Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1341

    Regolament (UE) Nru 1341/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għall-koperazzjoni għall-iżvilupp

    ĠU L 347, 30.12.2011, p. 34–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1341/oj

    30.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 347/34


    REGOLAMENT (UE) Nru 1341/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-13 ta’ Diċembru 2011

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għall-koperazzjoni għall-iżvilupp

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 209(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni fil-31 ta’ Ottubru 2011 (1),

    Billi:

    (1)

    Il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-iżvilupp għandha l-għan li tnaqqas u fl-aħħar mill-aħħar teqred il-faqar.

    (2)

    L-Unjoni, bħala membru tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO), hija impenjata li tissimplifika l-kummerċ fi strateġiji għall-iżvilupp u li tippromwovi l-kummerċ internazzjonali sabiex isir progress fl-iżvilupp u fit-tnaqqis, u fuq it-tul ta’ żmien fil-qerda, tal-faqar madwar id-dinja kollha.

    (3)

    L-Unjoni ssostni l-Grupp ta’ Stati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) fit-triq tagħhom lejn tnaqqis fil-livell ta’ faqar u żvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli, u tagħraf l-importanza tas-setturi tagħhom tal-komoditajiet.

    (4)

    L-Unjoni hija impenjata li ssostni l-integrazzjoni bla xkiel u gradwali tal-pajjiżi li qiegħdin jiżviluppaw fl-ekonomija dinjija bl-għan li jkun hemm żvilupp sostenibbli. Il-pajjiżi prinċipali tal-AKP li jesportaw il-banana jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi fil-kuntest ta’ arranġamenti tal-kummerċ li qegħdin jinbidlu, notevolment il-liberalizzazzjoni tat-tariffa tan-Nazzjon l-Aktar Preferut (NAP) fil-qafas tal-WTO u tal-ftehimiet bilaterali jew reġjonali li ġew konklużi jew fil-proċess li jiġu konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi tal-Amerika Latina. Għalhekk, għandu jiżdied mar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), programm AKP dwar il-miżuri ta’ akkumpanjament marbutin mal-banana (“il-programm BAM”).

    (5)

    Il-miżuri ta’ assistenza finanzjarja li għandhom jiġu adottati taħt il-programm BAM għandhom ikunu mmirati biex itejbu l-istandards tal-għajxien u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies fiż-żoni li jkabbru l-banana u fil-ktajjen tal-valur tal-banana, speċifikament tal-bdiewa ż-żgħar u tal-entitajiet iż-żgħar, kif ukoll biex jassiguraw il-konformità mal-istandards tax-xogħol u mal-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u mal-istandards ambjentali, notevolment ma’ dawk li għandhom x’jaqsmu mal-użu tal-pestiċidi u mal-espożizzjoni għalihom. Dawk il-miżuri għandhom għalhekk jappoġġaw l-adattament u jinkludu, meta jkun relevanti, l-organizzazzjoni mill-ġdid taż-żoni li jiddependu fuq l-esportazzjoni tal-banana lejn l-Unjoni Ewropea permezz ta’ sostenn mill-baġit immirat lejn setturi speċifiċi jew interventi mmirati lejn proġetti partikolari. Il-miżuri għandhom jieħdu kont tal-iżvilupp mistenni tas-settur tal-esportazzjoni tal-banana u jkunu mmirati biex jipprovdu politika soċjali dwar il-kapaċità ta’ rkupru, diversifikazzjoni ekonomika jew investiment għat-titjib tal-kompetittività, fejn dan ikun vijabbli, filwaqt li jitqiesu r-riżultati u l-esperjenzi miksuba permezz tas-Sistema Speċjali ta’ Assistenza (SSA) għall-fornituri tradizzjonali tal-banana mill-pajjżi tal-AKP stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2686/94 (3) u l-Qafas Speċjali ta’ Assistenza (QSA) għall-fornituri tradizzjonali tal-banana mill-pajjiżi tal-AKP stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 856/1999 (4) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1609/1999 (5). L-Unjoni tagħraf l-importanza tal-promozzjoni ta’ tqassim aktar ekwu tad-dħul mill-banana.

    (6)

    Il-programm BAM għandu jakkumpanja l-proċess ta’ adattament fil-pajjiżi tal-AKP li esportaw volumi sinifikanti ta’ banana lill-Unjoni f’dawn l-aħħar snin u li jistgħu jiġu affettwati mil-liberalizzazzjoni fil-qafas tal-Ftehim ta’ Ġinevra dwar il-Kummerċ fil-Banana (6) jew mill-ftehimiet bilaterali jew reġjonali konklużi jew li qed jiġu konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi tal-Amerika Latina. Il-programm jibni fuq il-Qafas Speċjali ta’ Assistenza (QSA) għall-fornituri tradizzjonali tal-banana mill-pajjiżi tal-AKP. Il-programm BAM huwa konformi mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni fil-qafas tal-WTO u jiffoka fuq ir-ristrutturazzjoni u t-titjib tal-kompetittivitá u b’hekk huwa ta’ xorta temporanja, b’tul ta’ tliet snin (2011-2013).

    (7)

    Il-konklużjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Marzu 2010 bl-isem “Rapport Biennali dwar il-Qafas Speċjali ta’ Assistenza għall-Fornituri Tradizzjonali tal-Banana mill-pajjiżi tal-AKP” jindikaw li l-programmi ta’ assistenza li saru fl-imgħoddi taw kontribut sostanzjali fil-kisba ta’ titjib fil-kapaċità għal diversifkazzjoni ekonomika ta’ suċċess, minkejja illi l-impatt sħiħ għadu ma jistax ikun ikkwantifikat u s-sostenibilità tal-esportazzjonijiet tal-banana tal-AKP għadha fraġli.

    (8)

    Il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tal-programm tal-QSA imma ma għamlitx valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri ta’ akkumpanjament fis-settur tal-banana.

    (9)

    Il-Kummissjoni għandha tiżgura koordinament kif suppost ta’ dan il-programm mal-programmi indikattivi reġjonali u nazzjonali li joperaw fil-pajjiżi benefiċjarji, b’mod partikulari fir-rigward tal-kisba tal-objettivi ekonomiċi, agrikulturali, soċjali u ambjentali.

    (10)

    Kważi 2 % tal-kummerċ dinji tal-banana ġie ċċertifikat mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-kummerċ ekwitabbli. Il-prezzijiet minimi tal-kummerċ ekwitabbli ġew iffissati fuq il-bażi tal-kalkolu tal-“ispejjeż sostenibbli tal-produzzjoni”, stabbiliti wara konsultazzjoni mal-partijiet involuti bil-għan li jiġu internalizzati l-ispejjeż biex isiru konformi ma’ standards soċjali u ambjentali diċenti u biex isir profitt raġonevoli li bis-saħħa tiegħu l-produtturi jkunu jistgħu jinvestu fl-istabilità ta’ xogħolhom fuq tul ta’ żmien twil.

    (11)

    Biex jiġi evitat l-isfruttar tal-ħaddiema lokali, il-katina tal-produzzjoni tas-settur tal-banana għandha ssegwi distribuzzjoni ekwitabbli tad-dħul iġġenerat mis-settur.

    (12)

    Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 huwa b’dan emendat kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 4

    Implimentazzjoni tal-assistenza mill-Unjoni

    B’mod konsistenti mal-fini, l-ambitu u l-għanijiet globali u mal-prinċipji ġenerali ta’ dan ir-Regolament, l-assistenza tal-Unjoni għandha tiġi implimentata permezz tal-programmi ġeografiċi u tematiċi stipulati fl-Artikoli 5 sa 16 u fil-programmi stipulati fl-Artikolu 17 u 17a.”;

    (2)

    Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 17a

    Il-pajjiżi prinċipali tal-AKP li jfornu l-banana

    1.   Il-pajjiżi tal-AKP li jfornu l-banana elenkati fl-Anness IIIa għandhom jibbenefikaw mill-programm ta’ miżuri ta’ akkumpanjament marbutin mal-banana (“il-programm BAM”).

    (a)

    Għanijiet ġenerali:

    L-assistenza tal-Unjoni għandu jkollha l-għan li:

    (i)

    issostni l-proċess ta’ aġġustament wara l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-banana tal-Unjoni fil-qafas tal-WTO;

    (ii)

    tiġġieled il-faqar billi ttejjeb l-istandards u l-kondizzjonijiet ta’ għajxien tal-bdiewa u l-persuni kkonċernati.

    (b)

    Prijoritajiet ġenerali:

    L-assistenza mill-Unjoni għandha tqis il-politika u l-istrateġiji ta’ adattament tal-pajjiżi, kif ukoll tal-ambjent reġjonali tagħhom (f’termini tal-qrubija lejn ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej) u għandha tiffoka fuq waħda jew aktar mill-oqsma ta’ kooperazzjoni li ġejjin:

    (i)

    li jiġu indirizzati impatti usa’ ġġenerati mill-proċess ta’ adattament, b’mod partikolari f’komunitajiet lokali u l-aktar gruppi vulnerabbli fihom, relatati mal-impjieg u s-servizzi soċjali, mal-użu tal-art u r-restawr ambjentali, iżda mhux ristretti għalihom biss;

    (ii)

    il-promozzjoni tad-diversifikazzjoni ekonomika fiż-żoni dipendenti mill- banana, meta strateġija bħal din tkun vijabbli;

    (iii)

    it-tisħiħ tal-kompetittività tas-settur tal-esportazzjoni tal-banana, fejn dan huwa sostenibbli, b’konsiderazzjoni għas-sitwazzjoni tal-partijiet interessati differenti fil-katina.

    Il-programmi għandhom jippromwovu l-konformità mal-istandards tax-xogħol u tas-sigurtà, kif ukoll mal-istandards ambjentali, inkluż l-użu tal-pestiċidi u l-espożizzjoni għalihom.

    (c)

    Riżultati ġenerali mistennija:

    Ir-riżultati tal-assistenza għandhom ikunu konformi mal-għanijiet kif stabbiliti fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu. B’mod partikolari, u f’kooperazzjoni mal-pajjiżi benefiċjarji, l-assistenza tal-Unjoni għandha tfittex li jinkisbu riżultati f’oqsma soċjali, ambjentali u ekonomiċi.

    2.   Fi ħdan l-ammont imsemmi fl-Anness IV, il-Kummissjoni għandha tfassal l-ammont indikattiv massimu disponibbli għal kull pajjiż eliġibbli tal-AKP li jforni l-banana skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

    (a)

    Il-livell tal-kummerċ fil-banana mal-Unjoni, fejn importazzjonijiet ogħla tal-Unjoni mill-pajjiż tal-AKP ikkonċernat jirriflettu b’mod pożittiv fuq l-allokazzjoni. Dan il-kriterju huwa bbażat fuq id-daqs tas-settur tal-esportazzjoni tal-banana mal-Unjoni fil-pajjiżi differenti. Titqies il-medja tal-ogħla tliet tunnellaġġi ta’ banana importati mill-Unjoni minn kull pajjiż benefiċjarju eliġibbli matul l-aħħar ħames snin qabel l-2010;

    (b)

    L-importanza tal-esportazzjoni tal-banana lejn l-Unjoni fl-ekonomija, fejn il-livelli ogħla ta’ importanza fil-pajjiż tal-AKP ikkonċernat jirrifletti b’mod pożittiv fuq l-allokazzjoni. Il-kriterju jitkejjel billi l-valur tal-importazzjoni tal-banana mill-Unjoni minn kull pajjiż benefiċjarju eliġibbli jittieħed bħala perċentwal tad-Dħul Nazzjonali Gross (DNG) matul l-aħħar tliet snin qabel l-2010 li għalihom id-data hi disponibbli;

    (c)

    Il-livell ta’ żvilupp, li bih livelli aktar baxxi ta’ żvilupp kif irrekordjati fl-Indiċi ta’ Żvilupp Uman tan-NU (HDI) fil-pajjiż tal-AKP ikkonċernat jirriflettu b’mod pożittiv fuq l-allokazzjoni. Dan il-kriterju jitkejjel mill-medja tal-HDI matul il-perijodu 2005-2007, li għaliha ntużat l-istess metodoloġija min-NU.

    Il-kejl tal-kriterji tal-allokazzjoni għandu jkun ibbażat fuq data rappreżentattiva minn qabel l-2011 u jkopri perijodu mhux itwal minn ħames snin. L-allokazzjonijiet indikattivi tal-pajjiżi iqisu bl-istess mod it-tliet kriterji fil-pajjiżi kollha benefiċjarji eliġibbli.

    Abbażi tal-applikazzjoni tal-kriterji msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu intenzjonat tal-allokazzjoni finanzjarja indikattiva msemmija fl-Anness IV qabel l-adozzjoni ta’ strateġiji ta’ sostenn pluriennali msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Dik l-informazzjoni tistabbilixxi, għal kull pajjiż eliġibbli tal-AKP li jforni l-banana, l-ammont indikattiv disponibbli.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta strateġiji ta’ sostenn pluriennali permezz ta’ analoġija għall-Artikolu 19, u f’konformità mal-Artikolu 21. Għandha tiżgura li tali strateġiji jikkumplimentaw id-dokumenti ġeografiċi strateġiċi tal-pajjiżi kkonċernati, u n-natura temporanja tal-miżuri ta’ akkumpanjament marbutin mal-esportazzjoni tal-banana.

    L-istrateġiji ta’ sostenn pluriennali għall-miżuri ta’ akkumpanjament fis-settur tal-banana għandhom jinkludu:

    (a)

    profil ambjentali aġġornat li jagħti attenzjoni xierqa lis-settur tal-banana tal-pajjiż, inter alia ffukat fuq il-pestiċidi;

    (b)

    tagħrif dwar il-kisbiet tal-programmi ta’ assistenza li saru fl-imgħoddi favur is-settur tal-banana;

    (c)

    indikaturi għall-valutazzjoni tal-progress f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-iżburżar, meta jintgħażel l-appoġġ baġitarju bħala l-forma ta’ finanzjament;

    (d)

    ir-riżultati mistennija tal-għajnuna;

    (e)

    kalendarju tal-attivitajiet ta’ sostenn u tal-iżburżar mistenni;

    (f)

    il-modi kif jista’ jinkiseb u jiġi kkontrollat il-progress fl-ilħuq tal-istandards fundamentali tax-xogħol tal-ILO miftiehma fuq livell internazzjonali u l-konvenzjonijiet xierqa fil-qasam tas-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll mal-istandards ambjentali rilevanti ewlenin miftiehma fuq livell internazzjonali.

    Fil-qafas tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali għall-2007-2013, stabbilit bil-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (*), għandha ssir valutazzjoni tal-programm BAM u tal-progress tal-pajjiżi kkonċernati li għandha tinkludi rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe miżura li għandha tittieħed u x-xorta tagħha.

    (*)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.”;"

    (3)

    l-Artikolu 21 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 21

    L-adozzjoni ta’ dokumenti ta’ strateġija u tal-programmi indikattivi pluriennali

    Id-dokumenti ta’ strateġija u l-programmi indikattivi pluriennali msemmija fl-Artikoli 19 u 20, u kwalunkwe reviżjoni tagħhom imsemmija fl-Artikolu 19(2) u fl-Artikolu 20(1), kif ukoll miżuri ta’ akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 17 u 17a rispettivament, għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 35(2).”;

    (4)

    L-Artikolu 29(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-impenji baġitarji għandhom isiru fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni b’konformità mal-Artikoli 17a (3), 22(1), 23(1) u 26(1).”;

    (5)

    Fl-Artikolu 31(1), it-tielet subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “Il-parteċipazzjoni fl-għoti ta’ kuntratti ta’ akkwist jew ta’ għotja ffinanzjati minn programm tematiku kif definit fl-Artikoli 11 sa 16, u l-programmi stabbiliti fl-Artikoli 17 u 17a, għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi kollha li huma ċittadini ta’ pajjiż li qiegħed jiżviluppa jew għall-persuni legali li huma stabbiliti fih, kif speċifikat mill-OECD/DAC u fl-Anness II, flimkien ma’ persuni fiżiċi jew legali eliġibbli permezz tal-programm tematiku jew il-programmi stipulati fl-Artikoli 17 u 17a. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna l-Anness II f’konformità mar-reviżjonijiet regolari tal-lista tar-riċevituri ta’ għajnuna tal-OECD/DAC, u għandha tgħarraf lill-Kunsill b’dan.”;

    (6)

    Fl-Artikolu 38, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   L-ammont finanzjarju ta’ referenza għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tul il-perjodu 2007-2013 huwa EUR 17 087 000 000.

    2.   L-ammonti indikattivi allokati għal kull programm imsemmi fl-Artikoli 5 sa 10 u 11 sa 16 u 17 sa 17a huma stabbiliti fl-Anness IV. Dawn l-ammonti ġew stabbiliti għall-perjodu 2007-2013.”;

    (7)

    Għandu jiddaħħal l-Anness IIIa, kif jidher fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

    (8)

    L-Anness IV huwa sostitwit bil-kontenut tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Diċembru 2011.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BUZEK

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. SZPUNAR


    (1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-10 ta’ Diċembru 2010 (ĠU C 7 E, 12.1.2011, p. 17). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Frar 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Ir-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ Diċembru 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2011.

    (2)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.

    (3)  ĠU L 286, 5.11.1994, p. 1.

    (4)  ĠU L 108, 27.4.1999, p. 2.

    (5)  ĠU L 190, 23.7.1999, p. 14.

    (6)  ĠU L 141, 9.6.2010, p. 3.


    ANNESS I

    “ANNESS IIIa

    IL-PAJJIŻI PRINĊIPALI TAL-AKP LI JFORNU L-BANANA

    1.

    Beliże

    2.

    Kamerun

    3.

    Côte d’Ivoire

    4.

    Dominika

    5.

    Repubblika Dominikana

    6.

    Gana

    7.

    Ġamajka

    8.

    Santa Lucija

    9.

    St. Vincent u l-Grenadines

    10.

    Is-Surinam”.


    ANNESS II

    “ANNESS IV

    ALLOKAZZJONIJIET FINANZJARJI INDIKATTIVI GĦALL-PERJODU 2007-2013

    (f’miljuni ta’ EUR)

    Total

    17 087

    Programmi ġeografiċi:

    10 057

    Amerika Latina

    2 690

    l-Asja

    5 187

    Asja Ċentrali

    719

    Il-Lvant Nofsani

    481

    l-Afrika t’Isfel

    980

    Programmi tematiċi:

    5 596

    Investiment fin-nies

    1 060

    Ambjent u ġestjoni sostenibbli ta’ riżorsi naturali

    804

    Atturi mhux Statali u l-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp

    1 639

    Sigurtà tal-provvista tal-ikel

    1 709

    Migrazzjoni u asil

    384

    Il-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor tal-AKP:

    1 244

    Il-pajjiżi prinċipali tal-AKP li jfornu l-banana

    190 ”


    DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI GĦALL-PROGRAMM TAL-MIŻURI TA' AKKUMPANJAMENT TAS-SETTUR TAL-BANANA (BAM) FL-ISTRUMENT TAL-KOOPERAZZJONI GĦALL-IŻVILUPP (DCI)

    Fil-każ speċifiku tal-Miżuri ta' Akkumpanjament tas-settur tal-Banana (BAM) u fil-perspettiva tal-loġika u l-objettivi tal-programm kif stabbilit fl-Artikolu 17a tal-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), il-Kummissjoni Ewropea tikkonferma li, fid-determinazzjoni tal-allokazzjonijiet indikattivi skont il-pajjiż, hija ser tapplika metodoloġija b'mod objettiv u uniformi li tieħu kont tal-importanza tas-settur tal-banana u tar-realtajiet ekonomiċi u ta' żvilupp ta' kull pajjiż benefiċjarju eliġibbli.

    Il-Kummissjoni tiddikjara li biħsiebha tapplika metodoloġija li tagħti bejn wieħed u ieħor l-istess importanza lill-ewwel żewġ kriterji, filwaqt li t-tielet kriterju għandu jintuża bħala koeffiċjent tal-iżvilupp. L-objettiv ta' din il-metodoloġija huwa li tingħata importanza ekwivalenti fil-pajjiżi benefiċjarji kollha għal-livell tagħhom ta' kummerċ tal-banana mal-Unjoni Ewropea u l-importanza tal-esportazzjonijiet tal-banana lejn l-Unjoni għall-ekonomiji ta' kull pajjiż benefiċjarju.: il-livell ta' kummerċ tal-banana mal-Unjoni Ewropea u l-importanza tal-esportazzjonijiet tal-banana lejn l-Unjoni fl-ekonomija ta' kull pajjiż benefiċjarju. Il-livell ta' żvilupp relattiv għandu jservi ta' bażi għall-allokazzjonijiet favur pajjiżi b'livelli ta' żvilupp aktar baxxi, konformement mal-objettivi ta' żvilupp tal-Unjoni kif stabbiliti fit-Trattati u d-DCI.


    DIKJARAZZJONI MILL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL DWAR L-UŻU TAL-ATTI DELEGATI FIL-QAFAS FINANZJARJU PLURIENNALI (MFF) FUTUR GĦALL-2014-2020

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jieħdu nota tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Baġit għall-istrateġija Ewropa 2020" (COM (2011) 500 (1)), b'mod partikolari fir-rigward tal-użu propost tal-atti delegati fl-istrumenti futuri ta' finanzjament estern u jistennew il-proposti leġiżlattivi, li għandhom ikunu debitament ikkunsidrati.


    (1)  Fil-Komunikazzjoni intitolata "Baġit għall-istrateġija Ewropa 2020" (COM (2011) 500), il-Kummissjoni tiddikjara li:

    "Barra minn hekk, il-bażijiet legali futuri għall-istrumenti differenti se jipproponu l-użu estensiv ta’ atti delegati biex jippermettu li jkun hemm aktar flessibbiltà fil-ġestjoni tal-politiki matul il-perjodu ta’ finanzjament, filwaqt li jiġu rrispettati l-prerogattivi taż-żewġ fergħat tal-leġiżlatur."

    kif ukoll

    "Qiegħed jitqies biex jiżdied l-iskrutinju demokratiku tal-għajnuna esterna. Dan jista’ jinkiseb bl-użu ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għal ċerti aspetti tal-programm, mhux biss jitpoġġew il-koleġiżlaturi fuq livell ekwu iżda tiġi ggarantita wkoll aktar flessibbiltà fl-ipprogrammar. Għall-FEŻ, qiegħed jiġi propost li l-iskrutinju jinġab fuq l-istess livell mad-DCI, filwqat li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ dan l-istrument."


    Top