Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0789

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 789/2011 tal- 5 ta’ Awwissu 2011 li jiftaħ il-proċedura għall-allokazzjoni tal-liċenzji tal-esportazzjoni għall-ġobon li għandu jiġi esportat lejn l-Istati Uniti tal-Amerika fl-2012 skont ċerti kwoti tal-GATT

    ĠU L 203, 6.8.2011, p. 26–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2012

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/789/oj

    6.8.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 203/26


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 789/2011

    tal-5 ta’ Awwissu 2011

    li jiftaħ il-proċedura għall-allokazzjoni tal-liċenzji tal-esportazzjoni għall-ġobon li għandu jiġi esportat lejn l-Istati Uniti tal-Amerika fl-2012 skont ċerti kwoti tal-GATT

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 171(1) flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    It-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1187/2009 tas-27 ta’ Novembru 2009 li jistipula regoli dettaljati speċjali għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-liċenzji tal-esportazzjoni u r-rifużjonijiet tal-esportazzjoni għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (2) tistipula li l-liċenzji tal-esportazzjoni għall-ġobon esportat lejn l-Istati Uniti tal-Amerika bħala parti mill-kwoti li jaqgħu taħt il-ftehimiet konklużi waqt in-negozjati dwar il-kummerċ multilaterali jistgħu jiġu allokati skont proċedura speċjali li permezz tagħha jistgħu jiġu nnominati importaturi ppreferuti fl-Istati Uniti tal-Amerika.

    (2)

    Dik il-proċedura għandha tinfetaħ għall-esportazzjonijiet li jsiru matul l-2012 u għandhom jiġu stabbiliti r-regoli addizzjonali relatati magħha.

    (3)

    Fl-amministrazzjoni tal-importazzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Uniti tal-Amerika jagħmlu distinzjoni bejn il-kwota addizzjonali mogħtija lill-Unjoni Ewropea skont l-Assemblea tal-Urugwaj u l-kwoti li jirriżultaw mill-Assemblea ta' Tokjo. Il-liċenzji tal-esportazzjoni għandhom jiġu allokati billi titqies l-eliġibbiltà ta’ dawk il-prodotti għall-kwota tal-Istati Uniti tal-Amerika kkonċernata kif deskritt fl-Iskeda tat-Tariffi Armonizzati tal-Istati Uniti tal-Amerika.

    (4)

    Sabiex tiġi esportata l-kwantità massima taħt il-kwoti li għalihom hemm interess moderat, għandhom jiġu permessi applikazzjonijiet li jkopru l-kwantità kollha tal-kwota.

    (5)

    Il-Kummissjoni żviluppat sistema ta' informazzjoni li tippermettilha timmaniġġja b'mod elettroniku dokumenti u proċeduri fi ħdan il-proċeduri interni ta' ħidma tagħha u fir-relazzjonijiet tagħha mal-awtoritajiet involuti fil-politika agrikola komuni. Huwa kkunsidrat li n-notifiki pprovduti fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1187/2009 u f'dan ir-Regolament jistgħu jiġu ssodisfati permezz ta' dik is-sistema skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-iktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (3). Fl-interess ta' amministrazzjoni effiċjenti, l-Istati Membri għandhom jużaw dik is-sistema ta' informazzjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009.

    (6)

    Għal raġunijiet ta' ċarezza u ta’ ċertezza legali, għandu jiġi stabbilit li l-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament ma jibqgħux japplikaw fi tmiem l-2012.

    (7)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-liċenzji tal-esportazzjoni għall-prodotti li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi tan-NM bin-numru 0406 u li huma elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament li jkunu se jiġu esportati lejn l-Istati Uniti tal-Amerika fl-2012 taħt il-kwoti msemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1187/2009 għandhom jinħarġu skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu III ta' dak ir-Regolament u skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    1.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji msemmija fl-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1187/2009 (minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-applikazzjonijiet") għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti mill-1 sa mhux iktar tard mid-9 ta' Settembru 2011.

    2.   L-applikazzjonijiet għandhom ikunu ammissibbli biss jekk ikun fihom l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1187/2009 u jekk ikollhom magħhom id-dokumenti msemmija fih.

    Fejn, għall-istess grupp ta' prodotti msemmi fil-kolonna 2 tal-Anness I għal dan ir-Regolament, il-kwantità disponibbli tkun maqsuma bejn il-kwota tal-Assemblea tal-Urugwaj u l-kwota tal-Assemblea ta' Tokjo, l-applikazzjonijiet għal-liċenzji jistgħu jkopru biss waħda minn dawk il-kwoti u għandhom jindikaw il-kwota kkonċernata billi jispeċifikaw l-identifikazzjoni tal-grupp u tal-kwota indikata fil-kolonna 3 ta' dak l-Anness.

    L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1187/2009 għandha tiġi ppreżentata skont il-mudell stabbilit fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

    3.   Fir-rigward tal-kwoti identifikati bil-kodiċijiet “22-Tokjo”, “22-Urugwaj”, “25-Tokjo” u “25-Urugwaj” fil-kolonna 3 tal-Anness I, l-applikazzjonijiet għandhom ikopru tal-anqas 10 tunnellati u ma għandhomx jaqbżu l-kwantità disponibbli taħt il-kwota kkonċernata stipulata fil-kolonna 4 ta' dak l-Anness.

    Fir-rigward tal-kwoti l-oħra indikati fil-kolonna 3 tal-Anness I, l-applikazzjonijiet għandhom ikopru tal-anqas 10 tunnellati u mhux iktar minn 40 % tal-kwantità disponibbli taħt il-kwota kkonċernata stipulata fil-kolonna 4 ta' dak l-Anness.

    4.   L-applikazzjonijiet għandhom ikunu ammissibbli biss jekk l-applikanti jiddikjaraw bil-miktub li ma ressqu l-ebda applikazzjoni oħra għall-istess grupp ta' prodotti u għall-istess kwota u jekk huma jimpenjaw irwieħhom li ma jagħmlux dan.

    Jekk applikant iressaq diversi applikazzjonijiet għall-istess grupp ta' prodotti u għall-istess kwota fi Stat Membru wieħed jew iktar, l-applikazzjonijiet kollha tiegħu għandhom jitqiesu bħala inammissibbli.

    Artikolu 3

    1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sa mhux iktar tard mis-16 ta' Settembru, bl-applikazzjonijiet imressqa għal kull grupp ta' prodotti u, fejn ikun applikabbli, għall-kwoti indikati fl-Anness I.

    In-notifiki kollha, inklużi n-notifiki li ma saret l-ebda applikazzjoni, għandhom isiru skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009.

    2.   In-notifika għandha tinkludi, għal kull grupp u, fejn ikun applikabbli, għal kull kwota:

    (a)

    lista tal-applikanti, isimhom, l-indirizz u (in-numru ta') referenza tagħhom;

    (b)

    il-kwantitajiet li kull applikant ikun applika għalihom, imqassma skont il-kodiċi tal-prodott mogħti fin-Nomenklatura Magħquda u skont il-kodiċi tagħhom f'konformità mal-Iskeda tat-Tariffi Armonizzati tal-Istati Uniti tal-Amerika (tal-2011);

    (c)

    l-isem, l-indirizz u (in-numru ta') referenza tal-importatur innominat mill-applikant.

    Artikolu 4

    Skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1187/2009, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tal-liċenzji mingħajr dewmien u għandha tinnotifika lill-Istati Membri dwar dan sa mhux iktar tard mill-31 ta' Ottubru 2011.

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta jiġu ppubblikati l-koeffiċjenti tal-allokazzjoni, għal kull grupp, u fejn ikun applikabbli, għal kull kwota, il-kwantitajiet allokati għal kull applikant, il-kodiċi tal-prodott, (in-numru ta') referenza tal-applikant u (in-numru ta') referenza tal-importatur innominat, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1187/2009.

    Il-kwantitajiet allokati bix-xorti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1187/2009 għandhom jitqassmu bejn il-kodiċijiet individwali tan-NM b’mod li jkun proporzjonat mal-kwantitajiet tal-prodotti li tkun saret applikazzjoni għalihom, imqassmin skont il-kodiċijiet tan-NM tagħhom.

    In-notifiki għandhom isiru skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009.

    Artikolu 5

    L-informazzjoni nnotifikata skont l-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament u skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1187/2009 għandha tkun ivverifikata mill-Istati Membri qabel ma jinħarġu l-liċenzji u sa mhux iktar tard mill-15 ta' Diċembru 2011.

    Jekk jinstab li operatur li nħarġitlu liċenzja jkun ipprovda informazzjoni żbaljata, il-liċenzja għandha titħassar u tintilef il-garanzija. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan mingħajr dewmien. In-notifika għandha ssir skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009 u għandha tinkludi, għal kull grupp u, fejn ikun applikabbli, għal kull kwota:

    (a)

    (in-numru ta') referenza tal-applikant;

    (b)

    il-kwantitajiet li kull applikant ikun applika għalihom, imqassma skont il-kodiċi tal-prodott mogħti fin-Nomenklatura Magħquda u skont il-kodiċi tagħhom f'konformità mal-Iskeda tat-Tariffi Armonizzati tal-Istati Uniti tal-Amerika (tal-2011);

    (c)

    (in-numru ta') referenza tal-importatur innominat.

    Artikolu 6

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2012.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Awwissu 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 318, 4.12.2009, p. 1.

    (3)  ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3.


    ANNESS I

    Ġobon li għandu jiġi esportat lejn l-Istati Uniti tal-Amerika fl-2012 skont ċerti kwoti tal-GATT

    It-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1187/2009 u r-Regolament (UE) Nru 789/2011

    L-identifikazzjoni tal-grupp skont in-Noti Addizzjonali mogħtija fil-Kapitolu 4 tal-Iskeda tat-Tariffi Armonizzati tal-Istati Uniti tal-Amerika

    Identifikazzjoni tal-grupp u tal-kwota

    Il-kwantità disponibbli għall-2012

    Nota bin-numru

    Grupp

     

    F’kg

    (1)

    (2)

    (3)

    (4)

    16

    Grupp li m’hemmx dispożizzjoni speċifika dwaru

    16-Tokjo

    908 877

    16-Urugwaj

    3 446 000

    17

    Ġobon tat-tursina

    17-Urugwaj

    350 000

    18

    Ġobon ċedar

    18-Urugwaj

    1 050 000

    20

    Ġobon tal-boċċa/ġobon ta’ Guda

    20-Urugwaj

    1 100 000

    21

    Ġobon tat-tip Taljan

    21-Urugwaj

    2 025 000

    22

    Ġobon tax-xkora barra dak bit-toqob

    22-Tokjo

    393 006

    22-Urugwaj

    380 000

    25

    Ġobon tax-xkora bit-toqob

    25-Tokjo

    4 003 172

    25-Urugwaj

    2 420 000


    ANNESS II

    Preżentazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 22 tar-regolament (KE) Nru 1187/2009

    L-identifikazzjoni tal-grupp u tal-kwota msemmija fil-kolonna 3 tal-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 789/2011:

     

    L-isem tal-grupp indikat fil-kolonna 2 tal-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 789/2011: …

    Oriġini tal-kwota:

    L-Assemblea tal-Urugwaj: 

    L-Assemblea ta' Tokjo: 


    Isem/indirizz tal-applikant

    Kodiċi tal-prodott mogħti fin-Nomenklatura Magħquda

    Kwantità li saret applikazzjoni għaliha f'kg

    Kodiċi mogħti fl-Iskeda tat-Tariffi Armonizzati

    tal-Istati Uniti tal-Amerika

    Isem/indirizz tal-importatur innominat

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

    Total:

     

     


    Top