Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0629

    2012/629/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 10 ta’ Ottubru 2012 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/577/KE li taċċetta l-impenji offruti b’rabta mal-proċediment tal-anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja

    ĠU L 277, 11.10.2012, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 22/03/2016; Impliċitament imħassar minn 32016R0415

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/629/oj

    11.10.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 277/8


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-10 ta’ Ottubru 2012

    li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/577/KE li taċċetta l-impenji offruti b’rabta mal-proċediment tal-anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja

    (2012/629/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   IL-MIŻURI EŻISTENTI

    (1)

    Bir-Regolament (KE) Nru 2022/95 (2), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja. Wara talba għal skadenza u reviżjoni interim, bir-Regolament (KE) Nru 658/2002 (3), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja. Wara talba għal skadenza u reviżjoni interim oħra, bir-Regolament (KE) Nru 661/2008 (4), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja. Dan ir-Regolament ġie emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 989/2009 (5).

    (2)

    Il-Kummissjoni, bid-Deċiżjoni 2008/577/KE (6) (“id-Deċiżjoni”) aċċettat prezz ta’ impenn (“l-impenn”), inter alia, mill-kumpaniji l-Open Joint Stock Company (OJSC) “Azot’”, Novomoskovsk, ir-Russja, jew l-Open Joint Stock Company (OJSC) “Nevinnomyssky Azot”, Nevinnomyssk, ir-Russja, li tikkonċerna l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju manifatturati minn dawn il-kumpaniji, u jew mibjugħin direttament lill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni jew mibjugħin permezz tal-Eurochem Trading GmbH, Zug, l-Isvizzera, jew permezz tal-Open Joint Stock Company (OJSC) Mineral and Chemical Company “Eurochem”, Moska, ir-Russja u l-EuroChem Trading GmbH, Zug, l-Isvizzera, (“l-Eurochem Group”) lill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni.

    (3)

    Bl-istess Deċiżjoni, il-Kummissjoni aċċettat wkoll impenn minn kumpanija mill-Ukraina. Il-miżuri dwar l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mill-Ukraina skadew fis-17 ta’ Ġunju 2012 (7) u għalhekk l-impenn relatat skada wkoll fl-istess jum.

    (4)

    L-impenn aċċettat mill-Eurochem Group hu bbażat fuq tliet elementi, jiġifieri (1) indiċjar tal-prezzijiet minimi f’konformità mal-kwotazzjonijiet pubbliċi internazzjonali, (2) livell massimu kwantitattiv u (3) impenn li ma jbigħx il-prodotti koperti bl-impenn lill-istess klijenti fl-Unjoni Ewropea lil min ibigħu prodotti oħra, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti prodotti oħra li għalihom l-Eurochem Group impenjaw irwieħhom li jirrispettaw reġimi speċifiċi ta’ prezzijiet.

    (5)

    Kif intqal fil-premessa 14 tad-Deċiżjoni, meta kien aċċettat l-impenn, l-istruttura tal-bejgħ tal-Eurochem Group kien tali li l-Kummissjoni kkunsidrat ir-riskju li jkun evitat l-impenn bħala limitat.

    B.   ĊIRKOSTANZI MIBDULA

    (6)

    F’April 2012, l-Eurochem Group informa lill-Kummissjoni b’bidla fl-istruttura korporattiva u tal-bejgħ, jiġifieri li xtrat faċilità tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-fertilizzanti fl-Unjoni Ewropea li tipproduċi u tbigħ mhux biss il-prodotti koperti iżda wkoll varejtà ta’ prodotti fertilizzanti oħra.

    (7)

    Il-Kummissjoni analizzat l-implikazzjonijiet ta’ dan l-akkwist u kkunsidrat li hemm riskju kbir ta’ kumpens doppju. Tabilħaqq, jekk il-faċilità ta’ produzzjoni u bejgħ ta’ fertilizzanti akkwistata reċentement mill-Eurochem Group fl-Unjoni Ewropea tbigħ kwalunkwe mill-prodotti tiegħu lill-istess klijenti bħall-membri l-oħra tal-Eurochem Group, il-prezzijiet ta’ tali tranżazzjonijiet jistgħu jkunu ffissati b’mod li jkunu ta’ kumpens għall-Prezzijiet ta’ Importazzjoni Minimi suġġetti għall-impenn. Madankollu tali kumpens ma jkunx identifikabbli mill-attivitajiet ta’ monitoraġġ peress li l-istruttura tal-prezz għall-maġġoranza tal-prodotti manifatturati mill-faċilità ta’ produzzjoni u bejgħ ta’ fertilizzanti akkwistata reċentement mhix suġġetta għal xi sors disponibbli pubblikament, u għalhekk ma jistax ikun ivverifikat jekk il-prezzijiet imħallsa mill-klijenti jaqblux mal-valur tal-prodotti jew li jieħdu kont tar-roħs potenzjali sabiex ikunu kkumpensati t-transazzjonijiet suġġetti għall-impenn li għalih Prezz Minimu ta’ Importazzjoni jrid jkun rispettat. Fi kliem ieħor, il-monitoraġġ tal-impenn ma jkunx prattiku u ma jistax isir. Il-Kummissjoni informat lill-Eurochem Group kif inhu xieraq u ħabbret li hi favur li tikkunsidra l-irtirar tal-impenn.

    (8)

    Sussegwentement, l-Eurochem Group offra li ma jbigħx lill-istess klijenti prodotti koperti mill-impenn li, jew huma ta’ oriġini Russa jew li joriġinaw mill-UE. L-Eurochem Group kien se japplika id-dixxiplina tal-prezzijiet eżistenti li tikkonċerna l-bejgħ tal-prodotti l-oħra lil dawk il-prodotti li joriġinaw mill-UE. Il-bejgħ kollu ta’ oriġini Russa u tal-UE għandu jiġi rrappurtat ukoll.

    (9)

    Il-Kummissjoni tikkonsidra li dawn l-impenji ma jistgħux ibiddlu l-valutazzjoni inizjali tagħha għar-raġunijiet li ġejjin: (1) prodotti li joriġinaw mill-UE ma jistgħux ikunu suġġetti għal dixxiplina ta’ prezzijiet, (2) mhux il-prodotti manifatturati kollha li joriġinaw mill-UE jkunu suġġetti għar-rappurtar u (3) il-monitoraġġ ta’ tali impenn ma jkunx prattiku kif ġie ddikjarat fil-premessa 7 hawn fuq.

    (10)

    Barra minn hekk, ma jistax ikun eskluż li xi wħud mill-kwotazzjonijiet tal-prezzijiet (li huma l-bażi għall-mekkaniżmu tal-indiċjar tal-prezzijiet) ikunu influwenzati bl-akkwist tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni u bejgħ bbażati fl-UE.

    (11)

    Fl-aħħar nett, f’Lulju 2012, l-Eurochem Group informa lill-Kummissjoni b’bidla oħra fl-istruttura korporattiva tiegħu, jiġifieri li wieħed mill-membri li jikkummerċjalizza l-prodott ikkonċernat akkwista l-kontroll permezz ta’ ishma ta’ grupp ta’ distribuzzjoni ta’ fertilizzanti li jinsab kemm f’pajjiżi terzi kif ukoll fl-UE. Dan kien żieda fuq ir-riskju akbar ta’ kumpens doppju u n-nuqqas ta’ prattiċità tal-impenn kien kien spjegat fil-premessa 7 hawn fuq.

    (12)

    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li wara l-ewwel bidla fl-istruttura korporattiva u ta’ bejgħ tal-kumpanija, hemm ir-riskju għoli ta’ kumpens doppju u l-impenn aċċettat mill-Eurochem Group ma jibqax prattiku u għalhekk għandu jkun rtirat.

    (13)

    L-Eurochem Group ġie informat bil-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u ngħata opportunità li jikkummenta.

    C.   IL-PREŻENTAZZJONIJIET BIL-MIKTUB

    (14)

    Il-Eurochem Group ingħata l-opportunità li jinstema’ u ntlaqgħu wkoll sottomissjonijiet bil-miktub li fihom il-Eurochem Group offra li ma jbigħx il-prodott kopert mill-impenn lil ebda klijent li tbigħlu kwalunkwe prodott il-faċilità li tipproduċi u tbiegħ il-fertilizzanti fl-UE, riċentement mixtrija mill-istess Eurochem Group. Il-Eurochem Group spjega wkoll li l-grupp ta’ distribuzzjoni tal-fertillizzant imsemmi huwa l-kanal tal-bejgħ tradizzjonali tal-faċilità tal-produzzjoni u l-bejgħ fl-UE li għadu kif xtara u għaldaqstant dan ma joħloqx aktar riskju ta’ kumpens trasversali. Barra minn hekk, il-Eurochem Group saħaq li l-influwenza fuq il-kwotazzjonijiet tal-prezz hija teoretika għaliex ikun kontra l-interess kummerċjali tiegħu li jiffissa prezz tal-bejgħ iżjed baxx fuq in-nitrat tal-ammonju tiegħu li joriġina mill-UE biex inaqqas il-Prezzijiet ta’ Importazzjoni Minimi indiċizzat għan-nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja.

    (15)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-impenn rivedut ma jbiddilx l-eżitu tal-ewwel valutazzjoni tagħha dwar l-imprattikabbiltà ta’ dan l-impenn. L-ewwel nett, minkejja li l-grupp li jiddistribwixxi l-fertilizzant huwa l-kanal tradizzjonali tal-bejgħ tal-faċilità ta’ produzzjoni u bejgħ fl-UE li għadu kif xtara, xorta waħda huwa kanal ġdid tal-bejgħ għall-Eurochem Group. Għaldaqstant, il-monitoraġġ tal-impenn xorta jirrikjedi li l-bejgħ kollu tal-faċilità tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-Eurochem Group fl-UE jiġi vverifikat biex ikun aċċertat li ma hemmx kumpens trasversali, u dan irendi monitoraġġ peżanti wisq. It-tieni, l-influwenza probabbli fuq il-kwotazzjonijiet tal-prezz ma tistax tiġi eliminata minħabba li attwalment il-kwotazzjonijiet tal-prezz li jintużaw biex jiġu stabbiliti l-Prezzijiet ta’ Importazzjoni Minimi se jkunu affettwati mill-bejgħ mill-faċilità ta’ produzzjoni tal-fertilizzant fl-UE li għadha kif inxrat.

    D.   L-EMENDA TAD-DEĊIŻJONI 2008/577/KE

    (16)

    Għalhekk, skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku u wkoll skont il-klawżoli rilevanti tal-impenn, li jawtorizzaw lill-Kummissjoni biex tirtira unilateralment l-impenn, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-aċċettazzjoni tal-impenn offrut mill-Eurochem Group għandha tiġi rtirata u d-Deċiżjoni 2008/577/KE għandha tiġi emendata. Bl-istess mod, id-dazju anti-dumping definittiv impost bl-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament (KE) Nru 661/2008 għandu japplika fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat mill-Eurochem Group (il-kodiċi addizzjonali tat-Taric A522),

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-accettazzjoni tal-impenn marbut mal-kumpaniji l-Open Joint Stock Company (OJSC) “Azot’”, Novomoskovsk, ir-Russja, jew l-Open Joint Stock Company (OJSC) “Nevinnomyssky Azot”, Nevinnomyssk, ir-Russja, li tikkonċerna l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju manifatturati minn dawn il-kumpaniji, u jew mibjugħin direttamernt lill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni jew permezz tal-Eurochem Trading GmbH, Zug, l-Isvizzera jew mibjugħin permezz l-Open Joint Stock Company (OJSC) Mineral and Chemical Company “Eurochem”, Moska, ir-Russja u EuroChem Trading GmbH, Zug, l-Isvizzera, (“l-Eurochem Group”) lill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni (il-kodiċi addizzjonali tat-Taric A522) hawn hi rtirata.

    Artikolu 2

    It-tabella tal-Artikolu 1 fid-Deċiżjoni 2008/577/KE qed tinbidel bit-tabella li ġejja:

    “Pajjiż

    Kumpaniji

    Kodiċi Taric addizzjonali

    Ir-Russja

    JSC Acron, Veliky Novgorod, ir-Russja u JSC Dorogobuzh, Dorogobuzh, ir-Russja, membri tal-“Acron” Holding Company

    A532 ”

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 198, 23.8.1995, p. 1.

    (3)  ĠU L 102, 18.4.2002, p. 1.

    (4)  ĠU L 185, 12.7.2008, p. 1.

    (5)  ĠU L 278, 23.10.2009, p. 1.

    (6)  ĠU L 185, 12.7.2008, p. 43.

    (7)  ĠU C 171, 16.6.2012, p. 25.


    Top