EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0168

Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/168/PESK tat- 23 ta’ Marzu 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

ĠU L 87, 24.3.2012, p. 85–89 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/168(1)/oj

24.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/85


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/168/PESK

tat-23 ta’ Marzu 2012

li temenda d-Deċiżjoni 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' April 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK (1).

(2)

Abbażi ta' rieżami tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK, il-miżuri restrittivi għandhom jiġġeddu sat-13 ta' April 2013.

(3)

Barra minn hekk, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, aktar persuni għandhom jiġu inklużi fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness għad-Deċiżjoni 2011/235/PESK.

(4)

F'dan il-kuntest, għandu jiġi nnutat li, f'konformità mal-premessa (4) tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK, il-persuni fil-mira tal-miżuri restrittivi jistgħu jinkludu wkoll membri tar-Revolutionary Guard Corps Iranjan (IRGC), il-Basij u l-Ansar-e Hezbollah.

(5)

B'żieda, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir jew software intenzjonat primarjament biex jintuża mir-reġim Iranjan fil-monitoraġġ jew l-interċettazzjoni tal-Internet u tal-komunikazzjoni bit-telefon fuq networks mobbli jew fissi fl-Iran għandhom jiġu pprojbiti.

(6)

Barra minn hekk, b'konsiderazzjoni tal-objettivi tagħha, il-projbizzjoni fuq il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna għandhom jiġu inklużi fid-Deċiżjoni 2011/235/PESK. Fl-istess waqt, id-Deċiżjoni 2010/413/PESK tas-26 ta' Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi diretti kontra l-Iran (2) għandha tiġi emendata sabiex ma tinkludix aktar dik il-projbizzjoni.

(7)

Id-Deċiżjoni 2011/235/PESK għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2011/235/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 2a

Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir jew software intenzjonati primarjament biex jintuża fil-monitoraġġ jew l-interċettazzjoni mir-Reġim Iranjan, jew għan-nom tiegħu, tal-Internet u tal-komunikazzjoni bit-telefon fuq networks mobbli jew fissi fl-Iran u l-provvediment ta' assistenza għall-installazzjoni, it-tħaddim jew l-aġġornament ta' tali tagħmir jew software għandhom jiġu pprojbiti.

L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-elementi rilevanti li għandhom ikunu koperti b’dan l-Artikolu.

Artikolu 2b

1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir li jista' jintuża għar-ripressjoni interna lill-Iran minn ċittadini ta' Stati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew bl-użu tal-bastimenti jew tal-ajruplani li jtajru l-bandiera tagħhom, għandhom ikunu pprojbiti, kemm jekk joriġinaw u kif ukoll jekk ma joriġinawx fit-territorji tagħhom.

2.   Huwa wkoll ipprojbit:

(a)

il-forniment, dirett jew indirett, ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 jew relatati mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ tali oġġetti, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu, fl-Iran.

(b)

il-forniment, dirett jew indirett, ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja, relatata mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tali oġġetti, jew għall-forniment ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu, fl-Iran.".

(2)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 4a

Il-parteċipazzjoni, konxjament u bi ħsieb, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri mesmmija fl-Artikoli 2a u 2b għandha tiġi pprojbita.”.

(3)

L-Artikolu 6 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 6

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-13 ta' April 2013. Hija għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux.”

Artikolu 2

Il-persuni elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandhom jinżdiedu mal-lista li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2011/235/PESK.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51.

(2)  ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39.


ANNESS

Lista ta' persuni msemmija fl-Artikolu 2

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

ZARGHAMI Ezzatollah

 

Bħala Kap tal-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB), huwa responsabbli mid-deċiżjonijiet kollha dwar l-ipprogrammar. IRIB xandar konfessjonijiet furzati ta' priġunieri u serje ta' "simulazzjonijiet ta' proċessi" f'Awwissu 2009 u f'Diċembru 2011. Dawn jikkostitwixxu ksur ċar tad-dispożizzjonijiet internazzjonali dwar proċess ġust u d-dritt għal proċess legali.

23.3.2012

2.

TAGHIPOUR Reza

Post tat-Twelid: Maragheh (Iran)

Data tat-Twelid: 1957

Ministru tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni. Bħala Ministru tal-informazzjoni, huwa wieħed mill-ogħla uffiċjali responsabbli miċ-ċensura u l-kontroll tal-attivitajiet fuq l-internet u anke kwalunkwe tip ta' komunikazzjoni (partikolarment it-telefons ċellulari). Matul l-interrogazzjonijiet ta' priġunieri politiċi, l-interrogaturi jużaw id-data, l-emails u l-komunikazzjonijiet personali tagħhom.

F'diversi okkażjonijiet mill-aħħar elezzjoni presidenzjali u matul id-dimostrazzjonijiet fit-toroq, il-linji tat-telefons ċellulari u s-servizzi tal-sms inqatgħu, il-kanali tat-televiżjoni satellitari ġew iġġamjati, l-internet ġie sospiż lokalment jew mill-anqas, tnaqqsitlu r-rapidità tiegħu.

23.3.2012

3.

KAZEMI Toraj

 

Kurunell tal-pulizija tat-teknoloġija u l-komunikazzjoni, dan l-aħħar nieda kampanja ta' reklutaġġ ta' hackers tal-gvern sabiex jikkontrolla aħjar l-informazzjoni fuq l-internet u jkun ta' preġudizzju għal siti elettroniċi "li jagħmlu ħsara".

23.3.2012

4.

LARIJANI Sadeq

Post tat-Twelid: Najaf (Iraq)

Data tat-Twelid: 1960 jew Awwissu 1961

Kap tal-Ġudikatura. Il-Kap tal-Ġudikatura huwa mitlub li jagħti l-kunsens tiegħu għal u jirreġistra kull kastig għal qisas (retribut), hodoud (reat kontra Alla) u ta'zirat (reat kontra l-istat). Dan jinkludi sentenzi li jġibu magħhom il-piena tal-mewt, is-swat u l-amputazzjonijiet. F'dan ir-rigward, hu personalment awtorizza bosta sentenzi ta' piena tal-mewt, bi ksur tal-istandards internazzjonali, inkluż bi tħaġġir (attwalment 16-il persuna qegħdin taħt sentenza ta' tħaġġir), eżekuzzjonijiet bit-tgħalliq, eżekuzzjonijiet ta' minuri, u eżekuzzjonijiet pubbliċi bħal dawk fejn il-priġunieri kienu mgħallqa mill-pontijiet quddiem folol ta' eluf ta' nies. Huwa ppermetta wkoll sentenzi ta' kastigi korporali bħal amputazzjonijiet u t-taqtir tal-aċtu f'għajnejn l-ikkundanati. Minn meta Sadeq Larijani ħa l-kariga, l-arresti arbitrarji ta' priġunieri politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-minoranzi żdiedu konsiderevolment. L-eżekuzzjonijiet żdiedu ferm mill-2009. Sadeq Larijani huwa responsabbli wkoll mill-fallimenti sistemiċi fil-proċess ġudizzjarju Iranjan għar-rispett tad-dritt għal proċess ġust.

23.3.2012

5.

MIRHEJAZI Ali

 

Viċi Kap tal-Uffiċċju tal-Mexxej Suprem u Kap tas-Sigurtà. Parti miċ-ċirku intern tal-Mexxej Suprem responsabbli mit-tfassil tas-supressjoni tal-protesti li ilha tkun implimentata mill-2009.

23.3.2012

6.

SAEEDI Ali

 

Rappreżentant tal-Mexxej fost il-Pasdaran mill-1995 wara li żvolġa l-karriera kollha tiegħu fl-istituzzjoni militari, eżattament fis-Servizzi tal-Informazzjoni tal-Pasdaran. Permezz ta' din il-funzjoni uffiċjali huwa ċ-ċinga ta' trasmissjoni indispensabbli bejn l-ordnijiet ġejjin mill-Uffiċċju tal-Mexxej u l-apparat ta' repressjoni tal-Pasdaran.

23.3.2012

7.

RAMIN Mohammad-Ali

Post tat-Twelid: Dezful (Iran)

Data tat-Twelid: 1954

Responsabbli ewlieni miċ-ċensura bħala Viċi Ministru responsabbli mill-Istampa sa Diċembru 2010, kien direttament responsabbli mill-għeluq ta' bosta fergħat tal-istampa riformaturi (Etemad, Etemad-e Melli, Shargh, etc), mill-għeluq tal-Union Indipendenti tal-Istampa, u mill-intimidazzjoni u l-arrest tal-ġurnalisti.

23.3.2012

8.

MORTAZAVI Seyyed Solat

Post tat-Twelid: Meibod (Iran)

Data tat-Twelid: 1967

Viċi Ministru tal-Intern għall-Affarijiet Politiċi. Responsabbli mill-istruzzjoni ta' ripressjoni ta' persuni li jitkellmu biex jiddefendu d-drittijiet leġittimi tagħhom, inkluża l-libertà tal-espressjoni.

23.3.2012

9.

REZVANI Gholomani

 

Viċi Gvernatur ta' Rasht. Responsabbli minn ksur gravi tad-dritt għal proċess legali.

23.3.2012

10.

SHARIFI Malek Ajdar

 

Kap tal-ġudikatura fil-Lvant tal-Ażerbajġan. Responsabbli minn ksur gravi tad-dritt għal proċess legali.

23.3.2012

11.

ELAHI Mousa Khalil

 

Prosekutur ta' Tabriz. Responsabbli mill-istruzzjoni ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem tad-dritt għal proċess legali.

23.3.2012

12.

FAHRADI Ali

 

Prosekutur ta' Karaj. Responsabbli mill-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem billi talab il-piena tal-mewt għal minuri.

23.3.2012

13.

REZVANMANESH Ali

 

Prosekutur. Responsabbli mill-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem billi talab il-piena tal-mewt għal minuri.

23.3.2012

14.

RAMEZANI Gholamhosein

 

Kmandant tal-IRGC Intelligence. Responsabbli mill-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fuq persuni li jitkellmu biex jiddefendu d-drittijiet leġittimi tagħhom, inkluża l-libertà tal-espressjoni. Imexxi d-Dipartiment responsabbli għall-arrest u t-tortura ta' bloggers/ġurnalisti.

23.3.2012

15.

SADEGHI Mohamed

 

Kurunell u Deputat tal-intelligence teknika u ċibernetika tal-IRGC. Responsabbli għall-arresti u t-tortura ta' bloggers/ġurnalisti.

23.3.2012

16.

JAFARI Reza

 

Kap tal-prosekuzzjoni speċjali taċ-ċiberkriminalità. Responsabbli mill-arresti, id-detenzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet ta' bloggers u ġurnalisti.

23.3.2012

17.

RESHTE-AHMADI Bahram

 

Viċi Prosekutur f'Tehran. Imexxi ċ-ċentru ta' prosekuzzjoni ta' Evin. Responsabbli miċ-ċaħda ta' drittijiet, inklużi drittijiet ta' żjara u drittijiet oħrajn tal-priġunieri, ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u priġunieri politiċi oħrajn.

23.3.2012


Top