Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0511

    Regolament (UE) Nru 511/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta l-klawsola ta’ salvagwardja bilaterali tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea

    ĠU L 145, 31.5.2011, p. 19–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/511/oj

    31.5.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 145/19


    REGOLAMENT (UE) Nru 511/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-11 ta’ Mejju 2011

    li jimplimenta l-klawsola ta’ salvagwardja bilaterali tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz ta’ att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Fit-23 ta’ April 2007, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għal ftehim ta’ kummerċ ħieles mar-Repubblika tal-Korea (“il-Korea”) f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

    (2)

    Dawk in-negozjati ġew fi tmiemhom u l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”) ġie ffirmat fis-6 ta’ Ottubru 2010 (2), irċieva l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fis-17 ta’ Frar 2011 (3) u ser japplika kif previst fl-Artikolu 15.10 tal-Ftehim.

    (3)

    Jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri għall-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jirrigwardaw is-salvagwardji.

    (4)

    It-termini “dannu serju”, “theddida ta' dannu serju” u “perijodu tranżitorju” kif imsemmija fl-Artikolu 3.5 tal-Ftehim għandhom jiġu ddefiniti.

    (5)

    Jistgħu jitqiesu miżuri ta’ salvagwardja biss jekk il-prodott ikkonċernat jiġi importat fl-Unjoni fi kwantitajiet daqstant ikbar min-normal u taħt tali kondizzjonijiet li jikkawża, jew jhedded li jikkawża, dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jkunu f’kompetizzjoni diretta kif stabbilit fl-Artikolu 3.1 tal-Ftehim.

    (6)

    Il-miżuri ta’ salvagwardja għandhom ikunu minn fost dawk it-tipi msemmija fl-Artikolu 3.1 tal-Ftehim.

    (7)

    Il-kompiti ta’ segwitu u rieżami tal-Ftehim u, jekk ikun meħtieġ, l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja għandhom isiru bl-aktar mod trasparenti possibbli.

    (8)

    Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport darba kull sena dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim u l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja.

    (9)

    Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-ftuħ tal-proċedimenti. Il-Kummissjoni għandha tirċievi tagħrif inkluża l-evidenza disponibbli mill-Istati Membri dwar kwalunkwe xejra fl-importazzjonijiet li tista’ teħtieġ l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja.

    (10)

    L-affidibilità tal-istatistika dwar l-importazzjonijiet kollha mill-Korea għall-Unjoni għalhekk hija kruċjali biex jiġi stabbilit jekk ġewx sodisfatti l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja.

    (11)

    F’xi każi, żieda fl-importazzjonijiet konċentrata fi Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri tista’ waħedha tikkawża jew thedded li tikkawża dannu serju lill-industrija tal-Unjoni. Fil-każ li jkun hemm żieda fl-importazzjonijiet konċentrata fi Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri, il-Kummissjoni tista’ tintroduċi miżuri ta’ sorveljanza preventivi. Il-Kummissjoni tikkunsidra bis-sħiħ kif il-prodott soġġett għal investigazzjoni, u konsegwentement l-industrija tal-Unjoni li tipproduċi prodott simili, tista’ tiġi definita b’tali mod li jipprovdi għal remedju effettiv, filwaqt li jiġu osservati bis-sħiħ il-kriterji skont dan ir-Regolament u l-Ftehim.

    (12)

    Jekk ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie biex jiġi ġġustifikat il-ftuħ ta’ proċediment, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż kif previst fl-Artikolu 3.2.2 tal-Ftehim f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (13)

    Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet, l-aċċess għat-tagħrif miġbur u l-ispezzjonijiet imwettqa mill-partijiet interessati, seduti ta’ smigħ għall-partijiet involuti u l-opportunitajiet għal dawk il-partijiet biex iressqu l-fehmiet tagħhom kif previst fl-Artikolu 3.2.2 tal-Ftehim.

    (14)

    Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Korea bil-miktub dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni u tikkonsulta mal-Korea kif previst fl-Artikolu 3.2.1 tal-Ftehim.

    (15)

    Huwa wkoll meħtieġ, skont l-Artikoli 3.2 u 3.3 tal-Ftehim, li jiġu stabbiliti l-limiti ta’ żmien għall-ftuħ tal-investigazzjonijiet u għal konsiderazzjonijiet dwar jekk il-miżuri humiex xierqa jew le, bil-ħsieb li jiġi żgurat li dawn il-konsiderazzjonijiet isiru malajr, sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

    (16)

    Għandu jkun hemm investigazzjoni qabel l-applikazzjoni ta’ xi miżura ta’ salvagwardja, bir-riżerva li l-Kummissjoni titħalla tapplika miżuri provviżorji f’ċirkostanzi kritiċi kif imsemmi fl-Artikolu 3.3 tal-Ftehim.

    (17)

    Miżuri ta’ salvagwardja għandhom jiġu applikati biss sa fejn, u għal tant żmien, kif jista’ jinħtieġ biex ma jsirx dannu serju u jiġi ffaċilitat l-aġġustament. It-tul ta’ żmien massimu tal-miżuri ta’ salvagwardja għandu jkun iddeterminat u għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-estensjoni u r-rieżami ta’ dawn il-miżuri, kif imsemmi fl-Artikolu 3.2.5 tal-Ftehim.

    (18)

    Il-monitoraġġ mill-qrib jiffaċilita kwalunkwe deċiżjoni f’waqtha dwar il-ftuħ possibbli ta’ investigazzjoni jew l-impożizzjoni ta’ miżuri. Il-Kummissjoni, għalhekk, għandha timmonitorja b’mod regolari l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet f’setturi sensittivi mid-data ta’ applikazzjoni tal-Ftehim.

    (19)

    Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti proċeduri marbutin mal-applikazzjoni tal-Artikolu 14 (Ir-Rifużjoni ta’ Dazji, jew l-Eżenzjoni minnhom) tal-Protokoll dwar id-definizzjoni ta’ “Prodotti Oriġinarji” u Metodi ta’ Kooperazzjoni Amministrattiva (“il-Protokoll dwar ir-Regoli tal-Oriġini”) tal-Ftehim biex tkun żgurata l-operazzjoni effettiva tal-mekkaniżmi previsti fih u biex ikun hemm provvediment għal skambju komprensiv ta’ tagħrif mal-partijiet interessati rilevanti.

    (20)

    Peress li mhux ser ikun possibbli li r-rifużjoni ta’ dazji doganali tiġi limitata qabel ħames snin wara li jidħol fis-seħħ il-Ftehim, jista’ jkun meħtieġ, fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament, li jiġu imposti miżuri ta’ salvagwardja bħala reazzjoni għal dannu serju jew theddida ta’ dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni li jkun ikkawżat mill-fatt li l-importazzjonijiet jibbenefikaw mir-rifużjoni tad-dazji jew mill-eżenzjoni mid-dazj doganalii. F’tali proċediment, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-fatturi rilevanti kollha li jkollhom effett fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, inklużi l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 14.2.1 tal-Protokoll dwar ir-Regoli tal-Oriġini. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-istatistika Koreana għal setturi sensittivi li jkunu potenzjalment milquta mir-rifużjoni tad-dazji mid-data ta’ applikazzjoni tal-Ftehim.

    (21)

    Għalhekk, mid-data ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha wkoll timmonitorja partikolarment mill-qrib, speċjalment f’setturi sensittivi, l-istatistika li turi l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet lejn u l-esportazzjonijiet mir-Repubblika tal-Korea.

    (22)

    Il-miżuri definittivi ta’ salvagwardja adottati skont dan ir-Regolament jistgħu jissemmew mill-Istati Membri fl-applikazzjonijiet għal kontribuzzjonijiet finanzjarji taħt ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (4).

    (23)

    L-implimentazzjoni tal-klawsola ta’ salvagwardja bilaterali tal-Ftehim teżiġi kundizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja provviżorji u definittivi, għall-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ sorveljanza preventivi, u għat-tmiem ta’ investigazzjoni mingħajr miżuri. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzji tal-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (5).

    (24)

    Huwa xieraq li l-proċedura konsultattiva tintuża għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ sorveljanza u dawk provviżorji minħabba l-effetti ta’ dawn il-miżuri u l-loġika sekwenzjali tagħhom f’rabta mal-adozzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja definittivi. Meta dewmien fl-impożizzjoni tal-miżuri jkun jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa hu meħtieġ li l-Kummissjoni titħalla tadotta minnufih il-miżuri provviżorji applikabbli.

    (25)

    Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni jew fil-Korea,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

    (a)

    “prodotti” tfisser oġġetti li joriġinaw fl-Unjoni jew fil-Korea. Prodott soġġett għal investigazzjoni jista’ jkopri linja tariffarja waħda jew diversi linji tariffarji jew subsegment tagħhom skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-suq, jew kwalunkwe segmentazzjoni tal-prodott li tkun applikata b’mod komuni fl-industrija tal-Unjoni;

    (b)

    “partijiet interessati” tfisser il-partijiet milquta mill-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat;

    (c)

    “industrija tal-Unjoni” tfisser il-produtturi tal-Unjoni kollha kemm hi ta’ prodotti simili jew ta’ prodotti f’kompetizzjoni diretta, li jkunu joperaw fit-territorju tal-Unjoni, jew dawk il-produtturi tal-Unjoni li l-produttività kollettiva tagħhom ta’ prodotti simili jew ta’ prodotti f’kompetizzjoni diretta tikkostitwixxi proporzjon ewlieni tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ dawk il-prodotti. Fil-każi fejn prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta jkun biss wieħed minn fost diversi prodotti magħmulin minn produtturi li jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni, l-industrija għandha tkun definita bhala l-operazzjonijiet speċifiċi li huma involuti fil-produzzjoni tal-prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta;

    (d)

    “dannu serju” tfisser ħsara ġenerali sinifikanti fil-pożizzjoni tal-produtturi tal-Unjoni;

    (e)

    “theddida ta’ dannu serju” tfisser dannu serju li jkun imminenti b’mod ċar. Determinazzjoni tal-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu serju għandha tkun ibbażata fuq fatti verifikabbli u mhux sempliċement fuq allegazzjoni, konġentura jew possibbiltà remota. It-tbassir, l-istimi u l-analiżijiet magħmulin fuq il-bażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 5(5), għandhom, inter alia, jiġu kkunsidrati sabiex tiġi determinata l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu serju;

    (f)

    “perijodu ta’ transizzjoni” tfisser, għal prodott, il-perijodu mid-data ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, kif previst fl-Artikolu 15.10 tiegħu, sa għaxar snin mid-data ta’ tlestija tat-tneħijja jew tnaqqis tat-tariffi, skont kif ikun il-każ għal kull prodott.

    Artikolu 2

    Prinċipji

    1.   Miżura ta’ salvagwardja tista’ tiġi imposta f’konformità ma’ dan ir-Regolament fejn prodott li joriġina fil-Korea, bħala riżultat tat-tnaqqis jew it-tneħħija tad-dazji fuq dan il-prodott, jiġi importat fl-Unjoni fi kwantitajiet tant ikbar min-normal, f’termini assoluti jew relattivi mal-produzzjoni tal-Unjoni, u taħt kondizzjonijiet tali li jikkawża jew jhedded li jikkawża dannu serju lill-industrija tal-Unjoni li tipproduċi prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta.

    2.   Il-miżuri ta’ salvagwardja jistgħu jieħdu waħda mill-forom li ġejjin:

    (a)

    is-sospensjoni ta’ tnaqqis ulterjuri tar-rata tad-dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat previst skont il-Ftehim; jew

    (b)

    żieda tar-rata ta’ dazju doganali fuq il-prodott sa livell li ma jaqbiżx l-inqas minn dawn:

    ir-rata applikata ta’ dazju doganali tan-nazzjon l-aktar iffavorit (“MFN”) fuq il-prodott li tkun effettiva fiż-żmien meta tittieħed il-miżura; jew

    ir-rata ta’ bażi tad-dazju doganali speċifikata fl-Iskedi fl-Anness 2-A tal-Ftehim skont l-Artikolu 2.5.2 tal-Ftehim.

    Artikolu 3

    Monitoraġġ

    1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-evoluzzjoni tal-istatistika dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-prodotti Koreani f’setturi sensittivi li jkunu potenzjalment milquta mir-rifużjoni tad-dazji mid-data ta’ applikazzjoni tal-Ftehim u għandha tikkoopera u tiskambja data fuq bażi regolari mal-Istati Membri u l-industrija tal-Unjoni.

    2.   Fuq talba debitament iġġustifikata mill-industriji kkonċernati, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li twessa’ l-ambitu tal-monitoraġġ għal setturi oħra.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ monitoraġġ annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istatistika aġġornata dwar l-importazzjonijiet mill-Korea ta’ prodotti fis-setturi sensittivi u dawk is-setturi li l-monitoraġġ ikun twessa’ għalihom.

    4.   Għal perijodu ta’ ħames snin mid-data meta jibda japplika l-Ftehim u fuq talba debitament motivata mill-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lil kwalunkwe żieda fl-importazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti sensittivi mitmuma li joriġinaw fil-Korea meta tali żieda tkun attribwibbli għal użu akbar ta’ partijiet jew komponenti importati lejn il-Korea minn pajjiżi terzi li ma jkunux ikkonkludew ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Unjoni u li huma koperti mid-dispożizzjonijiet dwar ir-rifużjoni tad-dazji doganali jew l-eżenzjoni mid-dazji doganali.

    5.   Għall-finijiet tal-paragrafu 4, għallinqas dawn il-prodotti li ġejjin għandhom jitqiesu bħala inklużi fil-kategorija ta’ prodotti sensittivi: tessuti u ħwejjeġ (SA 2007 intestaturi 5204, 5205, 5206, 5207, 5408, 5508, 5509, 5510, 5511), tagħmir elettroniku għall-konsumatur (SA 2007 intestaturi 8521, 8528), karozzi tal-passiġġieri (SA 2007 intestaturi 870321, 870322, 870323, 870324, 870331, 870332, 870333) u anke dawk inklużi fil-lista addizzjonali mfassla f’konformita mal-Artikolu 11.

    Artikolu 4

    Il-ftuħ tal-proċedimenti

    1.   Investigazzjoni għandha tinfetaħ fuq talba ta’ Stat Membru, minn kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li tkun qed taġixxi f’isem l-industrija tal-Unjoni, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jekk il-Kummissjoni jidhrilha li hemm biżżejjed evidenza prima facie, kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 5(5), li tiġġustifika tali ftuħ.

    2.   It-talba għall-ftuħ ta’ investigazzjoni għandha tinkludi evidenza li l-kondizzjonijiet biex tiġi imposta l-miżura ta’ salvagwardja stipulata fl-Artikolu 2(1) ikunu ġew sodisfatti. It-talba għandha ġeneralment tinkludi it-tagħrif li ġej: ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f’termini assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud minn importazzjonijiet miżjuda, il-bidliet fil-livell ta’ bejgħ, produzzjoni, produttività, użu tal-kapaċità, qligħ u telf, u impiegi.

    Tista’ tiġi inzjata wkoll investigazzjoni fil-każ li jkun hemm żieda qawwija tal-importazzjonijiet ikkonċentrati fi Stat Membru wieħed jew f’diversi Stati Membri, bil-kondizzjoni li jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-kondizzjonijiet għall-ftuħ ikunu ġew sodisfatti, kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 5(5).

    3.   Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni f’każ li x-xejriet fl-importazzjonijiet mill-Korea jidhru li jirrikjedu miżuri ta’ salvagwardja. Dan it-tagħrif għandu jinkludi l-evidenza disponibbli kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 5(5). Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dan it-tagħrif lill-Istati Membri kollha.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri minnufih jekk tirċievi talba skont il-paragrafu 1 jew jekk il-Kummissjoni tikkunsidra l-ftuħ ta’ investigazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess. Il-konsultazzjoni mal-Istati Membri għandha sseħħ fi żmien tmint ijiem tax-xogħol minn meta l-Kummissjoni tibgħat it-talba jew l-informazzjoni, kif previst fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu rispettivament, fi ħdan il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 14. Meta, wara l-konsultazzjoni, ikun jidher li hemm biżżejjed evidenza prima facie kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 5(5) li tiġġustifika ftuħ ta’ proċediment il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-ftuħ għandu jseħħ fi żmien xahar minn meta tirċievi t-talba skont il-paragrafu 1.

    5.   L-avviż imsemmi fil-paragrafu 4 għandu:

    (a)

    jagħti sommarju tat-tagħrif li jasal, u jeżiġi li t-tagħrif rilevanti kollu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni;

    (b)

    jiddikjara l-perijodu ta’ żmien li fih il-partijiet interessati jgħarrfu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw it-tagħrif, jekk iridu li dawn il-fehmiet u t-tagħrif jitqiesu matul l-investigazzjoni;

    (c)

    jiddikjara l-perijodu ta’ żmien li fih il-partijiet interessati jistgħu japplikaw biex jinstemgħu oralment mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 5(9).

    6.   L-evidenza li tinġabar għall-iskop tal-ftuħ tal-proċedimenti f’konformità mal-Artikolu 14.2 tal-Protokoll dwar ir-Regoli ta’ Oriġini tista’ tintuża wkoll f’investigazzjonijiet li jkollhom l-iskop li jimponu miżuri ta’ salvagwardja meta l-kondizzjonijiet stipulati f’dan l-artikolu jkunu ġew sodisfatti, b’mod partikolari matul l-ewwel perijodu ta’ ħames snin wara d-data meta jibda japplika l-Ftehim.

    Artikolu 5

    L-investigazzjoni

    1.   Wara l-ftuħ tal-proċediment, il-Kummissjoni għandha tibda investigazzjoni. Il-perjodu kif stipulat fil-paragrafu 3 għandu jibda fil-jum li d-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-investigazzjoni tkun ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Il-Kummissjoni tista’ titlob li l-Istati Membri jipprovdu tagħrif u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jissodisfaw tali talba. Jekk dan it-tagħrif ikun ta’ interess ġenerali u ma jkunx kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 12, għandu jiżdied mal-fajls mhux kunfidenzjali kif previst fil-paragrafu 8.

    3.   L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, fejn ikun possibbli, fi żmien sitt xhur mill-iftuħ tagħha. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż b’perijodu addizzjonali ta’ tliet xhur f’ċirkostanzi eċċezzjonali bħall-involviment ta’ numru aktar għoli mis-soltu ta’ partijiet jew sitwazzjonijiet kumplessi tas-suq. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-partijiet interessati kollha bi kwalunkwe estensjoni ta’ dan it-tip u tispjega r-raġunijiet li wasslu għal din l-estensjoni.

    4.   Il-Kummissjoni għandha titlob it-tagħrif kollu li jidhrilha meħtieġ biex tkun tista’ tiddetermina dwar il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1), u, fejn jidhrilha li jkun xieraq, tfittex li tivverifika dan it-tagħrif.

    5.   Fl-investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-fatturi rilevanti kollha ta’ natura oġġettiva u kwantifikabbli li jkollhom influwenza fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari, ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f’termini assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud mill-importazzjonijiet żejda, it-tibdil fil-livell ta’ bejgħ, produzzjoni, produttività, użu tal-kapaċità, qligħ u telf, u impjiegi. Din il-lista mhix eżawrjenti u l-Kummissjoni tista’ tqis fatturi oħra relevanti meta tkun qed tiddetermina l-eżistenza ta’ dannu serju jew theddida ta’ dannu serju, bħalma huma l-istokkijiet, il-prezzijiet, ir-redditu fuq il-kapital użat, il-likwidità, u fatturi oħra li jkunu qed jikkawżaw jew għandu mnejn ikkawżaw dannu serju, jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija tal-Unjoni.

    6.   Il-partijiet interessati li jkunu ppreżentaw ruħhom skont l-Artikolu 4(5)(b) u r-rappreżentanti tal-Korea jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw it-tagħrif kollu magħmul disponibbli lill-Kummissjoni b’konnessjoni mal-investigazzjoni għajr id-dokumenti interni mħejjija mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, bil-kondizzjoni li dan it-tagħrif ikun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każ tagħhom u mhux kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 12 u li jintuża mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni. Il-partijiet interessati li jkunu ppreżentaw ruħhom jistgħu jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom dwar it-tagħrif lill-Kummissjoni. Dawk il-fehmiet għandhom jiġu kkunsidrati meta jkunu mirfuda b’biżżejjed evidenza prima facie.

    7.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-data u l-istatistika kollha li jintużaw għall-investigazzjoni jkunu disponibbli, jinftehmu, trasparenti u verifikabbli.

    8.   Il-Kummissjoni, hekk kif jitwaqqaf il-qafas tekniku neċessarju, għandha tiżgura l-aċċess bl-Internet b’password ta’ protezzjoni għall-fajl mhux kunfidenzjali (“pjattaforma onlajn”), li hija għandha tiġġestixxi u li permezz tiegħu għandu jitqassam it-tagħrif kollu rilevanti u mhux kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 12. Il-partijiet interessati fl-investigazzjoni, kif ukoll l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew għandhom jingħataw aċċess għal din il-pjattaforma onlajn.

    9.   Il-Kummissjoni għandha tisma’ lill-partijiet interessati, b’mod partikolari meta jkunu għamlu applikazzjoni bil-miktub fil-perijodu ta’ żmien stipulat fl-avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fejn juru li fil-verità x’aktarx ikunu sejrin jintlaqtu mir-riżultat tal-investigazzjoni u li jeżistu raġunijiet speċjali biex jinstemgħu oralment.

    Il-Kummissjoni għandha tisma’ lil tali partijiet f’okkażjonijiet oħra jekk ikun hemm raġunijiet speċjali biex dawn jerġgħu jinstemgħu.

    10.   Meta t-tagħrif ma jitressaqx fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew l-investigazzjoni tiġi mxekkla b’mod sinifikanti, jistgħu jinsiltu riżultati abbażi tal-fatti disponibbli. Fejn il-Kummissjoni ssib li xi parti interessata jew parti terza tkun ipprovdiet tagħrif falz jew qarrieqi, ma għandhiex tagħti kas ta’ dan it-tagħrif u tista’ tagħmel użu mill-fatti disponibbli.

    11.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Korea bil-miktub dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni u tikkonsulta mal-Korea minn kemm jista’ jkun qabel ma tapplika miżura bilaterali ta’ salvagwardja, bil-ħsieb li tanalizza mill-ġdid it-tagħrif li jirriżulta mill-investigazzjoni u twettaq skambju ta’ fehmiet dwar il-miżura.

    Artikolu 6

    Miżuri ta’ sorveljanza preventivi

    1.   Fejn it-tendenza fl-importazzjonijiet ta’ prodott li joriġina fil-Korea hija tali li dawn jistgħu jwasslu għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 u 3, l-importazzjonijiet ta’ dak il-prodott jistgħu jkunu soġġetti għal miżuri ta’ sorveljanza preventiva.

    2.   Fil-każ li jkun hemm żieda qawwija fl-importazzjonijiet ta’ prodotti li jaqgħu fis-setturi sensittivi kkonċentrati fi Stat Membru wieħed jew f’diversi Stati Membri, il-Kummissjoni tista’ tintroduċi miżuri ta’ sorveljanza preventiva.

    3.   Il-miżuri ta’ sorveljanza preventiva għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 14(2).

    4.   Il-miżuri ta’ sorveljanza preventiva għandu jkollhom perijodu limitat ta’ validità. Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, dawn ma jibqgħux validi fi tmiem it-tieni perijodu ta’ sitt xhur wara l-ewwel sitt xhur wara li l-miżuri jkunu ġew introdotti.

    Artikolu 7

    Impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja provviżorji

    1.   Miżuri ta’ salvagwardja provviżorji għandhom jiġu applikati f’ċirkostanzi kritiċi fejn dewmien jikkawża dannu li tkun diffiċli li jissewwa, skont determinazzjoni preliminari abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 5(5) li hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-importazzjonijiet ta’ prodott li joriġina mill-Korea jkunu żdiedu bħala riżultat tat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta’ dazju doganali skont il-Ftehim, u li dawn l-importazzjonijiet jikkawżaw dannu serju, jew theddida ta’ dan, lill-industrija tal-Unjoni.

    Il-miżuri provviżorji għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 14(2). F’każi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, inkluż il-każ imsemmi fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ salvagwardja provviżorji applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(4).

    2.   Fejn Stat Membru jitlob intervent immedjat mill-Kummissjoni u fejn il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi t-talba.

    3.   Il-miżuri provviżorji m’għandhomx japplikaw għal aktar minn 200 jum.

    4.   Jekk il-miżuri ta’ salvagwardja provviżorji jitħassru minħabba li l-investigazzjoni turi li ma ġewx sodisfatti l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(1), kull dazju doganali miġbur bħala riżultat ta’ dawn il-miżuri provviżorji għandu jintradd lura awtomatikament.

    5.   Il-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal kull prodott li jitqiegħed f’ċirkolazzjoni libera wara d-dħul fis-seħħ tagħhom. Madakollu, tali miżuri m’għandhomx jipprevjenu r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti li diġà jinsabu fi triqthom lejn l-Unjoni bil-kondizzjoni li d-destinazzjoni tagħhom ma tkunx tista’ tinbidel.

    Artikolu 8

    Terminazzjoni tal-investigazzjoni u l-proċediment mingħajr miżuri

    1.   Meta l-fatti kif finalment stabbiliti juru li l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(1) mhumiex sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni biex jintemmu l-investigazzjoni u l-proċediment f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(3).

    2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika, waqt li tqis kif dovut il-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 12, rapport fejn tippreżenta s-sejbiet tagħha u l-konklużjonijiet motivati li tkun waslet għalihom dwar kull konsiderazzjoni rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi.

    Artikolu 9

    Impożizzjoni ta’ miżuri definittivi

    1.   Meta l-fatti kif finalment stabbiliti juru li ċ-ċirkostanzi stipulati fl-Artikolu 2(1) huma sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni biex jiġu imposti miżuri ta’ salvagwardja definittivi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(3).

    2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika, waqt li tqis kif dovut il-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 12, rapport li jkun fih sommarju tal-fatti materjali u l-konsiderazzjonijiet rilevanti għad-determinazzjoni.

    Artikolu 10

    Tul ta’ żmien u rieżami tal-miżuri ta’ salvagwardja

    1.   Miżura ta’ salvagwardja għandha tibqa’ fis-seħħ biss għall-perijodu taż-żmien meħtieġ biex ma jitħalliex li jsir jew jitranġa dannu serju u jkun jista’ jsir l-aġġustament. Dak il-perijodu m’għandux jaqbeż is-sentejn, għajr jekk jiġġedded skont il-paragrafu 3.

    2.   Miżura ta’ salvagwardja għandha tibqa’ fis-seħħ, sakemm joħroġ ir-riżultat tar-rieżami, tul kwalunkwe perijodu ta’ estensjoni.

    3.   Il-perijodu inizjali ta’ tul ta’ żmien ta’ miżura ta’ salvagwardja jista’ jiġġedded b’mod eċċezzjonali sa mhux iktar minn sentejn kemm-il darba jiġi ddeterminat li l-miżura ta’ salvagwardja tibqa’ meħtieġa biex ma jitħalliex isir jew jirranġa dannu serju u jkun jista’ jsir l-aġġustament u li hemm biżżejjed evidenza li l-industrija tal-Unjoni tkun qed taġġusta.

    4.   L-estensjonijiet għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċeduri ta’ dan ir-Regolament li japplikaw għall-investigazzjonijiet u billi jintużaw l-istess proċeduri bħal fil-każ tal-miżuri inizjali.

    It-tul ta’ żmien totali ta’ miżura ta’ salvagwardja ma jistax jaqbeż l-erba’ snin, inkluża xi miżura provviżorja.

    5.   Miżura ta’ salvagwardja ma għandhiex tiġi applikata lil hinn mill-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, għajr bil-kunsens tal-Korea.

    Artikolu 11

    Proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tal-Protokoll dwar ir-Regoli ta’ Oriġini

    1.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Protokoll dwar ir-Regoli ta’ Oriġini, il-Kummissjoni għandha timmonitorja mill-qrib l-evoluzzjoni tal-istatistika relevanti dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni kemm bħala valur u, skont kif xieraq, bħala kwantitajiet u għandha tikkondividi b’mod regolari din id-data mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-industriji kkonċernati tal-Unjoni u tirraportalhom dwar is-sejbiet tagħha. Il-monitoraġġ għandu jibda mid-data ta’ applikazzjoni tal-Ftehim u d-data għandha tiġi kondiviża fuq bażi ta’ kull xahrejn.

    Apparti l-linji tariffarji inklużi fl-Artikolu 14.1 tal-Protokoll dwar ir-Regoli ta’ Oriġini, il-Kummissjoni għandha tfassal, b’kooperazzjoni mal-industrija tal-Unjoni, lista ta’ linji tariffarji fundamentali li ma jkunux speċifiċi għas-settur awtomobilistiku, iżda li jkunu importanti għas-settur tal-manifattura tal-karozzi u setturi oħrajn relatati. Għandu jsir monitoraġġ speċifiku kif stipulat fl-Artikolu 14.1 tal-Protokoll dwar ir-Regoli ta’ Oriġini.

    2.   Meta jkun hemm talba ta’ Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha teżamina minnufih jekk humiex sodisfatti l-kondizzjonijiet biex jiġi invokat l-Artikolu 14 tal-Protokoll dwar ir-Regoli ta’ Oriġini u tagħmel rapport dwar is-sejbiet tagħha fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol mit-talba. Wara li jsiru l-konsultazzjoni fil-qafas tal-kumitat speċjali msemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 207(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha titlob li jsiru konsultazzjonijiet mal-Korea kulmeta l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 14 tal-Protokoll dwar ir-Regoli ta’ Oriġini jiġu sodisfatti. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li l-kondizzjonijiet ikunu sodisfatti, inter alia, meta jintlaħqu l-limiti msemmijin fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

    3.   Differenza ta’ 10 punti perċentwali għandha titqies “sinifikattiva” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 2.1(a) tal-Artikolu 14 tal-Protokoll dwar ir-Regoli ta’ Oriġini meta tkun ivvalutata r-rata miżjuda ta’ importazzjonijiet ta’ partijiet jew komponenti lejn il-Korea meta mqabbla mar-rata miżjuda ta’ esportazzjonijiet mill-Korea lejn l-Unjoni ta’ prodotti lesti. Żieda ta’ 10 % għandha titqies bħala “sinifikattiva” għall-finijiet tal-applikazzjonijiet tal-paragrafu 2.1(b) tal-Artikolu 14 tal-Protokoll dwar ir-Regoli ta’ Oriġini meta ssir valutazzjoni taż-żieda fl-esportazzjonijiet mill-Korea lejn l-Unjoni tal-prodotti lesti f’termini assoluti, jew relattivament għall-produzzjoni tal-Unjoni. Żidiet taħt dawn il-livelli jistgħu wkoll jitqiesu “sinifikattivi” fuq bażi individwali.

    Artikolu 12

    Kunfidenzjalità

    1.   It-tagħrif li jasal skont dan ir-Regolament għandu jintuża biss għall-għan li għalih ikun intalab.

    2.   L-ebda tagħrif ta’ natura kunfidenzjali jew xi tagħrif li jintbagħat fuq bażi kunfidenzjali skont dan ir-Regolament ma għandu jiġi żvelat mingħajr il-permess speċifiku ta’ min jipprovdi dan it-tagħrif.

    3.   Kull talba għall-kunfidenzjalità għandha tagħti r-raġunijiet għaliex it-tagħrif huwa kunfidenzjali. Madakollu, jekk min jipprovdi t-tagħrif ma jixtieqx la li jagħmlu pubbliku u lanqas li jawtorizza l-iżvelar tiegħu f’termini ġenerali jew f’għamla ta’ taqsira u jekk ikun jidher li t-talba għall-kunfidenzjalità ma tkunx ġustifikata, dan it-tagħrif jista’ ma jitqiesx.

    4.   It-tagħrif għandu f’kull każ jitqies bħala kunfidenzjali jekk l-iżvelar tiegħu x’aktarx ikollu effett negattiv sinifikanti fuq min jipprovdih jew fuq is-sors ta’ dan it-tagħrif.

    5.   Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx jipprekludu r-referenza mill-awtoritajiet tal-Unjoni għal tagħrif ġenerali u b’mod partikolari għar-raġunijiet li fuqhom jissejsu d-deċiżjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament. Dawk l-awtoritajiet għandhom, madankollu, iqisu l-interess leġittimu tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati li ma jiġux żvelati s-sigrieti kummerċjali tagħhom.

    Artikolu 13

    Rapport

    1.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubbliku rapport annwali dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Ir-rapport għandu jinkludi tagħrif dwar l-attivitajiet tal-korpi varji responsabbli għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Ftehim u l-issodisfar tal-obbligi li jirriżultaw minnu, inklużi obbligi rigward xkiel għall-kummerċ.

    2.   Taqsimiet speċjali tar-rapport għandhom jirrigwardaw it-twettiq tal-obbligi skont il-Kapitolu 13 tal-Ftehim u l-attivitajiet tal-Grupp Konsultattiv Domestiku u l-Forum tas-Soċjetà Ċivili.

    3.   Ir-rapport għandu wkoll jippreżenta sommarju tal-istatistika u l-evoluzzjoni tal-kummerċ mal-Korea. Fih għandhom jissemmew b’mod speċjali r-riżultati tal-monitoraġġ tar-rifużjoni tad-dazji.

    4.   Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    5.   Il-Parlament Ewropew jista’, fi żmien xahar minn meta l-Kummissjoni tagħmel ir-rapport pubbliku, jistieden lill-Kummissjoni għal laqgħa ad hoc tal-kumitat responsabbli tiegħu u jispjega kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    Artikolu 14

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejuna mill-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (6). Dak il-Kumitat għandu jkun Kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    4.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikoli 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu.

    5.   Il-paragrafi 2, 3 u 4 ma jippreġudikaw bl-ebda mod l-eżerċitar mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-setgħa stabbilita fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 15

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mid-data ta’ applikazzjoni tal-Ftehim kif previst fl-Artikolu 15.10 tiegħu. Għandu jiġi ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jispeċifika d-data ta’ applikazzjoni tal-Ftehim.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Mejju 2011.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BUZEK

    Għall-Kunsill

    Il-President

    GYŐRI E.


    (1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Frar 2011. (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2011.

    (2)  Għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

    (3)  Għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    (4)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

    (5)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

    (6)  ĠU L 84, 31.3.2009, p. 1.


    ANNESS I

    DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

    Il-Kummissjoni tilqa’ l-ftehim fl-ewwel qari bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-Regolament dwar is-Salvagwardja.

    Kif previst fir-Regolament, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea u se tkun lesta li tiddiskuti mal-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew kwalunkwe kwistjoni li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni lejn dan li ġej:

    (a)

    Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni mill-Korea tal-impenji tagħha dwar kwistjonijiet regolatorji, inklużi b’mod partikolari l-impenji relatati mar-regolamenti tekniċi fis-settur tal-karozzi. Il-monitoraġġ għandu jinkludi l-aspetti kollha tal-ostakli mhux tariffarji u r-riżultati tiegħu għandhom jiġu dokumentati u rrapurtati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (b)

    Il-Kummissjoni se tagħti wkoll importanza partikolari lill-implimentazzjoni effettiva tal-impenji dwar ix-xogħol u l-ambjent tal-Kapitolu 13 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tfittex il-parir tal-Grupp Konsultattiv Domestiku, li se jinkludi rappreżentanti mill-organizzazjonijiet tan-negozju, l-unjons u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi. L-implimentazzjoni tal-Kapitolu 13 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandu jiġi dokumentat kif xieraq u għandu jintbagħat rapport dwaru kif xieraq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Il-Kummissjoni taqbel ukoll dwar l-importanza li tiġi provduta protezzjoni effettiva fil-każ ta’ żiediet f’salt fl-importazzjonijiet f’setturi sensittivi, inklużi dak tal-karozzi żgħar. Il-monitoraġġ tas-setturi sensittivi għandu jinkludi l-karozzi, it-tessuti u t-tagħmir elettroniku għall-konsumatur. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li s-settur tal-karozzi żgħar jista’ jitqies bħala suq rilevanti għall-iskop ta’ investigazzjoni ta’ salvagwardja.

    Il-Kummissjoni tinnota li l-għażla ta’ żoni tal-ipproċessar 'il barra fuq il-Peniżola Koreana, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tal-Protokoll dwar ir-Regoli ta' Oriġini, se tirrikjedi ftehim internazzjonali bejn il-Partijiet li għalih il-Parlament Ewropew ikun irid jagħti l-kunsens tiegħu. Il-Kummissjoni se żżomm lill-Parlament infurmat bis-sħiħ dwar id-deliberazzjonijiet mill-Kumitat dwar iż-Żoni tal-Ipproċessar 'il barra fuq il-Peniżola Koreana.

    Finalment, il-Kummissjoni tinnota wkoll li jekk minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali tiddeċiedi li testendi t-tul tal-investigazzjoni skont l-Artikolu 5(3), hi se tiżgura li tali żmien estiż ma jaqbiżx id-data ta’ skadenza ta' ebda miżura provviżorja introdotta skont l-Artikolu 7.


    ANNESS II

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

    Il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew jaqblu dwar l-importanza ta’ kooperazzjoni mill-qrib fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea u r-Regolament ta’ Salvagwardja. Għal dan il-għan huma jaqblu fuq dan li ġej:

    Fil-każ li l-Parlament Ewropew jadotta rakkomandazzjoni għall-ftuħ ta’ investigazzjoni ta’ salvagwardja, il-Kummissjoni se teżamina bir-reqqa jekk ġewx sodisfatti l-kondizzjonijiet tar-Regolament għal ftuħ ex officio. Fil-każ li l-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet ma ġewx sodisfatti, hi se tippreżenta rapport lill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew li jinkludi spjegazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti għall-ftuħ ta’ investigazzjoni bħal din.

    Fuq talba mill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lilu dwar kwalunkwe tħassib speċifiku relatat mal-implimentazzjoni mill-Korea tal-impenji tagħha dwar miżuri mhux tariffarji jew dwar il-Kapitolu 13 (Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles.


    Top