Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0400

2012/400/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 10 ta' Lulju 2012 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

ĠU L 188, 18.7.2012, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/400/oj

18.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta' Lulju 2012

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

(2012/400/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 46 u 48, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) ("il-Ftehim ŻEE") fih dispożizzjonijiet u arranġamenti speċifiċi rigward kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet.

(2)

Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim ŻEE biex attivitajiet barra l-erba' libertajiet, inkluża l-kooperazzjoni dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema, koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u miżuri għall-migranti, inklużi migranti minn pajjiżi terzi.

(3)

Il-Protokoll 31 għall-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(4)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

V. SHIARLY


(1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/2012 TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

ta'

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat bil-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE ġie emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru …/… ta' … (1).

(2)

Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE sabiex tinkludi l-kooperazzjoni dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema, koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u miżuri għall-migranti, inklużi migranti minn pajjiżi terzi.

(3)

Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex din l-estensjoni ta’ kooperazzjoni tkun tista’ sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2012,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 5 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

Il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 11:

“12.   Mill-1 ta' Jannar 2012 ’il quddiem, l-Istati tal-EFTA jipparteċipaw fl-azzjonijiet iffinanzjati mill-intestaturi baġitarji li ġejjin, imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012:

Intestatura tal-Baġit 04 01 04 08: ‘Moviment ħieles tal-ħaddiema, koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u miżuri għall-migranti, inklużi migranti minn pajjiżi terzi — In-nefqa fuq il-ġestjoni amministrattiva’,

Intestatura tal-Baġit 04 03 05: ‘Moviment ħieles tal-ħaddiema, koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u miżuri għall-migranti, inklużi migranti minn pajjiżi terzi’.”.

2.

Il-kliem“'u fil-programm imsemmi fit-tnax-il inċiż mill-1 ta' Jannar 2009” fil-paragrafu 5 jiġi ssostitwit b’dan: “, fil-programm imsemmi fit-tnax-il inċiż mill-1 ta' Jannar 2009 u fl-azzjonijiet iffinanzjati mil-linji tal-baġit għas-sena finanzjarja 2012 msemmija fil-paragrafu 12 mill-1 ta' Jannar 2012”.

3.

Il-kliem “paragrafu 8” fil-paragrafi 6 u 7 jiġi sostitwit bil-kliem “il-paragrafi 8 u 12”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-aħħar notifika lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*).

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2012 ’il quddiem.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE, u fis-Suppliment taż-ŻEE, ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi …, …

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)  ĠU L …

(*)  [L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.] [Rekwiżiti kostituzzjonali indikati.]


Top