall-offerti, li ġiet mingħand il-BIC fl-20 ta’ Lulju tal-2011 (‧l-offerta tal-BIC tal-20 ta' Lulju tal-2011‧), fil-31 ta' Lulju tal-2011 il-Gvern iddeċieda li jissokta b’negozjati esklużivi mal-BIC.

    (53)

    Il-BIC ġie awtorizzat mill-BdP biex iwettaq attivitajiet bankarji kummerċjali fid-9 ta’ Ottubru tal-2007, u fir-realtà beda jopera fil-Portugall f’Mejju tal-2008, prinċipalment fl-oqsma tal-operazzjonijiet bankarji għall-kumpaniji u privati. L-azzjonisti ewlenin tal-BIC huma grupp ta’ investituri mill-Angola, u jinkludu azzjonisti Portugiżi bħall-Amorim Projetos SGPS, SA (b’25 % tal-ishma). F’Diċembru tal-2010, kellu fatturat ta’ EUR 389 miljun, b’assi totali ta’ EUR 1 biljun u, fil-31 ta’ Marzu tal-2011 kellu kapital ta’ EUR 32 miljun u 7 fergħat. Skont l-informazzjoni li pprovda l-Portugall, is-sehem li għandu l-BIC mis-suq fis-segmenti tas-suq li hu attiv fihom huwa ta’ inqas minn 1 % (26).

    Il-kundizzjonijiet tal-bejgħ

    (54)

    Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Portugiżi, wara l-offerta li l-BIC għamel fl-20 ta’ Lulju tal-2011 (27), in-negozjati mal-BIC laħqu l-quċċata tagħhom bl-iffirmar, fid-9 ta’ Diċembru tal-2011, ta’ Ftehim Qafas għall-bejgħ tal-BPN lill-BIC (28).

    (55)

    L-offerta li l-BIC għamel fl-20 ta' Lulju tal-2011 stabbilixxiet il-kundizzjonijiet ġenerali, u pprovdiet:

    i.

    għal kapitalizzazzjoni mill-ġdid mill-Istat sabiex il-BPN jikseb proporzjon ta’ kapital tal-qalba tal-ewwel grad ta’ [bejn 9 u 18]%, u magħdudin miegħu EUR [100-300] miljun;

    ii.

    għat-tneħħija ta’ parti mis-selfiet ta' kreditu li se tintgħażel mill-BIC sabiex il-proprozjon bejn is-self u d-depożiti jsir ta' [110-150]%;

    iii.

    għat-trasferiment mill-BPN tas-selfiet kollha mhux produttivi li jaqbżu l-livell minimu ta’ bejn wieħed u ieħor EUR […] miljun (il-livell stmat tal-proviżjonament tas-selfiet fil-BPN);

    iv.

    għall-jedd tal-BIC li jneħħi mill-karta tal-bilanċ tal-BPN assi u obbligazzjonijiet oħrajn (e.g. selfiet lil istituzzjonijiet tal-kreditu, assi finanzjarji, assi ta’ proprjetà immobiljari, xi provvedimenti, u assi u obbligazzjonijiet oħrajn) li kienu ġew ipprovduti barra mill-ambitu tal-attività normali tiegħu.

    v.

    għat-trasferiment mill-BPN ta’ depożiti, magħżulin mill-BIC, li mhumiex joffru kundizzjonijiet tas-suq;

    vi.

    għall-għoti lill-BIC ta’ linja ta’ assi likwidi mingħand il-CGD għal sa EUR [150-650] miljun għal perjodu ta’ […] snin, b’rata ta’ self li tikkorrispondi għar-rata Euribor għal […] xhur. Dan l-ammont jikber jekk id-depożiti jinżlu taħt il-EUR […] biljun;

    vii.

    biex jinżammu bejn 500 u 600 impjegat tal-BPN (minn bejn wieħed u ieħor 1 600 impjegat) u bejn 160 u 170 fergħa li jinsabu f’postijiet li jappartjenu lill-bank jew b’kuntratti ta’ kera ta’ mhux aktar minn 12-il xahar.

    viii.

    għat-trasferiment lill-Istat tal-ispejjeż marbutin mal-litigazzjoni; u

    ix.

    għal prezz tal-akkwist ta’ EUR 30 miljun li jridu jitħallsu mill-BIC.

    (56)

    Wara n-negozjati, li damu sejrin bejn wieħed u ieħor ħames xhur, il-Ftehim Qafas jipprovdi:

    i.

    għal kapitalizzazzjoni mill-ġdid mill-Istat sabiex jintlaħqu l-livell minimu ta’ kapital u l-livell addizzjonali mitlub mill-BIC – il-BIC talab għal livell finali ta’ kapital ta’ EUR [200-400] miljun wara li jsru l-aġġustamenti li kien ippropona għall-karta tal-bilanċ (29);

    ii.

    għat-tneħħija ta’ parti mis-selfiet tal-BPN, u dan minbarra dawk is-selfiet li kienu diġà ġew ittrasferiti lejn l-SPVs fit-30 ta’ Diċembru tal-2010 (30). It-tneħħija tas-selfiet addizzjonali se tippermetti li jintlaħaq proprozjon ta’ [110-150]% bejn is-self u d-depożiti; Dan il-proporzjon kien ġie ffissat bħala [110-150]% fl-offerta li għamel il-BIC fl-20 ta’ Lulju tal-2011;

    iii.

    għall-jedd tal-BIC li jneħħi mill-karta tal-bilanċ tal-BPN assi u obbligazzjonijiet oħrajn (pereżempju selfiet lil istituzzjonijiet tal-kreditu, assi finanzjarji, assi ta’ proprjetà immobiljari, xi provvedimenti, u assi u obbligazzjonijiet oħrajn);

    iv.

    għall-jedd tal-BIC li jbigħ mill-ġdid, fi żmien […] xhur, selfiet mhux produttivi għal mill-inqas […] jiem (sa massimu ta’ […] tal-valur nominali tat-total tal-portafoll tas-self magħżul mill-BIC wara kumpens permezz tad-depożiti eżistenti) u għall-ammont li jkun jaqbeż il-livell tal-proviżjonament (EUR […] miljun) (31)  (32);

    v.

    għall-jedd tal-BIC li jittrasferixxi depożiti b’rati mill-inqas […] punti bażi ogħla mir-rata referenzjarja rilevanti (33) jew li jirċievi mingħand l-Istat id-differenza bħala rimunerazzjoni (34);

    vi.

    għall-jedd tal-BIC li jitlob li jsir trasferiment, qabel il-konklużjoni, ta’ assi u obbligazzjonijiet oħrajn tal-BPN, bħal selfiet lil istituzzjonijiet tal-kreditu, assi fiżiċi u finanzjarji, eċċ;

    vii.

    għall-għoti, sa [> 2013] ta’ linja ta’ assi likwidi lill-BIC mingħand il-CGD għal sa [150-350] miljun, b’rata ta’ self li tikkorrispondi għar-rata Euribor għal […] xhur (35) u miżjuda magħha firxa ta’ […] punti bażi. Din il-linja ta’ assi likwidi titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-BPN jekk il-livelli tad-depożiti tiegħu jinżlu taħt il-EUR […] biljun;

    viii.

    għaż-żamma ta’ linja ta’ kreditu ta’ EUR [150-500] miljun mal-CGD sal-[> 2013] għall-programm ta’ karti kummerċjali li għaddej bħalissa b’garanzija Statali għal tliet snin iżda b’impenn min-naħa tal-CGD li ma jitlobx għall-ħlas tas-selfa qabel […];

    ix.

    għaż-żamma ta’ madwar nofs l-impjegati tal-BPN (mill-inqas 750 minn bejn wieħed u ieħor 1 600 impjegat). L-Istat ikopri l-ispiża totali tal-għeluq tal-fergħat li ma jeħodhomx f’idejh il-BIC u tal-ħlas ta’ kumpens lill-imġjegati li se jingħataw is-sensja jew lill-impjegati li jinbidlilhom il-post tax-xogħol.

    x.

    għat-trasferiment lill-Istat tal-ispejjeż marbutin mar-riskji ta’ litigazzjoni;

    xi.

    għal prezz tal-akkwist ta’ EUR 40 miljun li jridu jitħallsu mill-BIC;

    xii.

    għal klawżola dwar il-prezz li tirrigwarda l-qsim mal-Istat ta’ 20 % tal-profitti netti (wara t-taxxa) għall-introjtu li se jiġi ġġenerat mill-BPN fil-ħames snin li ġejjin, fil-każ li dan l-introjtu jaqbeż, b’mod kumulattiv, is-EUR 60 miljun;

    xiii.

    għall-impenn, min-naħa tal-BIC, li ma jħallasx dividendi, jew xi benefiċċji ekwivalenti, lill-azzjonisti b’rabta mal-BPN għal perjodu ta’ ħames snin.

    (57)

    Skont il-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni ta’ Jannar tal-2012, l-entità magħquda li tirriżulta mill-bejgħ tal-BNP lill-BIC (“l-entità magħquda”) se tkun f'qagħda li tagħmel il-profitt wara […] snin kemm f’xenarju ta’ referenza kif ukoll f’wieħed inqas favorevoli. Għalhekk, huwa stmat li l-proporzjon tal-kapital tal-qalba tal-ewwel grad tal-entità magħquda se jaqa’ minn [10-15]% tal-assi peżati għar-riskji (APR) tal-entità magħquda wara l-ewwel sena għal […]% wara l-ħames sena. Il-waqgħa mbassra tkun ikkaġunata mir-riżultati negattivi tal-ewwel snin flimkien mar-ristrutturazzjoni li jrid jagħmel il-BIC u ż-żieda fl-attività tal-bank biex jiġi rridimensjonat bil-għan li jerġa' jsir vijabbli billi jingħata aktar self lill-ekonomija. Ir-ristrutturazzjoni se tinkludi investimenti fl-aġenziji tal-bank u f’kif jidher f’għajnejn in-nies, kif ukoll fl-integrazzjoni tal-proċessi, il-proċeduri u l-organizzazzjoni, u fit-teknoloġija tal-informatika. Huwa mistenni li r-redditu fuq l-ekwità se jikber minn – [1-5]% fl-ewwel sena għal + [1-5]% fil-ħames sena, filwaqt li r-redditu fuq l-assi jikber minn – [0-2]% fl-ewwel sena għal + [0-2]% fil-ħames sena.

    (58)

    F’xenarju inqas favorevoli, ikkaratterizzat minn livell ogħla ta’ selfiet mhux produttivi u minn spejjeż ogħla għall-finanzjament, il-proporzjon tal-kapital tal-qalba tal-ewwel grad mistenni jinżel għal [8-12]% fil-ħames sena, minn [10-15]% fi tmiem l-ewwel sena.

    (59)

    Fl-aħħar nett, fil-15 ta’ Frar tal-2012 l-Istat Portugiż injetta kapital ta’ EUR 600 miljun fil-BPN (36).

    3.   Raġunijiet biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali

    (60)

    Fid-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru tal-2011, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar jekk:

    il-BPN, bħala entità magħquda flimkien max-xerrej, kienx vijabbli;

    l-għajnuna mogħtija lill-BPN kinitx limitata għall-minimu u jekk il-bejgħ lill-BIC kienx l-inqas għażla għalja meta mqabbla ma’ xenarju ta’ likwidazzjoni;

    il-miżuri li jillimitaw it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni kinux biżżejjed; u jekk

    il-proċess tal-bejgħ kienx jinvolvi għajnuna lix-xerrej.

    4.   L-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati

    (61)

    Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda osservazzjonijiet mingħand partijiet terzi.

    5.   Il-pożizzjoni tal-Istat Portugiż

    5.1   Il-pożizzjoni tal-Istat Portugiż dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ

    (62)

    L-awtoritajiet Portugiżi jgħidu li l-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni ta’ Jannar tal-2012 jikkonforma mal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni. Barra minn dak il-pjan, permezz tal-ittra tal-20 ta’ Jannar tal-2012 l-awtoritajiet Portugiżi ppreżentaw ukoll għadd ta’ osservazzjonijiet dwar id-Deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru tal-2011.

    (63)

    L-awtoritajiet Portugiżi huma tal-fehma li tliet tipi ta’ miżuri li ttieħdu favur il-BPN ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

    (64)

    L-ewwel nett, il-Portugall jgħid li m’hemm l-ebda għajnuna fil-miżuri ta’ sostenn li ngħataw lill-BPN qabel in-nazzjonalizzazzjoni, jiġifieri l-ALE u l-erba’ selfiet mogħtijin mill-CGD f’Ottubru tal-2008. Il-Portugall iġib l-argument li l-ALE ngħatat mill-BdP b’manjiera indipendenti, b’rata ta’ mgħax iebsa ħafna u b’garanzija fornita mill-BPN. Is-selfiet li nħarġu mill-CGD f’Ottubru tal-2008 ngħataw bil-kundizzjonijiet tas-suq, b’rata ta’ mgħax kompetittiva u bil-garanziji xerqin, u għalhekk ma taw l-ebda vantaġġ lill-BPN.

    (65)

    It-tieni nett, il-Portugall jiċħad li kienet involuta għajnuna mill-Istat fil-finanzjament li ngħata mill-CGD lill-BPN wara li dan ġie nnazzjonalizzat (operazzjonijiet interbankarji tas-suq monetarju u sottoskrizzjoni ta’ karta kummerċjali mill-CGD). Il-Portugall jgħid li dawn kienu tranżazzjonijiet kummerċjali li t-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom kienu ekwivalenti għal tranżazzjonijiet paragunabbli mwettqin minn investituri prudenti f’ekonomija tas-suq. Għalhekk, ma taw l-ebda vantaġġ ekonomiku lill-BPN.

    (66)

    Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Portugiżi huma tal-fehma wkoll li ma ngħatat l-ebda għajnuna mill-Istat lill-BIC bħala xerrej tal-BPN. L-awtoritajiet Portugiżi jġibu l-argument li l-proċess tal-bejgħ kien trasparenti, oġġettiv u mhux diskriminatorju. Globalment, il-proposta tal-BIC kienet l-aħjar waħda f’termini ekonomiċi u għalhekk għandha titqies bħala li tirrifletti l-prezz tas-suq. Il-Ftehim Qafas li ġie ffirmat fid-9 ta’ Diċembru tal-2011 kien jirrifletti, fil-biċċa l-kbira tiegħu, il-kundizzjonijiet tal-offerta li l-BIC għamel fl-20 ta’ Lulju tal-2011. L-awtoritajiet Portugiżi huma tal-fehma wkoll li minkejja li l-prezz tal-bejgħ kien negattiv, l-unika alternattiva għall-bejgħ (li l-BPN jiġi llikwidat) kienet tobbliga lill-Istat iġorr piż finanzjarju itqal u kienet thedded lill-istabbiltà tas-sistema finanzjarja nazzjonali.

    (67)

    Fl-istess ħin, il-Portugall jirrikonoxxi l-fatt li xi miżuri li ttieħdu favur il-BPN jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Dawn huma l-garanzija Statali fuq il-karta kummerċjali maħruġa mill-BPN, it-trasferiment ta’ assi magħżulin għal ġol-SPVs fl-2010, il-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-BPN li saret fil-15 ta’ Frar tal-2012 minħabba l-bejgħ, u wħud mill-miżuri li ttieħdu fil-kuntest tal-pjan tal-bejgħ lill-BIC (bħall-garanzija Statali fuq il-programm tal-karta kummerċjali, li se tibqa’ hemm wara l-bejgħ).

    (68)

    Barra minn hekk, il-Portugall iġib l-argument li l-miżuri kollha li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat huma kompatibbli mal-liġi tal-UE, minħabba li jindirizzaw tfixkil serju fl-ekonomija Portugiża skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat.

    (69)

    Skont il-Portugall, il-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni ta’ Jannar tal-2012 jippermetti lill-BPN jistabbilixxi mill-ġdid il-vijabbiltà tiegħu għal medda twila ta’ żmien mingħajr ma jkun jeħtieġ aktar għajnuna. L-ewwel ħaġa, l-Istat irristruttura lill-BPN permezz tas-separazzjoni tal-assi u tat-trasferiment ta’ xi assi għal ġol-SPVs, u permezz tat-tnaqqis b’iktar minn 50 % tal-preżenza tiegħu fis-suq u t-twaqqif tal-attivitajiet li ma kinux jikkostitwixxu l-qalba tal-bank b’servizzi għall-konsumatur, kif ukoll permezz ta’ miżuri differenti ta’ kontroll tar-riskju u linja politika kummerċjali prudenti. It-tieni, skont it-tbassir tal-BIC, meta l-BPN jiġi integrat fil-BIC l-entità magħquda għandu jkollha riżultati pożittivi […] il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, kemm f'xenarju ta’ referenza kif ukoll f’wieħed inqas favorevoli. It-tielet, il-prezz negattiv tal-bejgħ huwa aċċettabbli għax il-likwidazzjoni lill-Istat tiġi tiswih aktar u thedded l-istabbiltà finanzjarja.

    (70)

    Il-Portugall huwa tal-fehma li l-miżuri huma limitati għall-minimu neċessarju biex tiġi ggarantita l-istabbiltà tas-settur finanzjarju Portugiż u biex il-BPN jerġa' jsir vijabbli.

    (71)

    Jgħid ukoll li x-xenarju tal-bejgħ kien l-unika alternattiva għax-xenarju tal-likwidazzjoni, li kien jiġi jiswa aktar flus. Possibbiltajiet oħrajn (l-integrazzjoni fil-CGD u r-ristrutturazzjoni waħedha) ma jħallux li jiġu ġġenerati biżżejjed riżorsi f’termini ta’ valur preżenti nett biex jikkumpensaw għall-investiment li jkollu jsir fil-bidu. Il-Portugall jistma li l-ispiża tal-bejgħ lill-BIC hija madwar bejn EUR […] miljun u […] miljun (bla ma wieħed iqis ukoll l-impatt li jistgħu jħallu xi kontinġenzi futuri, li l-Portugall huwa tal-fehma li mhux se jseħħu), li huwa inqas mill-ispiża tal-likwidazzjoni mwettqa f’għadd ta’ xenarji differenti.

    (72)

    Barra minn hekk, skont il-Portugall, il-likwidità li ngħatat lill-BPN permezz tal-garanzija fuq il-ħruġ ta' karta kummerċjali mill-BPN wara n-nazzjonalizzazzjoni kien meħtieġ biex jiġi żgurat li l-bank jibqa' għaddej bl-attività tiegħu waqt ir-ristrutturazzjoni.

    (73)

    Rigward l-għażla tal-assi li ġew ittrasferiti għal ġol-SPVs, il-Portugall huwa tal-fehma li din saret fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi bil-għan li tiġi inkuraġġita l-vijabbilta tal-BPN għal medda twila ta' żmien u li jitqanqal fost ix-xerrejja potenzjali interess fil-proċess tal-privatizzazzjoni mill-ġdid. Il-Portugall iġib ukoll l-argument li t-trasferimenti addizzjonali ta’ assi fil-kuntest tal-bejgħ lill-BIC huma adegwati biex jiggarantixxu l-vijabbiltà tal-BPN fil-futur u huma limitati għall-minimu neċessarju sabiex ikun jista’ jsir il-bejgħ.

    (74)

    Il-Portugall jafferma li ż-żieda fil-kapital tal-BPN, li seħħet fil-15 ta’ Frar tal-2012, hija maħsuba biex jiġi żgurat li l-BPN ma jispiċċax b’defiċit ta’ kapital fil-perjodu kopert mill-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni ta’ Jannar tal-2012. Skont il-projezzjonijiet tal-pjan għall-kapital tal-qalba tal-ewwel grad, dak il-proporzjon mistenni jonqos għal [10-15]% fl-2016 fix-xenarju ta’ referenza u għal [8-12]% f’xenarju inqas favorevoli, meta mqabbel mal-livell obbligatorju minimu ta’ 10 % li se jkun fis-seħħ minn tmiem l-2012 ’il quddiem. Il-Portugall jgħid ukoll li l-kundizzjonijiet tal-bejgħ offruti lill-BIC fi proċess ta’ bejgħ miftuħ u trasparenti mingħajr prezz minimu huma l-inqas li kienu neċessarji biex jiġi żgurat li l-BPN ikun vijabbli fil-futur, minħabba li l-likwidazzjoni lill-Istat tkun tiswieh aktar u tista’ thedded lill-istabbiltà finanzjarja.

    (75)

    Il-Portugall jgħid ukoll li kemm l-azzjonisti ta’ qabel tal-BPN kif ukoll il-BPN innifsu qasmu, jew se jaqsmu, bejniethom suffiċjentement l-ispejjeż tal-proċess ta’ ristrutturazzjoni, u b’hekk se jiżguraw li l-piż jinqasam b’mod adegwat. L-azzjonisti ta’ qabel tal-BPN ma ħadu l-ebda kumpens b’riżultat tan-nazzjonalizzazzjoni u tilfu l-kapital kollu li kienu investew fil-bank.

    (76)

    Madanakollu, il-Portugall huwa tal-fehma li mhux xieraq li wieħed jesiġi li l-klijenti li kkontribwew debitu subordinat għall-BPN jieħdu sehem fil-qsim tal-piżijiet, minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-bejgħ ta’ dawk l-istrumenti […]. F’xi każijiet, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-prodotti ma jippermettux li l-BPN jirrifjuta li jħallas l-imgħax tal-klijenti biex jirrimborża l-kapital.

    (77)

    Skont il-Portugall, il-kontribut tal-BPN għall-proċess tar-ristrutturazzjoni huwa sinifikanti wkoll minħabba li l-amministrazzjoni tiegħu inbidlet wara n-nazzjonalizzazzjoni, il-linji politiċi tiegħu dwar il-kummerċ u dwar il-ġestjoni tar-riskji ġew immodifikati sostanzjalment, u l-attività tiegħu se tonqos b’aktar minn 50 %.

    (78)

    Il-Portugall jammetti li t-trasferiment ta’ assi għal ġol-SPVs bil-valur skont il-kotba seħħ b’valur ogħla mill-valur ekonomiku reali tal-assi, u mingħajr ma l-Istat irċieva xi rimunerazzjoni. Madanakollu, il-Portugall huwa tal-fehma li kontribut proprju mill-BPN huwa ggarantit permezz tan-nazzjonalizzazzjoni tal-bank mingħajr prezz, li warajha saret ristrutturazzjoni fil-fond. Il-Portugall jafferma li kwalunkwe vantaġġ li jista’ jikseb il-BPN mis-separazzjoni tal-assi u t-trasferiment tagħhom għal ġol-SPVs se jkun irkuprat parzjalment permezz tal-prezz għall-privatizzazzjoni mill-ġdid tal-bank, li kien l-ogħla li seta’ jkun. Il-Portugall huwa wkoll tal-fehma li l-garanzija Statali hija rrimunerata kif xieraq. Minkejja li r-rimunerazzjoni (0,2 % fis-sena) hija iktar baxxa minn dak li huwa mitlub għall-garanziji Statali (37), kwalunkwe dħul addizzjonali li jista’ jirċievi l-BPN (jew kwalunkwe nefqa li ma sseħħx) waqt il-proċess tar-ristrutturazzjoni jgawdi minnu l-Istat, li bħalissa għandu f’idejh l-ishma kollha kemm huma tal-BPN.

    (79)

    Għal dak li għandu x’jaqsam maż-żieda fil-kapital tal-BPN, li seħħet fil-15 ta' Frar tal-2012, il-Portugall jikkummenta li din mhix se tibdel l-istruttura tal-azzjonisti tal-bank u li l-kapital se jiġi rkuprat, għall-inqas parzjalment, permezz tal-bejgħ tal-BPN, minħabba li dan jikkontribwixxi biex tiġi evitata l-ispiża saħansitra ogħla tal-likwidazzjoni.

    (80)

    Il-Portugall huwa tal-fehma wkoll li l-miżuri li ġew adottati mill-Istat ma jgħawġux il-kompetizzjoni. Il-Portugall josserva li l-entità magħquda se jkollha sehem mis-suq ta’ inqas minn 1 % ([0-1]% tas-sehem mis-suq fis-settur bankarju, li jiġi fl-14-il post f’termini ta’ self lill-klijenti u fil-15-il post f’termini ta’ depożiti). Barra minn dan, il-miżuri x’aktarx ma jkollhomx impatt negattiv fuq id-dħul ta’ banek barranin fis-suq nazzjonali, kif jidher ċar mill-fatt li l-BIC innifsu huwa f’idejn grupp finanzjarju Angolan. Il-Portugall huwa wkoll tal-fehma li m’hemm l-ebda riskju morali minħabba li l-bank ġie nnazzjonalizzat, l-amministrazzjoni tiegħu tneħħiet, l-azzjonisti tiegħu ma ħadu l-ebda kumpens u l-bank għadda minn ristrutturazzjoni fil-fond.

    (81)

    Il-Portugall huwa tal-fehma wkoll li għadd ta’ miżuri li ttieħdu bħala parti mill-proċess ikunu adegwati u biżżejjed biex jillimitaw kwalunkwe tgħawwiġ li jista’ jkun hemm tal-kompetizzjoni. Il-BPN kellu preżenza iċken fis-suq qabel ma ġie nnazzjonalizzat (kien id-disa’ l-akbar bank fil-Portugall, b’ishma mis-suq ta’ bejn [1-5]% u [1-5]%, skont liema suq), ġie rristrutturat, filwaqt li l-preżenza tiegħu fis-suq iċċekknet b’aktar minn 50 % u l-attivitajiet tiegħu ġew iċċentrati mill-ġdid biex jiffukaw fuq is-servizzi bankarji għall-konsumatur. In-nazzjonalizzazzjoni saret mingħajr ma ġew ikkumpensati l-azzjonisti ta’ qabel, filwaqt li l-istrateġija kummerċjali u l-linja politika għall-kontroll tar-riskju tal-BPN inbidlu wara n-nazzjonalizzazzjoni.

    (82)

    L-awtoritajiet Portugiżi jġibu wkoll l-argument li l-proċess tal-bejgħ tal-BPN kien wieħed miftuħ u trasparenti. Fl-aħħar nett, il-BIC huwa pprojbit milli jqassam dividendi sal-2016, u dan sabiex jiġi żgurat li l-bank ikun vijabbli għal medda twila ta’ żmien. Il-ftehim dwar il-qsim tal-profitti bejn l-Istat u l-BIC għal riżultati li jaqbżu EUR […] jippermetti li l-Istat jirkupra parti mill-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni tal-bank. L-impenn tal-BIC li ma jirreferix għall-għajnuna Statali li rċieva fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu jiżgura, skont l-awtoritajiet Portugiżi, li l-għajnuna ma tintużax għad-detriment tal-kompetituri. Impenji oħra li jistgħu jittieħdu, u li huma previsti fil-gwida tal-Kummissjoni għar-ristrutturazzjoni tal-banek (bħal miżuri biex jiġi inkuraġġit il-ftuħ tas-suq, limiti tas-sehem mis-suq jew iċ-ċessjoni ta’ assi u attivitajiet addizzjonali) m’humiex xierqa fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tal-BPN.

    5.2   Impenji meħudin mill-Istat Portugiż

    (83)

    Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, l-awtoritajiet Portugiżi jimpenjaw ruħhom għal dan li ġej:

    Il-livell tal-kapital

    (84)

    Il-proporzjon tal-kapital tal-qalba tal-ewwel grad tal-BPN fid-data meta sar il-bejgħ lill-Banco BIC mhux se jkun ogħla minn [10-18]%.

    (85)

    Jekk il-Banco BIC jew l-entità magħquda jagħżlu li jittrasferixxu selfiet lill-Istat jew lil xi entità kkontrollata mill-Istat wara l-bejgħ, ikollhom jagħtu lura lill-Istat il-kapital assoċjat ma’ dawk is-selfiet, u dan ikun jammonta għal [10-18]% tal-assi ppeżati għar-riskju tas-selfiet.

    Selfiet mhux produttivi

    (86)

    Il-Banco BIC u l-entità magħquda mhux se jkunu intitolati jittrasferixxu selfiet mhux produttivi lill-Istat jew lil xi entità kkontrollata mill-Istat wara [> 2013].

    (87)

    Il-Banco BIC jew l-entità magħquda jistgħu jittrasferixxu selfiet mhux produttivi lill-Istat jew lil xi entità kkontrollata mill-Istat bil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu (84) aktar ’il fuq biss wara li jkunu eżawrixxew għal kollox il-proviżjonament disponibbli fil-kontijiet tal-BPN fid-data tal-bejgħ.

    Linji ta’ likwidità

    (88)

    Il-linja eżistenti ta’ kreditu għal EUR [150-500] miljun stabbilita fil-Ftehim Qafas b’rabta mal-programm ta’ karti kummerċjali tal-BPN u ggarantita mill-Istat, mhix se tiġi estiża wara […] snin mid-data tal-bejgħ.

    (89)

    Ir-rimunerazzjoni tal-linja ta’ likwidità ta’ EUR [200-400] miljun li se tingħata mill-CGD lill-Banco BIC jew lill-entità magħquda se tiġi ffissata, bħala minimu, bir-rata Euribor + […] punti bażi.

    (90)

    Sal-31 ta’ Diċembru tal-2016, il-Portugall irid jitlob għall-approvazzjoni minn qabel ta’ kwalunkwe għoti ta’ linji ta’ kreditu jew garanziji mill-CGD jew mill-Istat favur il-Banco BIC jew l-entità magħquda wara l-bejgħ.

    Projbizzjoni fuq l-akkwisti

    (91)

    Sal-31 ta’ Diċembru tal-2016 il-Banco BIC u l-entità magħquda m’huma se jagħmlu l-ebda akkwist f’impriżi, ħlief jekk il-prezz kumulattiv gross totali mħallas mill-Banco BIC u mill-entità magħquda għall-akkwisti kollha matul sena fiskali jkun inqas minn […] miljun. Il-prezz kumulattiv gross totali ta’ kwalunkwe akkwist bħal dan se jiġi kkalkulat mingħajr ma jiġu inklużi t-teħid jew it-trasferiment tad-dejn b'rabta ma' tali akkwisti.

    Dejn subordinat

    (92)

    Sal-31 ta’ Diċembru tal-2016 il-Banco BIC, l-entità magħquda u l-Portugall mhuma se jeżerċitaw l-ebda drittijiet ta’ opzjoni eżerċitabbli b’rabta ma’ dejn subordinat maħruġ mill-BPN qabel id-data tal-bejgħ.

    L-immarkitjar

    (93)

    Il-Banco BIC jew l-entità magħquda mhumiex se jirreferu għall-użu tal-għajnuna mill-Istat fil-kampanji ta’ mmarkitjar tagħhom u fil-komunikazzjonijiet li jibagħtu lill-investituri.

    6.   Valutazzjoni

    6.1.   L-eżistenza tal-għajnuna

    (94)

    L-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat membru jew permezz tar-risorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li tkun tgħawweġ, jew thedded li tgħawweġ, il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti tkun, sal-punt li tkun taffettwa lill-kummerċ bejn l-Istati membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern. Għalhekk, miżura Statali tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat jekk tkun tissodisfa l-erba’ kriterji (kumulattivi) li ġejjin:

    riżorsi tal-Istat;

    vantaġġ selettiv;

    effett ta’ tgħawwiġ fuq il-kompetizzjoni, u

    effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    6.1.1.   Miżuri favur il-BPN u favur l-attività ekonomika wara l-bejgħ

    6.1.1.1   Miżuri li ngħataw qabel in-nazzjonalizzazzjoni

    (95)

    Il-Portugall iġib l-argument li l-miżuri li ttieħdu favur il-BPN qabel in-nazzjonalizzazzjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Il-miżuri jikkonsistu mill-ALE u mill-erba’ selfiet mogħtijin mill-CGD qabel in-nazzjonalizzazzjoni tal-BPN f’Ottubru u f’Novembru tal-2008.

    L-ALE

    (96)

    Rigward l-ALE, kif irrimarkaw l-awtoritajiet Portugiżi fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru tal-2011, id-deċiżjoni dwar l-appoġġ ta’ emerġenza permezz tal-likwidità li ngħata lill-BPN qabel in-nazzjonalizzazzjoni ttieħdet indipendentement mill-BdP, b’rata ta’ mgħax ta’ penalizzazzjoni u bis-sostenn ta’ garanziji pprovduti mill-BPN, mingħajr garanzija Statali.

    (97)

    Fil-mument meta ngħatat il-faċilità tal-ALE (is-17 u s-27 ta’ Ottubru tal-2008), ma kienet ittieħdet l-ebda deċiżjoni rigward is-solvenza u n-nazzjonalizzazzjoni tal-BPN (minħabba li dawk id-deċiżjonijiet ma ttiħdux qabel il-bidu ta' Novembru tal-2008). L-ALE ma kinitx parti minn pakkett ikbar ta’ għajnuna, iżda kienet pjuttost offerta ta’ likwidità bħala parti mill-attivitajiet normali tal-BdP.

    (98)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li, skont it-termini tal-Komunikazzjoni dwar is-Servizzi Bankarji, ma kien hemm l-ebda għajnuna mill-Istat fil-provvediment tal-ALE min-naħa tal-BdP lill-BPN. (38).

    Is-selfiet li ngħataw mill-CGD

    Riżorsi tal-Istat

    (99)

    Rigward is-selfiet li nħarġu mill-CGD, il-Kummissjoni tinnota li qabel in-nazzjonalizzazzjoni tal-BPN, il-bank irċieva mingħand il-CGD selfiet għal total ta' EUR 315-il miljun u mhux ta’ EUR 235 miljun (39).

    (100)

    Il-Kummissjoni tfakkar li l-CDG huwa kollu kemm hu proprjetà tal-Istat, li jaħtar lill-membri tal-bord tat-tmexxija tiegħu. Sabiex jiġi stabbilit jekk is-selfiet humiex imputabbli lill-Istat, jeħtieġ li jiġu vvalutati ċ-ċirkustanzi speċifiċi li ngħataw fihom bil-għan li jinstab jekk il-CDG aġixxiex għal raġunijiet li jitbiegħdu mill-prattika kummerċjali normali. Għal dan il-għan, il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin huma rilevanti:

    (101)

    L-ewwel nett, fil-mument meta ngħataw l-ewwel tliet selfiet f’Ottubru tal-2008, id-diffikultajiet tal-BPN kienu diġà magħrufin sew. Skont l-awtoritajiet Portugiżi, il-BPN kien ilu mis-sajf tal-2008 jħabbat wiċċu ma’ problemi ta’ likwidità, kif jixhdu l-bidliet sinifikanti li saru fil-karigi ta’ fuq nett tat-tmexxija tiegħu (li nbidlu darbtejn mill-bidu tal-2008 ’l hawn), l-eżerċizzji ta’ awditjar tal-BPN li saru mill-BdP f’Ġunju u t-tbaxxija tal-BPN mill-Moody’s għal Baa3 fit-18 ta’ Lulju tal-2008. Barra minn dan, it-tieni, it-tielet u r-raba’ selfa ngħataw wara t-22 ta’ Ottubru tal-2008, id-data sa meta, skont l-awtoritajiet Portugiżi, il-BPN kien f’pożizzjoni gravi ta’ likwidità negattiva. Kwalunkwe sellief li jimxi skont il-prattika kummerċjali normali kien jitlob mingħand il-BPN l-informazzjoni neċessarja sabiex jifhem il-qagħda tal-likwidità tiegħu u kemm hu kapaċi jħallas lura qabel ma jikkonċedilu selfa oħra, u b’hekk kien isir jaf bil-qagħda finanzjarja prekarja tal-BPN.

    (102)

    It-tieni nett, l-ammonti tas-selfiet kienu sinifikanti ħafna meta mqabblin mad-daqs tal-karta tal-bilanċ u mal-obbligazzjonijiet tal-BPN f’dak iż-żmien, u għall-CGD kienu jikkostitwixxu, skopertura individwali sinifikanti għal bank f'diffikultà.

    (103)

    It-tielet nett, is-selfiet ngħataw f’Ottubru u f’Novembru tal-2008, eżatt wara l-falliment tal-Lehman Brothers, fi żmien meta s-swieq interbankarji kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom inaċċessibbli anki għall-aktar istituzzjonijiet finanzjarji felħana, aħseb u ara għal banek li kienu qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi sinifikanti ta’ likwidità.

    (104)

    Ir-raba’ nett, rigward ir-raba’ selfa, il-Kummissjoni tinnota li l-CGD ma kienx qiegħed sempliċiment jamministra lill-BPN fl-interessi tal-Istat skont l-Artikolu 2(7) tal-Liġi tan-Nazzjonalizzazzjoni, iżda kiseb ukoll garanzija Statali skont l-Artikolu 2(9) tal-Liġi tan-Nazzjonalizzazzjoni fir-rigward tal-kreditu u tal-likwidità kollha li seta’ jagħti lill-BPN fil-kuntest tan-nazzjonalizzazzjoni u “minflok l-Istat”.

    (105)

    Meta wieħed iqis il-qagħda finanzjarja u ekonomika inġenerali, u b’mod partikulari d-diffikultajiet magħrufin sew tal-BPN, kien ikun improbabbli ħafna li istituzzjoni oħra kienet tipprovdi l-likwidità inkwistjoni lill-BPN, u dan jispjega għaliex l-awtoritajiet Portugiżi qiesu l-miżuri ta’ likwidità favur il-CGD bħala miżuri ta’ natura “speċjali” (ara l-paragrafu (24)).

    (106)

    Fuq il-bażi ta’ kull waħda minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-deċiżjoni tal-CGD li tagħti s-selfiet rilevanti lill-BPN qabel ma ġie nnazzjonalizzat ma kinitx deċiżjoni kummerċjali normali. Id-deċiżjoni biex dan isir trid titqies bħala waħda imputabbli direttament lill-Istat. Għaldaqstant, is-selfiet jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat.

    Vantaġġ

    (107)

    Minħabba li s-selfiet ippermettew lill-BPN jikseb likwidità li f’ċirkustanzi oħrajn ma kienx jikseb fis-suq, dawn ipprovdew lill-BPN bil-likwidità li kellu bżonn biex jibqa’ għaddej u jikkompeti, inter alia, għal selfiet u depożiti fis-swieq bankarji fi kien attiv fihom.

    (108)

    Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-BPN kiseb vantaġġ ekonomiku.

    Selettività

    (109)

    Il-miżuri kkonċernati huma selettivi għax minnhom gawda biss il-BPN.

    It-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

    (110)

    Minkejja l-kumment tal-Portugall fis-sens li, qabel ma ġie nnazzjonalizzat, il-BPN kien ikklassifikat biss bħala d-disa’ bank fis-settur bankarju Portugiż, is-selfiet li nħarġu mill-CGD għawġu jew heddew li jgħawġu l-kompetizzjoni billi poġġew lill-BPN f’pożizzjoni vantaġġjuża vis-à-vis l-banek l-oħrajn li kien qed jikkompeti magħhom, u dan ippermettielu jikseb likwidità li, f’ċirkustanzi differenti, ma kienx jikseb mis-suq.

    (111)

    Minħabba li, fil-mument meta nħarġu s-selfiet, il-BPN kien attiv fil-livell nazzjonali, f’dak Ewropew u f’dak internazzjonali, inkluż ngħidu aħna permezz tas-sussidjarja Franċiża tiegħu, il-miżuri heddew ukoll li jolqtu lill-kummerċ bejn l-Istati membri.

    Konklużjoni

    (112)

    Il-Kummissjoni, għalhekk, hija tal-fehma li l-erba’ selfiet, li b’kollox jagħmlu total ta' EUR 315-il miljun, li nħarġu mill-CGD lill-BPN f’Ottubru u f’Novembru tal-2008 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

    6.1.1.2.   Miżuri li ngħataw wara n-nazzjonalizzazzjoni, li mhumiex marbutin speċifikament mal-bejgħ lill-BIC

    (113)

    Il-Kummissjoni diġà stabbilixxiet, fid-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru tal-2011, li n-nazzjonalizzazzjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat favur l-azzjonisti tal-BPN.

    (114)

    Il-miżuri li ġejjin, li ma kinux marbutin speċifikament mal-bejgħ lill-BIC, ngħataw wara n-nazzjonalizzazzjoni tal-BPN.

    (a)

    il-garanzija Statali fuq l-obbligazzjonijiet maħruġin mill-BPN u ffinanzjati mill-CGD, inklużi kemm il-ħruġ ta’ karta kummerċjali sottoskritta mill-CGD kif ukoll l-użu ta’ faċilitajiet ta’ kreditu tas-suq monetarju pprovduti mill-CGD;

    (b)

    it-trasferiment ta’ assi u obbligazzjonijiet għal ġot-tliet SPVs proprjetà tal-Istat.

    Il-garanzija Statali fuq l-obbligazzjonijiet maħruġin mill-BPN

    Riżorsi tal-Istat

    (115)

    Il-garanzija Statali fuq il-karta kummerċjali maħruġa mill-BPN (u mill-SPVs) u sottoskritta mill-CGD, li ngħatat lill-BPN wara n-nazzjonalizzazzjoni, ġiet iffinanzjata direttament mill-Istat Membru. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(9) tal-Liġi tan-Nazzjonalizzazzjoni, kwalunkwe linji ta’ kreditu jew ta’ likwidità offruti mill-CGD lill-BPN (u lill-SPVs) fil-kuntest tan-nazzjonalizzazzjoni kellhom jiġu ggarantiti mill-Istat Portugiż. Għalhekk, huwa innegabbli li l-finanzjament kollu li ġie pprovdut mill-CGD lill-BPN (jew lill-SPVs) wara n-nazzjonalizzazzjoni jinvolvi r-riżorsi Statali.

    (116)

    Barra minn hekk, ta’ min jenfasizza l-fatt li wara n-nazzjonalizzazzjoni l-CGD kien l-unika entità li kienet qed tipprovdi l-finanzjament lill-BPN jew lill-SPVs, u li l-iskopertura tiegħu żdiedet maż-żmien hekk kif obbligazzjonijiet oħrajn immaturaw u ma ġewx imġeddin mis-selliefa oriġinali jew mibdulin permezz ta’ self min-naħa ta’ istituzzjonijiet oħrajn. In-nuqqas ta’ għejun alternattivi ta’ finanzjament għall-BPN mhux sorpriża, meta wieħed iqis li kulħadd kien jaf bid-diffikultajiet finanzjarji u bil-ġejjieni prekarju tiegħu.

    Vantaġġ

    (117)

    Il-garanziji Statali ppermettew lill-BPN jikseb sostenn finanzjarju f’sitwazzjoni fejn ma kellux alternattivi fis-suq.

    (118)

    Huma ppermettew lill-BPN jibqa’ attiv fis-suq bħala kompetitur (mhux biss biex iżomm l-attivitajiet li diġà kellu iżda wkoll biex jipprova jidħol f’oħrajn ġodda), kif ukoll jissodisfa l-obbligi tiegħu lejn il-klijenti u lejn parteċipanti oħrajn fis-suq.

    (119)

    Fuq il-bażi ta’ dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-garanziji Statali jagħtu vantaġġ ekonomiku lill-BPN.

    Selettività

    (120)

    Il-miżuri kkonċernati huma selettivi għax minnhom tgawdi entità speċifika: il-BPN. Barra minn hekk, fil-każ tal-parti tal-linja ta’ likwidità li tibqa’ sejra wara l-bejgħ, tgawdi minnhom ukoll l-entità magħquda.

    It-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

    (121)

    Minħabba l-pożizzjoni tal-BPN fis-settur finanzjarju Portugiż u minħabba l-fatt li s-settur finanzjarju huwa miftuħ għal kompetizzjoni intensa fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll minħabba l-fatt li l-BPN qed jikkompeti ma’ għadd sinifikanti ta’ sussidjarji ta’ banek barranin fil-Portugall, il-Kummissjoni hija tal-fehma li kwalunkwe vantaġġ mogħti mir-riżorsi tal-Istat ikollu l-potenzjal li jolqot lill-kummerċ bejn l-Istati membri tal-Unjoni u li jgħawweġ il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    Konklużjoni

    (122)

    Il-garanziji Statali favur il-BPN ippermettew lill-BPN jirċievi ammont kbir ta’ finanzjament li ma kienx disponibbli fis-suq u pprovdew lill-BPN b’vantaġġ selettiv. Dawn il-garanziji ppermettew lill-BPN jibqa’ fis-suq u jibqa’ għaddej bl-attivitajiet tiegħu mingħajr aktar kontaminazzjoni mill-qagħda li kien fiha qabel. Dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

    It-trasferiment ta’ assi għal ġol-SPVs

    Riżorsi tal-Istat

    (123)

    It-trasferiment ta’ ċerti assi mill-BPN għal ġol-SPVs, li huma totalment proprjetà tal-Istat, ifisser li l-Istat membru għandu fuq spallejh ir-responsabbiltà finanzjarja kollha għalihom u jieħu r-riskji kollha għall-assi li hemm fl-SPVs, li mill-inqas ftit minnhom jistgħu ma jiġux irkuprati. Għalhekk, il-miżura tinvolvi r-riżorsi Statali.

    Vantaġġ

    (124)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-trasferiment tal-assi għal ġol-SPVs qabel il-bejgħ, bil-valur skont il-kotba ta’ EUR 3.9 biljun (bl-indebolimenti stmati bħala EUR 1.8 biljun) jinvolvi vantaġġ lill-BPN minħabba li ma kienx hemm trasparenza ex ante, l-assi ma ġewx ivvalutati skont il-prezz tas-suq, u l-Istat ma ġiex irrimunerat fl-ambitu tat-trasferiment.

    (125)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-trasferiment tal-assi skont il-valur tal-kotba u mhux skont il-valur tas-suq jagħti vantaġġ ekonomiku lill-BPN kontra l-kompetituri tiegħu.

    Selettività

    (126)

    Il-miżuri kkonċernati huma selettivi għax minnhom tgawdi entità speċifika: il-BPN.

    It-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

    (127)

    Minħabba l-pożizzjoni tal-BPN fis-settur finanzjarju Portugiż u minħabba l-fatt li s-settur finanzjarju huwa miftuħ għal kompetizzjoni intensa fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll minħabba l-fatt li l-BPN qed jikkompeti ma’ għadd sinifikanti ta’ sussidjarji ta’ banek barranin fil-Portugall, il-Kummissjoni hija tal-fehma li kwalunkwe vantaġġ mogħti mir-riżorsi tal-Istat ikollu l-potenzjal li jolqot lill-kummerċ bejn l-Istati membri tal-Unjoni u li jgħawweġ il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    6.1.1.3.   Miżuri li ngħataw wara n-nazzjonalizzazzjoni, li huma marbutin mal-bejgħ lill-BIC

    (128)

    Minbarra l-miżuri li ttieħdu favur il-BPN wara n-nazzjonalizzazzjoni, li ma kellhomx rabta mal-bejgħ lill-BIC, ittieħdu wkoll miżuri oħrajn b’rabta mal-bejgħ lill-BIC. Dawn jinkludu:

    a)

    il-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-BPN bil-ħsieb li jinbiegħ;

    b)

    it-trasferiment ta’ aktar assi u obbligazzjonijiet lill-BPN b’rabta mal-bejgħ;

    c)

    id-dritt tal-BIC li, wara l-bejgħ, jittrasferixxi s-selfiet mhux produttivi lill-Istat;

    d)

    it-trasferiment lill-Istat, fil-kuntest tal-bejgħ, tal-ispejjeż marbutin mar-riskji ta' litigazzjoni; u

    e)

    l-għoti mill-CGD ta’ linja ta’ likwidità lill-entità magħquda wara l-bejgħ u ż-żamma, wara l-bejgħ, ta’ linja ta’ kreditu ta’ karta kummerċjali ggarantita mill-Istat, ta’ EUR [150-500] miljun.

    Il-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-BPN bil-ħsieb li jinbiegħ

    Riżorsi tal-Istat

    (129)

    Fil-15 ta’ Frar tal-2012 saret kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-BPN permezz ta’ EUR 600 miljun. Dik il-miżura twettqet direttament mill-Istat u permezz tar-riżorsi tal-Istat fil-kuntest tal-bejgħ lill-BIC.

    Vantaġġ

    (130)

    Il-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-BPN li saret fil-15 ta’ Frar tal-2012 permezz ta’ EUR 600 miljun ġiet ikkalibrata sabiex tipprovdi lill-BPN b’EUR [200-400] miljun ta’ kapital ta’ ekwità fil-mument tal-bejgħ. Fil-mument meta saret l-offerta tal-BIC, fl-20 ta' Lulju tal-2011, dan l-aħħar ammont kien jikkorrispondi għas-somma stmata ta' [10-18]% tal-kapital tal-qalba tal-ewwel grad. Dan huwa sinfikattivament ogħla mill-minimu regolatorju (9 % tal-kapital tal-qalba tal-ewwel grad fi tmiem l-2011 u 10 % tal-kapital tal-qalba tal-ewwel grad fi tmiem l-2012) (40).

    (131)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-injezzjoni ta’ kapital tagħti vantaġġ ekonomiku lill-BPN u lill-attività ekonomika wara l-bejgħ. Il-vantaġġ joħroġ mill-iżgurar li l-kapital meħtieġ biex jiġu ssodisfati u jinqabżu r-rekwiżiti regolatorji jkun disponibbli għall-BPN wara l-kapitalizzazzjoni mill-ġdid u li se jkun disponibbli wkoll għall-entità magħquda. Dak il-kapital jippermetti lill-BPN ikun attiv fis-swieq u jipprovdi kreditu ġdid, f’kuntest ekonomiku fejn kompetituri oħrajn iridu jnaqqsu l-attivitajiet tagħhom. Dan se jkun ukoll il-każ fir-rigward tal-entità magħquda.

    Selettività

    (132)

    Il-miżuri kkonċernati huma selettivi għax minnhom tgawdi biss entità speċifika: il-BPN u l-entità magħquda li se tkompli bl-attività ekonomika wara l-bejgħ.

    It-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

    (133)

    Il-Portugall jgħid li wara n-nazzjonalizzazzjoni l-BPN baqa’ jċekken is-sehem tiegħu mis-suq u li l-entita magħquda se jkollha sehem mis-suq ta’ inqas minn 1 % f’termini ta’ kreditu lill-klijenti, ta’ riżorsi tal-klijenti jew ta’ prodotti bankarji, u ta’ inqas minn 2 % fuq kwalunkwe wieħed mis-swieq rilevanti. Madanakollu, il-miżuri jgħawġu jew jheddu li jgħawġu l-kompetizzjoni minħabba li, wara l-bejgħ lill-BIC, ipoġġu lill-BPN u lill-entita magħquda f’pożizzjoni vantaġġjuża vis-à-vis banek oħrajn li jikkompetu magħhom. Il-kapital eċċessiv fl-entità magħquda jipproteġi lill-attività ekonomika minn riskji ta’ investiment li jaffrontaw kompetituri oħrajn. Barra minn hekk, ikabbar iċ-ċans tad-disponibbiltà ta’ aktar likwidità għaż-żewġ benefiċjarji, u dan jista’ jiffaċilita l-espansjoni futura mill-BPN u mill-entità magħquda f’kuntest ekonomiku fejn kompetituri oħrajn attivi fil-Portugall qed ikollhom inaqqsu l-operazzjonijiet tagħhom.

    (134)

    Minħabba l-pożizzjoni tal-BPN fis-settur finanzjarju Portugiż u minħabba l-fatt li s-settur finanzjarju huwa miftuħ għal kompetizzjoni intensa fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll minħabba l-fatt li l-BPN qed jikkompeti ma’ għadd sinifikanti ta’ sussidjarji ta’ banek barranin fil-Portugall, il-Kummissjoni hija tal-fehma li kwalunkwe vantaġġ mogħti mir-riżorsi tal-Istat ikollu l-potenzjal li jolqot lill-kummerċ bejn l-Istati membri tal-Unjoni u li jgħawweġ il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    Konklużjoni

    (135)

    Il-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-BPN permezz ta’ EUR 600 miljun, li saret fil-15 ta’ Frar tal-2012, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    It-trasferiment ta’ aktar assi u obbligazzjonijiet mill-BPN b’rabta mal-bejgħ

    (136)

    Il-miżuri li ttieħdu b’rabta mal-bejgħ lill-BIC jinkludu d-dritt tal-BIC li jitlob għat-trasferiment, qabel ma titlesta t-tranżazzjoni, ta’ assi u obbligazzjonijiet oħrajn tal-BPN, bħal selfiet lil istituzzjonijiet tal-kreditu, jew ta' assi fiżiċi u finanzjarji. Jinkludu wkoll id-dritt tal-BIC li jittrasferixxi depożiti bi pprezzar […] punti bażi aktar mir-rata rilevanti ta’ referenza jew li jirċievi mingħand l-Istat id-differenza f’rimunerazzjoni għal depożiti bħal dawn.

    Riżorsi tal-Istat

    (137)

    It-tneħħija, mill-BPN, ta’ ċerti selfiet u obbligazzjonijiet (inklużi depożiti) magħżulin mill-BIC hija ffinanzjata direttament mill-Istat membru. Kwalunkwe elementi mneħħijin mill-BPN se jiġu ttrasferiti bil-valur skont il-kotba għal ġol-SPVs, li huma totalment proprjetà tal-Istat membru, jew jiġri x’jiġri se jkunu taħt ir-responsabbiltà finanzjarja tiegħu. Għalhekk, l-Istat membru se jkollu fuq spallejh il-piż finanzjarju tal-ġestjoni ta’ dawk l-assi u obbligazzjonijiet, u ta’ x’se jsir minnhom. L-Istat membru jkollu wkoll jiffinanzja d-differenza bejn l-imgħax applikabbli fuq id-depożiti u l-limitu minimu tal-ipprezzar ta’ […] punti bażi aktar mir-rata referenzjarja.

    Vantaġġ

    (138)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-trasferiment ta’ assi u obbligazzjonijiet addizzjonali għal ġol-SPVs qabel il-bejgħ jinvolvi vantaġġ lill-BPN u lill-entità magħquda minħabba li ma kienx hemm trasparenza ex ante, l-assi ma ġewx ivvalutati skont il-prezz tas-suq, u l-Istat ma ġiex irrimunerat fl-ambitu tat-trasferiment.

    (139)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-trasferiment tal-assi skont il-valur tal-kotba u mhux skont il-valur tas-suq jagħti vantaġġ ekonomiku lill-BPN u lill-entità magħquda, kontra l-kompetituri tagħhom. Il-BIC jista’ jagħżel liberament l-assi li se jitneħħew skont il-kundizzjoni tal-Ftehim Qafas, u la huwa l-każ li dawk l-assi se jiġu vvalutati skont il-valur tas-suq u lanqas li l-Istat jiġi rrimburżat f’dan il-kuntest. Għall-kuntrarju, sal-punt li din il-possibbiltà tnaqqas l-APR tal-BPN, tkun twassal għal żieda tal-proporzjon tal-kapital tal-bank, u konsegwentement tal-kapaċità tiegħu li joffri selfiet ġodda u li jkun attiv fis-suq. Wara l-bejgħ, dak il-vantaġġ jiġi ttrasferit lill-entità magħquda.

    (140)

    Ir-rimunerazzjoni, mill-Istat, tad-differenza bejn l-imgħax applikabbli fuq id-depożiti u l-limitu minimu tal-ipprezzar ta’ […] punti bażi aktar mir-rata referenzjarja jwarrab spiża li l-BPN kien ikollu jġarrab f’ċirkustanzi normali, u għalhekk jagħtih vantaġġ.

    Selettività

    (141)

    Il-miżuri kkonċernati huma selettivi għax minnhom tgawdi entità speċifika – il-BPN – u l-attività ekonomika li se tibqa’ għaddejja wara l-bejgħ.

    It-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

    (142)

    Il-miżuri jgħawġu jew jheddu li jgħawġu l-kompetizzjoni minħabba li, wara l-bejgħ lill-BIC, ipoġġu lill-BPN u lill-entità magħquda f’pożizzjoni vantaġġjuża vis-à-vis banek oħrajn li jikkompetu magħhom billi ma jirrikjedux li jnaqqsu l-attivitajiet tagħhom, kif inhu l-każ fir-rigward tal-kompetituri, u billi jippermettu lill-BPN u lill-entità magħquda jagħtu aktar kreditu lill-ekonomija.

    (143)

    Minħabba l-pożizzjoni tal-BPN fis-settur finanzjarju Portugiż u minħabba l-fatt li s-settur finanzjarju huwa miftuħ għal kompetizzjoni intensa fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll minħabba l-fatt li l-BPN qed jikkompeti ma’ għadd sinifikanti ta’ sussidjarji ta’ banek barranin fil-Portugall, il-Kummissjoni hija tal-fehma li kwalunkwe vantaġġ mogħti mir-riżorsi tal-Istat ikollu l-potenzjal li jolqot lill-kummerċ bejn l-Istati membri tal-Unjoni u li jgħawweġ il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    Konklużjoni

    (144)

    It-trasferiment ta’ assi u obbligazzjonijiet oħrajn (inklużi depożiti) mill-karta tal-bilanċ tal-BPN għal ġol-SPVs qabel il-bejgħ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    Id-dritt tal-BIC li, wara l-bejgħ, jittrasferixxi s-selfiet mhux produttivi lill-Istat

    (145)

    Il-BIC għandu d-dritt li jbigħ lura, fi żmien […] xhur, selfiet li ma jkunux produttivi għal almenu […] jiem (sa massimu ta’ […]% tal-valur nominali tal-portafoll totali tas-self mill-BIC wara l-kumpens permezz ta’ depożiti eżistenti) u għall-ammont li jaqbeż il-livell ta’ proviżjonament (EUR […] miljuni).

    Riżorsi tal-Istat

    (146)

    Id-dritt tal-BIC li, wara l-bejgħ, ineħħi assi u obbligazzjonijiet oħrajn mill-karta tal-bilanċ huwa ffinanzjat direttament mill-Istat membru. Kwalunkwe elementi mneħħijin mill-BPN se jiġu ttrasferiti bil-valur skont il-kotba lill-SPVs, li huma totalment proprjetà tal-Istat membru, jew jiġri x’jiġri se jkunu taħt ir-responsabbiltà finanzjarja tiegħu. Għalhekk, l-Istat membru se jkollu fuq spallejh il-piż finanzjarju tal-ġestjoni ta’ dawk l-assi u obbligazzjonijiet u ta’ x’se jsir minnhom.

    Vantaġġ

    (147)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-possibbiltà tat-tneħħija, wara l-bejgħ, tas-selfiet mhux produttivi tippermetti lill-BPN u lill-entità magħquda jespandu l-attività tagħhom u jagħtu aktar kreditu f’kuntest ekonomiku fejn kompetituri oħrajn li huma attivi fil-Portugall iridu jnaqqsu l-operazzjonijiet tagħhom. Fil-fatt, kieku kellu jinżamm l-istess livell ta’ ekwità, il-proporzjon tal-kapital tal-bank jikber permezz tat-tneħħija tas-selfiet mhux produttivi u t-tneħħija tal-APR. Konsegwentement, tikber il-kapaċità tiegħu li joffri selfiet ġodda u li jkun attiv fis-suq.

    (148)

    L-entità magħquda se jkollha wkoll vantaġġ fuq il-kompetituri tagħha, li qed iħabbtu wiċċhom ma’ indebolimenti ta’ assi ta’ kwalità inferjuri li jridu jassorbu, u dan jillimitalhom il-kapital disponibbli għal selfiet ġodda. L-entità magħquda, għall-kuntrarju, mhux se jkollha l-bażi tal-kapital tagħha mċekkna kaġun ta’ indebolimenti bħal dawn u ta’ valur imnaqqas tal-portafoll tas-selfiet tagħha.

    (149)

    Barra minn hekk, il-possibbiltà li għandu l-BIC li jagħti lura s-selfiet mhux produttivi lill-Istat sa mhux aktar tard minn […] wara d-data tal-bejgħ tista’ tibdel l-APR tal-bank u twassal għal kapital tal-qalba tal-ewwel grad akbar mil-livell ta’ [10-18]% implikat fl-offerta li l-BIC għamel fl-20 ta’ Lulju tal-2011. Il-Kummissjoni tinnota l-impenn li ħa l-Portugall f’dan ir-rigward, li jekk il-Banco BIC jew l-entità magħquda jagħżlu li jittrasferixxu selfiet lill-Istat jew lil kwalunkwe entità kkontrollata mill-Istat wara l-bejgħ, ikollhom jagħtu lura lill-Istat il-kapital assoċjat ma’ dawk is-selfiet, u dan ikun jammonta għal [10-18]% tal-assi ppeżati għar-riskju tas-selfiet. Barra minn hekk, ikollhom jittrasferixxu s-selfiet mhux produttivi u jħallsu lura l-kapital assoċjat ma’ dawk is-selfiet lill-Istat, u dan mhux qabel ma jkunu eżawrixxew għal kollox il-proviżjonijiet li jkunu disponibbli fil-kontijiet tal-BPN fid-data tal-bejgħ.

    Selettività

    (150)

    Il-miżura kkonċernata hija selettiva għax minnha tgawdi biss entità speċifika – il-BPN – u l-attività ekonomika li se tibqa’ għaddejja wara l-bejgħ.

    It-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

    (151)

    Il-miżura tgħawweġ, jew thedded li tgħawweġ, il-kompetizzjoni minħabba li, wara l-bejgħ lill-BIC, tpoġġi lill-BPN u lill-entità magħquda f’pożizzjoni vantaġġjuża vis-à-vis banek oħrajn li jikkompetu magħhom billi ma tirrikjedix li jnaqqsu l-attivitajiet tagħhom, kif inhu l-każ fir-rigward tal-kompetituri, u b’hekk tippermetti lill-BPN u lill-entità magħquda jagħtu aktar kreditu lill-ekonomija.

    (152)

    Minħabba l-pożizzjoni tal-BPN fis-settur finanzjarju Portugiż u minħabba l-fatt li s-settur finanzjarju huwa miftuħ għal kompetizzjoni intensa fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll minħabba l-fatt li l-BPN qed jikkompeti ma’ għadd sinifikanti ta’ sussidjarji ta’ banek barranin fil-Portugall, il-Kummissjoni hija tal-fehma li kwalunkwe vantaġġ mogħti mir-riżorsi tal-Istat ikollu l-potenzjal li jolqot lill-kummerċ bejn l-Istati membri tal-Unjoni u li jgħawweġ il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    Konklużjoni

    (153)

    Ladarba m’hemmx impenn li jingħata lura l-kapital marbut mas-selfiet, il-miżura tista’ tippermetti lill-BPN u lill-entità magħquda jimmodifikaw b’lura l-APR tal-bank wara l-bejgħ. Jekk dan iseħħ, iwassal għal kapitalizzazzjoni proporzjonali ogħla tal-bank. B’hekk, il-miżura tagħti vantaġġ lill-bank u tgħawweġ il-kompetizzjoni kontra parteċipanti oħrajn. Il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    It-trasferiment tar-riskji ta’ litigazzjoni lill-Istat

    Riżorsi tal-Istat

    (154)

    It-trasferiment tar-riskji tal-litigazzjoni tal-BPN lill-Istat jikkostitwixxi obbligazzjoni li qed jieħu fuqu l-Istat.

    Vantaġġ

    (155)

    Bit-teħid fuqu ta’ obbligazzjoni mingħand il-BPN, l-Istat qed jagħti vantaġġ lill-BPN u lill-entità magħquda, meta pparagunati mal-kompetituri tagħhom, li jridu jdaħħlu obbligi ekwivalenti fil-karta tal-bilanċ tagħhom.

    Selettività

    (156)

    Il-miżura kkonċernata hija selettiva għax minnha tgawdi biss entità speċifika (il-BPN u l-entità magħquda li se tirriżulta wara l-bejgħ lill-BIC).

    It-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

    (157)

    Il-miżura tipprovdi appoġġ permezz tal-kapital lill-BPN u lill-entità magħquda fi żmien meta ma jeżistux alternattivi fis-suq u fejn il-kompetituri l-oħrajn iridu jdaħħlu obbligi bħal dawn fil-karta tal-bilanċ tagħhom.

    (158)

    Minħabba l-pożizzjoni tal-BPN fis-settur finanzjarju Portugiż u minħabba l-fatt li s-settur finanzjarju huwa miftuħ għal kompetizzjoni intensa fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll minħabba l-fatt li l-BPN qed jikkompeti ma’ għadd sinifikanti ta’ sussidjarji ta’ banek barranin fil-Portugall, il-Kummissjoni hija tal-fehma li kwalunkwe vantaġġ mogħti mir-riżorsi tal-Istat ikollu l-potenzjal li jolqot lill-kummerċ bejn l-Istati membri tal-Unjoni u li jgħawweġ il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    Konklużjoni

    (159)

    Il-miżura tipprovdi appoġġ permezz tal-kapital u tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    L-għoti mill-CGD ta’ linja ta’ likwidità lill-entità magħquda wara l-bejgħ u ż-żamma ta’ linja ta’ kreditu ta’ karta kummerċjali ta’ EUR [150-350] miljun favur il-BPN.

    Riżorsi tal-Istat

    (160)

    L-għoti ta’ linja ta’ likwidità ta’ EUR [150-350] miljun lill-entità magħquda wara l-bejgħ u ż-żamma ta’ linja ta’ kreditu ta’ karta kummerċjali ta’ EUR [150-500] miljun mill-CGD favur il-BPN wara l-bejgħ iridu jitqiesu bħala imputabbli lill-Istat, meta wieħed iqis iċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom saru.

    (161)

    L-ewwel nett, il-CDG huwa kollu kemm hu proprjetà tal-Istat, li jaħtar lill-membri tal-bord tat-tmexxija tiegħu. Kif ġie osservat fil-paragrafu (100) u (23), il-CGD nħatar bis-saħħa tal-liġi biex jiġġestixxi lill-BPN u kiseb ukoll garanzija Statali skont l-Artikolu 2(9) tal-Liġi tan-Nazzjonalizzazzjoni fir-rigward tal-krediti u l-likwidità kollha li jista’ jagħti lill-BPN fil-kuntest tan-nazzjonalizzazzjoni u “minflok l-Istat”. Din il-garanzija tibqa’ tapplika għal-linja ta’ kreditu ta’ EUR [150-500] miljun.

    (162)

    It-tieni nett, id-deċiżjonijiet biex jingħataw il-linji ta’ likwidità u ta’ kreditu ma ttiħdux indipendentement mill-CGD, iżda kienu parti mill-kundizzjonijiet tal-bejgħ li ġew innegozjati bejn il-BIC u l-awtoritajiet Portugiżi.

    (163)

    Għaldaqstant, kemm l-għoti mill-CGD ta’ linja ta’ likwidità ta’ EUR [200-400] miljun lill-entità magħquda wara l-bejgħ kif ukoll iż-żamma ta’ linja ta’ kreditu ta’ karta kummerċjali ta’ EUR [150-500] miljun wara l-bejgħ huma imputabbli lill-Istat membru.

    Vantaġġ

    (164)

    Dawn il-miżuri jippermettu lill-BPN u lill-entità magħquda jkollhom aċċess faċli u bi ftit spejjeż għal-likwidità.

    (165)

    Rigward il-linja ta’ kreditu ta’ EUR [200-400] miljun mogħtija mill-CGD lill-BIC, il-Kummissjoni tinnota li din se tipprovdi marġni ta’ sikurezza għas-sitwazzjoni tal-finanzjament tal-entità magħquda kemm-il darba jkun hemm flussi ta’ ħruġ ta’ depożiti wara l-bejgħ. Il-CGD ma tagħti l-ebda linja ta’ kreditu bħal din lil xi entità oħra, minbarra l-entità magħquda. Għaldaqstant, il-linja tal-kreditu tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għall-entità magħquda.

    (166)

    Fl-aħħar nett, iż-żamma ta’ linja tal-kreditu, b’garanzija Statali, ta’ EUR [150-500] miljun sa […] għall-programm ta' karta kummerċjali li għaddej bħalissa jagħti wkoll lill-BPN u lill-entità magħquda vantaġġ fuq il-kompetituri tagħhom f’termini ta’ aċċess għal-likwidità.

    Selettività

    (167)

    Il-miżuri kkonċernati huma selettivi għax minnhom tgawdi biss entità speċifika (il-BPN u l-entità magħquda li se tirriżulta mill-bejgħ lill-BIC).

    It-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

    (168)

    Il-vantaġġ mogħti lill-BPN u lill-entità magħquda wara l-bejgħ jgħawweġ il-kompetizzjoni, l-aktar meta wieħed iqis il-kost għoli biex wieħed jissellef bħalissa mis-swieq finanzjarji.

    (169)

    Minħabba l-pożizzjoni tal-BPN fis-settur finanzjarju Portugiż u minħabba l-fatt li s-settur finanzjarju huwa miftuħ għal kompetizzjoni intensa fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll minħabba l-fatt li l-BPN qed jikkompeti ma’ għadd sinifikanti ta’ sussidjarji ta’ banek barranin fil-Portugall, il-Kummissjoni hija tal-fehma li kwalunkwe vantaġġ mogħti mir-riżorsi tal-Istat ikollu l-potenzjal li jolqot lill-kummerċ bejn l-Istati membri tal-Unjoni u li jgħawweġ il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    Konklużjoni

    (170)

    L-għoti mill-CGD ta’ linja ta’ likwidità ta’ EUR [200-400] miljun lill-entità magħquda wara l-bejgħ u ż-żamma ta’ linja ta’ kreditu ta’ karta kummerċjali ta’ EUR [150-5000] miljun favur il-BPN jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

    6.1.1.4   Għajnuna li setgħet ngħatat lix-xerrej

    (171)

    Skont il-punt 49 tal-Komunikazzjoni dwar is-settur bankarju, sabiex jiġi żgurat li ma tingħata l-ebda għajnuna lix-xerrej ta’ istituzzjoni finanzjarja li tinbiegħ mill-Istat, huwa importanti li jiġu rrispettati ċerti rekwiżiti, u b’mod partikulari li: il-proċess tal-bejgħ ikun miftuħ, trasparenti, mhux diskriminatorju u bla kundizzjonijiet; il-bejgħ isir bil-kundizzjonijiet tas-suq; u l-Istat jimmassimizza l-prezz tal-bejgħ għall-assi u l-obbligazzjonijiet involuti.

    (172)

    Rigward l-ewwel kundizzjoni, filwaqt li l-proċess tal-bejgħ beda bħala proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa u bla kundizzjonijiet, l-offerta li torbot li ppreżenta l-BIC ma kinitx finali fir-rigward ta’ diversi aspetti materjali tat-tranżazzjoni proposta, inkluż kemm eżattament kellu f’moħħu li jakkwista l-BIC mill-assi u l-obbligazzjonijiet tal-BPN, u n-numru eżatt ta’ fergħat u n-numru ta' impjegati li kien se jżomm. Dawn l-aspetti kollha ġew diskussi f’negozjati bilaterali li saru aktar tard bejn l-awtoritajiet Portugiżi u l-BIC, u laħqu l-quċċata tagħhom fil-ftehim qafas tad-9 ta’ Diċembru tal-2011. Lanqas il-Ftehim Qafas ma hu finali fir-rigward ta’ kemm eżatt mill-bank se jiġi akkwistat. B’mod partikulari, ma jiddeterminax l-assi u l-obbligazzjonijiet li l-BIC se jieħu f’idejh, minkejja li jispeċifika biċ-ċar li l-BPN se jkollu ekwità ta’ EUR [200-400] miljun fil-mument tal-bejgħ. Fi kliem ieħor, la l-offerta li għamel il-BIC fl-20 ta’ Lulju tal-2011 u lanqas il-Ftehim Qafas ma jispeċifikaw b’mod ċar x’qed jixtri l-BIC, iżda t-tnejn li huma jiffissaw prezz preċiż għalih.

    (173)

    F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jinnota li l-Ftehim Qafas m’għandux jiddevja mit-termini tal-offerta li torbot li għamel il-BIC fl-20 ta’ Lulju tal-2011 billi jipprovdi aktar vantaġġi lill-BIC u/jew lill-entità magħquda. Fir-realtà, meta wieħed iqis il-kundizzjonijiet laxki ħafna tal-offerta li torbot li saret fl-20 ta’ Lulju tal-2011, il-BIC jista’ faċilment jikseb aktar konċessjonijiet mingħand l-Istat, pereżempju billi jnaqqas il-volum tal-assi u obbligazzjonijiet li effettivament jakkwista. Tali konċessjonijiet addizzjonali jwasslu għal proporzjon ogħla ta’ kapital tal-qalba tal-ewwel grad milli implikat l-offerta li għamel il-BIC fl-20 ta' Lulju tal-2011, mingħajr ma jikkontradixxi l-kundizzjonijiet tal-proċess tal-bejgħ.

    (174)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tilqa’ bi pjaċir l-impenn tal-Portugall li jillimita l-livell tal-kapitalizzazzjoni tal-BPN fid-data tal-bejgħ għal [10-18]% tal-kapital tal-qalba tal-ewwel grad, kif implikat fl-offerta tal-BIC. L-impenn addizzjonali tal-Portugall biex il-BIC jagħti lura l-kapital marbut ma' kwalunkwe selfiet mhux produttivi li se jirritorna lill-Istat jew lil xi entità proprjetà tal-Istat wara l-bejgħ jiżgura li l-livell tal-kapital tal-qalba tal-ewwel grad ma jogħliex eċċessivament wara l-bejgħ.

    Riżorsi tal-Istat

    (175)

    Kif intwera fit-taqsima 6.1.1.3, il-miżuri kollha marbutin mal-bejgħ lill-BIC jinvolvu riżorsi tal-Istat.

    Vantaġġ

    (176)

    Fin-nuqqas ta’ ffissar tal-kapital tal-qalba tal-ewwel grad tal-BPN fl-offerta li għamel il-BIC fl-20 ta’ Lulju tal-2011 jew fil-Ftehim Qafas (li t-tnejn li huma jindikaw biss l-ammont assolut ta’ kapital li jrid ikun jeżisti fil-BPN fil-mument tal-bejgħ mingħajr ma jagħtu kas tal-APR tal-bank jew tad-dritt tal-BIC li jagħżel l-assi u l-obbligazzjonijiet li se jiġu ttrasferiti għal ġol-SPVs qabel il-bejgħ), il-Kummissjoni tinnota li huwa possibbli li l-BPN jispiċċa bi proporzjon ta’ kapital tal-qalba tal-ewwel grad ogħla minn dak li ġie implikat fl-offerta. Skont l-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet Portugiżi, proporzjon ta’ [10-18]% tal-kapital tal-qalba tal-ewwel grad huwa l-livell ta’ kapital implikat fl-offerta li għamel il-BIC fl-20 ta’ Lulju tal-2011.

    (177)

    Il-Kummissjoni tinnota, madanakollu, li l-Portugall impenja ruħu li jillimita l-livell tal-kapitalizzazzjoni tal-BPN fid-data tal-bejgħ għal [10-18]% tal-kapital tal-qalba tal-ewwel grad, kif implikat mill-offerta tal-BIC. Dan se jippermetti lill-Istat jimmassimizza l-prezz tal-bejgħ għall-assi u l-obbligazzjonijiet involuti. Dan l-impenn huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li ma jingħata l-ebda vantaġġ lill-BIC.

    (178)

    Barra minn hekk, billi jeżerċita d-dritt li jgħaddi lill-Istat aktar selfiet mhux produttivi wara l-bejgħ, il-BIC jista’ jkompli jnaqqas il-firxa tal-bank, u b’hekk ikabbar il-kapital tal-qalba tal-ewwel grad għall-entità magħquda għal livell ogħla minn dak implikat fl-offerta li l-BIC għamel fl-20 ta’ Lulju tal-2011. Dan jista’ jagħti vantaġġ addizzjonali lill-BIC. L-impenn addizzjonali tal-Portugall biex il-BIC jagħti lura l-kapital marbut ma' kwalunkwe selfiet mhux produttivi li se jirritorna lill-Istat jew lil xi entità proprjetà tal-Istat wara l-bejgħ jiżgura li l-livell tal-kapital tal-qalba tal-ewwel grad ma jogħliex aktar wara l-bejgħ. Dan l-impenn addizzjonali huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li ma jingħatax vantaġġ lill-BIC.

    Selettività

    (179)

    Il-miżuri kkonċernati huma selettivi għax minnhom tgawdi entità speċifika, jiġifieri l-BIC, u impliċitament anki l-entità magħquda.

    It-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

    (180)

    Minħabba l-pożizzjoni tal-BPN fis-settur finanzjarju Portugiż u minħabba l-fatt li s-settur finanzjarju huwa miftuħ għal kompetizzjoni intensa fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll minħabba l-fatt li l-BPN qed jikkompeti ma’ għadd sinifikanti ta’ sussidjarji ta’ banek barranin fil-Portugall, il-Kummissjoni hija tal-fehma li kwalunkwe vantaġġ mogħti mir-riżorsi tal-Istat ikollu l-potenzjal li jolqot lill-kummerċ bejn l-Istati membri tal-Unjoni u li jgħawweġ il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    Konklużjoni

    (181)

    Meta tqis l-impenji li ħa l-Portugall, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-riżultati aħħarin tal-proċess, inklużi l-elementi li ntlaħaq qbil dwarhom mal-BIC fil-Ftehim Qafas, ma kinux jibdlu l-eżitu tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti u li l-proċess tal-bejgħ ma ta l-ebda vantaġġ lill-BIC.

    6.1.2   Kwantifikazzjoni tal-għajnuna

    (182)

    Il-BPN u l-entità magħquda li se tissokta bl-attivitajiet ekonomiċi tal-BPN gawdew minn diversi miżuri ta’ għajnuna mill-Istat, kif muri fil-qosor hawn taħt:

    Tabella nru 1

    Għajnuniet mogħtijin lill-BPN u lill-entità magħquda

    Deskrizzjoni

    Ammont, f’miljuni ta’ EUR

    a.

    Selfiet li ngħataw mill-CGD qabel in-nazzjonalizzazzjoni

    315

    b.

    Trasferiment ta’ EUR 3.9 biljun f’assi lill-SPVs qabel il-proċess ta’ sejħa għall-offerti

    bejn 1 800 u 4 000

    c.

    Injezzjoni ta’ kapital mill-Istat tal-15 ta’ Frar tal-2012

    600

    d.

    Linji ta’ likwidità mogħtijin mill-CDG lill-BPN (fil-31 ta’ Diċembru tal-2011)

    [150-500]

    li minnhom, koperti b’garanzija Statali espliċita

    [200-400]

    e.   

    Linji ta’ likwidità mitlubin mill-BIC għall-entità magħquda

    li minnhom iż-żamma tal-programm eżistenti ta' karta kummerċjali

    400

    li minnhom linja ġdida ta’ likwidità

    300

    (183)

    L-ewwel nett, ta’ min jinnota li mhux dawn il-miżuri ta’ għajnuna kollha għandhom jitqiesu bħala kumulattivi għax, skont l-awtoritajiet Portugiżi, xi miżuri daħlu minflok oħrajn (ngħidu aħna, is-selfiet li ngħataw fil-bidu mill-CGD qabel in-nazzjonalizzazzjoni ġew issostitwiti mill-karta kummerċjali li ħareġ il-BPN wara n-nazzjonalizzazzjoni).

    (184)

    Il-miżuri b u c jinvolvu injezzjonijiet ta’ kapital jew huma ekwivalenti għal injezzjonijiet ta’ kapital. Dawn jammontaw għal mill-inqas EUR 3 biljun, jew madwar 50 % tal-karta tal-bilanċ tal-BPN qabel in-nazzjonalizzazzjoni. Barra minn hekk, l-ammont totali tal-garanziji Statali fuq il-programm tal-ħruġ ta’ karta kummerċjali li ngħataw mill-Portugall favur il-BPN minn mindu ġie nnazzjonalizzat jitla’ għal EUR 5 biljun, li EUR 4.5 biljun minnhom kienu diġà ntużaw sal-31 ta’ Diċembru 2011.

    (185)

    Barra minn dan, jeżisti d-dritt tal-BIC li jittrasferixxi depożiti bi pprezzar ’il fuq minn […] punti bażi jew li jirċievi mingħand l-Istat id-differenza, bi spiża kkalkulata mill-Portugall bħala li titla’ għal madwar EUR […]. Finalment, it-trasferiment lill-Istat tal-ispejjeż marbutin mal-litigazzjoni, u t-trasferiment, fil-kuntest tal-bejgħ, ta’ assi u obbligazzjonijiet oħrajn, inklużi s-selfiet mhux produttivi, mill-karta tal-bilanċ tal-BPN għal ġol-SPVs, jinvolvu għajnuniet mill-Istat li l-Portugall iqishom bħala mhux kwantifikabbli.

    6.2   Il-kompatibilità tad-diversi miżuri ta’ għajnuna: l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE

    (186)

    L-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna kompatibbli mas-suq intern jekk tkun maħsuba “sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru”.

    (187)

    Il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-fatt li l-kriżi finanzjarja dinjija tista' toħloq taħwid serju fl-ekonomija ta' Stat membru u li miżuri li jagħtu sostenn lill-banek jistgħu jikkontribwixxu biex dak it-taħwid jiġi rrimedjat. Din l-analiżi ġiet ikkonermata fil-Komunikazzjoni dwar is-servizzi bankarji, fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni (41), fil-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti (il-KAI) (42) u fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni (43). Il-Kummissjoni ssostni l-fehma tagħha li l-għajnuna mill-Istat tista’ tiġi approvata skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat minħabba li fis-swieq finanzjarji reġgħu żviluppaw it-tensjonijiet. Il-Kummissjoni kkonfermat dik il-fehma billi adottat il-Komunikazzjoni tal-2011 li ttawwal għal sa wara l-31 ta’ Diċembru tal-2011 l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-miżuri ta’ sostenn favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (44).

    (188)

    Il-Portugall, b’mod speċjali, intlaqat ħażin ħafna mill-kriżi finanzjarja u ekonomika. L-effetti tal-kriżi ġew ikkonfermati fid-diversi deċiżjonijiet (45) li permezz tagħhom il-Kummissjoni approvat il-miżuri meħudin mill-awtoritajiet Portugiżi biex jikkumbattu l-kriżi finanzjarja. Barra minn dan, trid titqies ukoll il-qagħda ekonomika u finanzjarja diffikultuża li wasslet biex, fis-7 ta’ April tal-2011, il-Portugall jagħmel talba uffiċjali għall-għajnuna internazzjonali. Dan wassal biex, fis-17 ta’ Mejju tal-2011, ġie ffirmat il-MtQ.

    (189)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-falliment diżordinat tal-BPN ikollu konsegwenzi serji għall-ekonomija Portugiża. Il-miżura tista’, għaldaqstant, tiġi vvalutata skont it-termini tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat.

    6.3.   Il-kompatibilità skont it-termini tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni

    (190)

    Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni tistabbilixxi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li huma applikabbli għar-ristrutturazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi ta’ bħalissa. Skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni, sabiex tkun kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, ir-ristrutturazzjoni ta’ istituzzjoni finanzjarja fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja ta’ bħalissa trid tkun:

    (i)

    twassal biex il-bank jerġa’ jsir vijabbli;

    (ii)

    tinkludi biżżejjed kontribuzzjoni mill-benefiċjarju nnifsu (qsim tal-piżijiet);

    (iii)

    tinkludi biżżejjed miżuri li jillimitaw it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni.

    6.3.1   Il-vijabbiltà

    (191)

    Il-punti 9 u 10 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni jgħidu li l-Istat membru għandu jipprovdi pjan komprensiv u ddettaljat ta’ ristrutturazzjoni li għandu jkun joffri informazzjoni kompluta dwar il-mudell tan-negozju. Il-pjan għandu wkoll ikun jidentifika l-kawżi tad-diffikultajiet li istituzzjoni finanzjarja tkun qed taffronta u alternattivi għall-pjan ta’ ristrutturazzjoni propost.

    (192)

    Il-pjan ta’ ristrutturazzjoni għandu juri li l-istrateġija tal-bank tkun imsejsa fuq kunċett koerenti u li l-bank ikun reġa’ sar vijabbli għal medda twila ta’ żmien mingħajr ma jkun irrikorra għas-sostenn min-naħa tal-Istat.

    (193)

    Fil-punt 17, il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni tikkonferma li bejgħ ta’ (parti minn) istituzzjoni finanzjarja lil parti terza jista’ jgħin biex din terġa’ ssir vijabbli għal medda twila ta’ żmien. F'dan il-każ, il-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet Portugiżi għażlu li jbigħu lill-BPN permezz ta’ proċess ta’ sejħa għall-offerti. B’riżultat ta’ dan, l-attività bankarja se tinbiegħ lill-BIC wara ċerti aġġustamenti, u assi magħżulin se jiġu ttrasferiti għal ġol-SPVs bil-għan li maż-żmien jiġu llikwidati. Għalhekk, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk l-attività bankarja tal-BPN, li se tkun parti mill-attività tax-xerrej (l-entità magħquda), hix se tkun vijabbli.

    (194)

    Fid-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru tal-2011, il-Kummissjoni indikat li ma kinitx irċeviet pjan tan-negozju li juri b’mod effettiv il-vijabbiltà tal-BPN bħala entità integrata mal-BIC, u għalhekk ma setgħetx tasal għal konklużjoni f’dak ir-rigward. Il-Portugall ippreżenta pjan iddettaljat tan-negozju għall-BPN integrat mal-BIC fil-forma tal-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni ta' Jannar tal-2012 (inkluża l-informazzjoni addizzjonali dwar l-attività u l-vijabbiltà li ġiet ipprovduta fit-3 ta’ Frar tal-2012).

    (195)

    Skont il-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni tal-2012, il-parti tal-BPN mibjugħa lill-BIC għandha karta tal-bilanċ konsiderevolment iżgħar, ta' madwar EUR […] biljun, meta mqabbla ma’ dik tal-BPN fil-mument meta saret in-nazzjonalizzazzjoni.

    (196)

    Flimkien mal-assi tal-BIC, l-entità magħquda se jkollha total ta’ assi ta’ madwar EUR […] biljun.

    (197)

    Fil-mument meta sar il-bejgħ lill-BIC, il-karta tal-bilanċ tal-BPN fiha biss l-attivitajiet l-aktar vijabbli u l-aqwa assi tal-bank. B’mod speċjali, il-protafoll tas-selfiet li ġie ttrasferit lill-BIC tnaddaf u l-biċċa l-kbira tal-assi mhux likwidi ġew ittrasferiti għal ġol-SPVs.

    (198)

    L-obbligazzjonijiet tal-BPN prinċiparjament jikkonsistu f’depożiti tal-konsumaturi li jlaħħqu l-EUR 1 669 miljun u debiti subordinati li jlaħħqu l-EUR 246 miljun.

    Tabella nru 2

    Il-qagħda tal-BPN wara l-bejgħ u wara l-injezzjoni tal-kapital (Pro forma)  (46)

     

    F’miljuni ta’ EUR

    Depożiti, banek ċentrali u istituzzjonijiet tal-kreditu

    […]

    Selfiet netti lill-klijenti

    […]

    Assi oħrajn

    […]

    IT-TOTAL TAL-ASSI

    […]

    Depożiti

    […]

    Obbligazzjonijiet oħrajn

    […]

    Dejn subordinat

    […]

    IT-TOTAL TAL-OBBLIGAZZJONIJIET

    […]

    Kapital proprju

    […]

    IT-TOTAL TAL-OBBLIGAZZJONIJIET U TAL-KAPITAL

    […]

    (199)

    Il-miżuri tar-ristrutturazzjoni diġà mibdijin mill-amministraturi interim se jitkomplew mill-BIC, u b’hekk jiġu rrimedjati l-kawżi speċifiċi tal-problemi tal-BPN.

    (200)

    Kif ġie indikat fil-paragrafu (23), it-tmexxija nbidlet kollha kemm hi. Meta wieħed iqis iċ-ċirkustanzi speċifiċi li wasslu għan-nazzjonalizzazzjoni tal-BPN, u b’mod partikulari l-ħafna każi ta' allegat frodi mwettqa mill-maniġment ta' qabel tal-bank, it-tmexxija l-ġdida tat bidu għal diversi proċeduri legali (47) biex tiddefendi l-interessi tal-bank. Il-proċeduri tal-bank għall-valutazzjoni tar-riskju ġew irriformulati għal kollox sabiex jiġu implimentati l-aħjar prattiki.

    (201)

    L-amministraturi l-ġodda tal-BPN ikkonċentraw ukoll fuq kif l-istruttura tal-ispejjeż jistgħu jagħmluha l-aħjar possibbli u adottaw għadd ta’ inizjattivi biex inaqqsu l-ispejjeż biex il-bank jiffunzjona. Bejn Diċembru tal-2008 u Diċembru tal-2010 l-ispejjeż biex il-bank jaħdem tnaqqsu b’madwar EUR […] miljun u l-ispejjeż għall-persunal tnaqqsu b’madwar EUR […] miljun.

    (202)

    Skont il-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni tal-2012, l-istrateġija tal-BIC hija li jikkonċentra fuq l-attività prinċipali tas-servizzi għall-konsumatur u li jisfrutta n-netwerk tal-BPN biex isir il-bank ta’ referenza għas-sostenn tal-kummerċ u tat-tranżazzjonijiet finanzjarji bejn il-Portugall u l-Angola.

    (203)

    Dan il-pjan huwa msejjes fuq suppożizzjonijiet makroekonomiċi sottostanti raġonevoli, meta wieħed iqis il-qagħda ta’ bħalissa tas-swieq fil-Portugall, hekk kif huwa mbassar li l-ekonomija se tibqa’ f’riċessjoni sal-2014.

    (204)

    Il-projezzjonijiet finanzjarji juru li fi tmiem il-perjodu tar-ristrutturazzjoni (il-31 ta’ Diċembru tal-2016), huwa mistenni li l-entità magħquda, anki f’xenarju ta’ kriżi, tkun kapaċi tkopri l-ispejjeż u jkollha redditu fuq il-kapital (ROE) ta' bejn wieħed u ieħor [1-10]%.

    (205)

    Il-bażi tal-kapital tal-bidu mistennija tkun ogħla sew mir-rekwiżiti minimi fir-rigward tal-kapital, bi proprozjon ta’ kapital tal-qalba tal-ewwel grad ta’ madwar [10-18]%, b’riżultat tal-injezzjoni ta’ kapital min-naħa tal-Istat.

    (206)

    B’riżultat tal-injezzjoni sinifikanti ta’ kapital min-naħa tal-Istat, il-proporzjonijiet ipprojettati tal-kapital tal-bank waqt u wara l-perjodu tar-ristrutturazzjoni huma mistennija jibqgħu ogħla mir-rekwiżiti minimi, u b’hekk jissalvagwardjaw is-solvenza tal-bank. F’konformità mal-pjan tan-negozju fornit mill-Portugall u rifless fil-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni tal-2012, f’xenarju ta’ referenza l-kapital tal-qalba tal-ewwel grad fi tmiem il-perjodu tar-ristrutturazzjoni (il-31 ta’ Diċembru tal-2016) se jkun [8-12]%, li huwa ftit ogħla mir-rekwiżit regolatorju minimu ta’ 10 % li ġie stabbilit mill-BdP b'effett minn Diċembru tal-2012 (48) u, f’xenarju ta’ kriżi, kemm kemm taħtu ([7-11]%), kif jidher mill-Grafika nru 1 fil-paragrafu (206).

    (207)

    Din l-evoluzzjoni hija mistennija sseħħ l-aktar kaġun tal-ħtieġa li jitwettaq il-pjan tan-negozju stabbilit fil-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni tal-2012 billi jingħata volum akbar ta’ kreditu lill-ekonomija, u kaġun tal-impatt tar-riżultati negattivi fl-ewwel snin tal-pjan tar-ristrutturazzjoni. Ir-riżultati negattivi se jkunu kaġun l-aktar tal-istruttura tal-kostijiet tal-bank, li se tkun għadha għolja meta mqabbla mal-volum tal-attivitajiet, flimkien mal-ispejjeż li se jagħmel il-BIC biex jirristruttura.

    Grafika nru 1:

    Projezzjonijiet għall-entità magħquda BPN/BIC fix-xenarju ta’ referenza, 2012-2016

    […]

    (208)

    Rigward il-likwidità, il-pjan tan-negozju jserraħ l-aktar fuq id-depożiti, bi tbassir ta’ tkabbir tad-depożiti ta’ madwar [1-10]% fis-sena. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li finanzjament stabbli tal-entità magħquda permezz tad-depożiti huwa element importanti tal-pjan tar-ristrutturazzjoni. Meta wieħed iqis iċ-ċokon tal-entità magħquda u l-potenzjal li għandha biex tikber, il-projezzjonijiet dwar l-evoluzzjoni tad-depożiti huma kredibbli.

    (209)

    Fl-istess ħin, il-Kummissjoni hija tal-fehma li sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-entità magħquda, m’għandu jkun hemm l-ebda inċentiv biex id-depożiti jiġu ssostitwiti b'finanzjament mis-swieq bl-ingrossa. F’din l-istess vena, huwa importanti li r-rimunerazzjoni tal-linja ta’ likwidità mitluba mill-BIC biex tikkumpensa għal ħruġ ta’ depożiti li jista’ jkun hemm tiżdied mill-inqas għar-rata Euribor +[…] punti bażi. L-impenn tal-Portugall f’dan ir-rigward huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-kompatibilità tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mas-suq intern, meta wieħed iqis il-fatt li […] għandu ammont konsiderevoli ta’ depożiti li bħalissa huma rrimunerati b’rata ogħla mir-rata Euribor +[…] punti bażi, livell li fih il-BIC jista’ jagħżel li ma jżommx dawk id-depożiti. Kieku r-rimunerazzjoni fuq il-linja l-ġdida ta’ kreditu ma ġietx iffissata f’livell li jagħti lill-BIC inċentiv biex iżomm il-livell tad-depożiti f’konformità ma’ dak li hu previst fil-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni ta’ Jannar tal-2012, il-BIC jista’ jiġi pperswadut jissostitwixxi d-depożiti b’finanzjament orħos mill-CGD. Sostituzzjoni bħal din tista’ ttejjeb il-profittabbiltà tal-entità magħquda għal medda qasira ta’ żmien, iżda fl-istess ħin tkun ta’ dannu għall-prospetti tagħha li ssir vijabbli.

    (210)

    F’dan il-kuntest, huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li bl-applikazzjoni tar-rata Euribor +[…] punti bażi, il-linja ta’ kreditu xorta waħda qed tingħata b'kundizzjonijiet x’aktarx aktar favorevoli milli l-BIC jista' jikseb fis-suq. Filwaqt li ma ġie pprovdut lill-Kummissjoni l-ebda valur referenzjarju paragunabbli għal tranżazzjonijiet simili li jseħħu fis-suq, il-Kummissjoni tinnota li jkun improbabbli li linja ta’ kreditu ta’ dik id-dewma u ta’ dak il-kobor tkun disponibbli fis-suq, anki b’rati ta’ mgħax ogħla. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-fatt li r-rimumerazzjoni fuq is-selfiet mogħtijin mill-CGD […] hija ffissata bħala r-rata Euribor għal […] xhur + […] punti bażi juri kif inhuma l-affarijiet.

    (211)

    Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni neħħiet id-dubji li kellha dwar il-vijabbiltà tal-BPN.

    6.3.2   Għajnuna limitata għall-minimu u l-qsim tal-piżijiet

    (212)

    Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni tindika li huwa neċessarju li jkun hemm kontribuzzjoni xierqa min-naħa tal-benefiċjarju sabiex l-għajnuna tiġi limitata għall-minimu u jiġu indirizzati t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u r-riskju morali. Għal dak il-għan: a) jeħtieġ li kemm l-ispejjeż għar-ristrutturazzjoni kif ukoll l-ammont ta' għajnuna jkunu limitati u, b) hemm bżonn ta’ kontribuzzjoni proprja sostanzjali.

    (213)

    Il-prinċipji dwar il-kontribuzzjoni proprja min-naħa tal-bank benefiċjarju fil-fażi tar-ristrutturazzjoni huma ppreżentati fit-taqsima 3 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni. Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi li: (i) l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għandha tkun limitata għall-minimu sabiex jiġu koperti l-ispejjeż neċessarji biex terġa' tiġi stabbilita l-vijabbiltà; (ii) il-bank benefiċjarju għandu juża, sa fejn ikun possibbli, ir-riżorsi tiegħu stess biex jiffinanzja r-ristrutturazzjoni, ngħidu aħna permezz tal-bejgħ tal-assi u (iii) l-ispejjeż assoċjati mar-ristrutturazzjoni għandhom isostnuhom b'mod adegwat dawk li investew fil-bank, permezz tal-assorbiment tat-telf bil-kapital disponibbli u tal-ħlas ta' rimunerazzjoni adegwata għall-interventi min-naħa tal-Istat. L-objettiv tal-qsim tal-piżijiet għandu żewġ elementi: li jillimita t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u li jindirizza r-riskju morali (49).

    (214)

    Il-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni għandu juri b’mod ċar li l-għajnuna nżammet għall-minimu neċessarju. Jeħtieġ li l-ispejjeż assoċjati mar-ristrutturazzjoni jsostnuhom mhux biss l-Istat iżda, safejn ikun possibbli, anki dawk li investew fil-bank. Fi kliem ieħor, il-bank u l-azzjonisti tiegħu iridu jikkontribwixxu għar-ristrutturazzjoni, kemm jista’ jkun permezz tar-riżorsi proprji tagħhom. L-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għandha tkun limitata għall-kopertura tal-ispejjeż neċessarji biex terġa' tiġi stabbilita l-vijabbiltà. Għalhekk, impriża m’għandhiex tgawdi minn riżorsi pubbliċi li jistgħu jintużaw biex jiġu ffinanzjati attivitajiet li jgħawġu s-suq li ma jkunux marbutin mal-proċess tar-ristrutturazzjoni, bħal akkwisti (50).

    Iż-żamma tal-għajnuna fl-inqas livell possibbli

    (215)

    Rigward iż-żamma tal-għajnuna fl-inqas livell possibbli, fil-punt 23 il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni tgħid li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għandha tkun limitata għall-kopertura tal-ispejjeż li huma neċessarji biex terġa' tiġi stabbilita l-vijabbiltà.

    (216)

    Għal dak il-għan, jeħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta, l-ewwel nett, l-allegazzjoni tal-awtoritajiet Portugiżi li l-ispejjeż assoċjati mal-bejgħ tal-BPN lill-BIC huma iktar baxxi mill-ispejjeż li jkollu jagħmel il-Portugall kieku l-BPN jiġi llikwidat u, it-tieni nett, jekk l-għajnuna mogħtija għar-ristrutturazzjoni tal-BPN inżammitx għall-minimu neċessarju.

    Tqabbil tal-bejgħ mal-likwidazzjoni ordnata

    (217)

    Fid-deċiżjoni tal-24 ta' Ottubru tal-2011, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar diversi aspetti tal-paragun kwantitattiv bejn iż-żewġ xenarji, kif ipprovdut mill-Portugall f'dak iż-żmien.

    (218)

    Fil-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni ta’ Jannar tal-2012, il-Portugall ipprovda paragun aġġornat taż-żewġ xenarji u mmodifika s-suppożizzjonijiet inizjali tiegħu bil-għan li jindirizza t-tħassib ewlieni li kienet esprimiet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru tal-2011, li kellu x’jaqsam mal-ispejjeż f’każ ta’ likwidazzjoni ordnata. Il-Portugall indirizza b’mod speċifiku t-telf impost (haircut) fuq is-selfiet u l-mod kif ġew ittrattati dawk li għandhom bonds subordinati.

    (219)

    B’mod partikulari, il-Portugall ipprovda aktar informazzjoni u valur referenzjarju alternattiv għas-suppożizzjonijiet tiegħu b’rabta mat-telf impost ta’ valur skont il-kotba ta’ bejn 30 % u 50 % fuq il-bejgħ tas-selfiet. Il-Portugall ipprovda wkoll il-figuri aħħarin dwar is-selfiet li eventwalment ħadhom f'idejh il-BIC, li l-ammont tagħhom ma kienx magħruf fil-mument meta sar il-paragun inizjali, fis-17 ta’ Frar tal-2012. Barra minn hekk, neħħa mix-xenarju tal-likwidazzjoni ordnata l-ispejjeż assoċjati mar-rimborż lil uħud minn dawk li kellhom bonds subordinati, kif speċifikat fil-paragrafu (220)).

    (220)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, meta wieħed iqis il-qagħda ekonomika ta’ bħalissa u t-tnaqqis sostanzjali tal-attivitajiet tas-settur bankarju, l-applikazzjoni ta’ telf impost fuq il-bejgħ ta’ portafoll ta’ selfiet hija ġustifikabbli. Barra minn hekk, kieku s-selfiet kellhom jinżammu sal-maturità, l-Istat ikollu jħallas l-ispejjeż tal-finanzjament u jkun responsabbli għar-riskju tal-kreditu sa meta dan jimmatura. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ taċċetta l-aktar stima baxxa tat-telf impost li pprovda l-Portugall, i.e. telf impost ta’ [20-50]%.

    (221)

    Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ dawk li għandhom bonds subordinati, il-Kummissjoni tifhem li l-ammont totali ta’ EUR 245 miljun huwa magħmul minn aktar minn ħruġ wieħed. Jista’ jkun possibbli […]. Il-Portugall qal li, wara analiżi ġuridika tal-kundizzjonijiet ta’ kull ħruġ, […].

    (222)

    It-Tabella nru 3 tippreżenta ħarsa ġenerali lejn l-istima tad-dħul/tal-ħruġ, fuq il-bażi tas-suppożizzjonijiet riveduti msemmijin fil-paragrafi minn (218) sa (220). Din l-istima tagħti kas biss tal-ispejjeż marġinali marbutin maż-żewġ xenarji (u mhux tal-ispejjeż li diġà saru), u hija msejsa fuq id-dejta mill-karta tal-bilanċ tal-BPN fil-mument meta sar il-bejgħ lill-BIC (51).

    Tabella nru 3

    Tqabbil tax-xenarju tal-bejgħ lill-BIC ma’ dak tal-likwidazzjoni ordnata (valuri f’miljuni ta’ EUR)

     

     

    Il-bejgħ lill-BIC

    Il-likwidazzjoni

    ĦRUĠ

    1

    Ħlas tal-finanzjament lill-istituzzjonijiet tal-kreditu

     

    […] (52)

    2

    Ħlas ta’ depożiti tal-klijenti

     

    […]

    3

    Żieda fil-kapital

    […]

     

    4

    Individwi li għandhom bonds subordinati, minbarra l-ħruġ perpetwu - TBC

     

    […]

     

    Total tal-ħruġ

    […]

    […]

     

     

    Il-bejgħ lill-BIC

    Il-likwidazzjoni

    DĦUL

    5

    Bejgħ ta’ selfiet tal-klijenti (EUR 2 114 -il miljun netti ta’ telf impost ta’ 30 %)

     

    […]

    6

    Rimborż ta’ depożiti u ta’ selfiet lill-istituzzjonijiet tal-kreditu

     

    […] (53)

    7

    Il-prezz tal-bejgħ tal-BPN

    […]

     

    8

    Il-primjum tal-bejgħ tad-depożiti – 2 % tal-bilanċ tad-depożiti

     

    […]

     

    Total tad-dħul

     

    […]

     

    STIMA TAD-DIFFERENZA

    […]

    […]

    (223)

    Kollox ma’ kollox, il-possibbiltajiet ta’ likwidazzjoni ordnata fejn l-Istat iħallas id-depożiti kollha (ħlief dawk tal-kredituri subordinati li għandhom bonds perpetwi) u fejn l-Istat iħallas l-iskopertura kollha lill-istituzzjonijiet tal-kreditu jkun jiswa aktar mill-bejgħ lill-BIC.

    (224)

    Il-Kummissjoni tagħraf l-inċertezza marbuta ma’ għadd ta’ suppożizzjonijiet, jiġifieri l-possibbiltà li jiġu rkuprati l-krediti ttrasferiti lill-BIC. Għandu jitqies ukoll il-fatt li l-likwidazzjoni ordnata jista’ jkollha riperkussjonijiet ħżiena fuq il-fiduċja fis-settur bankarju kollu kemm hu u fuq il-klassifikazzjoni sovrana tal-Istat membru.

    (225)

    Fuq il-bażi tal-informazzjoni li għandha, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għażla li l-bank jiġi rristrutturat, i.e. il-bejgħ lill-BIC, tikkontribwixxi biex l-ammont tal-għajnuna jiġi limitat għall-minimu.

    L-għajnuna limitata għall-minimu fir-ristrutturazzjoni tal-BPN

    (226)

    Il-BPN irċieva ammont sinfikanti ta’ għajnuna qabel u wara n-nazzjonalizzazzjoni, kif indikat fil-paragrafi minn (182) sa (184). L-għajnuna kienet meħtieġa biex il-bank iżomm fil-wiċċ għall-perjodu neċessarju biex titwettaq ir-ristrutturazzjoni magħżula, jiġifieri l-bejgħ tal-partijiet vijabbli tiegħu lill-BIC u l-likwidazzjoni, maż-żmien, tal-assi l-ħżiena. B’riżultat tal-proċess tar-ristrutturazzjoni, il-BPN bħala bank indipendenti se jgħib. L-attivitajiet tal-bank ta’ servizzi għall-konsumatur, li se jeħodhom f’idejh il-BIC, għandhom karta tal-bilanċ ta’ inqas minn 35 % tal-karta tal-bilanċ tal-BPN qabel ma ġie nnazzjonalizzat. Fil-kundizzjonijiet prevalenti fis-suq, dawn il-miżuri (u, b’mod partikulari, il-firda tal-assi bankarji mhux ġenerali fl-SPVs) huma marbutin intimament mal-vijabbiltà tal-bank li għadu fis-suq. L-attivitajiet li mhumiex parti mis-servizzi tal-bank għall-konsumatur ġew ittrasferiti għal ġol-SPVs u se jiġu likwidati maż-żmien. Il-Kummissjoni tagħraf li d-dewmien sinifikanti fit-twettiq tar-ristrutturazzjoni tal-BPN huwa marbut maċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li laqtu lill-ekonomija Portugiża u li wasslu għall-iffirmar tal-MtQ tas-17 ta’ Mejju tal-2011.

    (227)

    Kif indikat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tal-24 ta’ Ottubru tal-2011, minbarra l-miżuri li ttieħdu favur il-BPN qabel ma nbiegħ, il-BIC qed titlob għal aktar miżuri, li huma msemmijin fil-paragrafu 56.

    (228)

    Fid-deċiżjoni tagħha tal-24 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni dwar jekk l-injezzjoni tal-kapital mitluba mill-BIC kinitx l-ammont minimu meħtieġ biex tiġi ggarantita l-vijabbiltà. Meta wieħed iqis l-aġġustamenti tal-karta tal-bilanċ li talab il-BIC fl-offerta li għamel fl-20 ta’ Lulju tal-2011 u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-BPN ta’ Ġunju 2011, il-Portugall ikkalkula li livell ta' kapital ta' EUR [200-400] miljun jirrappreżenta proporzjon ta’ kapital tal-qalba tal-ewwel grad ta’ [10-18]%.

    (229)

    Il-Portugall jgħid li l-livell tal-kapital huwa r-riżultat tal-proċess tas-sejħa għall-offerti, meta jiġi kkunsidrat ukoll il-prezz li l-BIC se jħallas lill-Istat (EUR 40 miljun). Dan l-ammont huwa ġġustifikat mill-ispejjeż biex il-bank jerġa' jiffoka fuq l-attivitajiet ewlenin tiegħu u mill-ħtieġa li tinżamm biżżejjed riżerva għal li jista’ jkun permezz ta’ kapital addizzjonali. Il-Portugall huwa tal-fehma li r-riżerva hija adegwata sabiex jinżamm livell suffiċjenti ta' kapital proprju, b'mod partikulari fl-ewwel snin tal-integrazzjoni, meta wieħed iqis ukoll il-fama ħażina tal-BPN u l-qagħda ekonomika diffiċli li jinsab fiha l-Portugall.

    (230)

    Ta’ min jinnota li, skont il-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni ta’ Jannar tal-2012, il-proporzjon tal-kapital huwa stmat li se jilħaq [8-12]% fi tmiem ir-raba’ sena wara l-bejgħ u, fix-xenarju ta’ kriżi, se jilħaq [7-11]% (ftit inqas mill-minimu ta’ 10 % mitlub mil-liġi fil-Portugall).

    (231)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-livell tal-kapital ekwivalenti għal proporzjon ta’ kapital tal-qalba tal-ewwel grad ta’ [10-18]% huwa r-riżultat tal-proċess tas-sejħa għall-offerti u huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-vijabbilta tal-bank, fuq il-bażi tal-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni ta’ Jannar tal-2012.

    (232)

    Il-Kummissjoni tqis ukoll bħala pożittiv il-fatt li l-Ftehim Qafas mal-BIC jinkludi impenn mill-BIC li ma jqassamx dividendi jew benefiċċji oħrajn ekwivalenti lill-azzjonisti b’rabta mal-BPN għal perjodu ta’ ħames snin. L-iskop ta’ dan l-impenn huwa li jiġi żgurat li l-kapital li ġie injettat fil-BPN ma jitlaqx minn ġol-bank minnufih fil-forma ta’ riżorsi mqassmin lill-azzjonisti.

    (233)

    Madanakollu, l-assi finali li eventwalment ħa f’idejh il-BIC huma differenti minn dawk tal-offerta li l-BIC għamel fl-20 ta’ Lulju tal-2011 u l-BIC jżomm ukoll id-dritt li jagħti lura selfiet li mhumiex produttivi. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li sabiex l-għajnuna tinżamm kemm jista' jkun baxxa, jeħtieġ li kwalunkwe tnaqqis fl-APR li jirriżulta mir-radd tas-selfiet lill-Istat ikun akkumpanjat minn tnaqqis korrispondenti fil-kapital, ta’ [10-18]% tat-tnaqqis fl-APR. It-tnaqqis fil-kapital jista’ jieħu l-forma ta’ telf impost fuq il-valur skont il-kotba tas-selfiet mogħtijin lura lill-Istat.

    (234)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-BIC issuġġerixxa li l-entità magħquda tista’ żżomm proporzjon tal-kapital tal-qalba tal-ewwel grad ta’ [10-18]% f’każ li jkollha tagħti lura s-selfiet mhux produttivi, billi toffri selfiet ġodda lill-ekonomija. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li tali miżura ma tkunx tillimita l-għajnuna għall-minimu, għar-raġunijiet li ġejjin: l-ewwel nett, il-proporzjon tal-kapital proprju tal-BIC qabel il-bejgħ se jkun iktar baxx minn [10-18]% fid-data tal-bejgħ. Għalhekk, hekk kif isseħħ il-fużjoni bejn il-BPN u l-BIC, il-livell tal-kapital tal-qalba tal-ewwel grad fl-entità magħquda se jinżel immedjatament (kif rifless fil-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni ta’ Jannar tal-2012). Hekk, kieku l-entità magħquda kellha żżomm proprzjon ta' kapital tal-qalba tal-ewwel grad ta' [10-18]% wara l-fużjoni, ikollha kapitalizzazzjoni ogħla minn dik li kien bassar il-BIC innifsu. It-tieni nett, il-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni ta’ Jannar tal-2012 diġà jikkunsidra self ġdid lill-ekonomija, u għal dak il-fini l-livell (għoli ħafna) ta’ [10-18]% tal-kapital tal-qalba tal-ewwel grad fil-BPN fil-mument tal-bejgħ huwa meqjus bħala biżżejjed. Għaldaqstant, m’hemmx bżonn li jiġi ddedikat saħansitra aktar kapital minn dak maħsub fil-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni tal-2012 għall-għoti ta' selfiet ġodda. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis bħala pożittiv l-impenn li ħa l-Portugall li l-proprozjon ta’ kapital tal-qalba tal-ewwel grad tal-BPN fid-data tal-bejgħ lill-Banco BIC mhux se jkun ogħla minn [10-18]% u li jekk wara l-bejgħ is-selfiet mhux produttivi jiġu ttrasferiti lill-Istat jew lil xi entità kkontrollata mill-Istat, il-Banco BIC jew l-entità magħquda se jittrasferixxu lill-Istat jew lil kwalunkwe entita kkontrollata mill-Istat kwalunkwe kapital assoċjat ma’ dawk is-selfiet, li jikkorrispondi għal [10-18]% tal-assi ppeżati għar-riskju tas-selfiet.

    (235)

    Barra minn dan, il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni tiddikjara li hemm bżonn li jkun hemm projbizzjoni fuq l-akkwisti sabiex l-għajnuna tibqa’ tinżamm fil-livell minimu neċessarju. Il-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni isemmi espliċitament li “impriża ma għandhiex tibbenefika minn riżorsi pubbliċi li jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw attivitajiet li joħolqu distorsjoni fis-suq li mhumiex marbuta mal-proċess tar-ristrutturar. Pereżempju, l-akkwisti ta’ ishma minn impriżi oħrajn jew investimenti ġodda ma jistgħux ikunu finanzjati permezz ta’ għajnuna mill-Istat sakemm dan mhux essenzjali għar-ritorn għall-vijabbiltà tal-impriża”.

    (236)

    Il-Kummissjoni tosserva li l-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni tal-2012 kien diġà indika li l-entità magħquda se ssir waħda vijabbli li għandu jkollha ROE aċċettabbli u li saħansitra mistennija tagħmel il-profitti. Dan ir-ritorn għall-vijabbiltà ma jiddependix mill-akkwisti. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni hija tal-fehma li projbizzjoni fuq l-akkwisti se tiżgura li l-kapital li huwa meqjus meħtieġ għar-ristrutturazzjoni jibqa’ fil-bank, u b’hekk jgħin biex dan jerġa' jsir vijabbli. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-impenn li ħa l-Portugall li jinforza projbizzjoni fuq l-akkwisti huwa meħtieġ biex tiġi ggarantita l-kompatibilità tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mas-suq intern.

    Il-kontribuzzjoni proprja

    (237)

    Rigward il-kontribuzzjoni proprja, il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni titlob li l-ispejjeż għar-ristrutturazzjoni ma jġorrhomx l-Istat waħdu iżda wkoll l-investituri tal-passat u l-azzjonisti ta' qabel ta' bank. Dak ir-rekwiżit jiżgura li l-banek jassumu responsabbiltà adegwata għall-konsegwenzi ta’ kif aġixxew fil-passat u joħloq inċentivi xerqin għall-imġiba tagħhom fil-ġejjieni.

    (238)

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li huwa pożittiv il-fatt li l-azzjonisti tilfu l-flus li kellhom investiti fil-bank mingħajr ma ħadu l-ebda kumpens. B’dan il-mod qed jieħdu sehem b’mod adegwat fil-qsim tal-piżijiet ta’ bank li l-valur tiegħu kien negattiv, skont l-istima ta’ żewġ entitajiet indipendenti li nħatru mill-Portugall. Il-Kummissjoni tqis bħala pożittiv ukoll il-fatt li l-bord tal-BPN inbidel u ġie ssostitwit fil-kuntest tal-proċess tan-nazzjonalizzazzjoni.

    (239)

    Madanakollu, il-Kummissjoni tinnota li dawk li kellhom bonds subordinati, li kellhom ammont ta’ EUR 245 miljun, se jinżammu fil-bank li qed jiġi pprivatizzat u jistgħu ikomplu jirċievu l-kupuni.

    (240)

    Kif jingħad fil-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni, “meta dawk l-attivitajiet ma jiġġenerawx biżżejjed profitti, il-banek ma għandhomx jużaw l-għajnuna mill-Istat biex jirremuneraw il-fondi proprji (ekwità u dejn subordinat)”.

    (241)

    Fir-rigward tal-perjodu li matulu l-BPN kien qed jiġi rristrutturat, il-BPN ma mexiex skont il-linja politika tal-Kummissjoni dwar l-istrumenti mħallta kif stabbilita fil-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni. Il-Kummissjoni għamlitha ċara li, f’kuntest ta’ ristrutturazzjoni, il-kumpens diskrezzjonali tat-telf (ngħidu aħna billi jiġu lliberati riżervi jew billi jitnaqqas il-kapital proprju) min-naħa tal-banek benefiċjarji sabiex jiġi ggarantit il-ħlas tad-dividendi u tal-kupuni fuq dejn subordinat dovut, fil-prinċipju mhux kompatibbli mal-objettiv tal-qsim tal-piżijiet. Il-Kummissjoni tinnota li l-ħlas tal-kupuni ma jirrispettax dak il-prinċipju u għandu jiġi kkumpensat permezz ta’ ristrutturazzjoni aktar fil-fond (54).

    (242)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li ristrutturazzjoni fil-fond ħafna tal-bank tista’ tkun biżżejjed biex tikkumpensa għan-nuqqas ta’ qsim tal-piżijiet.

    (243)

    Madanakollu, minħabba li l-bank issa qed jinbiegħ, hija meħtieġa li ssir projbizzjoni fuq it-tisrif sal-31 ta’ Diċembru tal-2016 sabiex jiġi pprovdut livell minimu ta’ qsim tal-piżijiet min-naħa tal-azzjonisti tal-bank.

    (244)

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tieħu nota tal-impenn li ħa l-Portugall li, sabiex jikkontribwixxi għall-proċess tar-ristrutturazzjoni tal-BPN, sal-31 ta’ Diċembru tal-2016 il-Banco BIC, l-entità magħquda u l-Portugall mhumiex se jagħmlu użu minn kwalunkwe drittijiet li jagħżlu li jsarrfu dejn subordinat maħruġ mill-BPN qabel id-data tal-bejgħ.

    Ir-rimunerazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna

    (245)

    Il-Kummissjoni tinnota li r-rimunerazzjoni għal kull waħda mill-miżuri ta’ għajnuna elenkati fil-paragrafi minn (182) sa (184), u b’mod partikulari l-garanziji, l-injezzjoni tal-kapital u t-trasferiment tal-assi għal ġol-SPVs, mhix konformi mal-Komunikazzjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni.

    (246)

    Il-garanziji Statali ġew ipprezzati 20 punt bażi, li huwa sostanzjalment iktar baxx mil-livell li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli tal-Kummissjoni dwar ir-rimunerazzjoni tal-garanziji Statali fuq l-obbligazzjonijiet maħruġin mill-istituzzjonijiet finanzjarji.

    (247)

    Huwa ċar li l-injezzjoni ta’ kapital ta’ EUR 600 miljun fil-BPN, li saret fi Frar tal-2012, m’għandhiex rimunerazzjoni konformi mal-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni. Fir-realtà, l-awtoritajiet Portugiżi ma jistennew l-ebda rimunerazzjoni fuq il-kapital li ġie injettat. Kif inhuma l-affarijiet, il-kapital ġie injettat bl-iskop li l-bank ikun jista’ jinbiegħ bi prezz negattiv.

    (248)

    Rigward it-trasferiment tal-assi għal ġol-SPVs skont il-valur tal-kotba, filwaqt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi, minn perspettiva teoretika, li t-trasferiment tal-assi għal ġot-tliet SPVs huwa maħsub biex jipproteġi l-vijabbiltà tal-BPN u biex jippermetti li jinbiegħ, il-valur skont il-kotba tat-trasferiment jimplika għajnuna li mhix konformi mar-rekwiżiti ewlenin tal-KAI. B’mod partikulari, it-trasferiment huwa skont il-valur tal-kotba, li huwa sostanzjalment ogħla mill-valur ekonomiku reali u m’hi prevista l-ebda rimunerazzjoni għall-Istat. Il-KAI tagħraf li ristrutturazzjoni fil-fond tista’ tikkumpensa għal devjazzjonijiet li jista’ jkun hemm mill-kriterji ewlenin ta’ dik il-Komunikazzjoni, inklużi dawk dwar l-ipprezzar. L-eżistenza tar-ristrutturazzjoni fil-fond tal-BPN hija element li jista’ jippermetti lill-Kummissjoni ssib li dik il-miżura hija kompatibbli mal-KAI. Għaldaqstant, it-trasferiment tal-assi għal ġol-SPVs jista’ jiġi vvalutat flimkien mal-bqija tal-miżura li ttieħdet favur il-BNP u bħala parti mir-ristrutturazzjoni mifruxa.

    (249)

    Il-punt 25 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni jistabbilixxi li kwalunkwe deroga minn qsim xieraq tal-piżijiet ex ante li setgħat ingħatat b’mod eċċezzjonali fil-fażi tas-salvataġġ għal raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja trid tagħmel tajjeb għaliha kontribuzzjoni addizzjonali fi stadju ulterjuri tar-ristrutturazzjoni, pereżempju fil-forma ta’ klawżoli ta’ restituzzjoni u/jew ristrutturazzjoni aktar estiża, inklużi miżuri addizzjonali biex jillimitaw id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni.

    (250)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-ristrutturazzjoni tal-BPN hija profonda biżżejjed. L-ewwel nett, tinnota li l-bank huwa żgħir. B’riżultat tal-proċess tar-ristrutturazzjoni, il-BPN bħala bank indipendenti se jgħib. L-attivitajiet tal-bank ta’ servizzi għall-konsumatur, li se jeħodhom f’idejh il-BIC, għandhom karta tal-bilanċ ta’ inqas minn 35 % tal-karta tal-bilanċ tal-BPN qabel ma ġie nnazzjonalizzat. L-attivitajiet li ma jappartjenux għas-servizzi tal-bank għall-konsumatur ġew abbandunati b’mod definittiv.

    (251)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-qsim tal-piżijiet huwa adegwat fid-dawl tar-ristrutturazzjoni fil-fond tal-BPN.

    6.3.3   Miżuri li jillimitaw it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni

    (252)

    Rigward il-miżuri biex jiġi limitat it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni, il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni tistabbilixxi li n-natura u l-forma ta’ tali miżuri se jkunu jiddependu fuq l-ammont tal-għajnuna u fuq il-kundizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi tal-għotja, kif ukoll fuq il-karatteristiċi tas-suq/tas-swieq li fihom ikun se jopera l-bank benefiċjarju.

    (253)

    Filwaqt li l-ammont ta’ għajnuna li rċieva l-BPN huwa sinifikanti, wieħed għandu jqis iċ-ċokon tal-BPN. Kif indikat fil-punt 32 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni, il-Kummissjoni se tanalizza l-effetti probabbli tal-għajnuna fuq is-swieq fejn il-bank benefiċjarju jopera wara r-ristrutturazzjoni. L-ewwel nett, se jiġu eżaminati d-daqs u l-importanza relattiva tal-bank fis-suq jew fis-swieq tiegħu, wara li jkun irritorna għal-vijabbiltà.

    (254)

    F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-BPN mhux se jibqa’ jeżisti bħala l-istess entità ekonomika ta’ qabel sar l-intervent min-naħa tal-Istat (55). Ġie nnazzjonalizzat u saritlu ristrutturazzjoni fil-fond ħafna. B’riżultat ta’ dan, il-bank li se jkun qed jikkompeti fis-suq se jkun ferm iċken.

    (255)

    Fi tmiem l-2008, il-BPN kien is-seba’ l-ikbar istituzzjoni finanzjarja fil-Portugall skont id-daqs tal-karti tal-bilanċ. Minn mindu ġie nnazzjonalizzat, iċċekken, b'mod partikulari b'riżultat tal-ħruġ ta' depożiti. Ilu minn nofs l-2011 ’il hawn fit-12-il post, b’sehem ta’ inqas minn 1 % mis-suq, kemm għad-depożiti kif ukoll għas-selfiet. Id-depożiti u s-selfiet kważi naqsu bin-nofs fil-perjodu bejn l-2008 u l-2011.

    (256)

    Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru tal-2011, il-Portugall iddikjara, l-ewwel nett, li sa minn qabel in-nazzjonalizzazzjoni l-BPN kellu sehem ta’ madwar [1-2]% mis-suq. It-tieni nett, wara n-nazzjonalizzazzjoni, il-BPN ġie rristrutturat b’mod sinifikanti u kompla jiċkien. It-tielet nett, anki wara l-integrazzjoni mal-BIC, l-entità magħquda l-ġdida se jkollha sehem ta’ inqas minn [< 1] % mis-suq fil-Portugall, minħabba li bħalissa s-sehem tal-BPN mis-suq huwa madwar [< 1 ]% kemm għall-krediti lill-konsumaturi kif ukoll għad-depożiti, u l-ishma tal-BIC mis-suq huma [< 1] % għas-selfiet u [< 1] % għad-depożiti.

    (257)

    Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-bejgħ tal-attivitajiet tal-bank permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti ta lill-kompetituri l-opportunità li jakkwistaw il-marka u l-attivitajiet tal-BPN, u b’hekk ġie limitat it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni.

    (258)

    Il-Kummissjoni tħares b’mod favorevoli wkoll lejn il-linja politika dwar id-dividendi, kif deskritt fil- paragrafu ((56) (xiii)).

    (259)

    Barra minn hekk, il-punt 44 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni jsemmi li l-banek ma jistgħux jużaw is-sostenn mill-Istat bħala vantaġġ kompetittiv meta jikkummerċjalizzaw l-offerti finanzjarji tagħhom. Il-Kummissjoni tqis bħala pożittiv l–impenn li ħa l-Portugall li I-BIC mhux se jirreferi għall-użu tal-għajnuna mill-Istat fil-kampanji ta’ mmarkitjar tiegħu u fil-komunikazzjonijiet li se jibgħat lill-investituri.

    (260)

    Fid-deċiżjoni tagħha tal-24 ta’ Ottubru tal-2011, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar jekk il-miżuri maħsubin kinux biżżejjed meta wieħed iqis l-ammont sinifikanti ta’ għajnuna u l-fatt li l-BPN kien irċieva kapitalizzazzjoni mill-ġdid, garanziji u miżuri rigward l-assi indeboliti li ma ġewx irrimunerati skont ir-rekwiżiti tal-Komunikazzjonijiet rilevanti.

    (261)

    Il-Kummissjoni nnutat, b’mod partikulari, li l-bank se jkun qed jopera fis-suq b’kapital tal-qalba tal-ewwel grad ta’ [10-18]%, li huwa sinfikattivament ogħla mil-livelli minimi ta’ 9 % mitlub għal tmiem l-2011 u ta’ 10 % għal tmiem l-2012).

    (262)

    Barra minn hekk, il-BIC talab għad-dritt li jbigħ lura, fi żmien […] xhur, selfiet li ma jkunux produttivi għal mill-inqas […] jiem (sa […]% tal-valur nominali totali tal-portafoll tas-selfiet). Talab ukoll li jinżamm is-sostenn permezz tal-likwidità min-naħa tal-CGD f’żewġ forom. L-ewwel forma hija ż-żamma tal-linja tal-kreditu b’rabta mal-programm ta’ karta kummerċjali għal sa EUR [150-500] miljun b’garanzija Statali għal tliet snin u l-impenn min-naħa tal-CGD li ma jibdilx il-kundizzjonijiet tal-linja tal-kreditu sa […]. It-tieni forma hija linja ġdida ta’ kreditu li għandha tingħata mill-CGD għal sa EUR [150-350] miljun biex tikkumpensa għall-fatt li d-depożiti niżlu taħt il-EUR 1.8 biljun, b'rimunerazzjoni bir-rata Euribor +[…] punti bażi.

    (263)

    Dan għandu jiggarantixxi li l-għajnuna mill-Istat ma tintużax mill-entità magħquda biex tikber minn fuq dahar il-kompetituri u li t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni kkaġunat mill-għajnuna jiġi indirizzat kif xieraq.

    (264)

    Minħabba l-qagħda mimlija tensjoni fis-suq u l-kundizzjonijiet stretti imposti fuq is-settur bankarju mill-Portugall b’riżultat tal-ġrajjiet li wasslu għall-iffirmar tal-MtQ, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dawn il-linji tal-kreditu jaffettwaw b'mod sinifikanti kemm l-entità magħquda se tkun kapaċi tikkompeti fis-suq kontra parteċipanti oħrajn li ma rċevewx għajnuna mill-Istat.

    (265)

    Għalhekk, l-għajnuna mill-Istat tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli biss kemm-il darba jittieħdu biżżejjed miżuri li jiżguraw li l-għajnuna mill-Istat ma tintużax għad-detriment tal-kompetituri, li wħud minnhom ma rċevewx sostenn pubbliku bħal dan. Ir-regoli tal-logħba għandhom jibqgħu jkunu l-istess kemm għall-banek li rċevew sostenn pubbliku kif ukoll għal dawk li ma rċevewx. L-għajnuna mill-Istat m’għandhiex iddgħajjef l-inċentivi biex dawk li ma bbenefikawx minnha jikkompetu, jinvestu u jkunu innovattivi, jew toħloq xkiel għad-dħul fis-suq li jista’ jimmina l-attività transkonfinali.

    (266)

    Hemm bżonn li jiġi żgurat li l-entità magħquda ma tgawdix minn vantaġġ kompetittiv li jirriżulta mit-trasferiment tar-riskju tal-likwidità għal għand l-Istat u mill-allokazzjoni tal-kapital.

    (267)

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni hija tal-fehma li sabiex jiġi limitat it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni kkaġunat mill-fatt li l-bank ikollu livell ta’ kapital ogħla mir-rekwiżit minimu (ara l-paragrafu (260), jeħtieġ li kwalunkwe tnaqqis fl-APR li jirriżulta mir-radd tas-selfiet lill-Istat ikun akkumpanjat minn tnaqqis korrispondenti fil-kapital. Għalhekk, l-impenn li ħa l-Portugall dwar il-livell massimu ta’ kapital tal-BPN huwa meħtieġ biex tiġi ggarantita l-kompatibilità tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mas-suq intern.

    (268)

    It-tieni nett, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jeħtieġ li d-dewma tal-linja tal-kreditu ta’ EUR [150-500] miljun marbuta mal-programm ta’ karta kummerċjali tal-BPN tiġi limitata għal perjodu ta’ […] snin. Barra minn hekk, jeħtieġ li r-rimunerazzjoni għat-tieni linja ta' likwidità tkun eqreb lejn il-kundizzjonijiet tas-suq u tiġi ffissata bir-rata Euribor +[…] punti bażi. Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-Portugall jitlob għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni għal kwalunkwe għoti ta’ linji ta’ kreditu mill-CGD jew mill-Istat sal-31 ta’ Diċembru 2016, sabiex jiġi żgurat li dawk il-limitazzjonijiet jiġu rrispettati. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota l-impenji li ħa l-Portugall rigward il-linji ta’ likwidità, li huma meħtiġin sabiex tiġi żgurata l-kompatibilità tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mas-suq intern.

    (269)

    It-tielet nett, il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni torbot ukoll projbizzjoni fuq l-akkwisti mat-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni. Fil-punti 39 u 40, il-Komunikazzjoni tispjega li “l-għajnuna mill-Istat ma tridx tintuża għad-detriment ta’ kompetituri li ma jgawdux minn sostenn pubbliku simili“, u li “il-banek ma għandhomx jużaw l-għajnuna mill-Istat għall-akkwist ta’ negozji li jikkompetu magħhom”. Il-Kummissjoni tilqa' bi pjaċir l-impenn li ħa l-Portugall, li jissemma fil-paragrafu (235), li jinforza projbizzjoni fuq l-akkwisti sal-31 ta’ Diċembru tal-2016.

    (270)

    Fl-aħħar nett, id-dritt tal-BIC li jrodd lura s-selfiet mhux produttivi lill-Istat għandu jintemm minn […] u mhux […] xhur wara d-data tal-bejgħ. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-BIC kellu l-opportunità li janalizza s-selfiet tal-BPN minn mindu nħarġet is-sejħa għall-offerti, u b’mod partikulari wara l-iffirmar tal-Ftehim Qafas fid-9 ta' Diċembru tal-2011. Barra minn hekk, il-portafoll tas-selfiet diġà tnaddaf darbtejn: bit-trasferiment tal-inqas selfiet produttivi għal ġol-SPVs f’Diċembru tal-2010 u, sussegwentement, mill-BIC minħabba li x-xerrej talab għad-dritt li jrodd lura lill-Istat ammonti oħrajn ta’ selfiet sabiex jissodisfa l-proporzjon ta’ [110-150]% bejn is-selfiet u d-depożiti.

    (271)

    Il-Kummissjoni tinnota li kwalunkwe possibbiltà oħra ta’ radd lura ta’ selfiet toffri lill-BIC protezzjoni mir-riskju tal-qagħda ekonomika li qed teħżien. Kwalunkwe “nuqqas ta’ produttività” sussegwenti tkun, x’aktarx, tirrifletti l-fatt li l-qagħda ekonomika tkun sejra għall-agħar, u għalhekk tkun taffettwa lis-settur bankarju kollu kemm hu. Id-dritt tal-BIC li jrodd lura s-selfiet mhux produttivi lill-Istat jgħawweġ il-kompetizzjoni minħabba li l-ebda bank ieħor mhu se jkollu dik il-possibbiltà. Il-perjodu mogħti għar-radd lura għandu għaldaqstant jitqassar biex jintemm mhux aktar tard mid […]. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tilqa' bi pjaċir l-impenn li ħa l-Portugall li jirrispetta […] bħala d-data meta jagħlaq iż-żmien.

    6.3.4   Konklużjoni

    (272)

    Jekk l-impenji kollha deskritti fit-taqsima 5.2 jiġu implimentati korrettement, il-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni tal-2012 jipprovdi biżżejjed evidenza li l-vijabbiltà tal-entità magħquda fuq medda twila ta’ żmien reġgħet inkisbet, li ntlaħaq livell suffiċjenti ta’ qsim tal-piżijiet u li ttieħdu miżuri adegwati biex jiġi llimitat it-tagħwiġ eċċessiv tal-kompetizzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tiddikjara li l-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni ta’ Jannar tal-2012 jikkonforma mal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni.

    6.3.5   Il-monitoraġġ

    (273)

    Il-punt 46 tal-Komunikazzjoni dwar ir-ristrutturazzjoni jgħid li, biex jiġi vverifikat li l-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni jkun qed jiġi implimentat tajjeb, hemm bżonn ta’ rapporti dettaljati regolari mingħand l-Istati membri. Għalhekk, jeħtieġ li il-Portugall jipprovdi lill-Kummissjoni b’rapporti bħal dawn kull sitt xhur, li jibdew jgħoddu mid-data ta’ din id-deċiżjoni.

    7.   Konklużjoni

    (274)

    Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li l-Portugall implimenta, kontra r-regoli, l-għajnuna mill-Istat elenkata fit-taqsima 6.1.2 ‘Kwantifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat’ bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Madanakollu, jista' jinstab li dik l-għajnuna, flimkien mal-miżuri l-oħrajn ta’ għajnuna li ġew ittrattati f'din id-Deċiżjoni, huma kompatibbli jekk l-impenji deskritti fit-taqsima 5.2 jiġu implimentati,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-miżuri li ġejjin, li ttieħdu mill-Portugall, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat:

    i.

    Selfiet li ngħataw mill-CGD qabel in-nazzjonalizzazzjoni;

    ii.

    Selfiet u linji ta’ likwidità mogħtijin mill-CGD lill-BPN wara n-nazzjonalizzazzjoni u qabel il-bejgħ, b’garanzija Statali espliċita jew mingħajrha;

    iii.

    It-trasferiment ta’ assi mill-BPN għal ġol-SPVs bil-valur skont il-kotba, qabel u wara l-bejgħ;

    iv.

    Injezzjoni tal-kapital mill-Istat, li saret fil-15 ta’ Frar tal-2012;

    v.

    Linji ta’ likwidità biex jingħataw mill-CGD, mitlubin mill-BIC għall-entità magħquda;

    vi.

    Id-dritt tal-BIC li jittrasferixxi depożiti bi pprezzar ogħla minn […] punti bażi lill-Istat, jew li jirċievi mingħand l-Istat id-differenza f’rimunerazzjoni; u

    vii.

    It-trasferiment lill-Istat tal-ispejjeż marbutin mal-litigazzjoni.

    2.   Il-miżuri ta’ għajnuna msemmijin fil-paragrafu 1 huma kompatibbli mas-suq intern fid-dawl tal-impenji msemmijin fit-Taqsima 5.2.

    Artikolu 2

    Fi żmien xahrejn min-notifikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Portugall jinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li jkun ħa biex jikkonforma magħha. Barra minn hekk, il-Portugall jippreżenta rapporti dettaljati dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu biex jikkonforma mad-deċiżjoni, bl-ewwel wieħed ikun sitt xhur mid-data ta’ din id-deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Marzu 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Joaquín ALMUNIA

    Viċi President


    (1)  ĠU C 371 tal-20.12.2011, p. 14.

    (2)  ĠU L 83 tas-27.3.1999, p. 1; Edizzjoni Speċjali tal-ĠU bil-Malti: Kapitolu 08 Volum 01 p. 339 – 347.

    (3)  ‘Portugal, Memorandum Of Understanding On Specific Economic Policy Conditionality’, 17 ta’ Mejju 2011, http://ec.europa.eu/economy_finance/eu_borrower/mou/2011-05-18-mou-portugal_en.pdf

    (4)  Kif deskritt f’aktar dettall fil-paragrafu (53), il-BIC huwa bank żgħir li ilu attiv fil-Portugall mill-2008.

    (5)  ‘Nota dwar il-Banco Português de Negócios’, datata s-17 ta’ Frar tal-2010.

    (6)  Ara, ngħidu aħna, p. 96 tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finazjarja tal-Bank tal-Portugall għas-sena 2008.

    (7)  Il-CGD huwa bank li hu kollu kemm hu tal-Istat Portugiż.

    (8)  ‘Nota dwar il-Banco Português de Negócios’, datata s-17 ta’ Frar tal-2010, p. 4.

    (9)  Dawk l-indebolimenti kienu stmati, wara n-nazzjonalizzazzjoni, “bħala aktar minn 20 % tat-total tal-assi li kellu l-BPN f’dak il-mument”; ara l-memorandum tal-14 ta’ Settembru tal-2010, p. 17.

    (10)  Skont l-evalwazzjonijiet kemm tad-Deutsche Bank kif ukoll tad-Deloitte, fid-data tan-nazzjonalizzazzjoni l-BPN kellu valur tal-assi u finanzjarju negattiv.

    (11)  Rapport dwar l-Istabbiltà tal-Bank tal-Portugall għas-sena 2008, ikkwotat fil-p. 16 tal-Memorandum tal-14 ta’ Settembru tal-2010.

    (12)  L-Artikolu 2(9) tal-Liġi tan-Nazzjonalizzazzjoni.

    (13)  Ara l-p. 3 tad-dokument mibgħut mill-awtoritajiet Portugiżi, bit-titlu ‘Nota: Banco Português de Negócios, S.A.’ tas-17 ta’ Frar tal-2010.

    (14)  F’Ottubru tal-2008, il-CGD ffirma mal-BPN tliet ftehimiet dwar self għal medda qasira ta’ żmien: (i) fid-9 ta’ Ottubru tal-2008 għal ammont ta’ EUR 200 miljun b’rahan fuq ċerti assi kif ukoll bil-wegħda ta’ jeddijiet ipotekarji fuq binjiet li kienu taħt il-kontroll tal-BPN (ii) fit-28 ta’ Ottubru tal-2008, għal ammont ieħor ta’ EUR 15-il miljun, u (iii) fid-29 ta’ Ottubru tal-2008, fil-forma ta’ selfa ġdida ta’ EUR 20 miljun. Ir-raba’ selfa għal medda qasira ta’ żmien ngħatat mill-CGD għall-finijiet ta’ provvista ta’ likwidità lill-BPN għal EUR 80 miljun oħra u ġiet iffirmata fit-3 ta’ Novembru tal-2008. L-erba’ selfiet inħarġu lkoll kemm huma b’rata ta’ mgħax Euribor ta’ xahar, u magħha firxa ta’ 1 %, u t-tieni, it-tielet u r-raba’ selfa gawdew mill-istess jeddijiet kollaterali bħall-ewwel selfa ta’ EUR 200 miljun.

    (15)  Skont in-Nota dwar il-BPN tas-17 ta’ Frar 2010, il-kuntratt dwar il-faċilità tal-ALE sar fis-17 ta' Ottubru 2008, u l-ammont żdied fis-27 ta’ Ottubru 2008.

    (16)  Ara l-p. 32 tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ Jannar tal-2012.

    (17)  Ara l-p. 28 tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ Jannar tal-2012.

    (18)  L-entitajiet ad hoc ġew issegregati mill-BPN, safejn għandha x’taqsam il-kontabbiltà, fil-31 ta’ Diċembru tal-2010, u l-Istat ħadhom f'idejh direttament b’mod formali fil-15 ta’ Frar tal-2012.

    (19)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri nru 57-B/2010 dwar il-privatizzazzjoni mill-ġdid tal-BPN. Id-digriet-liġi li jistabbilixxi l-qafas legali għall-privatizzazzjoni tal-BPN ġie approvat f’Novembru tal-2009.

    (20)  Ara l-p. 35 tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ Jannar 2012.

    (21)  Ara l-‘Aviso do Banco de Portugal n.o 3/2011’ li jistipula li l-istituzzjonijiet tal-kreditu jridu jirreġistraw, fuq bażi konsolidata, proporzjon ta’ kapital tal-qalba tal-ewwel grad ta’ 9 % sal-31 ta’ Diċembru tal-2011.

    (22)  Ara t-tweġiba tal-awtoritajiet Portugiżi bid-data tas-17 ta’ Frar tal-2012, Q. 7.

    (*)  Dejta kunfidenzjali.

    (23)  Il-punti 2.10 u 2.11 tal-MtQ.

    (24)  Memorandum dwar ir-regoli tal-proċess ġie ffirmat bejn il-BPN u l-partijiet li ddikjaraw interess li jidħlu fis-sala tad-dejta.

    (25)  In-Núcleo Estratégico de Investidores (in-NEI), li huwa grupp ta’ investituri.

    (26)  Ara d-dokument mibgħut mill-awtoritajiet Portugiżi bl-isem ‘Plano Revisto’, bid-data tal-20 ta’ Jannar tal-2012, p. 125.

    (27)  Minuta de contrato de compra e venda das ações no âmbito da reprivatização do Banco Português de Negócios, S.A.

    (28)  Skont l-Artikolu 2.5(c) tal-ftehim qafas, il-ftehim jiġi tterminat jekk il-bejgħ ma jkunx ġie konkluż sal-31 ta’ Marzu tal-2011 (bil-possibbiltà għall-BIC li jtawwal dik id-data).

    (29)  L-ammont tal-injezzjoni tal-kapital li hu meħtieġ biex jintlaħaq il-livell li qed jitlob il-BIC ġie stmat kif ġej mill-awtoritajiet Portugiżi: bejn wieħed u ieħor EUR […] miljun f’Settembru tal-2011, EUR […] miljun f’Novembru tal-2011, u EUR 600 miljun f’Jannar tal-2012.

    (30)  L-SPVs għaddew minn taħt il-kontroll tal-BPN għal għand l-Istat fil-15 ta’ Frar tal-2012.

    (31)  L-awtoritajiet Portugiżi josservaw li s-selfiet mhux produttivi kurrenti kienu jammontaw għal EUR […] miljun f’Settembru tal-2011; ara d-dokument mibgħut mill-awtoritajiet Portugiżi bl-isem “Plano Revisto”, datat l-20 ta’ Jannar tal-2012, p. 126.

    (32)  Skont l-awtoritajiet Portugiżi, id-dispożizzjonijiet eżistenti għandhom jiżguraw li fil-prattika l-BIC ma jirrikorrix għal dik il-possibbiltà, minħabba li fl-ewwel sena wara l-bejgħ is-selfiet mhux produttivi jkollhom jiżdiedu b’madwar […]% biex il-BIC ikun jista’ jagħmel użu minn dik il-possibbiltà.

    (33)  Din ir-rata referenzjarja tista’ tvarja skont id-dewma u l-valuta tad-depożiti (EURIBOR/LIBOR).

    (34)  Din il-possibbiltà ġiet inkluża fil-Ftehim Qafas sabiex ma jiġux imposti fuq il-BIC xi deċiżjonijiet inqas prudenti meħudin mill-amministrazzjoni l-antika tal-BPN.

    (35)  Skont it-tweġiba tal-awtoritajiet Portugiżi tat-2 ta’ Settembru tal-2011 u d-dokument mibgħut mill-awtoritajiet Portugiżi bl-isem ‘Plano Revisto’, datat l-20 ta’ Jannar tal-2012, p. 126, il-BIC jista' juża dik il-linja ta’ assi likwidi għal sa tliet snin matul perjodu ta’ prelevament ta’ erba’ snin.

    (36)  Messaġġ elettroniku mingħand l-awtoritajiet Portugiżi li wasal fis-17 ta’ Frar tal-2012 bi tweġiba għat-talba għall-informazzjoni li kienet għamlet il-Kummissjoni fit-8 ta’ Frar tal-2012, il-mistoqsija nru 17. Skont dik it-tweġiba, l-injezzjoni tal-kapital wasslet għar-rimborż ta’ EUR 201 miljun ta’ selfiet tas-suq monetarju li kienu ngħataw mill-CGD.

    (37)  Ara, b’mod partikulari, il-Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti, ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8.

    (38)  Il-Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti, ĠU C 270 tal-25.10.2008, p. 8.

    (39)  Meta wieħed iqis il-komunikazzjoni tal-20 ta’ Jannar tal-2012 li tirreferi għas-selfa ta’ EUR 80 miljun li ngħatat fit-3 ta’ Novembru tal-2008.

    (40)  Ara l-‘Aviso do Banco de Portugal n.o 3/2011’, li jistipula li l-istituzzjonijiet tal-kreditu jirreġistraw, fuq bażi konsolidata, proporzjon ta’ kapital tal-qalba tal-ewwel grad ta’ 9 % sal-31 ta’ Diċembru 2011.

    (41)  ĠU C 10 tal-15.1.2009, p. 2.

    (42)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Trattament ta' Assi indeboliti fis-Settur Bankarju tal-Komunità, ĠU C 72 tas-26.3.2009, p. 1.

    (43)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta’ miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, ĠU C 195 tad-19.8.2009, p. 9.

    (44)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Jannar 2012, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, ĠU C 356 tas-6.12.2011, p. 7.

    (45)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ottubru tal-2008 fil-każ dwar għajnuna mill-Istat NN60/2008 – Skema Portugiża tal-garanziji, ĠU C 9 tal-14.01.2009 u r-Rettifika, ĠU C 25 tal-31.01.2009, imtawla permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Lulju tal-2010 fil-każ dwar għajnuna mill-Istat N315/2010, ĠU C 283 tal-20.10.2010, u mtawla aktar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Jannar tal-2011 fil-każ dwar għajnuna mill-Istat SA.32158, ĠU C 111 tad-09.04.2011 u mtawla aktar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Diċembru tal-2011 fil-każ dwar għajnuna mill-Istat SA.34034, li għadu ma ġiex ippubblikat.

    (46)  Ara l-komunikazzjoni tal-Portugall bid-data tas-17 ta’ Frar tal-2012, l-Anness II.

    (47)  Fosthom 45 azzjoni kontra l-amministrazzjoni ta’ qabel tal-BPN, 25 proċedura ċivili u 20 proċedura kriminali.

    (48)  Ara l-komunikazzjoni tal-Banco de Portugal tal-10 ta' Mejju, nru 3/2011, Diário da República nru 95, Serje II.

    (49)  Ara l-punt nru 22 tal-Komunikazzjoni dwar ir-ristrutturazzjoni.

    (50)  Ara l-kawża T-17/03 Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke GmbH vs il-Kummissjoni [2006] Ġabra II-1139.

    (51)  Komunikazzjoni tal-Portugall bid-data tas-17 ta’ Frar tal-2012, l-Anness II.

    (52)  Il-valur tad-djun mal-istituzzjonijiet tal-kreditu li ħadhom f’idejh il-BIC qabel l-injezzjoni tal-kapital min-naħa tal-Istat.

    (53)  Il-valur tad-djun mal-istituzzjonijiet tal-kreditu li ħadhom f’idejh il-BIC qabel l-injezzjoni tal-kapital min-naħa tal-Istat.

    (54)  Ara, fost l-oħrajn, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-każ N 61/2009, Rescue and Restructuring of Caja Castilla la Mancha, ĠU C 289 tas-26.10.2010, p. 1.

    (55)  Ara, fost l-oħrajn, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-każ N 61/2009, Rescue and Restructuring of Caja Castilla la Mancha, ĠU C 289 tas-26.10.2010, p. 1, u fil-Każ NN 19/2009, Restructuring aid to Dunfermline Building Society, ĠU C 101 tal-20.4.2007, p. 7.


    Top