EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0178

2012/178/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 23 ta’ Marzu 2011 dwar l-Għajnuna mill-Istat C 10/10 (ex N 562/09) li Spanja għandha l-intenzjoni li tagħti għar-ristrutturazzjoni ta’ A NOVO Comlink (notifikata bid-dokument numru C(2011) 1740) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 90, 28.3.2012, p. 22–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/178(1)/oj

28.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 90/22


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ Marzu 2011

dwar l-Għajnuna mill-Istat C 10/10 (ex N 562/09) li Spanja għandha l-intenzjoni li tagħti għar-ristrutturazzjoni ta’ A NOVO Comlink

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 1740)

(It-test Spanjol biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/178/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod speċjali l-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li appellat lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom rigward l-imsemmija dispożizzjonijiet (1),

Billi:

I.   IL-PROĊEDURA

(1)

Fis-16 ta’ Ottubru 2009, Spanja nnotifikat għajnuna ta’ ristrutturar prevista mill-Komunità Awtonoma tal-Andalucía għal A NOVO Comlink SL. Permezz tal-ittra tal-25 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni infurmat lil Spanja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE dwar din il-miżura. Spanja rrispondiet għal din id-deċiżjoni bl-ittra datata s-26 ta’ April 2010. Permezz ta’ ittra datata t-22 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni mingħand Spanja. L-awtoritajiet Spanjoli rrispondew fl-20 ta’ Ottubru 2010 billi rtiraw in-notifika ladarba s-sitwazzjoni ekonomika kienet żviluppat aħjar milli kien mistenni.

(2)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-għajnuna. Ma rċeviet l-ebda kumment minn partijiet terzi.

II.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

1.   Il-pjan ta’ ristrutturar notifikat

(3)

Il-pjan ta’ ristrutturar li Spanja nnotifikat f’Ottubru 2009 kien jistabbilixxi għajnuna għar-ristrutturar ta’ A NOVO Comlink SL (minn hawn ’il quddiem, “A NOVO”) abbażi tal-Ordni tal-5 ta’ Novembru 2008 li biha jkunu stabbiliti l-bażijiet regolatorji tal-programm ta’ Għajnuna għal Intrapriżi Vijabbli b’diffikultajiet ekonomiċi fl-Andalucía u jseħħ permezz ta’ sejħa għall-applikazzjonijiet għall-2008 u l-2009 (3). Il-Kummissjoni approvat l-Ordni msemmija f’Mejju tal-2009 bħala sistema ta’ salvataġġ u ristrutturar għal SMEs. B’hekk huwa neċessarju li l-għotjiet individwali ta’ tali għajnuna għal impriżi kbar ikunu notifikati (Kawża N608/08).

(4)

L-għajnuna prevista għall-Andalucía kienet tikkonsisti f’garanzija ta’ 80 % ta’ self li jammonta għal EUR 4 375 000 fuq 10 snin, b’sussidju tar-rata tal-imgħax ta’0,89 % u self pubbliku ta’ EUR 2 000 000 fuq 10 snin, mogħti mill-Aġenzija għall-Innovazzjoni u l-Iżvilupp tal-Andalucía (IDEA).

(5)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-flus likwidi meħtieġa, Spanja kkonfermat fin-notifika li d-djun pendenti meta ġie elaborat il-mekkaniżmu ta’ ristrutturar huwa magħmul minn:

dejn ma’ fornituri ta’ EUR 2,7 miljun;

dejn ta’ EUR 650 000 mal-Istat;

dejn ta’ EUR 1,6 miljun ma impriżi oħra tal-grupp A NOVO;

u dejn ieħor meħtieġ għall-espansjoni tal-attivitajiet.

Dan kollu wassal għall-ħtieġa ta’ flus likwidi li jammontaw għal madwar EUR 5 miljun.

(6)

Apparti mill-injezzjoni ta’ kapital ġdid deskritta preċedentement, il-pjan ta’ ristrutturar ma kien jipprevedi l-ebda ristrutturar tal-attivitajiet, l-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-impriża u lanqas tal-forza tax-xogħol tagħha. Fir-rigward tal-istruttura tal-impriża, il-pjan kien jiddeskrivi biss l-oqsma attwali tal-attività u l-possibiltajiet u l-prospetti ta’ tkabbir.

(7)

Il-pjan ma rrefera għall-ebda kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju jew tal-impriża possedenti. Fir-rigward ta’ kontromiżuri, il-pjan ma kien jipprevedi l-ebda tnaqqis tal-kapaċità jew bejgħ tal-assi. Fir-rigward ta’ prospetti, ma kienet stabbilita l-ebda distinzjoni bejn l-ipoteżi ottimista, dik intermedja jew dik pessimista.

2.   Miżuri mhux notifikati lill-Kummissjoni

(8)

Matul l-evalwazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar, sar magħruf li f’Mejju tal-2009 kienet ingħatat għajnuna ta’ salvataġġ lil A NOVO fil-forma ta’ garanzija ta’ 80 % fuq self ta’ EUR 1 825 000 fuq sitt xhur, bi primjum annwali ta’ 1,5 % u rata tal-imgħax ta’ 2,86 %. Spanja ma nnotifikatx din il-garanzija.

(9)

Wara l-għoti tal-għajnuna fil-21 ta’ Mejju 2009, fl-10 ta’ Settembru 2009 A NOVO ressqet pjan ta’ rsitrutturar lill-awtoritajiet ta’ Andalucía.

3.   Il-benefiċjarju

(10)

A NOVO hija impriża kbira li topera fis-settur tal-attivitajiet ta’ wara l-bejgħ (after-sales) għall-kompjuters, telefowns mobili u tagħmir ieħor elettroniku. Hija 100 % sussidjarja tal-impriża Franċiża A NOVO SA. Oriġinalment, A NOVO kienet tiffabbrika t-telefowns. Bejn l-2004 u l-2006 A NOVO waqfet mill-attivitajiet tagħha ta’ produzzjoni u kkonċentrat fuq is-servizzi ta’ wara l-bejgħ. A NOVO tinsab f’Málaga (Andalucía), żona li tista’ tibbenifika minn għajnuna reġjonali skont l-eżenzjoni tal-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE.

(11)

Meta kien notifikat il-pjan ta’ ristruttura, A NOVO kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ insolvenza. Kellha diffikultajiet biex tikseb flus fis-swieq tal-kapital. Mill-kapital inizjali rreġistrat fl-2001 li kien jammonta għal EUR 15-il miljun, EUR 10 miljun kienu sparixxew, u iktar minn kwart minnhom kienu ntilfu matul l-2008 biss.

(f’EUR)

 

2001

2004

2005

2006

2007

2008

2009

Kapital

15 000 000

14 684 923

6 167 668

6 167 668

8 967 667

4 056 802

2 057 000

A NOVO kienet qiegħda tirreġistra wkoll telf sostanzjali u l-fatturat kien qed jonqos

(f’EUR)

 

2006

2007

2008

2009

Żieda fit-telf

–2 603 000

–4 549 000

–3 923 000

– 292 000

Tnaqqis tal-fatturat

22 090 000

21 853 000

15 305 000

15 464 000

(12)

Konsegwentement, fil-bidu tal-2009, A NOVO kienet qiegħda tiffaċċja kriżi skont il-punti 10 u 11 tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi fi kriżi (minn hawn ’il quddiem “il-Linji gwida”) (4). Iktar min-nofs il-kapital irreġistrat tagħha kien sparixxa u iktar minn kwart ta’ dak il-kapital kien intilef matul it-12-il xahar preċedenti (punt 10(a) tal-Linji gwida). Għaldaqstant, skont il-liġi Spanjola l-impriża kienet tissodisfa l-kriterji biex tkun soġġetta għall-proċedura ta’ insolvenza (punt 10(c) tal-Linji gwida). Fi kwalunkwe każ, il-fatturat kien qed jonqos u l-valur tal-assi kien kważi xejn, skont kif stipulat fil-punt 11 tal-Linji gwida.

(13)

F’Lulju 2005 kien diġà beda r-ristrutturar ta’ A NOVO bil-għan li tbiddel l-attività tagħha u tgħaddi mill-produzzjoni tal-telefowns għal għoti ta’ servizzi wara l-bejgħ. Il-Ftehim dwar il-Bażi u l-Impenji tal-Pjan ta’ Vijabbilità ta’ A NOVO COMLINK S.L. tal-2005 kien jobbliga lil A NOVO tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-pjan ta’ vijabbilità permezz ta’ operazzjoni ta’ bejgħ u twellija lura (lease-back) tal-propjetà immobbli tagħha fil-Park Teknoloġiku f’Andalucía (għal total stmat ta’ EUR 14,9 miljun), tbiddel 94 kuntratt temporanju f’permanenti qabel il-31 ta’ Diċembru 2007, tikkonkludi 88 kuntratt ġdid qabel il-31 ta’ Diċembru 2009, u żżomm l-istess forza tax-xogħol sal-2015. Il-ftehim kien jinkludi wkoll skema ta’ rtirar parzjali għall-ħaddiema ladarba jagħlqu s-60 sena.

(14)

B’konsegwenza ta’ dan, id-Dipartiment tax-Xogħol tal-Kunsill ta’ Andalucía awtorizza lil A NOVO tissospendi 224 kuntratt tax-xogħol ta’ impjegati li kellhom aktar minn 54 sena sal-31 ta’ Awwissu 2008. Din l-awtorizzazzjoni tippermetti lil dawn il-ħaddiema jitolbu l-benefiċċji għall-qgħad minkejja li, teoretikament ikunu għadhom impjegati. Matul is-sospensjoni temporanja tal-kuntratti tax-xogħol, il-ħaddiema jibqgħu jagħmlu parti mill-impriża. Il-miżura hija intenzjonata biex tissupplimenta l-introjtu tal-ħaddiema kkonċernati sakemm jilħqu l-età tal-irtirar.

(15)

L-obbligi legali tal-impriża huma limitati għall-ħlas tal-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem lis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema affettwati mis-sospensjoni tal-kuntratt u l-kostijiet tal-pagi u tas-sigurtà soċjali matul il-perjodu ta’ rtirar parzjali (bejn is-60 u l-65 sena).

4.   Raġunijiet għall-ftuħ tal-proċedura

(16)

Wara analiżi ta’ dawn il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, u fid-dawl tal-Linji gwida, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura tal-Artikolu 108(2) tat-TFUE għax kellha dubji dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar kinux intlaħqu.

(17)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li kien probabbli li ż-żewġ miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna. L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jistabbilixxi li kull appoġġ finanzjarju mogħti minn Stat Membru li jagħti vantaġġ speċifiku lil impriżi partikolari, u li b’hekk, iwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni u jaffettwa l-iskambji kummerċjali bejn l-Istati Membri, jikkostittwixxi għajnuna. Il-miżuri inkwistjoni huma l-garanziji, ir-rata tal-imgħax sussidjata, is-self mir-reġjun ta’ Andalucía u l-ħlas dirett lill-ħaddiema ta’ A NOVO minn riżorsi tal-Istat. Dawn kienu permessi mill-Komunità Awtonoma tal-Andalucía u huma attribwibbli għall-Istat.

(18)

Il-miżuri jridu joffru lill-Benefiċjarju vantaġġ li ma setgħax jikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Garanzija ma tikkostitwix tali vantaġġ meta dak li jissellef jinsab f’sitwazzjoni ta’ diffikultà finanzjarja, f’konformità mal-punt 3.2(a) tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuniet Statali mogħtija bħala garanzija (5) Madanakollu, is-self tal-Andalucía jista’ jkun ta’ vantaġġ. Il-Kummissjoni tiddubita kemm ir-rati tas-suq kienu konformi mar-regoli tal-Kummissjoni dwar l-iffissar tar-rati tas-suq, stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu għall-iffissar tar-rati ta’ referenza u dawk skontati tar-redditu (discounted rates of return) (6). Konsegwentement, huwa probabbli li l-miżuri jikkostitwixxu għajnuna li tfixkel il-kompetizzjoni.

(19)

Anke jekk mill-2009 A NOVO kienet f’diffikultà ekonomika, kien hemm dubji jekk kinitx eliġibbli għal kwalunkwe assistenza ta’ salvataġġ jew ristrutturar ladarba kienet 100 % sussidjarja tal-Impriża Franċiża A NOVO SA li kellha fatturat ta’ madwar EUR 350 miljun u profitt nett ta’ EUR 12 miljun fl-2009. F’konformità mal-punt 11 tal-Linji gwida, l-impriżi fi kriżi jistgħu jibbenefikaw biss mill-għajnuna f’każ li ma ijistgħux jirkupraw b’fondi miksuba mill-propjetarji tagħhom. Barra minn hekk, taħt punt 13 tal-Linji gwida, meta impriża tkun propjetà ta’ grupp ikbar, l-Istat Membru jrid juri li d-diffikultajiet li tkun għaddejja minnhom l-impriża jkunu intrinsiċi u kumplessi wisq biex jiġu ttrattati mill-grupp tagħha stess. Spanja ma ressqet l-ebda informazzjoni li turi li dawn il-kundizzjonijiet kienu sodisfatti.

(20)

Fir-rigward tal-pjan ta’ ristrutturar, il-Kummissjoni tiddubita kemm l-għajnuna twassal għall-vijabbiltà fit-tul kif huwa meħtieġ mill-punti 35 u 36 tal-Linji gwida. Il-pjan ta’ ristrutturar ma kellux deskrizzjoni tal-miżuri interni destinati għat-titjib tal-vijabbiltà u l-istruttura tal-impriża. Addizzjonalment, il-pjan kien nieqes minn miżuri kumpensatorji biex inaqqsu l-effett negattiv li l-miżura jista’ jkollha għall-kompetituri, bħal tnaqqis ta’ kapaċità (punti 38 u 39 tal-Linji gwida). Lanqas ma kien possibbli li jkun determinat li l-ammont u l-intensità tal-għajnuna jkunu limitati għall-kostijiet tar-ristrutturar strettament neċessarju (punti 43 u 45 tal-Linji gwida). B’mod konkret, il-pjan kien nieqes minn kwalunkwe referenza għall-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju.

(21)

Fir-rigward tar-ristrutturar tal-2005, il-Kummissjoni tiddubita kemm ġie rrispettat il-prinċipju ta’ “non-rikorrenza”. B’referenza għall-punti 72 u dawk sussegwenti tal-Linji gwida, mhux permess l-intervent tal-Istat meta jkunu għaddew inqas minn 10 snin mill-eżekuzzjoni tal-aħħar miżura ta’ għajnuna ta’ salvataġġ jew ta’ ristrutturar. Il-Kummissjoni għandha nuqqas ta’ informazzjoni biex tiddetermina jekk il-ħlasijiet diretti realizzati mill-Komunità Awtonoma tal-Andalucía lill-ħaddiema jikkostitwixxux għajnuna. Jekk dawn il-ħlasijiet saru skont skema ġenerali tas-sigurtà soċjali mhumiex ikkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat. Jekk kellhom normalment joħorġu mill-impriża nnifisha, skont il-leġiżlazzjon tal-impjiegi jew xi ftehim kollettiv, dawn il-ħlasijiet huma parti mill-kostijiet normali tal-impriża. Jekk l-Istat jagħmel dawn il-ħlasijiet, huma jkollhom ikunu kkunsidrati bħala għajnuna (7)

(22)

Konsegwentement, kien dubjuż jekk l-għajnuna ta’ salvataġġ u ristrutturar setgħetx tkun ikkunsidrata kumpatibbli mal-Linji gwida relevanti.

III.   OSSERVAZZJONIJIET MINN SPANJA

(23)

B’ittra datata t-22 ta’ Ottubru 2010, Spanja infurmat lill-Kummissjoni li ma kinitx wettqet il-miżura ta’ ristrutturar notifikata u li kienet qed tirtira n-notifika.

(24)

Fir-rigward tal-għajnuna ta’ salvataġġ ta’ Mejju 2009, Spanja ġibdet l-attenzjoni li, fid-19 ta’ Jannar 2009, l-Aġenzija tal-Innovazzjoni u l-Iżvilupp tal-Andalucía (IDEA) kienet approvat operazzjoni ta’ riskju li tikkonsisti f’garanzija ta’ salvataġġ li tammonta għal EUR 1,5 miljun matul 6 xhur li ppermettiet lill-impriża tikseb self mis-suq tal-kapital għal valur ta’ EUR 1 875 000. Dan is-self ingħata fil-21 ta’ Mejju 2009. Huwa taffa l-problemi ta’ likwidità tal-impriża li kienu jwasslu għall-falliment tagħha u taha l-marġini ta’ manovrabbiltà neċessarju biex tiżviluppa pjan ġdid ta’ ristrutturar bil-miżuri u l-azzjonijiet neċessarji biex tiggarantixxi l-vijabbiltà tagħha qabel ma nqalgħet is-sitwazzjoni imprevista ta’ ristrizzjoni ġenerali fuq il-kreditu mill-entitajiet finanzjarji.

(25)

Fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-garanzija bħala għajnuna, Spanja allegat li l-kummerċ mhux se jkun affettwat. Is-servizzi ta’ wara l-bejgħ li joffri l-benefiċjarju jingħataw fuq skala lokali u huma limitati għat-territorju Spanjol. L-għajnuna mhux se taffettwa l-iskambji transkonfinali u lanqas se tfixkel b’mod sinifikanti lill-kompetituri mhux Spanjoli mili jwaqqfu operazzjonijiet fis-suq Spanjol. Lanqas teżisti raġuni biex ikun provdut servizz ta’ wara l-bejgħ għal utenti finali Spanjoli barra mit-territorju Spanjol. Minkejja li A NOVO kienet parti mill-grupp Franċiż A NOVO S.A., operatur importanti fis-suq tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ fl-Ewropa, l-effett possibbli indirett fuq il-kummerċ se jkun biss teoretiku u fl-agħar xenarju possibiltà insinifikanti li mhux se taffettwa b’mod notevoli r-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn grupp bħal A NOVO S.A. u l-kompetituri tiegħu, fid-dawl tad-daqs tal-għajnuna meta mqabbla ma’ grupp tad-daqs ta’ A NOVO S.A. li l-fatturat tiegħu fl-2009 kien jammonta għal EUR 366 miljun.

(26)

L-awtoritajiet Spanjoli jsostnu li r-rata tal-imgħax tas-self bankarju tal-21 ta’ Mejju 2009, għall-valur ta’ EUR 1,875 miljun, li 80 % tiegħu kien garantit mill-Kunsill ta’ Andalucía bi primjum annwali ta’ 1,5 %, kien kumparabbli mar-rati applikati fuq is-self ta’ impriżi b’saħħithom. Din ir-rata ta’ imgħax kienet ta’ 2,88 % u r-rata ta’ referenza ppubblikata mill-Kummissjoni għal Mejju 2009 kienet ta’ 2,22 % (8) Il-Komunikazzjoni relevanti dwar ir-reviżjoni tal-metodu biex ikunu ffissati r-rati ta’ referenza u ta’ redditu skontat (9) tgħid li l-marġini li għandu jkun applikat għas-self b’garanzija elevata mogħti lill-impriżi b’saħħithom (livell ta’ likwidità AAA-A) hu ta’ 60 punt ta’ bażi. Dan jwassal għal-limitu ta’ 2,82 %. Skont id-deċiżjoni għall-għoti tal-garanzija, il-garanzija kienet tiskadi mhux iktar tard minn sitt xhur mid-data tal-għoti tas-self.

(27)

L-awtoritajiet Spanjoli jsostnu wkoll li l-garanzija kienet ġustifikata mir-riperkussjonijiet soċjali gravi u ma kellha l-ebda effett fi Stati Mmebri oħra fit-tifsira tal-punt 25(b) tal-Linji gwida. L-għadd ta’ ħaddiema impjegati uffiċjalment kien jammonta għal 527. Il-falliment jew l-egħluq tal-impriża kien jaffettwa lil dawn il-ħaddimea kif ukoll mijiet ta’ impjiegi varji indiretti oħra. Fil-kunsiderazzjoni tal-istruttura tal-età tal-ħaddiema, il-biċċa l-kbira tagħhom kien ikollhom diffikultà biex isibu impjieg ġdid. Bl-indiċi għoli ta’ qgħad eżistenti fl-Andalucía (30 % f’Malaga), l-għeluq tal-impriża kien iwassal għal sitwazzjoni soċjali gravi ħafna. Barra minn hekk, Spanja qieset li, fil-kunsiderazzjoni li s-servizzi ta’ tiswija wara l-bejgħ kienu jingħataw fuq skala reġjonali, ma kienx probabbli li jkun hemm kwalunke effett kollaterali negattiv fuq Stati Membri oħra.

(28)

Addizzjonalment, l-awtoritajiet Spanjoli ssottolinejaw li kienu sodisfatti l-kundizjonijiet tal-punt 25(c) tal-Linji gwida applikabbli għall-għajnuna ta’ salvataġġ mhux notifikata, li skonthom l-Istat Membru jrid iressaq pjan ta’ ristrutturar jew prova li l-garanzija ġiet imwaqqfa, fis-sitt xhur wara l-ewwel awtorizzazzjoni tal-għajnuna ta’ salvataġġ. Wara l-għoti tal-għajnuna ta’ salvataġġ fil-21 ta’ Mejju 2009, Spanja nnotifikat il-pjan ta’ ristrutturar u l-għajnuna prevista fis-16 ta’ Ottubru 2009. B’hekk baqgħet fil-limitu tas-sitt xhur. Addizzjonalment, Spanja kkonfermat li d-durata tal-garanzija Statali kienet limitata għal sitt xhur.

(29)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Spanjoli jsostnu li l-ammont tal-għajnuna kien limitat għal dak neċessarju biex l-impriża tibqa’ għaddejja matul il-perjodu awtorizzat tas-sitt xhur, kif meħtieġ mill-punt 25(d) tal-Linji gwida. L-ammont kien ikkalkulat abbażi tal-likwidità neċessarja għal sitt xhur u d-defiċit finanzjarju mressaq mill-impriża li ppreżentat il-fluss tal-flus tagħha għas-sitt xhur segwenti bħala parti mit-talba ta’ salvataġġ.

(f’EUR)

 

Xahar 1

Xahar 2

Xahar 3

Xahar 4

Xahar 5

Xahar 6

Dħul

1 440 998,00

1 685 785,00

1 586 880,00

1 403 600,00

1 405 920,00

1 549 760,00

Nefqa

1 632 677,00

4 231 415,00

2 631 987,00

2 684 834,00

1 754 309,00

1 504 723,00

Bilanċ

– 191 679,00

–2 545 630,00

–1 045 107,00

–1 281 234,00

– 348 389,00

45 037,00

Bilanċ kumulattiv

– 191 679,00

–2 737 309,00

–3 782 416,00

–5 063 650,00

–5 412 039,00

–5 367 002,00

(30)

Abbażi ta’ din id-dejta, l-awtoritajiet Spanjoli kkonkludew li l-ammont neċessarju kien ta’ EUR 1 875 000 minħabba fluss tal-flus negattiv għoli (EUR – 5 367 002). Biex ikun determinat l-ammont tal-għajnuna, l-awtoritajiet imsemmija kkunsidraw ir-riżultat miksub meta tiġi applikata il-formola pprovduta fl-Anness tal-Linji gwida. Il-kalkolu sar bil-mod li ġej:

 

EBIT 2008: EUR – 4 212 036

 

Amortizzament 2008 EUR 437 201

 

Il-kapital operazzjonali 2008 (assi kurrenti EUR 7 686 473 – obligazzjonijiet kurrenti EUR 10 446 997) = EUR – 2 760 524

 

Il-kapital operazzjonali 2007 (assi kurrenti EUR 11 748 449 – obligazzjonijiet kurrenti EUR 10 958 960) = EUR 789 489

 

(kapital operazzjonalit – kapital operazzjonalit-1) = EUR – 3 550 013

 

[EBITt + amortizzamentt + (kapital operazzjonalit – kapital operazzjonalit-1)]/2

 

= [EUR – 4 212 036 + EUR 437 201 + EUR – 3 550 013]/2 = EUR – 3 662 424

Bħalal riżulat, nofs il-fluss tal-flus operazzjonali negattiv tas-sena ta’ qabel l-għoti tal-għajnuna, kien jammonta għal EUR 3 662 424. Is-self b’garanzija statali mogħti minn Spanja, kien ħafna inqas minn dan il-limitu, u għalhekk, limitat għall-ammont neċessarju.

(31)

Fir-rigward tal-fatt jekk A NOVO, bħala sussidjarja totali tal-impriża Franċiża A NOVO SA, li l-fatturat tagħha huwa madwar EUR 350 miljun, hijiex impriża fi kriżi eliġibbli għall-għajnuna ta’ salvataġġ u ristrutturar, Spanja argumentat li l-problemi tal-impriża kienu intrinsiċi u wisq kumplessi biex ikunu solvuti mill-grupp stess. Kienu intrinsiċi għax kienu relatati esklussivament mal-attivitajiet ta’ A NOVO u, b’mod partikolari, mal-bidla tagħha minn produzzjoni għall-għoti ta’ servizzi. Ma rriżultawx minn allokazzjoni ta’ kostijiet fil-grupp. Barra minn hekk, id-diffikultajiet finanzjarji tal-impriża kienu wisq kumplessi biex ikunu riżolti mill-grupp stess. Id-dejta tal-profitti u tal-fluss tal-flus tas-snin 2008 u 2009 tal-grupp A NOVO S.A. u ta’ A NOVO Comlink Spanja jindikaw li, fi tmiem l-2008, meta d-diffikultajiet ta’ A NOVO bdew jeħtieġu operazzjoni ta’ salvataġġ, il-kumpanija possedenti kienet tinsab taħt pressjoni finanzjarja hi stess:

(EUR miljuni)

 

Grupp A NOVO SA (Franza)

A NOVO (Spanja)

2008

2009

2008

2009

Bejgħ

350

366

14,9

15,5

Profitti

–17

12

–3,9

–0,3

Riżorsi proprji

45

53

0

1,8

Self fuq medda qasira ta’ żmien

28

18

3,4

2

Self fit-tul

56

51

0,6

0,7

Fluss tal-flus

–0,3

2

–0,6

–0,9

Assi

230

225

14,2

13,4

It-telf ta’ EUR 17-il miljun tal-grupp huwa dovut ukoll għal numru ta’ impenji lejn A NOVO Spanja. Il-grupp A NOVO għamel kontribuzzjonijiet sostanzjali lis-sussidjarja Spanjola tiegħu. EUR 2,123 miljun fl-2006 u EUR 2,060 miljun fl-2009. Fl-2009 inħolqu pressjonijiet ġodda dovuti għall-ħtieġa li jkun skedat mill-ġdid id-dejn tal-grupp Franċiż.

(32)

Fir-rigward tar-ristrutturar tal-2005 u għall-prinċipju ta’ non-rikorrenza, skont l-awtoritajiet Spanjoli 224 ħaddiem ibbenefikaw mill-iskema ta’ rtirar parzjali wara s-sospensjoni tal-kuntratti tax-xogħol tagħhom f’konformità mal-Proċedura ta’ Aġġustament għax-Xogħol Temporanju (ERTE). Skont l-imsemmi ERTE, kienu sospiżi l-kuntratti ta’ 224 ħaddiem f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-impjiegi applikabbli, b’mod partikolari l-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Ħaddiema approvat permezz tad-Digriet Reali 1/1995 tal-24 ta’ Marzu 1995 (10).

(33)

Skont l-Artikolu 45(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema, il-kuntratt tax-xogħol jista’ jkun sospiż għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, organizzattivi u ta’ produzzjoni. L-inċiż 2 tal-istess Artikolu jistabbilixxi li s-suspensjoni teżonera lill-partijiet mill-obbligi reċiproki li jaħdmu u li jħallsu għax-xogħol. Il-ħaddiema jieħdu l-benefiċċju tal-qgħad skont l-Artikolu 208(1)(a) tal-Liġi Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali (Digriet Reali 1/1994 tal-20 ta’ Ġunju 1994 (11)). Skont l-Artikolu 214(2) ta dan id-Digriet Reali li japprova t-Test Revedut tal-Liġi Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, min iħaddem irid iħallas il-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem lis-Sigurtà Soċjali, waqt li l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali (INSS) irid iħallas il-kwota tal-ħaddiem.

(34)

Fi tmiem il-perjodu tas-sospensjoni tal-kuntratti individwali awtorizzat fl-ERTE, il-ħaddiema reġgħu ġew integrati fl-impriża iżda huma jagħmlu parti mill-iskema ta’ rtirar parzjali skont liema jaħdmu biss 15 % ta’ dak stipulat fil-kuntratt tagħhom. L-impriża tħallas il-15 % tas-salarju u l-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali. Skont l-awtoritajiet Spanjoli, din il-miżura, bħall-miżuri finanzjarji kumplimentari, approvati mid-Dipartiment tax-Xogħol tal-Kunsill ta’ Andalucía fil-kuntest tal-ERTE tal-2005 u abbażi tal-Ftehim dwar il-Bażi u l-Impenji tal-Pjan ta’ Vijabbilità ta’ A NOVO Comlink Spanja S.L. tat-18 ta’ Lulju tal-2005, huwa f’konformità mal-leġiżlazzjoni ġenerali tax-xogħol u b’mod partikolari l-Artikolu 51 u dawk segwenti tal-Istatut tal-Ħaddiema, id-Digriet Reali 43/1996 tad-19 ta’ Jannar tal-Ministeru tax-Xogħol u tas-Sigurtà Soċjali li approva r-Regolament tal-proċeduri għar-regolamentazzjoni tal-impjieg u azzjoni amminstrattiva b’konnessjoni ma’ trasferimenti kollettivi (12);id-Digriet Reali 2064/1995, tat-22 ta’ Diċembru, li approva r-Regolament Ġenerali dwar il-kontribuzzjonijiet u l-ħlas ta’ drittijiet oħra tas-Sigurtà Soċjali (13). u l-Ftehim tal-Assigurazzjoni Kollettiva fuq il-Ħajja, li huwa miżura xierqa ta’ sostenn lill-ħaddiema b’mod dirett u nominali biex jiffaċċjaw ir-riperkussjonijiet lavorattivi li jakkumpanjaw il-bidla tagħhom għal irtirar parzjali, skont kif provdut fil-Liġi 50/1980, tat-8 ta’ Ottubru, dwar il-Kuntratti tal-Assigurazzjoni (14).

IV.   VALUTAZZJONI

1.   Irtirar tan-Notifika minn Spanja

(35)

Wara l-irtirar tan-notifika, il-proċedura relattiva għal pjan ta’ ristrutturar ma kienx baqgħalha skop. Madanakollu, l-irtirar ta’ notifika ma jistax jaffettwa għajnuna ta’ salvataġġ mhux notifikata u mogħtija qabel in-notifika tagħha.

2.   L-għajnuna ta’ salvataġġ ta’ Mejju 2009

(36)

Wara t-tweġibiet tal-awtoritajiet Spanjoli, irid ikun żgurat li l-għajnuna ta’ salvataġġ hija kumpatibbli mal-Artikolu 107(3)(c), ladarba tissodisfa l-kundizzjonijiet relevanti stabbiliti fil-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi fi kriżi.

(37)

Il-miżura tikkostittwixxi għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE Biex tkun ikkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat, il-miżura trid tagħti lill-benefiċjarju vantaġġ li ma jistax jikseb f’kundizjonijiet normali tas-suq u li jista’ jaffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Irid ikun ikkunsidrat li l-garanzija tikkostittwixxi għajnuna jekk min jissellef jinsab f’sitwazzjoni ta’ diffikultà finanzjarja skont il-punt 3.2(a) tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanzija. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-garanzija tagħti lil min jissellef vantaġġ. Il-pożizzjoni tal-impriża benefiċjarja rriżultat imsaħħa meta mqabbla ma’ dik tal-kompetituri tagħha. Konsegwentement, il-miżura tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(38)

L-Awtoritajiet Spanjoli sostnew li ma kien hemm l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati. Madanakollu, fil-ġurisprudenza tagħha l-Qorti sostniet li l-effett fuq il-kummerċ ma jiddipendix mill-karattru lokali jew reġjonali tas-servizzi mogħtija jew fuq id-daqs tal-attività inkwistjoni (15). Addizzjonalment, is-servizzi ta’ wara l-bejgħ mogħtija minn A NOVO huma kummerċjalizzati liberament fl-Unjoni. Is-sjieda tal-impriżi li joffru dan it-tip ta’ servizz tkopri iktar minn Stat Membru wieħed. Dan japplika, b’mod partikolari, għall-benefiċjarju li jifforma parti mill-grupp Franċiż A NOVO, operatur importanti fis-suq tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ fl-Ewropa u fi swieq oħra. Is-servizzi ta’ A NOVO jistgħu jkunu offruti perfettament minn impriżi Ewropej oħra li għandhom sussidjarja fi Spanja. Bl-istess mod, l-impriżi ta’ Stati Membri oħra jistgħu jistħarrġu l-possibbiltà li jiftħu fi Spanja biex joffru dan it-tip ta’ servizz iżda jistgħu jaqtgħu qalbhom jagħmlu dan minħabba s-servizzi li A NOVO tista’ toffri grazzi għall-għajnuna mill-Istat. Għajnuna ta’ daqs żgħir tista’ wkoll ikollha riperkussjonijiet fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, speċjalment jekk tiddetermina jekk A NOVO tkomplix topera jew le. Barra minn hekk, l-għajnuna tista’ ssaħħaħ lill-impriża possedenti Franċiża. Konsegwentement, tintlaħaq il-kundizzjoni li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-għoti tal-għajnuna ta’ salvataġġ tikkostittwixxi għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. L-għajnuna ngħatat mill-Kunsill ta’ Andalucía u hija attribwibbli lill-Istat.

(39)

A NOVO hija impriża fi kriżi fit-tifsira tal-Artikolu 13 tal-Linji gwida, minkejja li tappartjeni għal grupp ikbar. Spanja tista’ tipprova li d-diffikultajiet tal-impriża kienu intrinsiċi jekk ma kinux dovuti għall-allokazzjoni arbitrarja tal-kostijiet. Fil-fatt, huma dovuti għar-ristrutturar industrijali li sofriet l-impriża matul is-snin. Id-diffikultajiet kienu wisq kumplessi biex ikunu riżolti mill-grupp innifsu għax meta sar l-għoti tal-għajnuna ta’ salvataġġ l-impriża nnifisha kienet qed issofri minn pressjoni finanzjarja sinifikanti. Fl-2006 hija kienet investiet EUR 2,123 miljun f’A NOVO, u hi wkoll kienet irreġistrat telf fl-2008. Fl-2009 għamlet injezzjoni ta’ fondi proprji li ammontaw għal EUR 2,060 miljun.

(40)

Il-garanzija tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 25(a) tal-Linji gwida. Is-self bankarju ta’ salvataġġ ta’ EUR 1,875 miljun, li 80 % tiegħu kienu garantiti mill-Kunsill ta’ Andalucía, kellu rata ta’ imgħax kumparabbli mas-self mogħti lill-impriżi b’saħħithom, f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu għall-iffissar tar-rati ta’ referenza u ta’ skont. Addizzjonalment, is-self kellu marbut miegħu primjum annwali għal-garanzija ta’ 1,5 %. Il-garanzija kienet tiskadi fis-sitt xhur segwenti tad-data tal-għoti tas-self.

(41)

Il-garanzija kienet ġustifikata mid-diffikultajiet soċjali gravi ta’ A NOVO u ma kellha l-ebda effett kollaterali fi Stati Membri oħra fit-tifsira tal-punt 25(b) tal-Linji gwida. Fid-Deċiżjoni tagħha għall-bidu ta’ proċedura il-Kummissjoni diġà rrikonoxxiet is-sitwazzjoni ekonomika ta’ A NOVO, li kienet tħaddem 527 persuna, kienet għaddejja minn diffikultajiet fl-2008 (ara l-premessi 11 u 12). Il-falliment jew l-għeluq tal-impriża kien jiġġenera sitwazzjoni soċjali gravi ħafna fl-Andalucía, reġjun li diġà jsofri minn rata ta’ qgħad għolja. Fil-kunsiderazzjoni li s-servizzi ta’ tiswija wara l-bejgħ għandhom karattru reġjonali, mhux probabbli li jkun hemm effetti kollaterali negattivi fuq Stati Membri oħra.

(42)

Kienu wkoll sodisfatti l-kundizjonijiet tal-punt 25(c) tal-Linji gwida applikabbli għall-għajnuna ta’ salvataġġ mhux notifikata, li skonthom fis-sitt xhur wara l-ewwel awtorizzazzjoni tal-għajnuna ta’ salvataġġ l-Istat Membru jrid iressaq pjan ta’ ristrutturar jew prova li l-garanzija ġiet imwaqqfa. Wara l-għoti tal-għajnuna ta’ salvataġġ fil-21 ta’ Mejju 2009, fl-10 ta’ Settembru 2009 A NOVO ressqet pjan ta’ ristrutturar u l-għajnuna prevista flimkien ma’ talba għall-għajnuna ta’ salvataġġ. Fis-16 ta’ Ottubru 2009, Spanja nnotifikat il-pjan ta’ ristrutturar. Addizzjonalment, Spanja kkonfermat li d-durata tal-garanzija Statali kienet limitata għal sitt xhur u skadiet fil-21 ta’ Novembru 2009.

(43)

Addizzjonalment, l-ammont tal-għajnuna kien limitat għall-kwantità neċessarja għall-funzjonament tal-impriża matul il-perjodu awtorizzat ta’ sitt xhur, kif meħtieġ mill-punt 25(d) tal-Linji gwida. Dan l-ammont kien ikkalkulat abbażi tal-likwidità neċessarja għal sitt xhur u d-defiċit ta’ likwidità mressaq mill-impriża, kien ħafna inqas mil-limitu stabbilit skont il-formola pprovduta fl-Anness tal-Linji gwida. Jista’ jkun ikkunsidrat li hu limitat għall-ammont neċessarju, f’konformità mal-punt 25(d) tal-istess Linji gwida.

(44)

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ non-rikorrenza, l-informazzjoni mressqa minn Spanja ppermettiet lill-Kummissjoni tiżgura li l-użu tal-fondi pubbliċi fil-kuntest tar-ristrutturar tal-2005 mill-miżuri soċjali affavur tal-forza tax-xogħol ta’ A NOVO sar f’konformità ma’ skeda ġenerali tas-sigurtà soċjali u ma jistax ikun ikkunsidrat bħal għajnuna mill-Istat, f’konformità mal-punti 61 u 63 tal-Linji gwida.

(45)

Konsegwentement, l-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet Spanjoli xxejjen id-dubji relatati mal-kumpatibbiltà tal-miżuri proviżorji mogħtija lil A NOVO mal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE li l-Kummissjoni esprimiet fid-deċiżjoni biex tibda l-proċedura tal-Artikolu 108(2) tat-Trattat.

V.   KONKLUŻJONI

(46)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li ttemm il-proċedura tal-Artikolu 108(2)tat-TFUE. Għal dak li jirigwarda l-għajnuna ta’ salvataġġ mhux notifikat, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li Spanja tat din l-għajnuna b’mod illegali bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Madanakollu, il-Kummissjoni jkollha tadotta deċiżjoni pożittiva ladarba din hija kumpatibbli mas-suq itern skont l-Artikolu 107(3) tat-TFUE. Il-proċedura relattiva mal-għajnuna ta’ ristrutturar notifikata hija arkivjata abbażi tal-fatt li ma għadx hemm skop għaliha ladarba Spanja rtirat il-miżura.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li tikkonsisti f’garanzija mogħtija minn Spanja għas-salvataġġ ta’ A NOVO Comlink SL hija kumpatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Ladarba l-miżura ta’ ristrutturar kienet irtirata minn Spanja, il-proċedura preżenti ma għadx hemm skop għaliha fir-rigward tal-imsemmija għajnuna ta’ ristrutturar. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li ttemm din il-proċedura skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE dwar l-għajnuna ta’ ristrutturar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  ĠU C 140, 29.5.2010, p. 25.

(2)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(3)  BOJA (Gazzetta Uffiċjai tal-Andalucia) Nru 236 tas-27.11.2008, p. 6.

(4)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(5)  ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10.

(6)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(7)  Ara wkoll il-punti 61 u 63 tal-Linji gwida.

(8)  http://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/reference_rates.html

(9)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(10)  BOE (Gazzetta Uffiċjali tal-Istat) 75, 29.3.1995, p. 9654.

(11)  BOE (Gazzetta Uffiċjali tal-Istat) 154, 29.6.1994, p. 20658.

(12)  BOE (Gazzetta Uffiċjali tal-Istat) 44, 20.2.1996, p. 6074.

(13)  BOE (Gazzetta Uffiċjali tal-Istat) 22, 25.1.1996, p. 2295.

(14)  BOE (Gazzetta Uffiċjali tal-Istat) 250, 17.10.1980, p. 23126.

(15)  Kawża C-280/00 Altmark Trans Ġabra 2003, ECR I-7747, paragrafu 82; Kawża C-172/03, Heiser vs Finanzamt Innsbruck, Ġabra 2005, p. I-1627, punt 33.


Top