Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0044

2012/44/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta’ Jannar 2012 dwar ir-regoli applikabbli għall-kontrolli veterinarji li jridu jitwettqu fuq annimali ħajjin u prodotti li joriġinaw mill-annimali li jidħlu f’ċerti Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej minn pajjiżi terzi (notifikata bid-dokument numru C(2012) 222) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 24, 27.1.2012, p. 14–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/12/2019; Imħassar b' 32019R2126

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/44/oj

27.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/14


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Jannar 2012

dwar ir-regoli applikabbli għall-kontrolli veterinarji li jridu jitwettqu fuq annimali ħajjin u prodotti li joriġinaw mill-annimali li jidħlu f’ċerti Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej minn pajjiżi terzi

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 222)

(It-Test Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/44/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttivi 91/496/KEE u 97/78/KE jispjegaw fid-dettall ir-rekwiżiti speċifiċi għall-kontrolli veterinarji fuq kull konsenja ta’ annimali ħajjin u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali li ġejja minn pajjiż terz u li hija maħsuba għall-Unjoni f’post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera (BIP) approvat tal-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 91/496/KEE jippermetti regoli speċjali għall-kontrolli li jridu jitwettqu fuq annimali ħajjin importati għat-tbiċċir u maħsuba għall-konsum lokali u tal-annimali tat-tgħammir jew tal-produzzjoni, għall-użu f’partijiet remoti tal-Istati Membri. Dawn ir-regoli jirrikjedu li l-pjanijiet li jiddeskrivu n-natura tal-kontrolli li jridu jitwettqu jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni. Dawn il-pjanijiet għandhom jispeċifikaw il-kontrolli mwettqa sabiex annimali introdotti fir-reġjuni remoti kkonċernati jew prodotti derivati minn dawn l-annimali jinżammu milli jintbagħtu f’kull ċirkostanza lejn partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni.

(3)

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 97/78/KE jippermetti regoli speċjali għall-kontrolli li jridu jitwettqu fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali importati għall-użu f’partijiet remoti, fost l-oħrajn, tar-Repubblika Franċiża. Dawn ir-regoli jirrikjedu li l-pjanijiet li jiddeskrivu n-natura tal-kontrolli li jridu jitwettqu jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni. Dawn il-pjanijiet għandhom jispeċifikaw il-kontrolli mwettqa sabiex il-prodotti li joriġinaw mill-annimali introdotti fir-reġjuni remoti kkonċernati jinżammu milli jintbagħu, f’kull ċirkostanza, lejn partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 136/2004 tat-22 ta’ Jannar 2004 li jistabbilixxi proċeduri għal kontrolli veterinarji f’postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntieri tal-Komunità fuq prodotti importati minn pajjiżi terzi (3) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 282/2004 tat-18 ta’ Frar 2004 li jintroduċi dokument għad-dikjarazzjoni, u kontroll veterinarju, fuq annimali minn pajjiżi terzi li deħlin fil-Komunità (4), qed jispjegaw fid-dettall il-proċeduri għan-notifika u l-kontrolli veterninarji ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u annimali ħajjin u d-Dokumenti Veterinarji Komuni għad-Dħul (CVEDs), li jridu jintużaw biex jiġu ġġustifikati r-riżultati tal-kontrolli veterinarji fuq konsenji bħal dawn.

(5)

L-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw pjanijiet rispettivi lill-Kummissjoni għal ċerti punti tad-dħul li jinsabu fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej tal-Gwadelup, Martinique u l-Gujana Franċiża.

(6)

Il-pjanijiet Franċiżi juru li l-konsenji kollha ta’ annimali ħajjin jew prodotti li joriġinaw mill-annimali jeħtieġ li jiġu ppreżentati għall-importazzjoni f’punti tad-dħul nominati fid-dipartimenti, fejn ikunu suġġetti għal kontrolli veterinarji. Il-pjanijiet juru li meta jiġu implimentati, il-bgħit ta’ konsenji lejn partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni, li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, huwa effettivament ipprojbit. Sabiex dan jinkiseb, is-CVEDs ta’ annimali ħajjin jew prodotti li joriġinaw mill-annmali approvati għall-importazzjoni fid-dipartimenti, ikollhom timbru li jiddikjara l-użu limitat esklużivament għat-territorju tad-dipartimenti rilevanti. L-importaturi huma mgħarrfa li mhuwiex possibbli li dawn l-annimali ħajjin, il-prodotti li joriġinaw minnhom, jew il-prodotti li joriġinaw mill-annimali jintbagħtu lejn partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni u d-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej jimmonitorjaw dan ir-rekwiżit meta japprovaw iċ-ċertifikati tal-kummerċ intra-Komunitarju.

(7)

Il-pjanijiet Franċiżi jispjegaw fid-dettall ukoll l-infrastruttura tal-faċilitajiet li għandhom bini kbir biżżejjed li jippermetti t-teħid ta’ kampjuni iġjeniku u t-tagħmir neċessarju biex jitwettqu l-kontrolli veterinarji meħtieġa sabiex jiġi verifikat li qegħdin jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-Unjoni għas-saħħa pubblika u tal-annimali għall-annimali ħajjin u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali. Barra minn hekk, hemm bini u mħażen imkessħa għall-ħżin ta’ konsenji magħżula fil-kampjun, miżmuma jew spezzjonati fuq il-post, kif ukoll faċilitajiet xierqa maħsuba għaż-żamma ta’ annimali ħajjin sakemm jitlestew ir-riżultati ta’ kull kontoll li jkun twettaq.

(8)

Il-pjanijiet Franċiżi jispjegaw fid-dettall li hemm disponibbli għadd suffiċjenti ta’ persunal veterinarju u tekniku biex iwettaq il-kontrolli veterinarji kif stipulat bl-Artikoli 4 tad-Direttivi 91/496/KEE u 97/78/KE u b’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness 1 mar-Regolament (KE) Nru 136/2004 u fir-Regolament (KE) Nru 282/2004.

(9)

Filwaqt li ġeneralment il-kontrolli veterinarji jridu jitwettqu fuq il-konsenji kollha tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 97/78/KE jippermetti t-tnaqqis tal-frekwenza tal-kontrolli fiżiċi fuq ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali, li huma elenkati flimkien mal-frekwenza rilevanti għall-kontrolli fiżiċi fl-Anness I u II mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/360/KE tal-20 ta’ Mejju 1994 dwar il-frekwenza mnaqqsa ta’ kontrolli fiżiċi ta’ kunsinni ta’ ċerti prodotti li jridu jiġu implimentati minn pajjiżi terzi, skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/675/KEE (5). Sabiex ikunu konsistenti mal-kontrolli veterinarji fuq il-fruntieri tal-Unjoni, dawn il-frekwenzi mnaqqsa jistgħu jiġu applikati għall-konsenji veterinarji maħsuba għat-tliet Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej.

(10)

Is-Sistema Esperta u ta’ Kontroll tal-Kummerċ (Traces) tal-Unjoni mwaqqfa bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE tat-30 ta’ Marzu 2004 dwar l-introduzzjoni tas-sistema Traces (6) tistipula li l-Istati Membri għandhom jintroduċu u jibdew jużaw Traces b’mod partikolari għall-konsenji ta’ annimali ħajjin u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali li ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni.

(11)

L-użu tas-sistema Traces għall-importazzjonijiet ta’ annimali ħajjin u prodotti li joriġinaw mill-annimali, jirrikjedi l-ħruġ ta’ CVED għal kull konsenja ppreżentata għall-introduzzjoni. Dawn id-dokumenti għandhom jintużaw biex jiżguraw li dawn il-konsenji importati ta’ annimali ħajjin, jew prodotti li joriġinaw mill-animali, ma jintbagħtux lejn partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni u jkunu biss għal użu lokali.

(12)

Għaldaqstant, il-punti tad-dħul fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej ta’ Gwadelup, Martinique u l-Gujana Franċiża għandhom jiġu identifikati u r-rekwiżiti għat-tħaddim tagħhom għandhom jiġu speċifikati f’din id-Deċiżjoni.

(13)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 91/496/KEE u l-Artikolu 18 tad-Direttiva 97/78/KE, il-punti tad-dħul awtorizzati fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej ta’ Gwadelup, Martinique u l-Gujana Franċiża għandhom kollha jiġu elenkati fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Kull punt tad-dħul elenkat fl-Anness għandu jkun taħt ir-responsabbiltà ta’ awtorità kompetenti li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha veterinarji uffiċjali u tekniċi nominati, jekk ikun meħtieġ.

2.   Kull punt tad-dħul għandu jkollu l-persunal, it-tagħmir u l-faċilitajiet kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kontrolli veterinarji fuq il-konsenji ta’ annimali ħajjin u prodotti li joriġinaw mill-annimali, li jkunu nominati li jirċievu.

Artikolu 3

L-importatur jew ir-rappreżentant tiegħu għandu:

1.

jinnotifika lill-awtorità kompetenti responsabbli għall-punt tad-dħul qabel il-wasla fiżika tal-konsenja tal-prodotti permezz tal-ewwel parti tas-CVED skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 u permezz tas-sistema Traces skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2004/292/KE;

2.

jagħti avviż ta’ jum tax-xogħol lill-awtorità kompetenti fejn għandhom jiġu ppreżentati l-annimali ħajjin billi jispeċifika n-numru, in-natura u l-ħin previst tal-wasla permezz tal-ewwel parti tas-CVED skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 282/2004 u permezz tas-sistema Traces skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2004/292/KE;

3.

iżomm reġistru approvat mill-awtorità kompetenti li juri l-kwantitajiet ta’ prodotti jew annimali importati u l-isem u l-indirizz tax-xerrej(ja);

4.

jgħarraf lix-xerrej(ja) li l-prodotti derivati mill-annimali jew il-prodotti li joriġinaw mill-annimali importati huma maħsuba għall-konsum lokali biss u li l-annimali tat-tgħammir u tal-produzzjoni ma għandhom fl-ebda ċirkostanza jintbagħtu lejn territorji oħra tal-Unjoni;

5.

jgħarraf lix-xerrej(ja) li, fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid, għandhom jgħarrfu lix-xerrej(ja) ġodda, fejn dawn tal-aħħar ikunu operaturi kummerċjali, li l-prodotti huma maħsuba għall-konsum lokali biss u li l-annimali tat-tgħammir u tal-produzzjoni ma għandhom fl-ebda ċirkostanza jintbagħtu lejn territorji oħra tal-Unjoni.

Artikolu 4

1.   Il-veterinarju uffiċjali, megħjun mit-tekniċi nominati, għandu jwettaq il-kontrolli fil-punti tad-dħul elenkati fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni b’konformità mal-Artikoli 4 tad-Direttivi 91/496/KEE u 97/78/KE u b’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness 1 mar-Regolament (KE) Nru 136/2004 u fir-Regolament (KE) Nru 282/2004.

2.   Il-kontrolli fiżiċi jistgħu jitwettqu fuq ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali skont il-frekwenza stabbilita fl-Anness I u II tad-Deċiżjoni 94/360/KE.

3.   Il-veterinarji uffiċjali għandhom jiżguraw li d-dejta kollha inkluża fis-CVED għall-annimali ħajjin u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali ppreżentati għall-importazzjoni, tiddaħħal fis-sistema Traces skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2004/292/KE.

4.   Il-veterinarji uffiċjali għandhom jiżguraw li wara li jkunu twettqu l-kontrolli veterinarji, is-CVED rilevanti maħruġ jiġi ttimbrat biex jindika li l-annimali jew il-prodotti li joriġinaw mill-annimali jistgħu jkunu biss għal użu lokali u ma għandhom fl-ebda ċirkostanza jintbagħtu lejn partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni.

5.   Il-veterinarju uffiċjali għandu jwettaq spezzjonijiet regolari fil-postijiet fejn jinżammu/jinħażnu l-annimali importati jew il-prodotti li joriġinaw mill-annimali biex jivverifika li r-rekwiżiti għas-saħħa pubblika u tal-annimali huma sodisfatti u li l-konsenji ma jintbagħtux lejn partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 5

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 91/496/KEE, għajr dawk fl-Artikolu 6, u fid-Direttiva 97/78/KE, għajr dawk fl-Artikolu 6, għandhom jibqgħu japplikaw.

Artikolu 6

L-awtoritajiet Franċiżi għandhom jieħdu l-miżuri amministrattivi jew penali xierqa kontra kull ksur ta’ din id-Deċiżjoni li jitwettaq minn persuna fiżika jew ġuridika.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2012.

Artikolu 8

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56.

(2)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

(3)  ĠU L 21, 28.1.2004, p. 11.

(4)  ĠU L 49, 19.2.2004, p. 11.

(5)  ĠU L 158, 25.6.1994, p. 41.

(6)  ĠU L 94, 31.3.2004, p. 63.


ANNESS

LISTA TAL-PUNTI TAD-DĦUL AWTORIZZATI

1

2

3

4

5

Il-Gwadelup – il-port ta’ Baie-Mahault

FR09600

P

HC, NHC

 

Il-Gwadelup – l-ajruport ta’ Les Abymes

FR09600

A

HC, NHC-NT

 

Martinique – il-port ta’ Fort-de-France

FR09700

P

HC, NHC-T(CH), NHC-NT

 

Martinique – l-ajruport Aimé Césaire

FR09700

A

HC-T(CH), HC-NT, NHC-T(CH), NHC-NT

O, E

Il-Gujana Franċiża – St Georges de l’Oyapock

FR09800

R

HC, NHC

O

Noti u abbrevjazzjonijiet:

1

=

Isem

2

=

Kodiċi Traces tal-Unità Veterinarja Lokali

3

=

Tip: A = Ajruport, P = Port, R = Triq

4

=

Prodotti:

HC

=

Il-Prodotti kollha għall-Konsum tal-Bniedem

NHC

=

Prodotti oħrajn mhux għall-konsum mill-bniedem

NT

=

l-ebda rekwiżit ta’ temperatura

T

=

Prodotti Ffriżati/Mkessħa

T(FR)

=

Prodotti ffriżati

T(CH)

=

Prodotti mkessħa

5

=

Annimali Ħajjin:

E

=

Ekwidi rreġistrati kif definit fid-Direttiva 90/426/KEE (1)

O

=

Annimali ħajjin oħrajn (inklużi annimali taż-żu) għajr E u U (Ungulati bħal frat, ħnieżer, nagħaġ, mogħoż, solipedi slavaġ u domestiċi)


(1)  Id-Direttiva 90/426/KEE tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ equidae (razza taż-żwiemel) (ĠU L 224 18.8.1990, p. 42).


Top