Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0398

    2012/398/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 9 ta’ Marzu 2012 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.12522 (C 37/08) – Franza – L-applikazzjoni tad-Deċiżjoni “Sernam 2” (notifikata bid-dokument numru C(2012) 1616) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 195, 21.7.2012, p. 19–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/398/oj

    21.7.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 195/19


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tad-9 ta’ Marzu 2012

    dwar l-għajnuna mill-Istat SA.12522 (C 37/08) – Franza – L-applikazzjoni tad-Deċiżjoni “Sernam 2”

    (notifikata bid-dokument numru C(2012) 1616)

    (It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku.)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2012/398/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu (1);

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu;

    Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom f’konformità mal-Artikoli msemmija (2);

    Billi:

    1.   IL-PROĊEDURA

    1.1.   IL-KUNTEST TAL-PROĊEDURA ĠENERALI

    (1)

    Fit-23 ta’ Mejju 2001, il-Kummissjoni approvat għajnuna għar-ristrutturar ta’ SCS Sernam (soċjetà limitata), li f’Diċembru 2001, saret Sernam SA (“id-Deċiżjoni Sernam 1”) (3).

    (2)

    Fl-20 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni finali li permezz tagħha kkonfermat li l-għajnuna li ġiet approvata bid-Deċiżjoni Sernam 1, li tammonta għal EUR 503 miljun, hija kompatibbli mas-suq intern soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet (“id-Deċiżjoni Sernam 2”) (4). Din id-deċiżjoni tinnota wkoll il-preżenza ta’ għajnuna addizzjonali ta’ EUR 41 miljun, li hija inkompatibbli mas-suq intern, u li għandha tiġi rkuprata min-naħa ta’ Franza.

    (3)

    Permezz tal-ittra tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2005, l-ewwel parti terza (“l-ewwel kwerelant”) ilmentat dwar l-applikazzjoni skorretta tad-Deċiżjoni Sernam 2 (5).

    (4)

    Fit-22 ta’ Frar 2006, dan l-ewwel kwerelant introduċa wkoll proċeduri għan-nuqqas ta’ azzjoni kontra l-Kummissjoni, safejn din tal-aħħar, f’dak iż-żmien, kienet għadha ma ħaditx azzjoni fir-rigward tal-ilment.

    (5)

    Permezz tal-ittra tagħha tal-10 ta’ April 2006, it-tieni parti interessata, il-kumpanija Mory Group (“it-tieni kwerelant”) ukoll ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni (6).

    (6)

    Iż-żewġ kwerelanti qiesu essenzjalment li d-Deċiżjoni Sernam 2 ġiet applikata b’mod abbużiv u talbu lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal proċedura ta’ investigazzjoni formali ġdida li tkun tirrigwarda l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 2 min-naħa ta’ Franza.

    (7)

    Permezz tal-ittra tagħha tas-16 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni infurmat lil Franza bid-deċiżjoni tagħha li tagħti bidu għall-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 2 min-naħa ta’ Franza (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”). Il-Kummissjoni esprimiet b’mod partikolari d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tar-regoli magħżula min-naħa ta’ Franza mad-Deċiżjoni Sernam 2 biex suppost tiġi applikata din id-deċiżjoni u dwar il-possibbiltà li dawn ir-regoli jinkludu għajnuniet ġodda mill-Istat.

    (8)

    Din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (7). L-argumenti li ġabu ż-żewġ kwerelanti huma miġbura fil-qosor fil-premessa 16. Permezz tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 2 min-naħa ta’ Franza.

    (9)

    Fit-8 ta’ Ottubru 2008, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw xi kummenti dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (10)

    Il-Kummissjoni rċeviet kummenti f’dan ir-rigward min-naħa tal-partijiet interessati. L-ewwel kwerelant issottometta l-kummenti tiegħu fit-13 ta’ Novembru 2008. Is-Société nationale des chemins de fer (“SNCF”) ressqet il-kummenti tagħha fis-6 ta’ Frar 2009. Il-fond ta’ investimenti Butler Capital Partners (“BCP”) ippreżenta l-kummenti tiegħu fid-9 ta’ Frar 2009. Il-Kummissjoni bagħtet lil Franza l-kummenti li rċeviet fil-25 ta’ Marzu 2009, filwaqt li offritilha l-possibbiltà li tikkummenta dwarhom. Hija rċeviet il-kummenti min-naħa tal-awtoritajiet Franċiżi fir-rigward tal-kummenti tal-ewwel kwerelant fis-7 ta’ Mejju 2009.

    (11)

    Fil-15 ta’ Marzu 2011, it-tieni kwerelant innotifika lill-Kummissjoni biex timplimenta “il-miżuri ta’ investigazzjoni” bil-għan li tivverifika l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 2. Il-Kummissjoni rrispondiet għal dan fit-18 ta’ Mejju 2011, billi indikat il-miżuri ta’ investigazzjoni li ttieħdu sa mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (12)

    Fil-25 ta’ Novembru 2009 u fid-29 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni bagħtet xi talbiet għal informazzjoni lill-awtoritajiet Franċiżi. Ir-risposti waslu fil-15 ta’ Jannar 2010 u fil-25 ta’ Jannar 2012 rispettivament.

    1.2.   IL-KUNTEST TAL-PROĊEDURA NAZZJONALI

    (13)

    Fit-3 ta’ Jannar 2007, il-kumpanija Mory Group talbet lill-awtoritajiet Franċiżi biex joħorġu żewġ ordnijiet ta’ ħlas lura: 1) waħda kontra Sernam SA dwar l-għajnuna ta’ EUR 41 miljun li ġiet iddikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni permezz tad-Deċiżjoni Sernam 2 u li, skontha, ma ġietx fil-fatt irkuprata min-naħa ta’ Franza u 2) l-oħra kontra l-benefiċjarju (mhux imsemmi) tal-għajnuniet għar-ristrutturar ta’ Sernam SA, li allegatament ingħataw minn Franza għat-tranżazzjoni ta’ trasferiment tal-assi ta’ Sernam SA (għad-dettalji dwar din it-tranżazzjoni, ara t-Taqsima 2.4 ta’ din id-deċiżjoni).

    (14)

    Il-Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finanzi u l-Industrija ċaħad it-talbiet li għamel it-tieni kwerelant bil-posta. Il-kumpanija Mory Group appellat kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda għal raġunijiet ta’ ultra vires quddiem il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi. Sa fejn taf il-Kummissjoni, din il-litigazzjoni għadha pendenti.

    (15)

    Barra minn hekk, fil-31 ta’ Jannar 2012, ġiet introdotta proċedura ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja kontra l-kumpanija Sernam Xpress (“Sernam Xpress”). Sernam Xpress hija l-kumpanija li rċeviet l-assi u l-obbligazzjonijiet mhux finanzjarji mingħand Sernam SA matul it-tranżazzjoni ta’ trasferiment tal-assi ta’ Sernam SA (għad-dettalji dwar din l-operazzjoni, ara t-Taqsima 2.4). Il-Qorti Kummerċjali ta’ Nanterre ddeċidiet li jsir perjodu ta’ osservazzjoni ta’ sitt xhur u ffissat smigħ ġdid għas-27 ta’ Marzu 2012.

    2.   DESKRIZZJONI

    2.1.   L-IMPRIŻA SERNAM

    (16)

    Sa mit-twaqqif tagħha fl-1970 mill-SNCF bħala servizz intern, l-attivitajiet tal-impriża Sernam jikkonsistu f’servizzi ta’ kunsinna tal-posta u ta’ trasport ekspress ta’ pakketti u ta’ paletti (8).

    (17)

    Fl-1 ta’ Frar 2000, l-attivitajiet kummerċjali kollha ta’ Sernam ġew assenjati lil kumpanija sussidjarja u b’dan il-mod ġiet iffurmata l-kumpanija SCS Sernam (soċjetà limitata). Fil-21 ta’ Diċembru 2001, SCS Sernam ġiet mibdula f’kumpanija pubblika ta’ responsabbiltà limitata (Sernam SA). Fl-2005, Sernam SA kellha 10 kumpaniji sussidjarji operazzjonali kif ukoll kumpanija għat-trasport fuq it-triq, il-kumpanija Sernam Transport Route.

    (18)

    Fis-17 ta’ Ottubru 2005, Sernam Xpress irċeviet l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet mhux finanzjarji ta’ Sernam SA hekk kif l-attivitajiet ta’ Sernam SA ġew trażmessi lil Financière Sernam (għad-dettalji dwar din it-tranżazzjoni, ara t-Taqsima 2.4). F’dak iż-żmien, Sernam Xpress kienet tappartjeni 100 % lil Financière Sernam.

    (19)

    Matul is-sena 2006, il-fond ta’ investimenti BCP ħa sehem ta’ 51,8 % fil-kapital ta’ Sernam Xpress. Fl-istess ħin, Sernam Xpress akkwistat lill-kumpanija Coulonge, impriża tat-trasport stabbilita f’Limoges.

    (20)

    Matul is-sena 2011, il-kumpaniji Financière Sernam u Sernam Xpress ġew f’pożizzjoni li kienu obbligati jirrikostitwixxu l-kapitali proprji tagħhom qabel tmiem is-sena finanzjarja. Billi l-BCP ma kkontribwiex il-kapital meħtieġ, kellhom jitwettqu żewġ tranżazzjonijiet.

    (21)

    L-ewwel nett, f’Mejju 2011, Sernam Xpress ikkontribwixxiet id-ditta Sernam lill-kumpanija sussidjarja operazzjonali tagħha, il-kumpanija Sernam Services (huwa stmat li din l-assenjazzjoni tammonta għal EUR 15-il miljun).

    (22)

    It-tieni nett, fit-30 ta’ Ġunju 2011 sar l-istralċ tal-kumpanija Sernam Xpress u l-kumpanija Financière Sernam, li kienet l-uniku sieħeb tagħha, assorbiet l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha li kellha (l-hekk imsejħa tranżazzjoni ta’ “trażmissjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet kollha”).

    (23)

    B’hekk, illum il-ġurnata, il-grupp Sernam huwa magħmul mill-kumpanija Financière Sernam u mis-sussidjarji tal-ex Sernam Xpress li huma Sernam Services, li ssemmiet qabel, u l-kumpanija Aster (“Aster”). Aster hija dik li qabel kienet il-kumpanija Sernam Transport Route. Sernam Xpress kienet biegħet din is-sussidjarja f’Diċembru 2005, u tat garanzija fuq il-fatturat lill-akkwirent. F’Marzu 2008, Sernam Xpress reġgħet xtrat il-kumpanija, li sadanittant kienet biddlet isimha għal Aster. Fil-mument tal-akkwist mill-ġdid, Sernam Xpress tat assenjazzjoni ta’ EUR 5 miljun fil-kont kurrenti lil ASTER. Waqt laqgħa tal-bord li seħħet f’Lulju, ġie deċiż li dan l-ammont fil-kont kurrenti jiġi rrinunzjat favur ASTER. F’Diċembru 2011, il-kumpanija Financière Sernam, li sadanittant kienet akkwistat lil Sernam Xpress (ara l-premessa 22), irrikapitalizzat lill-kumpanija ASTER billi rrinunzjat għal EUR 5 599 998 li kienu skritti fil-kont kurrenti.

    (24)

    Minħabba li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-grupp Sernam kienet baqgħet sejra lura, fil-31 ta’ Jannar 2011, ingħata bidu għall-proċedura ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja kontra l-kumpaniji Financière Sernam u Sernam Services. Fit-3 ta’ Frar 2011, is-sussidjarja Aster tpoġġiet f’likwidazzjoni b’kontinwazzjoni temporanja tal-attivitajiet tagħha. Il-Qorti Kummerċjali ta’ Nanterre ddeċidiet li jsir perjodu ta’ osservazzjoni ta’ sitt xhur u ffissat smigħ ġdid għas-27 ta’ Marzu 2012.

    2.2.   ID-DEĊIŻJONI SERNAM 1 TAT-23 TA’ MEJJU 2001

    (25)

    Fid-Deċiżjoni Sernam 1 tagħha, il-Kummissjoni awtorizzat li tingħata għajnuna li tammonta għal EUR 503 miljun għar-ristrutturar ta’ SCS Sernam. Din l-għajnuna kienet ġiet awtorizzata notevolment fuq il-bażi ta’ impenn li ħadet Franza biex tinbiegħ l-impriża. Fil-fatt, 60 % tal-kapital ta’ SCS Sernam kellu jiġi akkwistat mill-kumpanija Géodis SA (9), kumpanija ta’ trasport u loġistika skont il-liġi ġenerali, elenkata fit-tieni suq tal-Borża ta’ Pariġi. B’hekk, Géodis SA kellha ssir kompletament responsabbli mid-dejn li kellha SCS Sernam, mingħajr l-ebda limiti (10), u kellha tkopri l-ispejjeż addizzjonali tar-ristrutturar sa massimu ta’ EUR 67 miljun. Min-naħa tagħha, SCS Sernam impenjat ruħha biex tnaqqas l-għadd ta’ siti tal-operat tagħha minn 107 għal 72 fil-perjodu li jkopri mill-1999 sal-2004, biex tnaqqas il-fatturat tagħha bi 18 %, biex tnaqqas il-persunal u biex twettaq ir-ristrutturar bil-baġit imsemmi aktar ‘il fuq u fiż-żmien stipulat, jiġifieri qabel il-bidu tas-sena 2004.

    2.3.   ID-DEĊIŻJONI SERNAM 2 TAL-20 TA’ OTTUBRU 2004

    (26)

    Fid-Deċiżjoni Sernam 2 tagħha, il-Kummissjoni rrimarkat li l-għajnuna ta’ EUR 503 miljun awtorizzata skont id-Deċiżjoni Sernam 1 ingħatat b’kundizzjonijiet differenti minn dawk previsti mid-Deċiżjoni Sernam 1, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-akkwist mill-ġdid minn Géodis ta’ 15 % (minflok is-60 % previsti) tal-ishma ta’ SCS Sernam. Barra minn hekk, Géodis irrifjutat li tikkontribwixxi hi biss għall-ispejjeż tar-ristrutturar tal-impriża li jammontaw għal EUR 67 miljun.

    (27)

    Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni imponiet xi kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ EUR 503 miljun tal-għajnuna għar-ristrutturar mogħtija lil Sernam SA. L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2, li fih dawn il-kundizzjonijiet, huwa fformulat kif ġej:

    “Artikolu 3

    1.   Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2, għandhom jiġu rispettati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    Sernam tista’ twettaq biss l-attivitajiet tagħha ta’ servizz tal-posta bil-ferrovija, skont il-kunċett tat-Train Bloc Express, “TBE”. F’dan ir-rigward, l-SNCF tiggarantixxi li toffri lil kull operatur ieħor li jixtieq jipprovdi servizz simili, l-istess kundizzjonijiet bħal dawk mogħtija lil Sernam għall-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, “TBE”.

    (b)

    Min-naħa tagħha, fis-sentejn li jibdew mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, Sernam għandha tissostitwixxi bis-sħiħ ir-riżorsi u s-servizzi tagħha tat-trasport bit-triq b’riżorsi u servizzi ta’ impriża waħda jew aktar, li jkunu legalment u ekonomikament indipendenti mill-SNCF, u jintgħażlu skont proċedura miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja.

    Ir-“riżorsi proprji u s-servizzi tat-trasport fuq it-triq ta’ Sernam” tfisser ir-riżorsi kollha tat-triq — jiġifieri, il-vetturi tat-trasport fuq it-triq — tal-kumpanija Sernam, li jappartjenuha kompletament jew li ħadet b’ċens/li kriet;

    L-impriżi li jieħdu f’idejhom mill-ġdid l-attivitajiet tat-triq ta’ Sernam għandhom iwettqu s-servizzi kollha tagħhom ta’ trasport fuq it-triq bir-riżorsi proprji tagħhom.

    2.   Fil-każ li Sernam tbigħ l-assi tagħha f’daqqa sat-30 ta’ Ġunju 2005 bil-prezz tas-suq, permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa, lil kumpanija mingħajr rabta legali mal-SNCF, il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma jibqgħux jgħoddu.”

    (28)

    Fid-Deċiżjoni Sernam 2, il-Kummissjoni nnutat ukoll li l-awtoritajiet Franċiżi taw għajnuna addizzjonali ta’ EUR 41 miljun lil Sernam. Hija qieset li din l-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq intern u ordnat li tiġi rkuprata min-naħa ta’ Franza.

    2.4.   IT-TRAŻMISSJONI TAL-ATTIVITAJIET TA’ SERNAM SA LILL-KUMPANIJA FINANCIÈRE SERNAM

    (29)

    Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 2, Franza stqarret li hi rrispettat il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 3(2). Hija tispjega li fi stqarrija għall-istampa (11), l-SNCF kienet stiednet lill-partijiet kollha interessati biex jikkuntattjaw lill-Bank ABN AMRO. 34 grupp industrijali, gruppi finanzjarji jew konsorzji allegatament intalbu janalizzaw il-fajl. L-istediniet għall-ewwel fażi, li ntbagħtu minn ABN AMRO lill-partijiet li kienu talbu l-fajl, fihom sejħa għall-offerti li jikkonċernaw l-akkwist mill-ġdid tal-assi kollha (minħabba li l-ittra kienet bil-lingwa Ingliża, it-terminu li ntuża kien “assets”) ta’ Sernam SA.

    (30)

    Skont l-awtoritajiet Franċiżi, is-sitwazzjoni ekonomika ta’ Sernam ma kinitx tippermetti li tirċievi proposti bbażati fuq valwazzjoni pożittiva. Mid-dehra, l-offerti kollha li ġew sottomessi fil-kuntest ta’ din il-proċedura kkonkludew li l-valur kien negattiv ħafna:

    [kandidat Nru 1] (offerta preliminari): EUR -120 miljun;

    [kandidat Nru 2] (offerta preliminari): EUR -90,4 miljun;

    [kandidat Nru 3] (offerta preliminari): EUR -90,4 miljun;

    [kandidat Nru 4] (offerta tat-tieni fażi): EUR -65,2 miljun;

    [kandidat Nru 5] (offerta tat-tieni fażi): EUR -56,4 miljun;

    (31)

    Minħabba li ma saret l-ebda offerta definittiva, il-maniġment ta’ Sernam SA, permezz ta’ kumpanija li kienet għadha ma nħolqitx u li għal bidu ngħatat l-isem ta’ Bidco, u li wara saret Financière Sernam, għamel offerta ta’ akkwist mill-ġdid.

    2.4.1.   Id-data effettiva tat-tranżazzjonijiet għat-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam lill-kumpanija Financière Sernam

    (32)

    Din l-offerta ntbagħtet lill-SNCF fit-30 ta’ Ġunju 2005 u fil-prinċipju, ġiet aċċettata mid-Direzzjoni Ġenerali tal-SNCF fl-istess ġurnata. Madankollu, kien meħtieġ li jsiru xi formalitajiet sabiex jiġi konkluż formalment il-memorandum ta’ ftehim bejn il-partijiet kollha implikati. Il-memorandum ta’ ftehim bejn l-SNCF, Sernam SA, Sernam Xpress (waħda mill-10 kumpaniji sussidjarji 100 % ta’ Sernam SA, maħluqa fl-2002) u d-diriġenti tal-kumpanija futura Financière Sernam, ġie ffirmat fil-21 ta’ Lulju 2005 (minn issa ‘l quddiem il-“memorandum ta’ ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005”). Il-kumpanija Financière Sernam ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-kumpaniji fl-14 ta’ Ottubru 2005. Id-diversi tranżazzjonijiet għat-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam lil Financière Sernam, deskritti fid-dettall fil-premessi li ġejjin, twettqu fis-17 ta’ Ottubru 2005.

    2.4.2.   Id-diversi tranżazzjonijiet għat-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam lill-kumpanija Financière Sernam

    (33)

    L-awtoritajiet Franċiżi indikaw li t-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam lill-kumpanija Financière Sernam seħħet f’erba’ stadji:

    (a)

    l-SNCF irrikapitalizzat lis-sussidjarja tagħha Sernam SA li tappartjeniha 100 %, sa massimu ta’ EUR 57 miljun;

    (b)

    Sernam SA għamlet kontribuzzjoni, li minnha bbenefikat is-sussidjarja tagħha Sernam Xpress li tappartjeniha 100 %, tal-assi kollha, inklużi s-EUR 57 miljun tar-rikapitalizzazzjoni deskritta fil-punt a) u tal-obbligazzjonijiet kollha ta’ Sernam, apparti tal-hekk imsejħa obbligazzjonijiet “finanzjarji” (self fuq l-ekwità kkuntrattat mill-kumpanija Sernam SA bil-grupp SNCF, l-obbligazzjonijiet li jikkonċernaw it-tħassir tal-kuntratt “IBM – GPS”) li b’kollox kienu jammontaw għal EUR 38,5 miljun (12). Għal din l-assenjazzjoni, Sernam SA rċeviet sehem f’Sernam Xpress b’valur nominali ta’ EUR 100.

    (c)

    Wara dan, Sernam Xpress kompliet taħdem għal żieda fil-kapital ta’ EUR 2 miljun, li kienet sottoskritta kompletament mill-SNCF; b’segwitu għal din it-tranżazzjoni, l-SNCF żammet il-maġġoranza tal-ishma f’Sernam Xpress;

    (d)

    Sernam SA u l-SNCF ċedew l-ishma totali tagħhom f’Sernam Xpress, li jirrappreżentaw il-kapital kollu ta’ din tal-aħħar, lil Financière Sernam għal prezz ta’ EUR 2 miljun.

    (34)

    Sernam SA ġiet illikwidata b’mod ġudizzjarju fil-15 ta’ Diċembru 2005. Il-EUR 41 miljun li, skont id-Deċiżjoni Sernam 2, huma rimborsabbli għall-SNCF, ġew iskritti fl-obbligazzjonijiet ta’ din il-likwidazzjoni (13).

    (35)

    It-tranżazzjonijiet huma indikati fit-tabella li ġejja:

    Image

    (36)

    Il-memorandum ta’ ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005 kien jipprevedi li, minbarra r-rikapitalizzazzjoni mill-SNCF, ta’ Sernam SA għal massimu ta’ EUR 57 miljun u ta’ Sernam Xpress għal massimu ta’ EUR 2 miljun rispettivament, jingħataw garanziji mill-SNCF lill-kumpanija Financière Sernam (deskritti fid-dettall, fil-premessi 72 sa 85 tad-deċiżjoni tal-ftuħ) u li ssir klawżola ta’ riżoluzzjoni f’każ li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni negattiva fil-ħames snin ta’ wara l-konklużjoni tal-memorandum ta’ ftehim (deskritta fid-dettall fil-premessa 117 tad-deċiżjoni tal-ftuħ).

    2.5.   RAĠUNIJIET LI WASSLU BIEX INGĦATA BIDU GĦAL DIN IL-PROĊEDURA

    (37)

    Fid-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni xtaqet tivverifika jekk Franza rrispettatx bis-sħiħ, hekk kif kienet qed tallega, l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 u jekk il-proċedura tal-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli ta’ EUR 41 miljun li għażlet Franza, jiġifieri l-iskrizzjoni tal-kreditu mal-Istat meta Sernam SA tkun fi stat ta’ falliment, ippermettietx verament li jiġi eliminat it-tfixkil fil-kompetizzjoni kkawżat minn din l-għajnuna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni xtaqet tivverifika jekk it-tranżazzjoni ta’ trasferiment tal-assi ta’ Sernam SA wasslitx għal għajnuniet ġodda mill-Istat meqjusa bħala inkompatibbli mas-suq intern.

    2.6.   IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

    2.6.1.   L-osservazzjonijiet tal-kwerelanti

    (38)

    L-ewwel nett, l-ewwel kwerelant iqis li l-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni Sernam 2 fir-rigward tal-bejgħ tal-assi ta’ Sernam SA ma ġewx irrispettati.

    (39)

    Fil-bidu, ġie allegat li l-iskadenza imposta mid-Deċiżjoni Sernam 2 għaċ-ċessjoni, jiġifieri t-30 ta’ Ġunju 2005, ma ġietx irrispettata billi t-tranżazzjonijiet ta’ trażmissjoni ma ġewx approvati qabel is-17 ta’ Ottubru 2005 u ċ-ċessjoni tal-azzjonijiet suppost kellha ssir fl-istess ġurnata.

    (40)

    Imbagħad, fir-rigward tal-prezz tat-trażmissjoni, l-ewwel kwerelant iqis li dan ġie ffissat biss b’referenza għall-offerta li saret min-naħa ta’ Financière Sernam. Din l-offerta, minnha nnifisha, kienet allegatament illeċita minħabba li hija implikat l-attribuzzjoni ta’ għajnuniet ġodda, b’mod partikolari r-rikapitalizzazzjoni ta’ Sernam SA. Fl-aħħar, l-ewwel kwerelant jenfasizza li Sernam Xpress ma kinitx kumpanija indipendenti minn Sernam SA, hekk kif indikat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha.

    (41)

    Barra minn hekk, it-tranżazzjonijiet ta’ trażmissjoni fil-verità kienu se jikkostitwixxu “share deal”, jiġifieri l-entità benefiċjarja tinżamm fis-suq b’sempliċi bidla tal-proprjetarju tagħha.

    (42)

    Huwa jikkritika wkoll il-ksur tal-kundizzjoni li l-bejgħ jiġi organizzat permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa. Fl-opinjoni tiegħu, il-bejgħ ta’ Sernam Xpress kellu jkun soġġett għal konsultazzjoni pubblika u sejħa għall-offerti, wara r-rikapitalizzazzjoni doppja ta’ Sernam SA u ta’ Sernam Xpress, u mhux dak ta’ Sernam SA.

    (43)

    It-tieni nett, l-ewwel kwerelant jikkritika l-manipulazzjonijiet li saru fil-valwazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet trasferiti u fis-sottovalwazzjoni tal-entità mibjugħa.

    (44)

    It-tielet nett, l-ewwel kwerelant jelenka sensiela ta’ miżuri li, fl-opinjoni tiegħu, jikkostitwixxu għajnuniet ġodda: ir-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 57 miljun, il-EUR 41 miljun ta’ għajnuna illegali li ma ġewx irkuprati, ir-rinunzja tal-krediti finanzjarji miżmuma mill-SNCF favur Sernam SA. Dawn il-miżuri kollha jikkostitwixxu għajnuniet inkompatibbli mas-suq intern.

    (45)

    Ir-raba’ nett, l-ewwel kwerelant jenfasizza li kellha ssir likwidazzjoni ta’ Sernam SA u mhux ċessjoni tagħha. Huwa jikkondividi d-dubji tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kunsiderazzjoni ta’ ċerti spejjeż fl-ikkalkular tal-likwidazzjoni u jqis li fl-ebda mument ma kien jidher li l-ispiża reali tar-ristrutturar ta’ Sernam kienet inqas mill-ispiża ta’ likwidazzjoni.

    (46)

    Minn dan kollu, l-ewwel kwerelant jikkonkludi li l-awtoritajiet Franċiżi mhux biss ħarbu l-obbligu li jirkupraw l-għajnuna ta’ EUR 41 miljun li ġiet iddikjarata bħala inkompatibbli, iżda taw ukoll għajnuniet ġodda li jammontaw għal mill-inqas EUR 95 miljun, u li magħhom jeħtieġ li jiżdiedu diversi miżuri ta’ għajnuna oħra mogħtija f’forma ta’ garanziji.

    (47)

    It-tieni kwerelant, min-naħa tiegħu, ma ppreżenta l-ebda kummenti dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ.

    2.6.2.   Il-kummenti tal-partijiet interessati li jqisu li d-Deċiżjoni Sernam 2 ġiet irrispettata kif xieraq

    2.6.2.1.   Il-kummenti tal-SNCF

    (48)

    L-SNCF tqis li hi rrispettat il-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2. Hija tiddikjara li biegħet l-assi kollha ta’ Sernam f’daqqa, qabel it-30 ta’ Ġunju 2005, bil-prezz tas-suq, lil kumpanija li ma kellha l-ebda rabta legali, permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa.

    (49)

    Skont l-SNCF, it-tranżazzjonijiet ta’ trażmissjoni kienu inseparabbli u simultanji. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tkissirhom artifiċjalment.

    (50)

    Hija tqis li f’każ ta’ prezz negattiv, il-prinċipju tal-investitur privat fl-ekonomija tas-suq ikun irrispettat jekk l-ispiża taċ-ċessjoni tkun inqas mill-ispiża ta’ likwidazzjoni illi kieku kien iġarrab l-Istat bħala azzjonist, u ssottomettiet kummenti ddettaljati biex tiġġustifika dan kollu.

    (51)

    Fl-aħħar nett, hija tenfasizza li l-obbligu relatat mal-irkupru tal-għajnuna li tammonta għal EUR 41 miljun, ġie skritt fl-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ta’ Sernam SA.

    2.6.2.2.   Il-kummenti ta’ Butler Capital Partners

    (52)

    L-ewwel nett, il-BCP jagħti xi preċiżjonijiet dwar l-involviment tiegħu fil-kapital ta’ Sernam Xpress.

    (53)

    It-tieni nett, il-BCP jippreċiża l-għan immirat bl-akkwist mill-ġdid tal-kumpanija Coulonge.

    (54)

    It-tielet nett, il-BCP jikkontesta l-fatt li Sernam Xpress ibbenefikat minn surplus ta’ flus b’segwitu għar-rikapitalizzazzjonijiet ta’ EUR 57 miljun u ta’ EUR 2 miljun. Il-BCP kellu jinjetta mill-ġdid EUR 6 miljun biex jgħolli l-fluss tal-flus għal livell aċċettabbli, filwaqt li jiġi kkunsidrat it-telf li għandu jiġi ffinanzjat.

    (55)

    Ir-raba’ nett, il-BCP jikkontesta l-fatt li l-benefiċċju tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun ġie trasferit lil Sernam Xpress. Il-BCP iqis li sitwazzjoni bħal din tkun konċepibbli biss kieku ġie ppruvat li t-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA ma saritx bi prezz tas-suq. Iżda, skont il-BCP, it-trażmissjoni twettqet wara proċedura miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja. Il-BCP ifakkar ukoll li l-proċess tat-trażmissjoni kien akkumpanjat minn kompetenzi esperti.

    (56)

    Fl-aħħar, fir-rigward tal-konsegwenzi tal-akkwist mill-ġdid ta’ Sernam, il-BCP janalizza ż-żieda tal-kapital bħala bejgħ u jikkunsidra li, f’konformità mal-każistika Banks  (14) u SMI  (15), l-irkupru ta’ għajnuna ipotetika ma setax jiġi impost fuq Financière Sernam jew fuq il-kumpanija sussidjarja tagħha Sernam Xpress.

    2.7.   IL-KUMMENTI TA’ FRANZA

    2.7.1.   Fir-rigward tal-konformità mad-Deċiżjoni Sernam 2

    2.7.1.1.   Fir-rigward tal-konformità mal-iskadenza għall-bejgħ

    (57)

    L-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-offerta definittiva ta’ akkwist mill-ġdid, li hija legalment vinkolanti għax-xerrej, ġiet ippreżentata fit-30 ta’ Ġunju 2005 u ġiet aċċettata fl-istess ġurnata mill-SNCF, u dan għamel il-ftehim irrevokabbli fir-rigward tal-liġi kuntrattwali Franċiża.

    2.7.1.2.   Fir-rigward tal-prezz tal-bejgħ

    (58)

    L-awtoritajiet Franċiżi jqisu li d-Deċiżjoni Sernam 2 ma pprojbixxitx il-bejgħ bi prezz negattiv, u li l-każistika tirrikonoxxi li dan jista’ jikkostitwixxi prezz tas-suq.

    (59)

    L-assi aktarx ġew mibjugħa bil-prezz negattiv ta’ EUR 57 miljun, li jikkorrespondi mal-ammont tar-rikapitalizzazzjoni ta’ Sernam SA mill-SNCF. Dan il-prezz suppost kien aħjar mill-offerti indikattivi ppreżentati fil-bidu, u kien jikkostitwixxi l-unika offerta definittiva proposta mis-suq lill-SNCF. Ġie allegat li dan il-prezz ġie vvalidat minn diversi esperti indipendenti (ABN Amro, Oddo Corporate Finance/Paul Hastings u l-Kumitat inkarigat mill-Privatizzazzjoni - “Commission des Participations et Transferts”).

    (60)

    Skont l-awtoritajiet Franċiżi, ir-rikapitalizzazzjoni ta’ qabel li twettqet mill-SNCF, mhija xejn ħlief regola ta’ implimentazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tirreferi għal din ir-rikapitalizzazzjoni biex tikkontesta l-valur tas-suq tal-assi ta’ Sernam, anke jekk l-eżistenza ta’ prezz tas-suq tkun teskludi kwalunkwe kwalifika ta’ għajnuna għall-prezz negattiv kollu.

    2.7.1.3.   Fir-rigward tal-bejgħ tal-assi

    (61)

    L-awtoritajiet Franċiżi, b’segwitu għall-analiżi tal-Kummissjoni, li skontha, it-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA lil Financière Sernam jinkludi żewġ tranżazzjonijiet suċċessivi, jiġifieri: 1) it-trasferiment fost l-impriżi ta’ grupp tal-assi kollha f’daqqa ta’ Sernam SA lil Sernam Xpress (li f’dan l-istadju kienet kumpanija sussidjarja li tappartjeni 100 % lil Sernam SA), u mbagħad 2) il-bejgħ ta’ Sernam Xpress lil Financière Sernam, li jikkorrespondi għal “share deal” u mhux għal bejgħ ta’ assi, iqisu li dan jirrigwarda tkissir artifiċjali u mhux ġustifikat.

    (62)

    L-ewwel nett, it-tranżazzjonijiet ta’ trażmissjoni kienu meqjusa li jikkorrespondu ma’ “tranżazzjoni ta’ trasferiment u ċessjoni” implimentata permezz tar-rikapitalizzazzjoni, jiġifieri tranżazzjoni inseparabbli u li twettqet għal żewġ raġunijiet: 1) il-liġi Franċiża ma tippermettix li jsir bejgħ tal-assi bi prezz negattiv, u 2) kien jaqbel li jiġi żgurat li l-akkwirent il-ġdid ma jkollu l-ebda rabta legali mal-SNCF.

    (63)

    Billi s-sitwazzjoni ekonomika tagħha baqgħet żbilanċjata (it-telf akkumulat fl-aħħar erba’ snin finanzjarji qabel iċ-ċessjoni, kien laħaq ammonta għal EUR 309,2 miljun), il-valur globali tal-assi ta’ Sernam SA kien negattiv.

    (64)

    Sabiex ikun hemm konformità mal-projbizzjoni ta’ bejgħ bi prezz negattiv fil-liġi Franċiża u sabiex tiġi ggarantita n-newtralità ekonomika tat-tranżazzjoni ta’ ċessjoni, normalment il-prattikanti, f’każ ta’ valur negattiv tal-assi li għandhom jiġu trasferiti, jipprevedu li 1) il-prezz imħallas mix-xerrej ikun prezz simboliku u 2) jadottaw miżura maħsuba biex jiġi kkumpensat ix-xerrej (jew permezz ta’ parteċipazzjoni tal-bejjiegħ f’żieda fil-kapital qabel ma sseħħ iċ-ċessjoni, jew permezz ta’ rinunzja mill-bejjiegħ, tal-krediti miżmuma kontra l-kumpanija ċessjonarja).

    (65)

    Barra minn dan, sabiex jiġi evitat li l-kredituri ta’ Sernam SA jiddubitaw mill-validità tat-tranżazzjoni jew li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jopponu għaliha, kien xieraq li mal-assi kollha f’daqqa jingħaqdu l-obbligazzjonijiet neċessarji biex titkompla l-attività ta’ Sernam. Sempliċi bejgħ tal-assi ma kienx ikun jippermetti l-inklużjoni ta’ dawn l-obbligazzjonijiet.

    (66)

    Għaldaqstant, kien xieraq li ssir assenjazzjoni parzjali tal-assi soġġetti għas-sistema tad-diviżjonijiet imsemmija fl-Artikoli L.236-16 sa L.236-21 tal-Kodiċi Kummerċjali Franċiż. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Franċiżi jippreċiżaw li l-assenjazzjoni tkun ekwivalenti għal bejgħ minħabba li tinvolvi wkoll trasferiment ta’ sjieda, permezz ta’ remunerazzjoni bl-ishma maħruġa mill-kumpanija li tibbenefika mill-assenjazzjoni.

    (67)

    Kif, f’konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, l-akkwirent ma setax ikollu rabta legali mal-SNCF, ma kienx possibbli li ssir assenjazzjoni tal-assi kollha f’daqqa direttament lil Financière Sernam, billi f’dan il-każ, Sernam SA kienet tkun saret awtomatikament azzjonist fil-kumpanija Financière Sernam, anke permezz ta’ din l-assenjazzjoni stess. Dan ikun jispjega għalfejn ingħatat assenjazzjoni parzjali ta’ assi lil Sernam Xpress imbagħad ċessjoni ta’ Sernam Xpress lill-kumpanija Financière Sernam.

    (68)

    Skont l-awtoritajiet Franċiżi, l-assenjazzjoni parzjali ta’ assi lil Sernam Xpress ma tikkostitwixxi fl-ebda każ, trasferiment fost l-impriżi ta’ grupp, minħabba li Sernam Xpress hija “kumpanija finta” li tintuża biex takkomoda l-assi kollha f’daqqa ta’ Sernam SA bil-għan uniku li tippermetti li jkun hemm ċessjoni simultanja tagħhom lill-akkwirent - il-kumpanija Financière Sernam - u mhux li titkompla l-attività tal-kumpanija ewlenija tagħha. Ġie allegat li dawn l-assi ġew akkomodati u mogħtija f’assenjazzjoni bil-valur tas-suq tagħhom lil Sernam Xpress bil-għan li tiġi eżegwita t-tranżazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-assenjazzjoni tal-assi kienet tkun timplika trasferiment tas-sjieda, li għalih Sernam Xpress tkun ħarġet sehem b’valur nominali ta’ EUR 100. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, din l-azzjoni tirrappreżenta l-prezz tal-valur reali tal-assi u tal-obbligazzjonijiet li ngħataw f’assenjazzjoni, ladarba ġew irrikapitalizzati, li jammonta għal EUR 57 miljun.

    (69)

    Flimkien mal-kummenti tagħhom b’risposta għad-deċiżjoni tal-ftuħ, l-awtoritajiet Franċiżi inkludew l-opinjoni tal-Professur tal-Liġi Nicolas Molfessis: “Skont il-liġi Franċiża […] l-SNCF ma tkunx permessa ċċedi direttament l-assi kollha f’daqqa ta’ Sernam għal Financière Sernam; skont ir-regoli legali applikabbli, l-SNCF kien ikollha tadotta tranżazzjoni ta’ trasferiment u ċessjoni biex tirrispetta r-restrizzjonijiet imposti mill-Kummissjoni:

    billi l-liġi Franċiża lanqas biss tikkunsidra l-kunċett ta’ bejgħ bi prezz negattiv, it-tranżazzjoni ma setgħetx issir bil-prezz tas-suq hekk kif kien impost mill-Kummissjoni, mingħajr ma ssir rikapitalizzazzjoni minn qabel;

    billi l-liġi Franċiża ma tikkunsidrax il-kunċett taċ-ċessjoni tad-dejn, u billi tikkondizzjona ċ-ċessjoni ta’ kuntratt bil-ftehim li jkun sar minn qabel bejn il-kontratturi kollha ċedenti, ftehim li f’termini prattiċi huwa impossibbli li jintlaħaq, iċ-ċessjoni tal-obbligazzjonijiet tal-operat meħtieġ għat-tkomplija tal-attività kien qed jimponi li, biex wieħed jegħleb dan l-ostaklu, jirrikorri għat-teknika tal-assenjazzjoni parzjali tal-assi. L-użu tat-teknika tal-assenjazzjoni parzjali tal-assi kien jimponi l-intervent ta’ kumpanija, Sernam Xpress, biex tiġi rrispettata l-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ rabta legali bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju imposta mill-Kummissjoni.

    Is-sistema adottata minn Sernam għandha tiġi trattata bħala ċessjoni tal-assi kollha f’daqqa:

    It-tranżazzjoni ta’ trasferiment u ċessjoni, li fil-prattika hija magħrufa sew, ġiet trattata mill-Qorta tal-Kassazzjoni bħala ċessjoni tal-assi kull darba li l-indikaturi wrew li ż-żewġ tranżazzjonijiet huma marbuta bejniethom mill-qrib, billi l-uniku għan ta’ dawn tal-aħħar huwa t-trasferiment tal-assi;

    F’dan il-każ, tali rabta mill-qrib hija evidenti ħafna, billi l-konvenzjonijiet differenti ffirmati bejn il-partijiet juru biċ-ċar ħafna r-rieda tal-partijiet li jqisu t-tranżazzjonijiet differenti bħala interdependenti, u billi l-uniku objettiv tagħhom hija ċ-ċessjoni tal-assi ta’ Sernam lil Financière Sernam.’

    (70)

    Skont l-awtoritajiet Franċiżi, l-assi ta’ Sernam SA ġew mibjugħa kollha f’daqqa lil kumpanija mingħajr l-ebda rabta legali mal-SNCF, bi prezz negattiv li jikkorrespondi ma’ prezz tas-suq, wara li saru negozjati dwar ċessjoni mmexxija fil-qafas tal-proċedura ta’ offerti kompetittiva miftuħa, trasparenti, mhux kondizzjonata u mhux diskriminatorja, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

    2.7.1.4.   Fir-rigward tan-natura miftuħa u trasparenti tal-proċess tal-għażla

    (71)

    Għall-awtoritajiet Franċiżi, id-dikjarazzjoni li skontha l-fajl li ġie trasferit lill-akkwirenti potenzjali tal-assi ta’ Sernam SA ma kienx jagħmel referenza għall-bejgħ ta’ Sernam Xpress iżda għall-bejgħ tal-assi ta’ Sernam SA, kienet materjalment falza. Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ sejħa għall-offerti miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, ma jkunx jimplika li ssir sejħa għall-offerti ġdida wara r-rikapitalizzazzjoni, minħabba li din mhija xejn ħlief il-konsegwenza diretta tas-sejħa għall-offerti u tal-prezz negattiv li rriżulta minnha.

    2.7.1.5.   Fir-rigward tal-aspettattivi leġittimi

    (72)

    L-awtoritajiet Franċiżi jqisu li, billi d-Deċiżjoni Sernam 2 tipprevedi b’mod espliċitu l-possibbiltà li ssir iċ-ċessjoni tal-assi kollha f’daqqa ta’ Sernam, din nibbtet tamiet fil-kap tal-SNCF kif ukoll fost l-awtoritajiet Franċiżi, ibbażati fuq il-fatt li dawn ġew awtorizzati jipproċedu b’dan il-mod. Għalhekk, il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat kien jinjora l-aspettattivi leġittimi li kellhom l-awtoritajiet Franċiżi fid-Deċiżjoni Sernam 2, speċjalment minħabba li dawn kienu aġixxew fi trasparenza totali mal-Kummissjoni, billi pprovdewlha l-ispjegazzjonijiet kollha utli dwar ir-regoli ta’ din iċ-ċessjoni.

    2.7.2.   Fir-rigward tal-manipulazzjonijiet li allegatament twettqu matul il-valwazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet trasferiti minn Sernam SA għal Sernam Xpress

    (73)

    Fir-rigward tal-manipulazzjonijiet li allegatament twettqu matul il-valwazzjoni, l-awtoritajiet Franċiżi rrifjutaw qabel xejn l-iskont ta’ EUR 22 miljun li kellu jiġi applikat għall-valwazzjoni tal-assi. Fil-fatt, billi t-tranżazzjoni inkwistjoni kienet assenjazzjoni parzjali ta’ assi segwita minn ċessjoni, ir-regoli kontabilistiċi applikabbli ma kinux jirrikjedu valwazzjoni b’valur kontabilistiku nett, kif qed jiddikjara l-ewwel kwerelant, imma valwazzjoni abbażi tal-valuri reali tal-assi u tal-obbligazzjonijiet mogħtija f’assenjazzjoni. Dawn il-valuri ġew stmati skont il-prezz tas-suq jew il-valwazzjonijiet ta’ esperti indipendenti. Ir-regoli kontabilistiċi fis-seħħ ġew applikati wkoll għall-valwazzjoni tal-krediti ta’ taxxi differiti. F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-portafoll tad-ditti, din suppost ġiet ibbażata fuq stima mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea fit-23 ta’ Mejju 2001, meta saret assenjazzjoni mill-SNCF għal SCS Sernam.

    (74)

    Fir-rigward tal-valwazzjoni tal-obbligazzjonijiet, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li ġew trasferiti biss l-obbligazzjonijiet meħtieġa għat-tkomplija tal-attività tal-kumpanija li tibbenefika mill-assenjazzjoni. Barra minn hekk, fl-opinjoni tagħhom, il-valwazzjoni tal-“badwill” ma tikkorrespondix mad-dħul fil-kontijiet tal-valur negattiv tas-suq ta’ EUR 57 miljun.

    2.7.3.   Fir-rigward tan-nuqqas ta’ obbligu li tiġi rkuprata l-għajnuna ta’ EUR 41 miljun ta’ Sernam Xpress

    (75)

    L-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li d-distinzjoni bejn “share deal” u “asset deal”, li fuqha ġie bbażat l-argument ifformulat mill-Kummissjoni fil-qafas tal-kawżi SMI  (16) u CDA  (17), mhijiex rilevanti għall-każ inkwistjoni.

    2.7.3.1.   Fir-rigward tat-tkissir tat-tranżazzjoni bejn trasferiment fost l-impriżi ta’ grupp u “share deal”

    (76)

    Għar-raġunijiet deskritti fil-premessi 61 sa 70, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li t-tranżazzjonijiet ta’ trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA lill-kumpanija Financière Sernam ma jikkostitwixxux trasferiment fost l-impriżi ta’ grupp segwit minn “share deal”, iżda jikkostitwixxu ċessjoni tal-assi lil xi parti terza.

    (77)

    Alternattivament, huma jenfasizzaw li l-prezz tas-suq ta’ Sernam Xpress kellu neċessarjament jieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza tad-dejn ta’ EUR 41 miljun, kieku l-għajnuna kienet ġiet trasferita. F’din l-ipoteżi, il-prezz negattiv kien ikun ta’ EUR 98 miljun (57 + 41). Madankollu, il-prezz negattiv “imħallas” – fil-verità riċevut – minn Financière Sernam allegatament kien biss EUR 57 miljun. B’hekk, il-bejjiegħ kien ikun franka EUR 41 miljun, iżda kien ikun huwa stess li konsegwentement, iżomm il-benefiċċju ekonomiku tal-għajnuna. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet jagħmlu referenza għas-sentenza Banks  (18).

    2.7.3.2.   Fir-rigward tar-rispett tal-kundizzjonijiet tas-sentenzi CDA u SMI

    (78)

    L-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li, fis-sentenza tagħha tal-kawża CDA, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt li CDA kienet tkompli għaddejja bl-attività tal-impriżi li kienu jibbenefikaw mill-għajnuniet, ma kienx jippermetti, bħala tali, li tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ rieda li jiġu evitati l-effetti ta’ ordni ta’ rkupru (19).

    (79)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ippreċiżat li ma kienx hemm rieda li jiġu evitati l-effetti ta’ ordni ta’ rkupru sakemm u sa fejn CDA ħallset prezz ta’ xiri konformi mas-suq għall-akkwist mill-ġdid tal-assi tal-kumpanija LCA (20).

    (80)

    Skont l-awtoritajiet Franċiżi, billi Sernam Xpress saret il-proprjetarju tal-assi u ta’ parti mill-obbligazzjonijiet ta’ Sernam SA bil-valur tas-suq tagħhom, din it-tranżazzjoni ma kinitx se titrasferixxi lil Sernam Xpress l-opportunità li tgawdi b’mod effettiv mill-vantaġġi ġġenerati mill-għoti tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx targumenta dwar il-fatt li, wara li nxtraw mill-ġdid l-assi tagħha, Sernam SA kienet se tibqa’ qisha qoxra vojta, li minnha ma kienx possibbli li tiġi rkuprata l-għajnuna meqjusa bħala inkompatibbli. Argument bħal dan, li diġà kien ġie fformulat fis-sentenza CDA kien ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja (21).

    (81)

    L-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li ċ-ċessjoni tal-assi kollha f’daqqa ta’ Sernam SA kienet possibbiltà prevista b’mod espliċitu mill-Kummissjoni. Għalhekk, għall-SNCF, iċ-ċessjoni tal-assi kollha f’daqqa ta’ Sernam bil-prezz tas-suq lil xi kumpanija, permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa, ma setgħet fl-ebda mument tiġi kkunsidrata bħala evażjoni minn tali proċedura.

    (82)

    Fil-fatt, il-Kummissjoni stess ikkunsidrat li tali evażjoni kienet eskluża “fejn, apparti li sseħħ bil-prezz tas-suq, iċ-ċessjoni tal-assi “kollha f’daqqa” tal-kumpanija benefiċjarja tiġi eżegwita fil-qafas ta’ proċedura mhux kundizzjonata u li tkun miftuħa għall-kompetituri kollha ta’ din il-kumpanija” (22).

    (83)

    Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni (23) li t-tranżazzjoni mhux biss kienet tippermetti li toffri protezzjoni lill-assi kif awtorizzat mis-sentenza CDA, iżda wkoll li toħloq struttura li tippermetti li tiffinanzja investimenti ġodda bħall-akkwist mill-ġdid tal-kumpanija Coulonge, kien ikun biżżejjed li jiġi rrimarkat li l-akkwist minn Sernam Xpress tal-kumpanija Coulonge Services seħħ fl-istess waqt tal-akkwiżizzjoni ta’ Sernam Xpress minn BCP u fejn Sernam Xpress setgħet isserraħ fuq l-akkwiżizzjoni ta’ BCP permezz ta’ injezzjoni ta’ kapital ġdid, biex jitkompla l-proċess għal dan l-akkwist.

    (84)

    Għalhekk, għall-kuntrarju tad-dubji li esprimiet il-Kummissjoni, kien hemm ukoll konformità ma’ dak li l-awtoritajiet Franċiżi jidentifikaw bħala “it-tielet kriterju” tas-sentenza CDA.

    2.7.4.   Fir-rigward tal-għajnuniet il-ġodda mogħtija lil Sernam Xpress u/jew lil Financière Sernam

    (85)

    Fir-rigward tal-eżistenza ta’ għajnuniet ġodda fil-memorandum ta’ ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005 (ir-rikapitalizzazzjoni min-naħa tal-SNCF ta’ Sernam SA li tammonta għal EUR 57 miljun; ir-rikapitalizzazzjoni min-naħa tal-SNCF ta’ Sernam Xpress li tammonta għal EUR 2 miljun; il-garanziji mogħtija lil Financière Sernam mingħand l-SNCF; il-klawżola ta’ riżoluzzjoni), l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li, ladarba jsir bejgħ bil-prezz tas-suq wara li tintemm sejħa għall-offerti miftuħa u trasparenti u li l-ispiża li jikkaġuna tkun inqas minn dik ta’ likwidazzjoni, dan il-bejgħ ma jkun jinkludi l-ebda komponenti ta’ għajnuna.

    (86)

    Barra minn hekk, il-prezz negattiv ippreżentat mill-kumpanija Financière Sernam allegatament jikkorrespondi mal-istimi tal-esperti indipendenti.

    (87)

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi jippreċiżaw li l-klawżola ta’ riżoluzzjoni ġiet inkluża fil-memorandum ta’ ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005, fuq it-talba ta’ Financière Sernam u bil-għan uniku li tipproteġiha mir-riskju ta’ deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni. L-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-ebda ċessjoni ma kienet tkun possibbli mingħajr din it-tip ta’ klawżola u jiddikjaraw li l-Kummissjoni ma kinitx qajmet dubji dwar din il-klawżola f’kawża oħra preċedenti (24).

    3.   IL-VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    3.1.   TFAKKIRA TAR-RAĠUNIJIET TAL-ARTIKOLU 3 TAD-DEĊIŻJONI SERNAM 2

    (88)

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tfakkar li din il-proċedura nbdiet skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (25), minħabba li l-Kummissjoni kellha indikazzjonijiet li Franza applikat b’mod abbużiv l-għajnuna awtorizzata, soġġetta għall-kundizzjonijiet, mid-Deċiżjoni Sernam 2, u dan wara li applikat b’mod abbużiv l-għajnuna awtorizzata, anke din soġġetta għall-kundizzjonijiet, mid-Deċiżjoni Sernam 1.

    (89)

    Il-Kummissjoni tqis li jaqbel li tfakkar ir-raġunijiet li wassluha biex timponi l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2 (26):

    “[…] meta tikkunsidra l-applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna msemmija hawn fuq u ż-żieda tat-tul ta’ żmien tal-pjan ta’ ristrutturar, il-Kummissjoni tqis li Sernam għandha tipprovdi kontraparti partikolari billi tibqa’ tirtira mis-setturi tas-suq li essenzjalment għandhom kapaċità eċċessiva, sabiex tkun tista’ tiġi ġġustifikata l-approvazzjoni ta’ parti mill-għajnuna fil-mira.

    Fil-fatt, il-konsegwenza diretta tal-għoti ta’ għajnuniet mill-Istat fi swieq li qegħdin f’sitwazzjoni ta’ kapaċità strutturali eċċessiva jew li saħansitra sejrin lura, tkun li impriża, li suppost tkun waqqfet l-attivitajiet tagħha wara li tkun iddikjarat id-diffikultajiet li ssib ruħha fihom, tkun tista’ tokkupa artifiċjalment xi ishma mis-suq li jkun hemm domanda kbira għalihom, għad-detriment tal-impriżi li jikkompetu bejniethom u li jkunu b’saħħithom mil-lat finanzjarju. Jeħtieġ ukoll li jiġi evitat li l-għajnuna jkollha l-effett mhux mixtieq li tbiegħed mis-suq li jkun hemm domanda kbira għalih, l-impriżi li jkunu b’saħħithom mil-lat finanzjarju għall-benefiċċju ta’ dawk li ma jkunux kapaċi jissoppravvivu bil-mezzi tagħhom stess.

    F’dan l-isfond, il-Kummissjoni qieset li Sernam ma kellhiex tibqa’ tinvolvi ruħha fl-attivitajiet tagħha fis-setturi tas-suq li għandhom kapaċità eċċessiva, li f’dan il-każ huwa s-settur tas-suq tal-konsolidazzjoni/tal-kunsinna tradizzjonali tal-posta bit-triq.

    Minkejja li Sernam kienet diġà rtirat b’dan il-mod, il-Kummissjoni tqis li dan ma kienx suffiċjenti u li Sernam għandha tkompli għaddejja b’din il-proċedura. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ li timponi l-kundizzjonijiet li: i) jippermettu lil Sernam tkompli tiżviluppa fid-diversifikazzjoni innovattiva tagħha lejn settur tas-suq li jrid jiġi żviluppat (li għaldaqstant m’għandux kapaċità eċċessiva) u ii) jippermettu li, fis-setturi tas-suq li jkollhom kapaċità eċċessiva, li jkunu qed jistaġnaw jew li jkunu sejrin lura, is-servizzi ta’ Sernam jiġu sostitwiti bis-servizzi ta’ operaturi oħrajn (u dan iwassal biex jiġu lliberati l-ishma tas-suq ta’ Sernam f’dawn is-setturi).

    (…)

    Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li, fil-każ li Sernam tinbiegħ kollha (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet), hekk kif previst mill-awtoritajiet Franċiżi, iridu jiġu applikati l-kundizzjonijiet tad-deċiżjoni (l-akkwist mill-ġdid tal-attivitajiet tat-triq ta’ Sernam minn impriżi oħrajn u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam lejn it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija) fi kwalunkwe każ. Min-naħa l-oħra, kieku Sernam [kellha] tbigħ l-assi kollha f’daqqa, il-Kummissjoni tfakkar li ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, relatati mar-ristrutturar tal-kumpanija ma jkunux japplikaw, billi Sernam ma tkunx se tibqa’ topera bil-forma legali attwali tagħha u tkun illiberat l-ishma tagħha tas-suq favur l-akkwirent indipendenti (li de facto jkun jista’ jkompli l-attivitajiet tagħha bl-assi ta’ Sernam).”

    (90)

    Għalhekk, id-Deċiżjoni Sernam 2 tipprevedi żewġ xenarji ta’ bejgħ differenti għal Sernam SA: bejgħ ta’ Sernam SA kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet) u bejgħ tal-assi biss. Fl-ewwel ipoteżi, il-kumpanija li takkwista l-assi u l-obbligazzjonijiet hija soġġetta għall-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2; fit-tieni ipoteżi, dawn il-kundizzjonijiet ma japplikawx.

    (91)

    Barra minn hekk, jaqbel li jiġi mfakkar il-kuntest usa’ tad-Deċiżjonijiet Sernam 1 u Sernam 2 tal-Kummissjoni. Sernam SA, kumpanija b’bilanċ kostantement negattiv, kienet tibbenefika minn għajnuniet operazzjonali mill-Istat, li kienu jingħatawlha mill-kumpanija ewlenija tagħha l-SNCF, u li kienu neċessarji għas-soppravvivenza tal-impriża.

    (92)

    Kien meħtieġ li tinġieb fit-tmiem is-soppravvivenza artifiċjali ta’ kumpanija li kienet qed tokkupa xi ishma tas-suq bla fini ta’ xejn, meta din lanqas biss kienet kompetittiva. Dan wassal biex, min-naħa l-waħda, jinġieb fit-tmiem il-proċess ta’ salvataġġ regolari mogħti lill-kumpanija Sernam mingħand l-Istat, u biex min-naħa l-oħra, it-tfixkil fil-kompetizzjoni li nħoloq permezz ta’ dawn is-salvataġġi jisparixxi jew jirriżulta f’miżuri ta’ kumpens. Għaldaqstant, riedu jiġu rkuprati l-EUR 41 miljun f’għajnuna meqjusa bħala illegali u inkompatibbli li ngħatat lill-kumpanija Sernam bejn l-2001 u l-2004, u riedu jiġu adottati miżuri ta’ kumpens li kienu jilliberaw ishma tas-suq biex ipattu għall-EUR 503 miljun ta’ għajnuna għar-ristrutturar.

    (93)

    Iżda l-Kummissjoni tirrimarka immedjatament li l-mod li bih Franza kien beħsiebha timplimenta d-deċiżjoni tal-2004 kien imur direttament kontra l-objettivi previsti. Fil-fatt l-awtoritajiet Franċiżi komplew jagħtu għajnuniet operazzjonali, taħt il-kopertura tal-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, u impenjaw rwieħhom biex jippreservaw il-kontinwità ekonomika tal-impriża mingħajr ma jilliberaw ishma tas-suq u għall-kuntrarju jippruvaw isaħħu l-pożizzjoni kompetittiva ta’ din tal-aħħar.

    (94)

    F’dan l-istadju jkun xieraq li titwettaq analiżi metodika tal-mezzi implimentati mill-awtoritajiet Franċiżi biex jilħqu l-objettivi tagħhom.

    3.2.   L-APPLIKAZZJONI ABBUŻIVA TAL-GĦAJNUNA AWTORIZZATA MID-DEĊIŻJONI SERNAM 2

    (95)

    L-awtoritajiet Franċiżi jikkonfermaw li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma ġewx irrispettati. Konsegwentement, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tivverifika jekk Franza rrispettatx jew le l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2. Bħala tfakkira, dan il-paragrafu huwa fformulat kif ġej:

    “Fil-każ li Sernam tbigħ l-assi tagħha f’daqqa sat-30 ta’ Ġunju 2005 bil-prezz tas-suq, permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa, lil kumpanija mingħajr rabta legali mal-SNCF, il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma jibqgħux jgħoddu.”

    (96)

    Kif se jintwera aktar ‘il quddiem, Franza ma rrispettatx dawn il-kundizzjonijiet.

    3.2.1.   It-trażmissjoni tal-attivitajiet ma saritx fit-30 ta’ Ġunju 2005

    (97)

    Mill-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi u tal-ewwel kwerelant, irriżulta li, fit-30 ta’ Ġunju 2005, il-maniġment tal-SNCF, fil-prinċipju kemm aċċetta l-offerta definittiva tal-kumpanija Financière Sernam. Madankollu, il-memorandum ta’ ftehim li jorbot lill-partijiet kollha fit-tranżazzjoni ma ġiex iffirmat qabel il-21 ta’ Lulju 2005 u d-diversi tranżazzjonijiet ta’ trażmissjoni ma sarux qabel is-17 ta’ Ottubru 2005.

    (98)

    Il-Kummissjoni b’hekk tikkonkludi li t-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA lil Financière Sernam ma seħħitx sat-30 ta’ Ġunju 2005, hekk kif tirrikjedi l-kundizzjoni stabbilita mid-Deċiżjoni Sernam 2. Din ir-raġuni biss diġà kienet tkun biżżejjed biex jiġi konkluż li Franza applikat b’mod abbużiv l-għajnuna awtorizzata, soġġetta għall-kundizzjonijiet, mid-Deċiżjoni Sernam 2.

    3.2.2.   It-trażmissjoni tal-attivitajiet ma tikkostitwixxix bejgħ  (27)

    (99)

    Skont is-sistemi legali tal-Istati Membri tal-Unjoni, il-kuntratt ta’ bejgħ jissejjes fuq il-prinċipji żviluppati fil-liġi Rumana (emptio venditio). Il-bejgħ jinkludi t-trasferiment tas-sjieda ta’ oġġett kontra l-ħlas ta’ prezz. Hekk kif jenfasizza l-Gvern Franċiż fir-rigward tal-liġi Franċiża, dan il-prezz għandu jkun prezz pożittiv.

    (100)

    Tranżazzjoni li permezz tagħha l-persuna li trid titrasferixxi s-sjieda ta’ oġġett wieħed jew aktar toffri l-flus lill-persuna li tkun se takkwistahom, ma tikkostitwixxix bejgħ, iżda tip ta’ kuntratt differenti.

    (101)

    F’dan il-każ, l-SNCF ħallset EUR 59 miljun, billi rrikapitalizzat lil Sernam SA għal EUR 57 miljun u lil Sernam Xpress għal EUR 2 miljun, rispettivament, u billi tat diversi garanziji lill-kumpanija Financière Sernam. Il-ħlas ta’ EUR 2 miljun minn Financière Sernam favur l-SNCF u Sernam SA, innewtralizza r-rikapitalizzazzjoni ta’ Sernam Xpress, iżda ma affettwax l-elementi l-oħra tat-tranżazzjoni. Konsegwentement, il-kuntratt li ġie konkluż bejn l-SNCF u Financière Sernam ma jistax jitqies bħala kuntratt ta’ bejgħ. Dan lanqas biss ġie kkontestat mill-awtoritajiet Franċiżi, li jispjegaw li d-diversi tranżazzjonijiet ta’ trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA lil Financière Sernam ma jikkostitwixxux bejgħ, minħabba li l-liġi Franċiża ma tippermettilhomx li jagħmlu bejgħ li seta’ jwassal għal dan ir-riżultat.

    (102)

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kuntratt konkluż bejn l-SNCF u Financière Sernam ma jikkostitwix bejgħ. Għal din l-istess raġuni, l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma ġiex irrispettat, ladarba ma kienx hemm bejgħ. Konsegwentement, Franza applikat b’mod abbużiv l-għajnuna awtorizzata, soġġetta għall-kundizzjonijiet, mid-Deċiżjoni Sernam 2.

    3.2.3.   It-trażmissjoni tal-attivitajiet ma tikkostitwixxix bejgħ tal-assi, iżda trasferiment ta’ Sernam SA kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet)

    (103)

    Anke jekk wieħed iqis li t-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA lil Financière Sernam tikkostitwixxi bejgħ, ir-rispett lejn l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 jassumi li tali bejgħ jikkonċerna biss l-assi u mhux lil Sernam SA kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet). Dan jirriżulta mill-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2, imsemmija fil-premessa 89 ta’ din id-Deċiżjoni.

    (104)

    Kif indikat fit-Taqsima 2.4, it-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA mill-SNCF lil Financière Sernam tissejjes fuq l-użu min-naħa ta’ Sernam SA tas-sussidjarja tagħha li tappartjeniha 100 % Sernam Xpress, li rċeviet l-assi u l-obbligazzjonijiet trasferiti ta’ Sernam SA minbarra xi dejn li kellha lejn il-kumpanija ewlenija tagħha, l-SNCF. Qabel dan it-trasferiment, Sernam SA ġiet irrikapitalizzata mill-SNCF għall-ammont ta’ EUR 57 miljun u dawn il-flus il-ġodda ġew inklużi fl-assi trasferiti. Wara li sar it-trasferiment, kien imiss lil Sernam Xpress li tiġi rrikapitalizzata mill-SNCF għall-ammont ta’ EUR 2 miljun. L-azzjonijiet ta’ Sernam Xpress imbagħad inbiegħu lil Financière Sernam għall-istess ammont (EUR 2 miljun).

    (105)

    Kif indikat fit-Taqsima 2.7.1.3., l-awtoritajiet Franċiżi jiġġustifikaw din it-tranżazzjoni bir-restrizzjoni doppja imposta mil-liġi Franċiża u mid-Deċiżjoni Sernam 2.

    (106)

    Huma jenfasizzaw li r-riżultat globali tat-tranżazzjoni huwa identiku għal dak tal-bejgħ tal-assi. Għalhekk, din it-tranżazzjoni għandha tiġi ttrattata bħala bejgħ tal-assi kollha f’daqqa ta’ Sernam SA, skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

    (107)

    Il-Kummissjoni waslet għal konklużjoni differenti, għal żewġ raġunijiet.

    3.2.3.1.   It-trażmissjoni tinkludi trasferiment tal-assi u tal-obbligazzjonijiet kollha f’daqqa fost l-impriżi ta’ grupp, segwit minn bejgħ tal-azzjonijiet (“share deal”) tas-sussidjarja li tkun irċevithom.

    (108)

    It-tranżazzjoni mwettqa mill-SNCF ippermettiet lil Financière Sernam takkwista l-azzjonijiet ta’ Sernam Xpress, u għaldaqstant li tipproċedi għal bejgħ ta’ azzjonijiet (“share deal”).

    (109)

    L-ewwel nett, huwa minnu li l-SNCF ipproċediet għal tranżazzjoni li, skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-liġi Franċiża ssejħilha “assenjazzjoni parzjali ta’ assi” (fil-verità ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet). Madankollu, anke meta wieħed janalizzaha għaliha, din it-tranżazzjoni ma setgħetx tissejjaħ “bejgħ ta’ assi lil persuna terza”. Hija seħħet bi prezz negattiv li jammonta għal EUR 57 miljun u għaldaqstant ma tikkostitwixxix bejgħ (ara t-Taqsima 3.2.2.). Barra minn hekk, hija ma tolqotx biss l-assi, iżda wkoll l-obbligazzjonijiet kollha, minbarra xi dejn li kellha Sernam SA lejn il-kumpanija ewlenija tagħha, l-SNCF. Għalhekk, dan kien jinvolvi trażmissjoni ta’ Sernam SA kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet), u mhux bejgħ tal-assi biss (ara wkoll it-Taqsima 3.2.3.2.).

    (110)

    Fl-aħħar nett, din it-trażmissjoni saret lil sussidjarja li hija kkontrollata 100 %, jiġifieri lil Sernam Xpress, entità ad hoc li hija maħsuba biex tirċievi l-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ Sernam SA bil-għan uniku li hija stess terġa’ tinbiegħ lil Financière Sernam. Għalhekk, din l-assenjazzjoni ma saritx lil xi impriża terza u indipendenti tal-SNCF.

    (111)

    It-tieni nett, il-fatt li l-azzjonijiet ta’ Sernam Xpress inbiegħu lil Financière Sernam, lanqas ma jikkostitwixxi bejgħ tal-assi lil xi impriża terza, iżda trażmissjoni ta’ azzjonijiet jew “share deal” (u għalhekk trażmissjoni tal-impriża kollha kemm hi).

    (112)

    Konsegwentement, l-ebda tranżazzjoni mwettqa mill-SNCF ma tikkostitwixxi bejgħ tal-assi kollha f’daqqa ta’ Sernam SA lil kumpanija mingħajr rabta legali mal-SNCF u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma ġewx irrispettati.

    3.2.3.2.   It-trażmissjoni mhijiex limitata għall-assi, iżda tinkludi lil Sernam SA kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet)

    (113)

    Il-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2, imsemmija fil-premessa 89 ta’ din id-deċiżjoni, stabbilixxiet distinzjoni ċara bejn, min-naħa l-waħda, il-bejgħ tal-assi u, min-naħa l-oħra, il-bejgħ ta’ Sernam SA kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet). Minn din il-premessa jidher biċ-ċar illi, li kieku l-awtoritajiet Franċiżi kellhom, kif kien beħsiebhom jagħmlu fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 2, jbiegħu lil Sernam SA kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet), huma kienu jkunu obbligati li jirrispettaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

    (114)

    Ir-riżultat tad-diversi tranżazzjonijiet ta’ trażmissjoni huwa li Financière Sernam, permezz tal-akkwist ta’ Sernam Xpress, akkwistat l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha ta’ Sernam SA fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 2, bl-eċċezzjonijiet li ġejjin: min-naħa l-waħda, l-assi ġew miżjuda permezz tal-injezzjonijiet ta’ EUR 57 miljun favur Sernam SA u ta’ EUR 2 miljun favur Sernam Xpress (ara wkoll it-Taqsima 3.2.4. ta’ din id-deċiżjoni) u min-naħa l-oħra, l-obbligazzjonijiet ġew imnaqqsa bl-ammont tas-self azzjonarju kkuntrattat mill-kumpanija Sernam SA mal-grupp SNCF, obbligazzjoni relatata mat-tħassir tal-kuntratt “IBM – GPS”, u bl-ammont tal-obbligu ta’ rimborż tal-għajnuna inkompatibbli li tammonta għal EUR 41 miljun.

    (115)

    Madankollu, dawn l-aġġustamenti marġinali ma jistgħux jaħbu l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta’ Sernam SA verament ġew trasferiti, l-ewwel lil Sernam Xpress u mbagħad lil Financière Sernam.

    (116)

    Għalhekk, it-trażmissjoni tal-attivitajiet ma tikkostitwixxix bejgħ tal-assi, iżda trażmissjoni ta’ Sernam SA kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet), bi ftit eċċezzjonijiet. Konsegwentement u għal din ir-raġuni wkoll, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma ġewx irrispettati.

    3.2.4.   It-trażmissjoni mhijiex limitata għall-assi li kellha Sernam SA fil-mument tad-Deċiżjoni Sernam 2, iżda ġiet miżjuda b’EUR 59 miljun

    (117)

    Mil-lat tal-assi, il-Kummissjoni tirrimarka wkoll li l-ammont ta’ EUR 59 miljun ġie miżjud permezz tar-rikapitalizzazzjonijiet ta’ Sernam SA u ta’ Sernam Xpress u li, fuq livell ekonomiku, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-ħlas ta’ EUR 2 miljun minn Financière Sernam, din iż-żieda tammonta għal EUR 57 miljun. Tali żieda fl-assi mhijiex awtorizzata mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

    3.2.5.   It-trażmissjoni tal-attivitajiet ma seħħitx permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa

    (118)

    Għall-ewwel, l-awtoritajiet Franċiżi organizzaw proċedura trasparenti u miftuħa. Madankollu, fl-aħħar ta’ din il-proċedura, l-SNCF ma kienet irċeviet l-ebda offerta vinkolanti.

    (119)

    B’segwitu għall-falliment tal-proċedura trasparenti u miftuħa, ġie konkluż il-kuntratt li kien jirrigwarda d-diversi tranżazzjonijiet ta’ trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA, ma’ Financière Sernam. Billi din tal-aħħar ma kinitx ipparteċipat bħala tali u b’mod awtonomu fil-proċedura trasparenti u miftuħa, fl-aħħar mill-aħħar it-trażmissjoni tal-attivitajiet ma seħħitx permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa.

    (120)

    Għal din ir-raġuni wkoll, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma ġewx irrispettati.

    3.2.6.   L-iskop ta’ bejgħ tal-assi ma ġiex irrispettat

    (121)

    Fil-premessa 217 tagħha, id-Deċiżjoni Sernam 2 tispjega l-iskop ta’ bejgħ tal-assi b’dan li ġej:

    “Sernam […] illiberat l-ishma tagħha tas-suq favur l-akkwirent indipendenti (li de facto jkun jista’ jkompli għaddej bl-attivitajiet tagħha bl-assi ta’ Sernam).”

    (122)

    Għalhekk, l-iskop ta’ bejgħ tal-assi kien li jiġu lliberati l-ishma tas-suq u l-assi ta’ Sernam SA, kif ukoll li jkun permissibbli li parti terza tagħmel użu minn dawn l-assi. Għaldaqstant, il-bejgħ tal-assi kellu l-għan li jwaqqaf l-attività ekonomika ta’ Sernam SA.

    (123)

    Madankollu, f’dan il-każ, Sernam SA ġiet akkwistata kollha kemm hi mill-maniġment tagħha, u miġbura mill-ġdid f’dik li mbagħad saret Financière Sernam. Il-kontinwità ekonomika hija totali; barra minn hekk, l-impriża sabet ruħha ħielsa minn parti sostanzjali tad-dejn tagħha u rċeviet kapital ġdid li jammonta għal EUR 59 miljun, li EUR 57 miljun minnhom jibqgħu taħt ir-responsabbiltà ekonomika tal-SNCF. Konsegwentement, apparti l-fatt li t-tranżazzjoni adottata ma tirrispettax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, hija lanqas ma tippermetti li jintlaħqu l-objettivi ta’ din id-deċiżjoni. Għall-kuntrarju ta’ dan, hija twassal għal tisħiħ tal-entità ekonomika, suxxettibbli li jiggrava t-tfixkil fil-kompetizzjoni li l-miżuri imposti mid-deċiżjoni kellhom appuntu l-għan li jtaffu.

    3.2.7.   L-argumenti ppreżentati min-naħa ta’ Franza ma jippermettux li jintwera r-rispett lejn l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2

    (124)

    L-argument ta’ Franza li t-tranżazzjonijiet meqjusa kollha flimkien ikunu ekwivalenti għal bejgħ tal-assi kollha f’daqqa ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, minħabba n-natura tagħha, l-ewwel karatteristika ta’ bejgħ tal-assi kollha f’daqqa, hija li ma tissejjisx fuq bejgħ ta’ azzjonijiet. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument li bosta atti legali differenti (assenjazzjoni parzjali ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet, imbagħad “share deal”) ikunu ekwivalenti għal att legali wieħed partikolari (bejgħ tal-assi), billi wieħed mill-atti legali li fil-verità ġie implimentat jikkostitwixxi ċ-ċaħda tal-att legali mfittex.

    (125)

    Bl-istess mod, l-argument li, skont il-liġi Franċiża mhux possibbli jsir bejgħ dirett tal-assi ta’ Sernam SA lil Financière Sernam ma jistax jiġi aċċettat. L-ewwel nett, jaqbel li jiġi mfakkar li d-Deċiżjoni Sernam 2 ħalliet lil Franza żewġ modi alternattivi biex timplimenta din id-Deċiżjoni. Jekk wieħed jassumi li l-bejgħ tal-assi kien se jirriżulta inapplikabbli, l-awtoritajiet Franċiżi dejjem setgħu jimplimentaw id-Deċiżjoni billi jsegwu l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2 (ir-restrizzjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA għall-kunsinna tal-posta bil-ferrovija biss, billi t-trasport bit-triq kien ġie sottokuntrattat). It-tieni nett, jekk il-kredituri terzi verament kienu opponew għal bejgħ bi prezz negattiv, Sernam SA setgħet kienet is-suġġett ta’ proċedura kollettiva, fejn il-bejgħ ta’ assi seta’ seħħ fil-qafas ta’ din il-proċedura.

    (126)

    Fl-aħħar nett, jekk l-awtoritajiet Franċiżi kienu qed jesperjenzaw xi diffikultajiet fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 2, huma kellhom jerġgħu jirrikorru għall-Kummissjoni sabiex, flimkien magħha, jaslu għal soluzzjoni li tikkonċerna arranġamenti oħrajn f’konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Minkejja li l-awtoritajiet Franċiżi verament żaru l-Kummissjoni fl-24 ta’ Novembru 2004 u kitbulha uffiċjalment fil-21 ta’ Diċembru 2004 biex jinfurmawha dwar l-għażla li jsir bejgħ tal-assi kollha f’daqqa, mingħajr ma ddeskrivew l-elementi ewlenin, jaqbel li jiġi enfasizzat li Franza fl-ebda mument ma nnotifikat lill-Kummissjoni bil-modifika tal-pjan ta’ ristrutturar approvat, taħt ċerti kundizzjonijiet, minn din tal-aħħar fid-Deċiżjoni Sernam 2. Min-naħa l-oħra, it-Taqsima 3.2.3. tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi li jkunu f’diffikultà (28), tikkonferma li Stat Membru ma jistax jiddevja mill-pjan ta’ ristrutturar mingħajr ma jinnotifika lill-Kummissjoni u mingħajr l-approvazzjoni minn qabel ta’ din tal-aħħar.

    (127)

    Madankollu, il-Kummissjoni qatt ma tat il-kunsens tagħha fir-rigward tat-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA lil Financière Sernam, implimentata min-naħa ta’ Franza.

    3.2.8.   Konklużjoni: Franza ma rrispettatx l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2 u applikat b’mod abbużiv l-għajnuna ta’ EUR 503 miljun

    (128)

    B’konklużjoni għal dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma ġiex irrispettat. Konsegwentement, l-għajnuna ta’ EUR 503 miljun għar-ristrutturar awtorizzata taħt ċerti kundizzjonijiet mid-Deċiżjoni Sernam 2 ġiet applikata b’mod abbużiv.

    3.2.9.   L-għajnuna ta’ EUR 503 miljun hija inkompatibbli mas-suq intern

    (129)

    Billi l-għajnuna ta’ EUR 503 miljun ġiet użata mill-benefiċjarju, bi ksur tad-Deċiżjoni Sernam 2, hija mhijiex kompatibbli mas-suq intern skont din id-deċiżjoni.

    (130)

    Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa d-dmir tal-Istat Membru li jinvoka r-raġunijiet ta’ kompatibbiltà ta’ għajnuna. Billi Franza ma invokat l-ebda raġuni ta’ kompatibbiltà, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna ta’ EUR 503 miljun hija inkompatibbli mas-suq intern u għandha tiġi rkuprata, flimkien mal-imgħaxijiet li akkumulaw mid-data li fiha tqiegħdet għad-dispożizzjoni.

    (131)

    Dan l-irkupru għandu jsir minn Financière Sernam kif ukoll mis-sussidjarji tagħha, b’mod partikolari Sernam Services u Aster, li llum il-ġurnata għaddejjin bl-attività ekonomika li bbenefikat mill-għajnuna, u li qabel kienet titwettaq minn Sernam SA (li issa ġiet illikwidata) u wara minn Sernam Xpress (li l-assi u l-obbligazzjonijiet tagħha ġew akkwistati minn Financière Sernam wara trażmissjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet kollha). Fil-fatt, huwa xieraq li qabel xejn jiġi kkunsidrat li Sernam Xpress reġgħet akkwistat l-assi kollha u porzjon mill-obbligazzjonijiet ta’ Sernam SA b’segwitu għal tranżazzjoni li seħħet fost l-impriżi tal-grupp. B’hekk, Sernam Xpress kompliet bl-attività ekonomika ta’ Sernam SA (ara wkoll id-deskrizzjoni dettaljata fit-Taqsima 3.3.). Wara dan, minħabba li saret trażmissjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet kollha, Financière Sernam tikkostitwixxi s-suċċessur legali ta’ Sernam Xpress. Fl-aħħar nett, Financière Sernam kif ukoll is-sussidjarji tagħha, b’mod partikolari Sernam Service u Aster, qed ikomplu bl-attività ekonomika ta’ Sernam SA u ta’ Sernam Xpress u għaldaqstant għadhom jibbenefikaw mill-għajnuna ta’ EUR 503 miljun li inizjalment kienet ingħatat lil Sernam SA.

    3.3.   L-IRKUPRU TAL-GĦAJNUNA TA’ EUR 41 MILJUN

    (132)

    L-għajnuna mill-Istat ta’ EUR 41 miljun li Franza kellha tirkupra mill-benefiċjarju tagħha skont id-Deċiżjoni Sernam 2, ġiet iskritta fl-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni tal-kumpanija Sernam SA.

    (133)

    L-awtoritajiet Franċiżi jqisu li, f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2, it-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA lil Financière Sernam permezz ta’ proċedura li huma jikkunsidraw bħala waħda trasparenti u miftuħa, setgħet wasslet biex l-obbligu ta’ rkupru jkun limitat biss għall-kumpanija Sernam SA.

    (134)

    L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2 huwa fformulat kif ġej:

    “Kwalunkwe bejgħ parzjali jew sħiħ ta’ Sernam għandu jsir bil-prezz tas-suq, u permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa għall-kompetituri kollha. F’dawn il-kundizzjonijiet, jekk il-kumpanija Sernam tibqa’ teżisti, hija għandha tkun responsabbli għar-rimborż tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun.”

    (135)

    L-Artikolu 4 jagħmel distinzjoni skont jekk kienx hemm jew le interruzzjoni tal-attività ekonomika ta’ Sernam. Fl-ipoteżi li din l-attività sparixxiet, ma hemmx għalfejn isir rkupru mingħand dawk li kienu akkwistaw l-assi bil-prezz tas-suq permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa.

    (136)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrimarka li fil-każistika tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jagħtu importanza determinanti lil dawn l-istess fatturi.

    (137)

    Is-sentenza SMI  (29) tagħmel distinzjoni bejn żewġ ipoteżi f’każ ta’ bejgħ ta’ attivitajiet li jkunu bbenefikaw minn għajnuna, jiġifieri l-bejgħ tal-ishma tal-impriża, li b’segwitu ta’ dan l-impriża li tkun ibbenefikat mill-għajnuna tibqa’ żżomm il-personalità legali tagħha (“share deal”), u l-bejgħ tal-assi kollha tal-impriża jew ta’ porzjon minnhom lil impriża oħra, li b’segwitu ta’ dan l-attività ekonomika mgħejuna ma tibqax titwettaq mill-istess persuna legali (“asset deal”).

    (138)

    F’dak li jirrigwarda x-“share deal”, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li: (30)

    “[…] meta impriża li tkun ibbenefikat minn għajnuna illegali mill-Istat, tiġi akkwistata bil-prezz tas-suq, jiġifieri bl-ogħla prezz li investitur privat li jopera taħt kundizzjonijiet kompetittivi normali jkun lest li jħallas għal din il-kumpanija fis-sitwazzjoni li tkun tinsab fiha, b’mod partikolari wara li tkun irċeviet għajnuna mill-Istat, l-element ta’ għajnuna jkun ġie kkalkulat skont il-prezz tas-suq u inkluż fil-prezz tax-xiri. Taħt tali kundizzjonijiet, ix-xerrej ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jkun gawda minn xi vantaġġ fil-konfront tal-operaturi l-oħra fis-suq (dwar dan, ara s-Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks, C-390/98, Ġabra p. I-6117, il-punt 77).

    F’dan il-każ, l-impriża li ngħatawlha l-għajnuniet illegali mill-Istat għadha żżomm il-personalità legali tagħha u qed tkompli twettaq l-attivitajiet issussidjati mill-għajnuniet mill-Istat. B’hekk, normalment hija din l-impriża li żżomm il-vantaġġ kompetittiv marbut mal-għajnuniet imsemmija u għaldaqstant hija din l-impriża li għandu jkollha l-obbligu li tħallas lura ammont ekwivalenti għall-ammont ta’ dawn l-għajnuniet. […]”

    (139)

    F’dak li jirrigwarda l-“asset deal”, il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli b’dan li ġej: (31)

    “Huwa ċertament possibbli li, fl-ipoteżi fejn il-kumpaniji ta’ salvataġġ huma maħluqa bil-għan li jkomplu jwettqu uħud mill-attivitajiet tal-impriża li tkun ibbenefikat mill-għajnuniet, meta din tfalli, il-kumpaniji msemmija jistgħu wkoll, jekk ikun meħtieġ, jintalbu jħallsu lura l-għajnuniet inkwistjoni, fejn ikun ġie stabbilit li huma għadhom igawdu b’mod effettiv mill-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-għajnuniet imsemmija. Fil-fatt dan jista’ jkun il-każ, partikolarment, meta dawn il-kumpaniji ta’ salvataġġ jipproċedu għall-akkwist tal-assi tal-kumpanija f’likwidazzjoni mingħajr ma jħallsu lura prezz konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq jew meta jiġi stabbilit li l-ħolqien ta’ kumpaniji bħal dawn iwassal biex jiġi evitat l-obbligu ta’ rkupru ta’ dawn l-għajnuniet.”

    (140)

    Fis-sentenza Seleco  (32) issir l-istess distinzjoni. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li l-Kummissjoni tista’ tiġi mġiegħla tirrikjedi li l-irkupru ma jkunx limitat għall-impriża inizjali, iżda li jiġi estiż għall-impriża li tkompli bl-attività tal-impriża inizjali permezz tal-mezzi ta’ produzzjoni li ġew trasferiti lilha, meta ċerti elementi tat-trasferiment jkunu jindikaw kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ entitajiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ukoll ir-rilevanza tal-indikaturi segwenti biex tiġi stabbilita kontinwità ekonomika: l-għan tat-trasferiment (l-assi u l-obbligazzjonijiet, il-kontinwità tal-forza tax-xogħol, l-assi miġbura f’daqqa), il-prezz tat-trasferiment, l-identità tal-azzjonarji jew tal-proprjetarji tal-impriża akkwirenti u tal-impriża inizjali, il-mument li fih sar it-trasferiment (wara l-bidu tal-inkjesta, il-ftuħ tal-proċedura jew id-deċiżjoni finali) jew fl-aħħar il-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni (33).

    (141)

    Jidher xieraq ukoll li jiġi enfasizzat li l-bejgħ tal-assi fil-kawżi SMI u Seleco twettaq fil-qafas ta’ proċedura kollettiva, issorveljata minn imħallef. Kien jikkonċerna porzjon biss mill-assi tal-impriżi sottomessi għall-proċedura kollettiva. Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ma kienx ġie stabbilit li l-bejgħ ma kienx jikkorrespondi għal kundizzjonijiet ta’ suq.

    (142)

    Il-Qorti Ġenerali analizzat “asset deal” fis-sentenza CDA  (34) u b’mod partikolari vverifikat jekk fil-każ inkwistjoni kienx hemm indikazzjonijiet li jippermettu li jiġi konkluż li l-ordni ta’ rkupru kien qed jiġi evitat permezz ta’ bejgħ parzjali ta’ assi. Il-Qorti Ġenerali qieset li rieda bħal din ma ġietx stabbilita min-naħa tal-Kummissjoni fil-każ inkwistjoni u li CDA ma kinitx qed tgawdi b’mod effettiv mill-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-għajnuniet mogħtija. Il-Qorti Ġenerali bbażat din l-affermazzjoni fuq żewġ elementi fattwali: il-bejgħ kien limitat għal porzjon tal-assi, li ġew mibjugħa kollha f’daqqa u permezz ta’ dan il-mod ta’ kif saru l-affarijiet (jiġifieri l-bejgħ f’daqqa) inkisbet somma ogħla minn dik li nkisbet meta nbiegħu l-assi inkwistjoni separatament.

    (143)

    Għalhekk, fid-dawl tal-kriterji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali, ikun xieraq li tiġi eżaminata t-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA lil Financière Sernam, sabiex jiġi stabbilit jekk l-irkupru għandux jiġi estiż għal Financière Sernam u s-sussidjarji tagħha, Sernam Services u Aster.

    (144)

    L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda t-trasferiment tal-assi u tal-obbligazzjonijiet kollha f’daqqa, bl-eċċezzjoni ta’ tliet obbligazzjonijiet finanzjarji (self azzjonarju kkuntrattat mill-kumpanija Sernam SA mal-grupp SNCF, obbligazzjoni relatata mat-tħassir tal-kuntratt “IBM – GPS”; obbligu ta’ rimborż tal-għajnuna inkompatibbli li tammonta għal EUR 41 miljun) mingħand Sernam SA lil Sernam Xpress, il-Kummissjoni tosserva li dan it-trasferiment kien ikopri l-impriża kollha kemm hi (ara t-Taqsima 3.2.3.). Għalhekk hemm kontinwità ekonomika bejn Sernam SA u Sernam Xpress. Dan joħloq distinzjoni bejn il-każ preżenti u l-fatti li wasslu għas-sentenzi SMI, Seleco u CDA, li kienu jikkonċernaw il-bejgħ ta’ porzjon biss tal-assi. Barra minn hekk, it-trasferiment sar fost l-impriżi ta’ grupp. Dan sar wara deċiżjoni finali tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna u l-unika loġika ekonomika tagħha hija li jingħata permess għat-tkomplija tal-attivitajiet ta’ Sernam SA, mingħajr ma jkun hemm għalfejn jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2. B’hekk, huma preżenti l-kriterji kollha li jindikaw il-kontinwità ekonomika skont id-Deċiżjoni u skont is-sentenza Seleco.

    (145)

    Minkejja dan, il-Kummissjoni tirrimarka li t-trasferiment lil Sernam Xpress ma jikkorrespondix mal-kundizzjonijiet tas-suq. It-trasferiment lil Sernam Xpress seħħ bi prezz negattiv u ma jirriżultax minn proċedura trasparenti u miftuħa (ara t-Taqsima 3.2.5.). Mal-prezz negattiv ta’ EUR 57 miljun, meqjus bħala għajnuna operazzjonali li tippermetti li jiġi kopert it-telf ta’ Sernam Xpress għall-perjodu ta’ bejn l-2005 u l-2008, (35) tiżdied ir-rinunzja mill-SNCF tal-kreditu kontra Sernam SA li tammonta għal EUR 38,5 miljun (ara l-premessa 27). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrimarka wkoll li l-obbligazzjonijiet li jibqgħu f’Sernam SA jikkostitwixxu dejn kontra xi partijiet terzi, u mhux kontra l-SNCF. Permezz tal-injezzjoni ta’ kapital ta’ EUR 57 miljun, l-SNCF ippermettiet lil Sernam Xpress, li tal-anqas għall-perjodu ta’ bejn l-2005 u l-2008, tonora dawn il-krediti fit-totalità tagħhom. Kieku, min-naħa l-oħra, l-SNCF kienet biegħet l-assi biss bi prezz pożittiv, id-dejn ta’ Sernam SA lejn il-partijiet terzi kien ikun onorat biss sal-ammont ekwivalenti għad-dħul minn fuq il-bejgħ. Dan huwa indikatur addizzjonali li l-bilanċ kuntrattwali bejn l-SNCF u Financière Sernam ma jikkorrespondix mal-kundizzjonijiet ta’ suq.

    (146)

    Għandu jiġi rrimarkat ukoll li l-prezz negattiv ta’ EUR 57 miljun huwa ogħla mill-aħjar offerta riċevuta matul is-sejħa għall-offerti li kienet bla suċċess, li kien prezz negattiv ta’ EUR 56,4 miljun (offerta tat-tieni fażi [il-kandidat Nru 5]).

    (147)

    It-trasferiment ippermetta li Sernam Xpress tevita l-ordni ta’ rkupru ta’ EUR 41 miljun li kien ta’ piż fuq Sernam SA, u ppermettilha tkompli bl-attivitajiet ta’ Sernam SA mingħajr ma jkollha tħallas lura din l-għajnuna u mingħajr ma jkollha tirrispetta l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2.

    (148)

    Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li t-trasferiment tal-attivitajiet ta’ Sernam SA lil Sernam Xpress wassal biex Sernam Xpress setgħet tkompli tgawdi b’mod effettiv mill-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-għajnuniet mogħtija. Fil-fatt, kien hemm kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ kumpaniji, u t-trasferiment jikkorrespondi mal-fatt li ġie evitat l-ordni ta’ rkupru li kien ta’ piż fuq Sernam SA.

    (149)

    Hekk kif ġie spjegat fis-sentenzi SMI u Seleco, il-bejgħ ta’ azzjonijiet ta’ kumpanija li tkun ibbenefikat minn għajnuna illegali minn azzjonarju lil xi parti terza ma jinfluwenzax l-obbligu ta’ rkupru mill-kumpanija benefiċjarja. Konsegwentement, il-bejgħ tal-ishma tal-kumpanija ta’ Sernam Xpress lil Financière Sernam ma rriżultax fil-ħelsien ta’ Sernam Xpress mill-obbligu li tħallas lura l-għajnuna ta’ EUR 41 miljun.

    (150)

    B’segwitu għall-amalgamazzjoni bejn Sernam Xpress u Financière Sernam, l-obbligu ta’ rkupru ġie trasferit lil Financière Sernam. Barra minn dan, Financière Sernam u s-sussidjarji tagħha, b’mod partikolari Sernam Services u Aster, qed ikomplu bl-attività ekonomika ta’ Sernam SA u ta’ Sernam Xpress u għaldaqstant għadhom jibbenefikaw mill-għajnuna ta’ EUR 41 miljun li inizjalment kienet ingħatat lil Sernam SA.

    (151)

    Apparti minn hekk, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 3.4 ta’ hawn taħt, l-argumenti li ħarġu bihom l-awtoritajiet Franċiżi abbażi tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq għandhom jiġu mwarrba.

    3.4.   FIR-RIGWARD TAL-GĦAJNUNIET IL-ĠODDA MOGĦTIJA LIL SERNAM XPRESS

    (152)

    Il-memorandum ta’ ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005 jipprevedi għadd partikolari ta’ miżuri, li jkunu jistgħu jikkostitwixxu għajnuniet ġodda (ara l-premessa 36 ta’ hawn fuq). Il-Kummissjoni trid tivverifika jekk dawn il-miżuri jikkostitwixxux għajnuniet ġodda u fejn xieraq, jekk dawn l-għajnuniet jistgħux jiġu ddikjarati bħala kompatibbli mas-suq intern.

    (153)

    Skont l-awtoritajiet Franċiżi, dawn il-miżuri kollha jikkonformaw mal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq. L-SNCF allegatament ittrasferixxiet l-attivitajiet ta’ Sernam SA lill-kumpanija li kienet ippreżentat l-aħjar offerta matul sejħa għall-offerti trasparenti u miftuħa, u din l-offerta, anke jekk tikkonsisti minn prezz negattiv, kellha tkun tiswa inqas lill-Istat azzjonarju minn kemm kellha tkun tiswieh il-likwidazzjoni ta’ Sernam.

    (154)

    Il-Kummissjoni tqis li f’sitwazzjoni ta’ rkupru tal-għajnuna, ma setax jiġi applikat il-prinċipju tal-investitur privat. Matul l-irkupru ta’ għajnuna, l-Istat jaġixxi skont l-obbligi li jaqgħu fuqu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, u mhux fir-rwol tiegħu ta’ Stat azzjonarju.

    (155)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrimarka li l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ikkunsidra l-bejgħ ta’ assi bħala ekwivalenti għall-miżuri ta’ kumpens imposti mill-Artikolu 3(1). Skont il-punt 40 tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi li jkunu f’diffikultà (36), iċ-ċessjoni ta’ attività żbilanċjata ma tistax titqies bħala miżura ta’ kumpens. Il-prezz negattiv li ntlaħaq ftehim dwaru bejn l-SNCF u Financière Sernam juri li din hija ċ-ċessjoni ta’ attività żbilanċjata, li ma tistax tkun l-ekwivalenti ta’ miżura ta’ kumpens. F’dan il-każ, il-prezz negattiv jikkorrespondi għal għajnuna operazzjonali mogħti lill-impriża, li għalhekk, minħabba n-natura tagħha, mhijiex kapaċi tnaqqas it-tfixkil fil-kompetizzjoni.

    (156)

    Apparti dan, kieku wieħed kellu jaċċetta l-pożizzjoni li kienet qed tħaddan Franza, Franza setgħet tevita l-obbligu tagħha li tirkupra, mingħand Sernam SA u minn kwalunkwe kumpanija oħra li tkompli bl-attività ekonomika tagħha, l-għajnuna ta’ EUR 41 miljun iddikjarata bħala inkompatibbli mid-Deċiżjoni Sernam 2, kif ukoll l-għajnuna ta’ EUR 503 miljun li ġiet applikata b’mod abbużiv. Riżultat bħal dan kien se jikkontradixxi b’mod ovvju l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, li min-naħa tagħha tistieden lill-Istat Membru jirkupra l-għajnuna mingħajr dewmien, billi jirrikorri għall-mezzi legali kollha disponibbli, inkluż is-sekwestru tal-assi tal-impriża u, fejn ikun meħtieġ, il-likwidazzjoni ta’ din tal-aħħar, jekk ma tkunx f’pożizzjoni li tipproċedi għar-rimborż inkwistjoni (37).

    (157)

    L-aċċettazzjoni tal-pożizzjoni mħaddna minn Franza tkun twassal ukoll għal diskriminazzjoni bejn impriża privata u impriża pubblika. Filwaqt li l-Istat ikun qed jieħu miżuri għall-irkupru mingħand l-impriża privata, u fejn meħtieġ jasal sal-likwidazzjoni tagħha, l-impriża pubblika tkun tista’ taħrab dan id-destin bl-unika kundizzjoni li l-bejgħ tagħha bi prezz negattiv ikun iqum inqas flus lill-Istat minn kemm iqum l-irkupru tal-għajnuniet illegali u inkompatibbli li tkun irċeviet.

    (158)

    Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li l-prinċipju tal-operatur privat fl-ekonomija tas-suq ma jistax jiġi invokat min-naħa ta’ Franza biex il-miżuri previsti fil-memorandum tal-ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005 jevitaw il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

    (159)

    Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit jekk il-miżuri inkwistjoni tawx vantaġġ lil Sernam Xpress jew lil Financière Sernam. Billi sussegwentement dawn iż-żewġ impriżi ġew amalgamati, mhux meħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-vantaġġi mogħtija lill-waħda jew lill-oħra. It-tliet kriterji li jagħtu prova tal-preżenza ta’ għajnuna huma sodisfatti: il-miżuri ngħataw minn riżorsi ta’ impriża pubblika, l-SNCF; l-SNCF tikkostitwixxi stabbiliment pubbliku industrijali u kummerċjali (EPIC) sottomessa għal sorveljanza stretta ħafna mill-Istat; għalhekk l-għoti tal-vantaġġ huwa attribwibbli wkoll għall-Istat. Billi Sernam Xpress/Financière Sernam huma attivi fit-trasport bit-triq, li huwa settur miftuħ għall-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni, hemm riskju li l-vantaġġ mogħti joħloq tfixkil fil-kompetizzjoni u jolqot l-iskambji bejn l-Istati Membri.

    3.4.1.   Fir-rigward tar-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 57 miljun ta’ Sernam SA min-naħa tal-SNCF

    (160)

    Permezz tar-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 57 miljun ta’ Sernam SA min-naħa tal-SNCF, Sernam SA rċeviet vantaġġ finanzjarju konsiderevoli, li ma kienx disponibbli għall-kompetituri tagħha. Dan il-vantaġġ imbagħad ġie trasferit flimkien mal-assi u l-obbligazzjonijiet l-oħra lil Sernam Xpress.

    3.4.2.   Fir-rigward tar-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 2 miljun ta’ Sernam Xpress min-naħa tal-SNCF

    (161)

    Permezz tar-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 2 miljun ta’ Sernam Xpress min-naħa tal-SNCF, Sernam Xpress rċeviet vantaġġ finanzjarju konsiderevoli, li ma kienx disponibbli għall-kompetituri tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-SNCF irċeviet ħlas ta’ EUR 2 miljun mingħand Financière Sernam li jinnewtralizza r-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 2 miljun, u li konsegwentement ma ngħata l-ebda vantaġġ.

    3.4.3.   Fir-rigward tar-rinunzja mill-SNCF tal-krediti kontra Sernam SA

    (162)

    Kif ġie spjegat fil-premessa 33, it-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA lil Financière Sernam ma tinkudix żewġ krediti tal-SNCF kontra Sernam SA li jammontaw għal EUR 38,5 miljun. Billi tirrinunzja għal dawn il-krediti, l-SNCF toffri vantaġġ ta’ ammont ekwivalenti għal Sernam Xpress/Financière Sernam.

    3.4.4.   Fir-rigward tal-garanziji mogħtija mill-SNCF

    (163)

    Matul it-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA lil Financière Sernam, l-SNCF tat il-garanziji li ġejjin:

    Hija ntrabtet li, f’perjodu ta’ żmien fiss, ittemm l-iżvilupp ta’ sit partikolari (Valenton) meħtieġ għall-operat tat-Train Bloc Express (TBE), taħt piena ta’ multa ta’ miljun euro f’każ ta’ dewmien;

    Hija ntrabtet li tkopri kwalunkwe żieda eventwali fil-kirjiet tas-siti l-ġodda ta’ operat, b’limitu ta’ differenza massima ta’ EUR 3 miljun;

    Hija estendiet bi tliet snin id-dritt għar-ritorn ta’ […] ħaddiem tal-ferroviji ssekondati biex jaħdmu f’Sernam;

    Hija estendiet bi tliet snin memorandum soċjali li jiggarantixxi lil […] ħaddiem ta’ Sernam li jiġu impjegati mill-ġdid ġewwa l-SNCF f’każ ta’ tkeċċija (min-naħa ta’ Sernam);

    L-SNCF iggarantixxiet il-“kontinwità tat-train bloc express (TBE)’ (38) u l-aċċess għalih (39). B’rabta ma’ dan, l-SNCF ħallset EUR 3 miljun lil Sernam Xpress.

    (164)

    F’dak li jirrigwarda l-ewwel żewġ garanziji, jidher biċ-ċar li dawn jagħtu vantaġġ lil Sernam Xpress/Financière Sernam. Fil-fatt, mingħajr dawn iż-żewġ garanziji Sernam Xpress/Financière Sernam kien ikollhom iġarrbu l-ispejjeż inkwistjoni huma stess.

    (165)

    F’dak li jirrigwarda l-garanziji tat-TBE, il-Kummissjoni tqis li dawn inaqqsu b’mod sinifikanti r-riskju ta’ Sernam Xpress/Financière Sernam. Għaldaqstant, dawn jagħtuhom vantaġġ.

    (166)

    Fl-opinjoni ta’ Franza, il-garanzija mogħtija lill-ħaddiema tal-ferroviji fil-verità tkun tibbenefika minnha l-SNCF. Fil-fatt, l-SNCF issekondat għadd partikolari ta’ ħaddiema tal-ferroviji biex jaħdmu f’Sernam SA. Dawn il-ħaddiema tal-ferroviji, li l-ispiża tagħhom kienet qed tiġġarrab minn Sernam SA, seta’ jkollhom id-dritt li jerġgħu jiġu integrati fl-SNCF fuq sempliċi talba min-naħa tagħhom. Fid-dawl tal-biżgħat li setgħu jirriżultaw minn privatizzazzjoni, l-SNCF imbagħad estendiet il-perjodu li matulu l-ħaddiema tal-ferroviji setgħu jeżerċitaw dan id-dritt, bil-ħsieb li jiġi evitat li jkun hemm ritorn qawwi ta’ dawn tal-aħħar, billi dan kien ikun iqum aktar flus lill-SNCF.

    (167)

    Il-Kummissjoni tqis li mingħajr din il-garanzija, il-ħaddiema tal-ferroviji wisq probabbli kienu jitolbu li jerġgħu jiġu integrati fl-SNCF fil-mument tat-trażmissjoni tal-attivitajiet. Sernam Xpress kien ikollha tissostitwihom b’impjegati ġodda taħt status privat. Il-Kummissjoni tqis li aktarx f’dan il-każ, is-salarju ta’ dawn l-impjegati l-ġodda kien ikun inqas minn dak tal-ħaddiema tal-ferroviji, u dan kien ikun jikkumpensa għall-ispiża addizzjonali ta’ Sernam Xpress li tirriżulta mill-esperjenza limitata tagħhom jew inkella mid-diffikultà li jiġi rreklutat għadd konsiderevoli ta’ impjegati ġodda f’daqshekk qasir żmien.

    (168)

    F’dak li jirrigwarda l-estensjoni tal-garanzija tal-għoti ta’ impjieg mill-ġdid għal perjodu ta’ tliet snin, Franza tqis li din tikkostitwixxi dritt individwali mogħti mill-SNCF lil ċerti impjegati. Aktarx la Financière Sernam, u lanqas Sernam Xpress ma kienu partijiet f’dan il-ftehim.

    (169)

    Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din l-analiżi. Fil-fatt, din il-garanzija trendi aktar attraenti l-fatt li wieħed jibqa’ jaħdem ma’ Sernam Xpress matul il-perjodu inkwistjoni, mingħajr ma Sernam Xpress ikollha ġġarrab kwalunkwe spiża addizzjonali.

    (170)

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-garanziji mogħtija mill-SNCF fil-memorandum tal-21 ta’ Lulju 2005, bl-eċċezzjoni tal-garanzija għall-ħaddiema tal-ferroviji, jagħtu vantaġġ lil Sernam Xpress/Financière Sernam.

    (171)

    Filwaqt li l-valur tal-ewwel tliet garanziji jista’ jiġi kkalkulat faċilment (miljun euro, EUR 3 miljun u EUR 3 miljun rispettivament), dan mhux il-każ għall-garanzija tal-għoti ta’ impjieg mill-ġdid lill-impjegati. Franza għandha tistabbilixxi ż-żieda fis-salarju li suppost Sernam Xpress/Financière Sernam kellhom jagħtu lill-impjegati tagħhom, fin-nuqqas ta’ din il-garanzija, sabiex jintlaħaq l-istess objettiv.

    3.4.5.   Fir-rigward tal-prezz tal-bejgħ

    (172)

    Fil-premessa 164 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet ukoll id-dubji tagħha dwar jekk il-prezz negattiv “imħallas” minn Financière Sernam kienx fil-fatt jikkorrespondi mal-valur tas-suq. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrimarka li sadanittant, kien hemm l-amalgamazzjoni bejn Sernam Xpress u Financière Sernam, u li għajnuna possibbli lil Financière Sernam li kienet tinkludi prezz negattiv wisq għoli, ma kinitx se tkun superjuri għall-għajnuna ta’ EUR 57 miljun li ngħatat lil Sernam Xpress bħala għajnuna ġdida. Konsegwentement, m’għadux meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-għoti ta’ għajnuna possibbli lix-xerrej.

    3.4.6.   Konklużjoni dwar il-preżenza ta’ għajnuniet ġodda

    (173)

    Il-miżuri tal-memorandum ta’ ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005 deskritti f’din it-Taqsima 3.4 jikkostitwixxu għajnuniet ġodda għal Sernam Xpress/Financière Sernam.

    3.4.7.   L-inkompatibbiltà mas-suq intern u l-irkupru

    (174)

    Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa d-dmir tal-Istat Membru li jinvoka r-raġunijiet ta’ kompatibbiltà ta’ għajnuna. Billi Franza ma invokat l-ebda raġuni ta’ kompatibbiltà, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn l-għajnuniet huma inkompatibbli mas-suq intern u għandhom jiġu rkuprati, flimkien mal-imgħaxijiet li jkunu laħqu akkumulaw.

    (175)

    Dan l-irkupru għandu jsir minn Financière Sernam kif ukoll mis-sussidjarji tagħha, b’mod partikolari Sernam Service u Aster, li llum il-ġurnata għaddejjin bl-attività ekonomika li bbenefikat mill-għajnuna, u li qabel kienet titwettaq minn Sernam Xpress (amalgamata ma’ Financière Sernam).

    3.5.   FIR-RIGWARD TAL-KLAWŻOLA TA’ RIŻOLUZZJONI

    (176)

    Il-memorandum ta’ ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005 jinkludi klawżola ta’ riżoluzzjoni f’każ li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni negattiva fil-ħames snin ta’ wara l-konklużjoni tal-memorandum ta’ ftehim. Anke din il-klawżola tkun tista’ tikkostitwixxi għajnuna ġdida. Madankollu, f’din l-ipoteżi, ir-rimedju jkun jikkonsisti fl-inapplikabbiltà tagħha. Fil-fatt, billi l-klawżola baqgħet ma ġietx applikata, inkiseb dan ir-riżultat. Għalhekk, mhux meħtieġ li l-klawżola inkwistjoni tiġi analizzata aktar fid-dettall.

    3.6.   FIR-RIGWARD TAL-ASPETTATTIVI LEĠITTIMI

    (177)

    L-argument invokat mill-awtoritajiet Franċiżi li, il-passi li ttieħdu in buona fede fil-konfront tal-Kummissjoni u f’konformità mad-dmir tagħhom ta’ kooperazzjoni (bħalma hi ż-żjara tagħhom lill-Kummissjoni fl-24 ta’ Novembru 2004 u l-korrespondenza tagħhom tal-21 ta’ Diċembru 2004), wasslu biex inħolqu aspettattivi leġittimi rigward il-konformità tat-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA lil Financière Sernam mad-Deċiżjoni Sernam 2 u mal-liġi tal-Unjoni, ma jistax jiġi aċċettat.

    (178)

    Fil-fatt, l-informazzjoni kkomunikata min-naħa ta’ Franza kienet tillimita ruħha li tgħarraf lill-Kummissjoni bl-għażla li jinbiegħu l-assi kollha f’daqqa mingħajr ma tiddeskrivi l-elementi ewlenin tat-tranżazzjoni tat-trasferiment tal-assi ta’ Sernam SA. B’mod partikolari, in-nota ta’ informazzjoni tal-21 ta’ Diċembru 2004 lill-Kummissjoni tillimita ruħha li tindika ċerti elementi relatati mal-organizzazzjoni tal-proċess ta’ ċessjoni tal-assi u man-natura miftuħa u trasparenti tiegħu, bil-ħsieb li dan iwassal għal bejgħ bi prezz tas-suq qabel it-30 ta’ Ġunju 2005.

    (179)

    Għaldaqstant, l-ebda minn dawn l-elementi li ġejjin ma ġew miġjuba għall-attenzjoni tal-Kummissjoni:

    1.

    il-fatt li ċ-ċessjoni prevista kienet se tkun imsejsa fuq trasferiment fost l-impriżi ta’ grupp tal-assi u tal-obbligazzjonijiet lil entità legali oħra (Sernam Xpress), segwit minn ċessjoni ta’ din l-entità l-oħra (“share deal”);

    2.

    il-fatt li porzjon tal-obbligazzjonijiet kien se jkun trasferit flimkien mal-assi u li l-ordni ta’ rkupru relatat mal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun u l-krediti tal-SNCF ta’ EUR 38,5 miljun biss kienu se jibqgħu fl-obbligazzjonijiet ta’ Sernam SA;

    3.

    il-fatt li Franza kienet lesta li tirrikapitalizza lil Sernam SA u lil Sernam Xpress f’każ li l-offerta tal-akkwist kienet se tkun bi prezz negattiv.

    (180)

    Fin-nuqqas ta’ informazzjoni dwar dawn l-elementi, ma kienx possibbli li l-Kummissjoni tipprevedi l-mod ta’ kif, fl-aħħar mill-aħħar, Franza implimentat id-Deċiżjoni Sernam 2. Għall-kuntrarju ta’ dan, in-nota tal-21 ta’ Diċembru 2004 tagħti l-impressjoni li ċ-ċessjoni kienet se titwettaq mingħajr l-ebda distinzjoni bejn l-obbligazzjonijiet u bi prezz pożittiv billi hija tindika li “hekk kif iċ-ċessjoni titwettaq, il-prodotti li jirriżultaw minnha se jintużaw għar-rimborż tal-obbligazzjonijiet tal-persuna ġuridika Sernam, li jinkludu l-għajnuna inkompatibbli li ngħatatilha, fil-qafas tal-proċeduri nazzjonali stabbiliti”.

    (181)

    Jekk, meta tiġi kkunsidrata n-natura negattiva tal-prezzijiet offruti għall-assi ta’ Sernam SA, l-eventwalità ta’ rikapitalizzazzjoni (il-fatt Nru 3) ħarġet fid-dieher biss meta ġew riċevuti xi offerti, tal-inqas il-prinċipju ta’ bejgħ tal-assi flimkien ma’ porzjon tal-obbligazzjonijiet (il-fatt Nru 2) kellu jkun diġà magħruf fi Franza meta din ifformulat in-nota tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2004. Hu x’inhu, l-awtoritajiet Franċiżi ma jistgħux jistennew li se jgawdu minn aspettattivi leġittimi jekk dawn ma infurmawx lill-Kummissjoni minn jeddhom, sa mhux aktar tard mill-21 ta’ Diċembru 2004, dwar dawn il-fatti sostanzjali.

    (182)

    Fl-aħħar nett u fuq kollox, jekk l-awtoritajiet Franċiżi kienu qed jesperjenzaw xi diffikultajiet fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 2, huma kellhom jerġgħu jirrikorru għall-Kummissjoni sabiex, flimkien magħha, jaslu għal soluzzjoni li tikkonċerna arranġamenti oħrajn f’konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) tat-TUE. It-Taqsima 3.2.3 tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi li jkunu f’diffikultà (40), tikkonferma li, b’applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ġenerali, Stat Membru ma jistax jiddevja mill-pjan ta’ ristrutturar mingħajr ma jinnotifika lill-Kummissjoni u mingħajr l-approvazzjoni minn qabel ta’ din tal-aħħar.

    (183)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni qatt ma tat kwalunkwe kunsens dwar it-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA lil Financière Sernam, implimentata min-naħa ta’ Franza.

    (184)

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li la Franza u lanqas il-benefiċjarji tal-għajnuna ma jistgħu jinvokaw xi aspettattivi leġittimi.

    4.   L-IRKUPRU

    (185)

    Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma ġewx irrispettati. B’konsegwenza ta’ dan, il-miżuri ta’ għajnuna awtorizzati mid-Deċiżjoni Sernam 2 ġew implimentati b’mod abbużiv skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 659/1999. Billi Franza ma invokatx raġunijiet ta’ kompatibbiltà għal dawn l-għajnuniet, dawn huma kkunsidrati bħala inkompatibbli mas-suq intern. Għalhekk, Franza trid tieħu l-miżuri kollha biex tipproċedi għall-irkupru ta’ dawn l-għajnuniet u tal-imgħaxijiet.

    (186)

    Dawn il-miżuri ta’ għajnuna jammontaw għal EUR 503 miljun. Dawn jinkludu diversi għajnuniet għar-ristrutturar li jammontaw għal FRF 2 938 miljun, jiġifieri EUR 448 miljun. Dawn l-għajnuniet huma ppreżentati fit-Tabella 3 tad-Deċiżjoni tat-30 ta’ April 2003, ta’ liema l-elementi ewlenin huma murija fit-tabella ta’ hawn taħt:

    (miljuni ta’ FRF)

    Kapital inizjali

    44

    Finanzjament tat-telf 2000

    698

    Finanzjament tat-telf 2001

    252

    Finanzjament tar-ristrutturar: l-assenjazzjoni tal-SNCF

    1 300

    Finanzjament tar-ristrutturar: self fuq l-ekwità mingħand l-SNCF

    250

    Spejjeż addizzjonali għall-ħaddiema tal-ferroviji

    394

    Total tal-għajnuna għar-ristrutturar

    2 938

    (187)

    Sabiex jintlaħaq l-ammont ta’ EUR 503 miljun, huwa meħtieġ li jiġu miżjuda l-għajnuniet imħallsa fil-qafas tal-kuntratti tat-trasport ta’ bagalji u ta’ gazzetti li jammontaw għal EUR 34 miljun u dawk fil-qafas tal-kuntratti ta’ provvisti li jammontaw għal EUR 21 miljun.

    (188)

    Għal aktar dettalji, għandha ssir referenza għad-Deċiżjoni Sernam 1 tat-23 ta’ Mejju 2001.

    (189)

    Sabiex jipproċedu għall-irkupru effettiv u immedjat tal-għajnuna, l-awtoritajiet Franċiżi jridu jipprovdu d-data li fiha kull għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju (41). L-imgħaxijiet fuq l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati jridu jiġu kkalkulati għal kull miżura, minn din id-data ‘l hemm, permezz ta’ bażi komposta f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 (42).

    (190)

    Bl-istess mod, l-għajnuna ta’ EUR 41 miljun li diġà ġiet ikkunsidrata bħala inkompatibbli mid-Deċiżjoni Sernam 2, għandha tiġi rkuprata flimkien mal-imgħaxijiet, ikkalkulati bl-istess metodu.

    (191)

    Fl-aħħar, ir-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 57 miljun, ir-rinunzja mill-SNCF tal-krediti kontra Sernam SA fuq l-ammont ta’ EUR 38,5 miljun u l-garanziji mogħtija mill-SNCF matul it-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA lil Financière Sernam, bl-eċċezzjoni tal-garanzija mogħtija lill-ħaddiema tal-ferroviji, ukoll jikkostitwixxu għajnuniet mill-Istat meqjusa bħala inkompatibbli mas-suq intern. Dawn l-għajnuniet il-ġodda għandhom jiġu rkuprati, flimkien mal-imgħaxijiet, ikkalkulati bl-istess metodu. Għall-metodu tal-kalkulazzjoni tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, il-Kummissjoni tagħmel referenza għall-premessi 171 u 189 ta’ din id-Deċiżjoni.

    (192)

    Sabiex jiġi stabbilit l-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata, Franza tista’ tikkunsidra kwalunkwe somma riċevuta mill-SNCF fil-qafas tal-likwidazzjoni tal-kumpanija Sernam SA, bħala ħlas lura tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun miżjuda bl-imgħaxijiet u/jew tas-self fuq l-ekwità miżjud bl-imgħaxijiet.

    (193)

    F’każ li l-SNCF tkun irċeviet rimborż globali għall-krediti kollha tagħha, Franza tkun tista’ tikkunsidra kwalunkwe somom li jkunu ġew irkuprati mill-SNCF wara l-likwidazzjoni ta’ Sernam SA, fi proporzjon biss tar-rabta bejn l-ammont taż-żewġ miżuri ta’ għajnuna li jkunu ġew irreġistrati u l-ammont totali tal-krediti skritti fl-obbligazzjonijiet tal-kumpanija Sernam SA.

    (194)

    Dawn l-irkupri, inkluż l-irkupru tal-għajnuniet li inizjalment ingħataw lil Sernam SA u lil Sernam Xpress, iridu jsiru minn Financière Sernam kif ukoll mis-sussidjarji tagħha, Sernam Service u Aster, li llum il-ġurnata għaddejjin bl-attività ekonomika li bbenefikat mill-għajnuna, u li preċedentement kienet titwettaq minn Sernam Xpress (li ġiet amalgamata ma’ Financière Sernam) u qabilha minn Sernam SA.

    (195)

    Fil-fatt m’hemm l-ebda dubju li Sernam Xpress u s-sussidjarji operazzjonali tagħha Sernam Services u Aster, komplew għaddejjin bl-attività ekonomika ta’ Sernam SA, billi dan kien preċiżament l-objettiv tat-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA lil Financière Sernam, implimentata min-naħa ta’ Franza. Barra minn dan, minn ċerti elementi fil-fajl jirriżulta li Sernam Xpress, Sernam Services u Aster verament komplew iwettqu l-attività, li kienet ibbenefikat mill-għajnuna, skont il-pjan kummerċjali kurrenti ta’ Sernam SA u bl-istess persunal. Imbagħad, fit-30 ta’ Ġunju 2011, Financière Sernam, l-uniku sieħeb, xoljiet lill-kumpanija Sernam Xpress u assorbiet l-assi u l-obbligazzjonijiet tagħha. B’hekk, Financière Sernam tikkostitwixxi s-suċċessur legali ta’ Sernam Xpress kif ukoll is-suċċessur ekonomiku tagħha minħabba li, illum il-ġurnata hija (Financière Sernam) għandha taħt idejha u tikkontrolla direttament lis-sussidjarji operazzjonali Sernam Services u Aster. Barra minn dan, Financière Sernam u s-sussidjarji tagħha, b’mod partikolari Sernam Services u Aster, qed ikomplu bl-attività ta’ Sernam SA u ta’ Sernam Xpress u għaldaqstant għadhom jibbenefikaw mill-għajnuna. Apparti dan, f’Mejju tal-2011 Sernam Services irċeviet assenjazzjoni ta’ assi flimkien mat-trasferiment tad-ditta Sernam, li huwa stmat li tammonta għal EUR 15-il miljun, mingħajr ma ħallset lura kumpens adegwat. Fir-rigward ta’ Aster, min-naħa l-waħda hija bbenefikat f’Marzu tal-2008 minn assenjazzjoni fil-kont kurrenti ta’ EUR 5 miljun, ammont li ġie rrinunzjat favuriha f’Lulju tal-2008; min-naħa l-oħra, hija ġiet irrikapitalizzata f’Diċembru tal-2011 permezz tar-rinunzja ta’ EUR 5 599 998 iskritti fil-kont kurrenti. Għalhekk, dawn iż-żewġ sussidjarji bbenefikaw minn għajnuniet li inizjalment ingħataw lil Sernam SA u lil Sernam Xpress, mhux biss minħabba li huma kumpaniji li jiffurmaw parti mill-grupp u għall-fatt li huma qed ikomplu għaddejjin bl-attività tiegħu, iżda wkoll minħabba li t-trasferiment ta’ ċerti assi jew ta’ miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni sar favurihom.

    (196)

    Jaqbel li jiġi speċifikat li Sernam SA stess hija riżultat tat-trasformazzjoni ta’ Sernam SCS f’kumpanija pubblika ta’ responsabbiltà limitata fl-aħħar tal-2001 (dwar dan is-suġġett ara l-premessa 11 tad-Deċiżjoni Sernam 2). B’hekk, Sernam SCS kienet il-benefiċjarju oriġinali ta’ parti mill-għajnuniet inkwistjoni.

    (197)

    Billi, il-kumpanija Financière Sernam kif ukoll is-sussidjarja tagħha Sernam Services tpoġġew taħt amministrazzjoni ġudizzjarja fil-31 ta’ Jannar 2012, u Aster, is-sussidjarja ta’ Financière Sernam tqiegħdet f’likwidazzjoni ġudizzjarja fit-3 ta’ Frar 2012, l-awtoritajiet Franċiżi ġew mistiedna jiddeterminaw l-ammont tal-għajnuniet, flimkien mal-imgħaxijiet akkumulati, li għandu jiġi rkuprat kemm jista’ jkun malajr, sabiex jiġi skritt fl-obbligazzjonijiet ta’ dawn l-impriżi.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-għajnuniet mill-Istat li jammontaw għal EUR 503 miljun, mogħtija minn Franza lil Sernam SCS (li saret Sernam SA) u approvati mill-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni 2006/367/KE (43) tal-20 ta’ Ottubru 2004, ġew implimentati b’mod abbużiv. Dawn l-għajnuniet huma inkompatibbli mas-suq intern. Minnhom ibbenefikaw ukoll Sernam Xpress kif ukoll Financière Sernam u s-sussidjarji tagħha, Sernam Services u Aster.

    2.   Sernam Xpress kif ukoll Financière Sernam u b’mod partikolari s-sussidjarji tagħha, Sernam Services u Aster, ibbenefikaw ukoll mill-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza lil Sernam SCS li tammonta għal EUR 41 miljun u li ġiet iddikjarata bħala inkompatibbli mid-Deċiżjoni Sernam 2.

    3.   Ir-rikapitalizzazzjoni ta’ Sernam SA mill-SNCF li tammonta għal EUR 57 miljun, ir-rinunzja mill-SNCF tal-krediti kontra Sernam SA fuq l-ammont ta’ EUR 38,5 miljun u l-garanziji mogħtija mill-SNCF matul it-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA lil Financière Sernam, bl-eċċezzjoni tal-garanzija mogħtija lill-ħaddiema tal-ferroviji, jikkostitwixxu għajnuniet mill-Istat meqjusa bħala inkompatibbli mas-suq intern.

    Artikolu 2

    1.   Huwa mistenni li Franza tirkupra l-għajnuniet imsemmija fl-Artikolu 1 minn Financière Sernam u mis-sussidjarji tagħha, Sernam Services u Aster.

    2.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati jagħtu lok għal imgħaxijiet mid-data li fiha l-għajnuniet tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, sakemm jiġu effettivament irkuprati.

    3.   L-imgħaxijiet huma kkalkulati fuq bażi komposta f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004.

    Artikolu 3

    1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 huwa immedjat u effettiv.

    2.   Franza għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fl-erba’ xhur li jsegwu d-data tan-notifika tagħha.

    3.   Fil-qafas ta’ din l-implimentazzjoni, Franza tista’ tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe somom li ġew irkuprati mill-SNCF wara l-likwidazzjoni ta’ Sernam SA, bil-kundizzjonijiet indikati hawn fuq.

    Artikolu 4

    1.   Fix-xahrejn li jsegwu n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, Franza għandha tibgħat lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    id-data li fiha kull miżura ta’ għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju u l-ammont totali (l-ammont prinċipali u l-imgħaxijiet) li għandu jiġi rkuprat mill-benefiċjarju għal kull miżura ta’ għajnuna;

    (b)

    deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u ta’ dawk li huma ppjanati biex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

    (c)

    id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

    2.   Franza għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 tkun ġiet kompletament irkuprata. Fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, hija għandha tissottometti minnufih, kwalunkwe informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dwar dawk li huma ppjanati, biex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Għandha tibgħat ukoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħaxijiet diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Franza.

    Magħmula fi Brussell, 9 ta’ Marzu 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Joaquín ALMUNIA

    Viċi President


    (1)  Mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE saru rispettivament l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE). Fiż-żewġ każijiet, id-dispożizzjonijiet huma essenzjalment identiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88, rispettivament, tat-Trattat KE meta jkun xieraq.

    (2)  ĠU C 208, 14.7.2011, pp. 8-21.

    (3)  Id-Deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2001 dwar il-każ ta’ għajnuna mill-Istat NN122/00 (ex NJ 140/00), ĠU C 268, 22.9.2001, p. 15.

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2004, ĠU L 140, 29.5.2006, p. 1.

    (5)  Dan l-ilment ġie kkompletat b’mod partikolari permezz tal-ittri tat-13 ta’ Lulju, tal-25 ta’ Awwissu, tas-6 ta’ Settembru, tal-5 ta’ Ottubru, tal-25 ta’ Ottubru u tas-16 ta’ Diċembru 2005.

    (6)  Dan l-ilment ġie kkompletat b’mod partikolari permezz tal-korrespondenza tat-23 ta’ April 2007.

    (7)  ĠU C 4, 9.1.2009, p. 5.

    (8)  Għal deskrizzjoni aktar dettaljata tal-attivitajiet tal-impriża Sernam, ara mill-premessa 12 sal-premessa 31 tad-deċiżjoni Sernam 2 u l-premessi 8 u 9 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (9)  Nota ta’ tfakkira: il-kumpanija Géodis kellha takkwista 60 % ta’ Sernam b’pagament ta’ EUR 1 simboliku (ara l-premessa 51 tad-deċiżjoni Sernam 1).

    (10)  Ma hemm l-ebda limitu ta’ responsabbiltà fis-soċjetajiet limitati.

    (11)  Stqarrija għall-istampa tal-24 ta’ Novembru 2004.

    (12)  L-assenjazzjoni ta’ Sernam SA lil Sernam Xpress saret f’forma legali Franċiża ta’ “assenjazzjoni parzjali tal-assi”.

    (13)  L-ittra tal-awtoritajiet Franċiżi tas-7 ta’ Mejju 2008, il-punt 77.

    (14)  Is-sentenza tal-Qorti tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks (C-390/98, Ġabra 2001, p. I-6117).

    (15)  Is-sentenza tal-Qorti tad-29 ta’ April 2004, il-Ġermanja vs. il-Kummissjoni (C-277/00, Ġabra 2004, p. I-3925).

    (16)  Is-sentenza l-Ġermanja vs. il-Kummissjoni, imsemmija qabel fin-nota f’qiegħ il-paġna Nru 14.

    (17)  Is-sentenza tal-Qorti tad-19 ta’ Ottubru 2005, CDA Datenträger Albrechts vs. il-Kummissjoni (T-324/00, Ġabra 2005 p. II-4309).

    (18)  Is-Sentenza CDA Datenträger Albrechts vs. il-Kummissjoni, imsemmija qabel fin-nota f’qiegħ il-paġna 15, il-punt 78.

    (19)  Is-sentenza CDA Datenträger Albrechts vs. il-Kummissjoni, imsemmija qabel fin-nota f’qiegħ il-paġna 15, il-punt 98.

    (20)  Is-sentenza CDA Datenträger Albrechts vs. il-Kummissjoni, imsemmija qabel fin-nota f’qiegħ il-paġna 15, il-punt 99.

    (21)  Is-sentenza CDA Datenträger Albrechts vs. il-Kummissjoni, imsemmija qabel fin-nota f’qiegħ il-paġna 15, il-punt 100.

    (22)  Is-sentenza l-Ġermanja vs. il-Kummissjoni, imsemmija qabel fin-nota f’qiegħ il-paġna Nru 13, il-punt 70; Is-sentenza CDA Datenträger Albrechts vs. il-Kummissjoni, imsemmija qabel fin-nota f’qiegħ il-paġna 15, il-punt 73.

    (23)  Il-premessa 128 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (24)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2008 dwar il-miżuri li Franza implimentat favur is-Société Nationale Maritime Corse-Méditerranée (SNCM), ĠU L 225, is-27 ta’ Awwissu 2009, p. 180.

    (25)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

    (26)  Il-premessi 208 sa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2.

    (27)  Il-Kummissjoni tenfasizza li l-kwistjoni li wieħed isir jaf jekk kuntratt jistax jitqies bħala kuntratt ta’ bejgħ hija indipendenti mill-kwistjoni li wieħed isir jaf jekk il-konklużjoni ta’ kuntratt tikkorrespondix mal-imġiba ta’ operatur privat.

    (28)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

    (29)  Is-Sentenza l-Ġermanja vs. il-Kummissjoni, imsemmija qabel fin-nota f’qiegħ il-paġna Nru 13.

    (30)  Is-sentenza l-Ġermanja vs. il-Kummissjoni, imsemmija qabel fin-nota f’qiegħ il-paġna Nru 13, il-punti 80 u 81.

    (31)  Is-sentenza l-Ġermanja vs. il-Kummissjoni, imsemmija qabel fin-nota f’qiegħ il-paġna Nru 13, il-punt 86.

    (32)  Rigward ix-“share deal”, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2003, l-Italja u SIM 2 Multimedia vs. il-Kummissjoni, C-328/99 u C-399/00, Ġabra 2003, p. I-4035, il-punt 83: “huwa minnu li l-bejgħ ta’ azzjonijiet ta’ kumpanija benefiċjarja ta’ għajnuna illegali mingħand azzjonarju lil parti terza ma jinfluwenzax l-obbligu ta’ rkupru”, rigward l-“asset deal”, ara l-punti 66 - 85 tal-istess sentenza.

    (33)  Is-sentenza l-Italja u SIM 2 Multimedia vs. il-Kummissjoni, imsemmija qabel fin-nota f’qiegħ il-paġna Nru 32, il-punti 77 u 78.

    (34)  Is-sentenza CDA Datenträger Albrechts vs. il-Kummissjoni, imsemmija qabel fin-nota f’qiegħ il-paġna 15.

    (35)  Ara r-rapport ta’ ABN Amro mibgħut mill-awtoritajiet Franċiżi u deskritt fit-Taqsima 2.5.8.2 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, p. 47.

    (36)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

    (37)  Is-sentenza l-Italja u SIM 2 Multimedia vs. il-Kummissjoni, imsemmija qabel fin-nota f’qiegħ il-paġna Nru 32, il-punt 69.

    (38)  Il-premessi 72 sa 74 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (39)  Il-premessi 75 sa 77 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (40)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

    (41)  Il-figuri indikati f’din id-deċiżjoni ġew aġġustati sal-eqreb miljun. Min-naħa l-oħra, il-kalkulazzjoni tal-imgħaxijiet trid tkun ibbażata fuq l-ammont eżatt ta’ kull għajnuna.

    (42)  OJ L 140, 30.4.2004, p. 1.

    (43)  OJ L 140, 29.5.2006, p. 1.


    Top