Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0655

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 655/2011 tat- 28 ta’ Ġunju 2011 li jtemm il-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ kumarina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    ĠU L 180, 8.7.2011, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/655/oj

    8.7.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 180/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 655/2011

    tat-28 ta’ Ġunju 2011

    li jtemm il-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ kumarina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikoli 9 u 11(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara li kkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    1.1.   Miżuri fis-seħħ

    (1)

    Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 654/2008 (2) fuq importazzjonijiet ta’ kumarina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ kumarina kkonsenjati mill-Indja, mit-Tajlandja, mill-Indoneżja u mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja, mit-Tajlandja, mill-Indoneżja u mill-Malasja kif ukoll jekk le, u impenn aċċettat minn produttur Indjan wieħed (Atlas Fine Chemicals Pvt. Ltd) (3).

    1.2.   Raġunijiet għar-reviżjoni

    (2)

    Il-Kummissjoni ġiet infurmata li l-uniku produttur tal-kumarina, li jikkostitwixxi l-industrija tal-Unjoni fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri eżistenti, iddeċieda li jwaqqaf il-produzzjoni tal-kumarina fl-Unjoni fl-aħħar ta’ Awwissu 2010.

    1.3.   Bidu

    (3)

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, tat bidu, permezz ta’ nota ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4), għal reviżjoni interim parzjali limitata għall-aspetti ta’ ħsara tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ kumarina li toriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ kumarina konsenjati mill-Indja, mit-Tajlandja, mill-Indoneżja u mill-Malasja, kemm jekk dikjarati li joriġinaw mill-Indja, mit-Tajlandja, mill-Indoneżja u mill-Malasja kif ukoll jekk le.

    (4)

    Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-produtturi tal-Unjoni u lir-rappreżentanti tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina bil-bidu tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż ta’ bidu.

    1.4.   Il-prodott rivedut

    (5)

    Il-prodott taħt reviżjoni huwa kumarina, li toriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li bħalissa huwa klassifikabbli fi ħdan il-kodiċi NM ex 2932 21 00 (“il-prodott ikkonċernat”).

    2.   SEJBIET U TMIEM IL-PROĊEDIMENT

    (6)

    L-investigazzjoni kkonfermat li l-uniku produttur tal-Unjoni tal-prodott ikkonċernat għalaq permanentement il-faċilità ta’ produzzjoni tiegħu f'Awwissu 2010.

    (7)

    Il-Kummissjoni tqis li l-proċediment attwali għandu jitwaqqaf peress li l-investigazzjoni tar-reviżjoni ma sabet l-ebda kunsiderazzjoni li turi li dan it-tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b'dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma tressqu l-ebda kummenti li jindikaw li dan it-tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

    (8)

    Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni għandu jintemm.

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-miżuri anti-dumping li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ kumarina li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2932 21 00 u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiżi għall-importazzjonijiet konsenjati mill-Indja, it-Tajlandja, l-Indoneżja u l-Malasja, sew jekk ikunu ddikjarati bħala li joriġinaw mill-Indja, it-Tajlandja, l-Indoneżja u l-Malasja u sew jekk le, huma b'dan revokati u l-proċediment li jikkonċerna dawn l-importazzjonijiet huwa mitmum.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Ġunju 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    FAZEKAS S.


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 183, 11.7.2008, p. 1.

    (3)  ĠU L 1, 4.1.2005, p. 15.

    (4)  ĠU C 299, 5.11.2010, p. 4.


    Top