This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012D0238
2012/238/EU: Council Decision of 26 April 2012 on guidelines for the employment policies of the Member States
2012/238/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 26 ta' April 2012 dwar linji gwida għal-linji politiċi tal-Istati Membri dwar l-impjiegi
2012/238/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 26 ta' April 2012 dwar linji gwida għal-linji politiċi tal-Istati Membri dwar l-impjiegi
ĠU L 119, 4.5.2012, p. 47–48
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
4.5.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 119/47 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tas-26 ta' April 2012
dwar linji gwida għal-linji politiċi tal-Istati Membri dwar l-impjiegi
(2012/238/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 148(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 145 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b’mod partikolari għall-promozzjoni ta' forza ta' xogħol b’ħiliet, imħarrġa u li tadatta u swieq tax-xogħol li jirreaġixxu għat-tibdil ekonomiku bil-għan li jiksbu l-objettivi definiti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). |
(2) |
L-"Istrateġija Ewropa 2020" proposta mill-Kummissjoni tippermetti lill-Unjoni li ddawwar l-ekonomija tagħha lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, akkumpanjat minn impjiegi ta’ livell għoli, produttività u koeżjoni soċjali. Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta r-Rikomandazzjoni tiegħu dwar linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni (3). Barra minn hekk, fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/707/UE tiegħu dwar linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (4) ("il-linji gwida dwar l-impjiegi"). Dawk is-settijiet ta' linji gwida flimkien jifformaw il-linji gwida integrati għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Ħames miri ewlenin, elenkati taħt il-linji gwida rilevanti, jikkostitwixxu objettivi kondiviżi li jiggwidaw l-azzjoni tal-Istati Membri, b' kont meħud tal-pożizzjonijiet inizjali relattivi tagħhom u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, kif ukoll tal-pożizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi tal-Unjoni. L-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi għandha r-rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-objettivi dwar l-impjiegi u s-suq tax-xogħol tal-istrateġija l-ġdida. Fl-2011, il-linji gwida dwar l-impjiegi ġew miżmuma. |
(3) |
Il-linji gwida integrati huma f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010. Huma jagħtu gwida preċiża lill-Istati Membri fid-definizzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom u dwar l-implimentazzjoni tar-riformi, waqt li jirriflettu l-interdipendenza u waqt li huma konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jiffurmaw il-bażi għal kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż li l-Kunsill jista’ jindirizza lill-Istati Membri skont l-Artikolu 148(4) tat-TFUE, b’mod parallel mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Istati Membri skont l-Artikolu 121(2) tat-TFUE. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom ukoll jifformaw il-bażi għall-istabbiliment tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi mibgħut kull sena mill-Kunsill u l-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew. |
(4) |
L-eżami tal-abbozz tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tal-Istati Membri, li jinsabu fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi adottat mill-Kunsill fis-17 ta' Frar 2012, juri li l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħmlu kull sforz biex jindirizzaw il- prijoritajiet li ġejjin: iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u t-tnaqqis fil-qgħad strutturali; l-iżvilupp tal-forza tax-xogħol b'ħiliet skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-promozzjoni tax-xogħol ta' kwalità u t-tagħlim tul il-ħajja; it-titjib tal-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ f'kull livell u ż-żieda fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja; il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar. |
(5) |
Il-linji gwida dwar l-impjiegi adottati fl-2010 għandhom jibqgħu stabbli sal-2014 sabiex jiżguraw fokus fuq l-implimentazzjoni tagħhom. Fis-snin intermedjarji sal-aħħar tal-2014, l-aġġornament tagħhom għandu jibqa’ strettament limitat. |
(6) |
L-Istati Membri għandhom jesploraw l-użu tal-Fond Soċjali Ewropew meta jiġu biex jimplimentaw il-linji gwida dwar l-impjiegi, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-linji gwida għal-linji politiċi tal-impjiegi tal-Istati Membri, kif imniżżel fl-Anness għad-Deċiżjoni 2010/707/UE, b'dan qed jinżammu għall-2012 u għandhom ikunu kkunsidrati mill-Istati Membri fil-linji politiċi tagħhom dwar l-impjiegi.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta’ April 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
M. GJERSKOV
(1) L-opinjoni tal-15 ta' Frar 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) L-opinjoni tat-22 ta' Frar 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) ĠU L 191, 23.7.2010, p.28.
(4) ĠU L 308, 24.11.2010, p.46.