Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0118

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2011 tal- 10 ta’ Frar 2011 li jimponi dazju provviżorju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti mekkaniżmi tal-illegar bl-anelli li joriġinaw mit-Tajlandja

    ĠU L 37, 11.2.2011, p. 2–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/118/oj

    11.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 37/2


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 118/2011

    tal-10 ta’ Frar 2011

    li jimponi dazju provviżorju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti mekkaniżmi tal-illegar bl-anelli li joriġinaw mit-Tajlandja

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (‘ir-Regolament bażiku’), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

    Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    1.1.   Bidu

    (1)

    Fl-20 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni Ewropea (il-“Kummissjoni”) ħabbret permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) (“Avviż ta’ bidu”), il-bidu ta’ proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti mekkaniżmi tal-illegar bl-anelli li joriġinaw mit-Tajlandja (“il-pajjiż ikkonċernat”).

    (2)

    Il-proċediment inbeda wara lment li tressaq fis-6 ta’ April 2010 minn Ring Alliance Ringbuchtechnik GmbH (‘il-kwerelant’) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f’dan il-każ aktar minn 50 % tat-total, tal-produzzjoni tal-Unjoni ta’ ċerti mekkaniżmi tal-illegar bl-anelli. L-ilment kien fih evidenza prima facie ta’ dumping tal-prodott imsemmi u ta’ ħsara materjali li tirriżulta minnu, li tqieset biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu ta’ proċediment.

    1.2.   Il-partijiet ikkonċernati mill-proċediment

    (3)

    Il-Kummissjoni għarrfet uffiċjalment lill-kwerelant, lil produtturi oħra magħrufa fl-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa fit-Tajlandja, lir-rappreżentanti tal-pajjiż ikkonċernat, lill-importaturi u l-utenti magħrufa, bil-bidu tal-proċediment. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Avviż ta’ Bidu. Il-partijiet interessati kollha li talbu dan u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta ta’ smigħ.

    (4)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-partijiet kollha magħrufa bħala kkonċernati u lill-partijiet kollha l-oħra li talbu għalihom fi żmien ta’ skadenza stabbilit fl-Avviż ta’ bidu, jiġifieri l-kwerelant, produtturi oħra magħrufa fl-Unjoni, il-produttur esportatur magħruf fit-Tajlandja, ir-rappreżentanti tal-pajjiż ikkonċernat, l-importaturi u l-utenti magħrufa. Il-partijiet kollha li għamlu din it-talba fil-limitu ta’ żmien u li indikaw li kien hemm raġunijiet partikolari li jinstemgħu ngħataw seduta ta’ smigħ.

    (5)

    Waslu tweġibiet għall-kwestjonarji u sottomissjonijiet oħra minn produttur esportatur wieħed fit-Tajlandja, mill-produttur tal-Unjoni li ressaq l-ilment, minn ħames importaturi u negozjanti mhux relatati (inkluż wieħed li jipproduċi fl-Unjoni wkoll) u minn utent wieħed.

    (6)

    Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja għall-fini ta’ determinazzjoni provviżorja tad-dumping, tal-ħsara li rriżultat u tal-interess tal-Unjoni. Saru żjarat ta’ verifika fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

    (a)

    Il-produttur tal-Unjoni

    Ring Alliance Ringbuchtechnik GmbH, Vjenna, l-Awstrija

    (b)

    Il-produttur esportatur fit-Tajlandja

    Thai Stationery Industry Co. Ltd., Bangkok, it-Tajlandja

    (c)

    Il-kumpaniji relatati mal-produttur esportatur fit-Tajlandja

    Wah Hing Stationery Manufactory Limited, Hong Kong

    (d)

    L-importaturi fl-Unjoni

    Giardini Srl, Settimo Milanese, l-Italja

    Rendol enterprises, Reilingen, il-Ġermanja

    Industria Meccanica Lombarda srl, Offanengo, l-Italja (produttur fl-Unjoni wkoll)

    Winter Company Spain S.A., Spanja

    1.3.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

    (7)

    L-investigazzjoni ta’ dumping u ta’ ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2009 sal-31 ta’ Marzu 2010 (il-‘perjodu ta’ investigazzjoni’ jew ‘PI’). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-aħħar tal-PI (‘il-perjodu tal-investigazzjoni tal-ħsara’).

    2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

    2.1.   Il-prodott ikkonċernat

    (8)

    Il-prodott ikkonċernat huwa mekkaniżmi tal-illegar bl-anelli li jikkonsistu f’mill-inqas żewġ folji jew wajers tal-azzar b’mill-inqas erba’ nofs anelli magħmula minn wajer tal-azzar imħwaħħlin fuqhom u li jinżammu ma’ xulxin permezz ta’ għatu tal-azzar. Dawn jistgħu jinfetħu billi tiġbed in-nofs anelli jew permezz ta’ mekkaniżmu ta’ azzjonar żgħir tal-azzar imwaħħal mal-mekkaniżmu tal-illegar bl-anelli. Dan il-prodott joriġina mit-Tajlandja (‘il-prodott ikkonċernat’ jew ‘RBM’ (Ring Binder Mechanism)) u attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 8305 10 00. Il-mekkaniżmi li jiftħu u jagħlqu bil-lieva (lever-arch), li jaqgħu taħt l-istess kodiċi NM, mhumiex inklużi fl-ambitu ta’ din l-investigazzjoni.

    (9)

    L-RBM jintużaw biex jiġu fajljati tipi differenti ta’ dokumenti jew karti. Dawn jintużaw inter alia minn produtturi ta’ ligaturi bl-anelli, manwali tekniċi, albums tar-ritratti u tal-bolli, katalgi u fuljetti.

    (10)

    Għadd kbir ta’ mudelli differenti ta’ RBM inbiegħu matul il-PI fl-Unjoni Ewropea. Il-mudelli kienu jvarjaw fid-daqs, forma u numru ta’ anelli, fid-daqs tal-pjanċa tal-bażi u fis-sistema ta’ kif jinfetħu l-anelli (jinġibdu jew permezz ta’ azzjonament tal-ftuħ). Billi kollha kemm huma għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi, u li l-mudelli tal-RBM jistgħu, fil-limitu ta’ ċertu firxa ta’ prodotti, jissostitwixxu lil xulxin, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-RBM kollha jikkostitwixxu prodott uniku għall-iskop ta’ dan il-proċediment.

    2.2.   Il-prodott simili

    (11)

    Instab li l-prodott manifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tat-Tajlandja, kif ukoll il-prodott manifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-produtturi tal-Unjoni, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi. Għalhekk huma b’mod provviżorju meqjusa li huma simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    3.   IT-TEĦID TA’ KAMPJUNI

    3.1.   It-teħid ta’ kampjuni tal-importaturi mhux relatati

    (12)

    Minħabba l-għadd li jidher kbir ta’ importaturi mhux relatati, ġie previst it-teħid ta’ kampjuni fl-Avviż ta’ bidu, b’mod konformi mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ u jekk inhu hekk, tkun tista’ tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha magħrufa ġew mitluba jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni u jipprovdu, kif speċifikat fl-Avviż ta’ bidu, informazzjoni bażika dwar l-attivitajiet tagħhom relatati mal-prodott ikkonċernat (kif definit fit-taqsima 2.1. hawn fuq) matul il-perjodu mill-1 ta’ April 2009 sal-31 ta’ Marzu 2010.

    (13)

    Wara l-eżami tal-informazzjoni mressqa u minħabba l-għadd żgħir ta’ importaturi li indikaw ir-rieda tagħhom li jikkooperaw, ġie deċiż li t-teħid ta’ kampjuni ma kienx meħtieġ.

    4.   DUMPING

    (14)

    Kumpanija waħda fit-Tajlandja wieġbet il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi. Kumpanija involuta fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat u li tinsab f’Hong Kong relatata ma’ dan il-produttur esportatur wieġbet għall-kwestjonarju wkoll. Fuq bażi tad-dejta tal-importazzjoni rrappurtata mill-Eurostat, il-prodottur esportatur (flimkien mal-kumpanija relatata tiegħu) irrapreżenta l-esportazzjonijiet Tajlandiżi kollha lejn l-Unjoni.

    4.1.   Il-valur normali

    (15)

    L-investigazzjoni żvelat li l-produttur esportatur ipprovda informazzjoni mhux kompluta u mhux korretta fir-rigward ta’ elementi sinifikanti tal-kost ta’ produzzjoni tiegħu, bħal pereżempju l-konsum dieher tal-metall tan-nikil u l-konsum dieher ta’ materja prima oħra. Barra minn hekk, dejta oħra rrappurtata fir-rigward tal-kosti ta’ produzzjoni u l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni kienet inkonsistenti u ma setgħetx taqbel. Fl-aħħar nett, l-investigazzjoni żvelat li kien hemm kumpanija relatata fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li kontra dak li ġie ddikjarat fil-bidu mill-produttur esportatur, kienet involuta fil-bejgħ u l-amministrazzjoni tal-prodott ikkonċernat. Il-kosti rrappurtati ma kinux jinkludu l-kosti rilevanti ta’ din il-kumpanija relatata u għalhekk tqiesu bħala mhux kompluti.

    (16)

    Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li d-dejta tal-kosti mressqa ma kinitx bażi preċiża biżżejjed għad-determinazzjoni tal-valur normali. Għalhekk tqis li s-sejbiet jiġu msejsa mill-inqas b’mod parzjali fuq il-fatti disponibbli b’mod konformi mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    (17)

    Il-kumpanija ġiet infurmata minnufih u ngħatat l-opportunità li tipprovdi aktar spjegazzjonijiet, b’mod konformi mal-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku. Madankollu, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-kumpanija ma kinux sodisfaċenti għaliex ma’ ċċaratx l-inkonsistenzi li nstabu. Il-kumpanija lanqas ma setgħet tirrifjuta l-evidenza li wriet li kienet ressqet informazzjoni mhux kompluta, mhux korretta u qarrieqa. Barra minn hekk, il-kumpanija naqset milli tressaq informazzjoni essenzjali dwar il-kumpanija relatata msemmija hawn fuq stabbilita fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina involuta fil-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat.

    (18)

    Minħabba dan li ntqal hawn fuq, tqis li l-valur normali għall-produttur esportatur b’mod provviżorju għandu jiġi determinat fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, b’mod konformi mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    (19)

    Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra aktar kredibbli, il-valur normali ġie kkalkulat b’mod provviżorju fuq il-bażi tal-informazzjoni relatata mal-kost tal-manifattura fit-Tajlandja kif stipulat fl-ilment. B’mod konformi mal-Artikolu 18(5) tar-Regolament bażiku, sar kontroll reċiproku ta’ din l-informazzjoni ma’ informazzjoni vverifikata miksuba matul l-investigazzjoni, inkluża dik relatata mal-kosti tal-persunal u l-enerġija fit-Tajlandja. Fejn kien meqjus xieraq, l-informazzjoni pprovduta fl-ilment ġiet korreġuta permezz tal-informazzjoni vverifikata miksuba matul l-investigazzjoni.

    (20)

    Ammont raġonevoli għal SG&A u qligħ, rispettivament 16 % u 8 %, żdiedu mal-kost tal-manifattura kif stabbilit hawn fuq, fuq il-bażi tal-informazzjoni mressqa fl-ilment.

    4.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

    (21)

    Il-produttur esportatur għamel bejgħ tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni permezz tal-kumpanija kummerċjali relatata tiegħu li tinsab ’il barra mill-Unjoni.

    (22)

    Il-prezz tal-esportazzjonijiet ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-prodott meta mibjugħ mill-kumpanija kummerċjali relatata lill-Unjoni, jiġifieri lil xerrej indipendenti, b’mod konformi mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku fuq il-bażi tal-prezzijiet attwalment imħallsa jew pagabbli.

    4.3.   Tqabbil

    (23)

    It-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni sar fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika.

    (24)

    Biex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet b’mod konformi mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għal differenzi fil-kosti tat-trasport u tal-assigurazzjoni u l-kosti tal-krediti fejn applikabbli u ġustifikat.

    4.4.   Il-marġini tad-dumping

    (25)

    Skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku, il-marġini tad-dumping għall-produtturi esportaturi li kkooperaw ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ tqabbil ta’ medja peżata tal-valur normali skont it-tip ta’ prodott ma’ medja peżata tal-prezz tal-esportazzjoni skont it-tip ta’ prodott kif ġie stabbilit hawn fuq.

    (26)

    Abbażi tal-metodoloġija ta’ hawn fuq il-marġnijiet tad-dumping provviżorji, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF tal-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

    Produttur esportatur

    Il-marġini tad-dumping

    Thai Stationery Industry Co. Ltd., Bangkok, it-Tajlandja

    17,2  %

    (27)

    Minħabba li l-produttur esportatur li qed jikkoopera qies l-esportazzjonijiet Tajlandiżi kollha lejn l-Unjoni tal-prodott ikkonċernat, tqies li l-marġini residwu ta’ dumping għandu jiġi stabbilit fil-livell tal-marġini tad-dumping misjub għal dan il-produttur esportatur li qed jikkoopera, jiġifieri 17,2 %.

    5.   DEFINIZZJONI TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI

    (28)

    Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni l-RBM ġew manifatturati fl-UE mill-produtturi li ġejjin:

    Ring Alliance Ringbuchtechnik GmbH, Vjenna, l-Awstrija

    Industria Meccanica Lombarda srl, Offanengo, l-Italja.

    (29)

    L-ewwel produttur huwa l-applikant u kkoopera fl-investigazzjoni. L-investigazzjoni stabbilixxiet li l-applikant irrappreżenta aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ RBM fil-PI.

    (30)

    It-tieni produttur (li huwa iżgħar) huwa wkoll importatur tal-RBM mit-Tajlandja u oppona l-proċedimenti. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-kumpanija, instab li matul il-perjodu globali meqjus għall-analiżi tal-ħsara, il-volum tax-xiri tiegħu ta’ prodotti Tajlandiżi kien fuq medja komparabbli mal-volum tal-produzzjoni tiegħu stess.

    (31)

    Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq huwa meqjus li, skont l-Artikolu 4(1)(a), it-tieni produttur għandu jiġi eskluż mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u għalhekk il-produttur applikant biss għandu jikkostitwixxi l-industrija tal-Unjoni fis-sens tal-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku. Minn hawn ’il quddiem din tissejjaħ ‘l-industrija tal-Unjoni’.

    (32)

    Għandu jiġi nnotat li fl-imgħoddi, l-industrija tal-Unjoni kienet oriġinarjament magħmula minn żewġ produtturi differenti (Koloman Handler – l-Awstrija u Robert Krause – il-Ġermanja) li kienu fallew u ttieħdu minn grupp Awstrijak. Dawn il-kumpaniji kienu soġġetti għal ristrutturar sinifikanti u l-istruttura attwali “Ring Alliance Ringbuchtechnik GmbH” inħolqot fl-2003. L-uffiċċji prinċipali jinsabu fl-Awstrija filwaqt li l-produzzjoni ssir fl-Ungerija.

    6.   ĦSARA

    6.1.   Il-konsum tal-Unjoni

    (33)

    Il-konsum ġie stabbilit fuq il-bażi taċ-ċifri li ġejjin:

    il-bejgħ totali vverifikat fis-suq tal-Unjoni rrapurtat mill-industrija tal-Unjoni u l-produttur l-ieħor tal-UE;

    il-volum ta’ esportazzjoni totali vverifikata mill-UE tal-produttur esportatur li qed jikkoopera fit-Tajlandja għall-perjodi mitluba fil-kwestjonarju (is-snin 2008, 2009 u l-PI), u l-Eurostat għas-snin l-oħra;

    il-Eurostat għall-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi l-oħrajn.

    (34)

    Fuq din il-bażi, il-konsum tal-UE tal-RBM żviluppa kif ġej:

     

    2006

    2007

    2008

    2009

    PI

    Konsum (000biċċiet)

    100

    100

    111

    93

    95

    Sors: it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju u l-Eurostat.

    (35)

    Il-konsum naqas b’5 % matul il-perjodu globali tal-investigazzjoni tal-ħsara (3). Madankollu għandu jiġi nnotat li wara żieda ta’ madwar 10 % bejn l-2006 u l-2008, il-konsum naqas b’15 % fil-perjodu ta’ wara.

    6.2.   Importazzjonijiet mit-Tajlandja

    (a)   Il-volum tal-importazzjoni u s-sehem tas-suq

     

    2006

    2007

    2008

    2009

    PI

    Volum tal-importazzjoni

    100

    65

    153

    116

    119

    Sehem tas-suq

    12,0  %

    7,8  %

    16,5  %

    15,0  %

    15,0  %

    Sors: it-tweġiba vverifikata għall-kwestjonarju u l-Eurostat.

    (36)

    L-importazzjonijiet mit-Tajlandja għall-perjodu 2008-PI huma bbażati fuq it-tweġiba għall-kwestjonarju tal-prodottur esportatur li qed jikkoopera l-esportatur Tajlandiż uniku magħruf u bbażati fuq id-dejta tal-Eurostat għas-snin l-oħra. Fuq din il-bażi, ġie stabbilit li l-volum tal-importazzjonijiet totali tal-RBM mit-Tajlandja żdied bi kważi 20 % bejn l-2006 u l-PI. Il-livell tal-importazzjonijiet, madankollu, varja b’mod sinifikanti matul dan il-perjodu, u ż-żieda l-aktar importanti saret bejn l-2007 u l-2008, meta l-importazzjonijiet żdiedu aktar mid-doppju.

    (37)

    L-ishma tas-suq Tajlandiż kellhom tendenza globali li jiżdiedu u kisbu tliet punti bejn l-2006 u l-PI. B’mod simili għall-volum tal-bejgħ, l-ishma tas-suq laħqu quċċata fl-2008, f’livell ta’ 16,5 %.

    (b)   Il-prezz tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat / bejgħ taħt il-prezz

     

    2006

    2007

    2008

    2009

    PI

    prezz tal-importazzjoni

    100

    103

    123

    113

    113

    (38)

    Il-prezzijiet tal-importazzjoni l-ewwel żdiedu b’aktar minn 20 % bejn l-2006 u l-2008 u wara naqsu.

    (39)

    Minkejja żieda globali ta’ 13 % matul il-perjodu tal-investigazzjoni tal-ħsara, il-prezzijiet Tajlandiżi waqqgħu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni matul il-PI. It-tqabbil tal-prezzijiet għall-mudelli li jikkorrispondu, aġġustati kif xieraq fejn meħtieġ, tassew urew li bħala medja l-prezzijiet tal-importazzjoni kienu aktar minn 30 % inqas mill-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni matul il-PI. Tqabbil tal-livell medju tal-prezz matul is-snin l-oħra jissuġġerixxi rati simili ta’ qtugħ fil-prezz għas-snin 2006-2009.

    (40)

    Il-livell assolut tal-prezzijiet tal-importazzjoni Tajlandiżi kienu ukoll b’mod sistematiku taħt il-prezz ta’ importazzjonijiet oħra u b’mod aktar sinifikanti taħt il-prezz tal-produttur tal-Unjoni l-ieħor.

    6.3.   Is-Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni  (4)

    (a)   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

     

    2006

    2007

    2008

    2009

    PI

    Produzzjoni

    100

    130

    131

    80

    83

    Kapaċità tal-produzzjoni

    100

    110

    115

    80

    75

    Użu tal-kapaċità

    79  %

    94  %

    90  %

    79  %

    88  %

    (41)

    Matul il-perjodu globali, kemm il-produzzjoni kif ukoll il-kapaċità tal-produzzjoni naqsu rispettivament bi kważi 20 % u 25 %. L-użu tal-kapaċità li qed jiżdied għandu jitqies biss bħala r-riżultat ta’ tnaqqis fil-kapaċità tal-produzzjoni b’25 % matul l-istess perjodu. Dan huwa l-aktar ir-riżultat ta’ sensja (ara l-impjiegi hawn taħt).

    (42)

    Madankollu għandu jiġi nnotat li l-volum u l-kapaċità tal-produzzjoni l-ewwel tjiebu sal-2008, imbagħad naqsu b’mod sinifikanti.

    (b)   Ħażniet

     

    2006

    2007

    2008

    2009

    PI

    Ħażna tal-għeluq

    100

    137

    153

    124

    126

    (43)

    Matul il-perjodu tal-investigazzjoni tal-ħsara, il-ħażniet tal-industrija tal-Unjoni żdiedu b’mod globali bi 26 %. Parti sinifikanti tal-produzzjoni tal-RBM tikkonsisti fi prodotti standard, u l-industrija tal-Unjoni għalhekk trid iżżomm ċertu livell ta’ ħażna sabiex tkun f’pożizzjoni li tissodisfa malajr id-domanda tal-klijenti tagħha. Għaldaqstant, kwalunkwe żieda fil-ħażna tal-għeluq ’il fuq mil-livell medju tindika li hemm diffikultajiet biex jinbiegħu l-prodotti.

    (c)   Il-volum tal-bejgħ, is-sehem tas-suq u t-tkabbir

     

    2006

    2007

    2008

    2009

    PI

    Volum tal-bejgħ fl-UE

    100

    105

    113

    79

    77

    Ishma tas-suq

    29,6  %

    31,1  %

    30,2  %

    25,2  %

    24,0  %

    (44)

    Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-UE naqas bi 23 % matul il-perjodu analizzat, li kien jikkorrispondi f’ishma tas-suq li kienu qed jonqsu minn 29,6 % sa 24,0 %, jiġifieri tnaqqis ta’ aktar minn ħames punti. Il-volum tal-bejgħ u l-ishma tas-suq fil-fatt iddeterjoraw mill-2008.

    (45)

    B’mod globali, l-iżvilupp ta’ hawn fuq jindika nuqqas ta’ tkabbir fl-industrija tal-Unjoni bejn l-2006 u l-PI.

    (d)   Il-prezzijiet tal-bejgħ

     

    2006

    2007

    2008

    2009

    PI

    Prezz tal-bejgħ

    100

    99

    99

    110

    107

    (46)

    Il-prezz tal-bejgħ medju peżat tal-industrija tal-Unjoni kien relattivament stabbli sal-2008. Imbagħad żdied b’10 % fl-2009 biex jonqos bi tliet punti perċentwali fl-PI. Din iż-żieda fil-prezz hija r-riżultat ta’ taħlita ta’ żewġ fatturi: bidla fit-taħlita tal-produzzjoni minħabba l-volum tal-bejgħ li kien qed jonqos tal-prodotti aktar standardizzati - u irħas, u t-tentattiv tal-industrija tal-Unjoni biex tikkumpensa għat-telf li sar fl-2008. Dan tal-aħħar madankollu ma kienx ta’ suċċess minħabba li l-industrija tal-Unjoni kompliet taħdem b’telf fil-perjodu ta’ wara (ara hawn taħt).

    (e)   Il-profitabbiltà, ir-redditu mill-investimenti u l-fluss tal-likwidità

     

    2006

    2007

    2008

    2009

    PI

    Fatturat f’% tal-profitt u t-telf

    100

    9

    135

    167

    146

    Fluss tal-likwidità

    100

    – 502

    – 685

    – 136

    – 291

    Redditu mill-assi netti

    100

    87

    104

    146

    176

    (47)

    L-industrija tal-Unjoni kienet qed tagħmel telf matul il-perjodu globali tal-investigazzjoni tal-ħsara, u t-tendenza ta’ hawn fuq turi żieda globali fil-livell tat-telf. Għalkemm is-sitwazzjoni tjiebet ftit fl-2007 (saret kważi sitwazzjoni ta’ la qligħ u lanqas telf), hija ddeterjorat mill-2008. Għalkemm it-tnaqqis fil-fluss tal-likwidità seta’ jiġi limitat b’xi mod, xorta baqa’ fin-negattiv mill-2007. Ir-redditu mill-assi netti kien ukoll fin-negattiv matul il-perjodu globali u naqas b’mod konsistenti bejn l-2006 u l-PI.

    (f)   L-investimenti u l-ħila li jiżdied il-kapital

     

    2006

    2007

    2008

    2009

    PI

    Investimenti

    100

    45

    50

    17

    26

    (48)

    L-investimenti kellhom tendenza li jonqsu ħafna, jiġifieri - 75 % matul il-perjodu globali tal-investigazzjoni tal-ħsara.

    (49)

    Kif iddikjarat hawn fuq, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja dgħajfa tal-industrija tal-Unjoni, jista’ jiġi konkluż li l-ħila tagħha li żżid il-kapital minn sorsi indipendenti kienet serjament affettwata.

    (g)   L-impjiegi, il-produttività u l-pagi

     

    2006

    2007

    2008

    2009

    PI

    Impjiegi

    100

    111

    118

    99

    87

    Produttività

    100

    117

    111

    81

    95

    Pagi

    100

    106

    113

    92

    71

    (50)

    Matul il-perjodu globali, l-impjiegi (unitajiet full-time) naqsu bi 13 % u l-akbar tnaqqis sar wara s-sena 2008 meta l-impjiegi kienu laħqu quċċata. Il-pagi kellhom l-istess tendenza fil-parti l-kbira.

    (51)

    Il-produttività, li titkejjel f’eluf ta’ biċċiet prodotti għal kull impjegat matul il-perjodu, b’mod ġenerali kellha l-istess tendenza bħal dik tal-impjiegi, iżda t-tnaqqis seta’ jiġi limitat matul il-PI.

    (h)   Id-daqs tal-marġini effettiv tad-dumping

    (52)

    Fuq il-bażi tal-aħjar fatti disponibbli, l-investigazzjoni stabbilixxiet l-eżistenza tad-dumping matul il-PI ta’ 17,2 %, li hija sostanzjali.

    (i)   L-irkupru mill-effett tad-dumping fil-passat

    (53)

    L-industrija tal-Unjoni ilha tbati mill-effetti ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping għal bosta snin. Madankollu setgħet tibbenefika minn miżuri relativament effettivi sas-sena 2008, iżda s-sitwazzjoni reġgħet iddeterjorat wara. Dan huwa spjegat aktar fit-taqsima relatata mal-interess tal-Unjoni hawn taħt.

    6.4.   Konklużjoni

    (54)

    Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni ddeterjorat b’mod ċar bejn l-2006 u l-PI. Dan kien ikkaratterizzat b’mod partikolari minn tnaqqis sinifikanti fil-produzzjoni u fil-volum tal-bejgħ (rispettivament - 17 %, - 13 %), li rriżulta wkoll fi tnaqqis tas-sehem tas-suq minn 29,6 % sa 24 %. Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni ġiet affettwata wkoll. Il-livell tat-telf li ġarrbet il-kumpanija żdied tassew, u kemm il-fluss tal-likwidità kif ukoll ir-redditu mill-assi netti segwew l-istess tendenza negattiva. It-tentattiv tal-industrija tal-Unjoni li tillimita l-livell tat-telf billi żżid il-prezzijiet tagħha fl-2009 ma kienx ta’ suċċess, u s-sitwazzjoni marret għall-agħar.

    (55)

    Għalhekk, l-investimenti tnaqqsu għal-livell minimu tagħhom, u l-kumpanija ma kellhiex għażla ħlief li tkeċċi numru sostanzjali ta’ nies sabiex tiffaċċja s-sitwazzjoni.

    (56)

    Madankollu għandu jiġi nnotat li matul il-perjodu globali tal-investigazzjoni tal-ħsara, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni tjiebet ftit bejn l-2006 u l-2008. Tassew, matul dan il-perjodu, il-produzzjoni, il-volum tal-bejgħ, u l-impjiegi kellhom tendenza li jiżdiedu. Iżda dawk l-indikaturi naqsu b’mod sinifikanti mill-2009. L-indikaturi tal-profitabbiltà min-naħa l-oħra baqgħu negattivi matul il-perjodu globali; għalkemm il-profitabbiltà kważi waslet f’sitwazzjoni ta’ bla qligħ u bla telf fl-2007.

    (57)

    Meta jitqies dak li ntqal hawn fuq, huwa provviżorjament konkluż li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet ħsara materjali fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

    7.   KAWŻALITÀ

    7.1.   Introduzzjoni

    (58)

    Skont l-Artikoli 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk il-ħsara materjali li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni kienx ikkaġunat mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat. Minbarra dan, fatturi magħrufa oħra għajr l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, li setgħu għamlu ħsara lill-industrija tal-Unjoni, ġew eżaminati biex jiġi żgurat li kwalunkwe ħsara kkawżata minn dawk il-fatturi l-oħra ma kinitx attribwita għall-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

    7.2.   L-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

    (59)

    Għandu jiġi nnotat li s-suq tal-Unjoni huwa kkaratterizzat minn numru relattivament żgħir ta’ sorsi ta’ provvista (tnejn fl-Unjoni, wieħed fl-Indja, wieħed fit-Tajlandja u għad hemm xi provvista li tiġi miċ-Ċina) u li s-suq għalhekk huwa pjuttost trasparenti f’termini ta’ prezzijiet, permezz ta’ stimi tal-prezz. Barra minn hekk, parti sinifikanti tad-domanda fl-UE tikkonċerna t-tipi standard ta’ RBM, li għalihom il-prezz huwa fattur deċiżiv meta wieħed jixtri l-prodott.

    (60)

    F’dan il-kuntest, l-investigazzjoni wriet li l-volum tal-importazzjonijiet tal-RBM mit-Tajlandja żdied bi kważi 20 % matul il-perjodu tal-investigazzjoni tal-ħsara, u laħaq sehem tas-suq ta’ 15 % matul il-PI. L-industrija tal-Unjoni tilfet volum sinifikanti ta’ bejgħ matul l-istess perjodu. Barra minn hekk, ġie stabbilit li, matul il-PI, l-RBM mit-Tajlandja waqqa’ l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’aktar minn 30 %, li huwa sinifikanti ħafna għal dan it-tip ta’ prodott.

    (61)

    It-taħlita tal-volum kbir ta’ importazzjoni u l-livell baxx ta’ prezzijiet wasslet għal pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ dumping, il-prezzijiet Tajlandiżi kienu jkunu mill-inqas matul il-PI kważi 20 % ogħla mil-livell effettiv tagħhom, u dan seta’ jfisser prezz globali ogħla tas-suq tal-Unjoni.

    (62)

    Minħabba l-volum u l-livell tal-prezzijiet tagħhom, huwa għalhekk meqjus li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fixklu t-tentattiv tal-industrija tal-Unjoni biex terġa’ tagħmel profitt, jew mill-inqas tnaqqas it-telf tagħha, billi żżid il-kwantitajiet ta’ bejgħ u/jew il-prezzijiet għal livell aktar xieraq matul il-perjodu 2009-PI. Il-pressjoni kontinwa li ġiet mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezz baxx mit-Tajlandja fuq is-suq tal-Unjoni għalhekk irriżultat fit-telf tal-volum tal-bejgħ, tal-ishma tas-suq, prezzijiet baxxi u bħala konsegwenza fit-telf tal-profitabbiltà tal-industrija tal-Unjoni.

    (63)

    Għandu jiġi mfakkar li f’investigazzjoni ta’ reviżjoni tal-iskadenza reċenti (5), ġie konkluż li l-industrija kienet għadha f’sitwazzjoni prekarja ħafna fl-2008 u kienet għadha sensittiva ħafna għal importazzjonijiet oħra li huma l-oġġett ta’ dumping.

    (64)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż provviżorjament li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mit-Tajlandja kellhom impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

    7.3.   L-effett ta’ fatturi oħra

    7.3.1.   Tnaqqis fid-domanda fis-suq tal-Unjoni

    (65)

    Id-domanda fis-suq tal-Unjoni żdiedet b’10 % fl-2008, iżda mbagħad naqset b’mod sinifikanti fis-sena ta’ wara, b’madwar 15 %. Dan għandu jitqies fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, u d-deċiżjoni ta’ bosta kumpaniji li jnaqqsu l-kosti ġenerali, inklużi dawk għall-oġġetti tal-kartolerija. Is-settur globali tal-illegar bl-anelli bata minn din is-sitwazzjoni. L-importazzjonijiet Indjani u Tajlandiżi naqsu fil-volum assolut kif ukoll il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni.

    (66)

    Madankollu għandu jiġi nnotat li f’termini relattivi, l-industrija tal-Unjoni batiet aktar minn atturi oħra minħabba li s-sehem tas-suq tagħha naqas minn 30,2 % sa 25,2 % bejn l-2008 u l-2009. Meta jitqies il-fatt li l-industrija tal-illegar bl-anelli għandha kosti fissi kbar, telf fil-volum tal-bejgħ kellu impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant. Madankollu, it-tnaqqis fil-konsum għandu jitqies flimkien mal-iżvilupp tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mit-Tajlandja. Fil-fatt, l-importazzjonijiet Tajlandiżi kellhom sehem tas-suq kbir li kien jirrappreżenta kważi tliet darbiet aktar mill-kwantità li tikkorrispondi għat-tnaqqis fil-konsum.

    (67)

    Minn din il-perspettiva, jista’ jiġi konkluż li t-tnaqqis fil-konsum, li kien ikkawżat mill-kriżi ekonomika, seta’ kkontribwixxa għall-ħsara materjali li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni. Madankollu jekk kien hemm effett, dan l-effett żgur li kien imsaħħaħ b’mod konsiderevoli mill-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni.

    7.3.2.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

    (68)

    L-RBM jiġu prodotti u esportati mill-Indja u ċ-Ċina wkoll. Dawn l-importazzjonijiet żviluppaw kif ġej:

     

    2006

    2007

    2008

    2009

    IP

    L-Indja

    volum tal-importazzjoni

    100

    93

    102

    88

    91

    ishma tas-suq

    47,6  %

    44,3  %

    43,5  %

    45,2  %

    45,3  %

    prezz medju

    100

    99

    118

    116

    113

    Iċ-Ċina

    volum tal-importazzjoni

    100

    91

    153

    150

    151

    ishma tas-suq

    3,5  %

    3,1  %

    4,8  %

    5,6  %

    5,5  %

    prezz medju

    100

    98

    90

    85

    86

    Sors: Eurostat.

    (69)

    Hemm produttur esportatur wieħed biss ta’ RBM fl-Indja, u l-volum tal-importazzjoni tiegħu naqas bi kważi 10 % matul il-perjodu tal-investigazzjoni tal-ħsara. L-Indja madankollu tirrappreżenta porzjon sinifikanti tas-suq tal-Unjoni billi kellha medja ta’ 45 % tal-ishma tas-suq matul il-perjodu tal-investigazzjoni tal-ħsara. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-importazzjoni tal-Indja żdiedu b’mod globali bi 13 %, f’livell ftit aktar għoli mill-prezzijiet tat-Tajlandja. Minħabba l-pożizzjoni prevalenti fis-suq tal-Unjoni, u fid-dawl tal-prezz ta’ importazzjoni kompetittiv tagħha, l-Indja hija kompetitur sinifikanti għall-industrija tal-Unjoni. Madankollu, meta wieħed jagħti ħarsa lejn it-tendenza deskritta hawn fuq, jiġifieri volum li jonqos bi prezzijiet jiżdiedu, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-Indja setgħet tikkontribwixxi għad-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fil-PI. Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li ċertu proporzjon tal-importazzjonijiet Indjani, jiġifieri madwar terz minnhom, inxtara direttament u nbiegħ fis-suq tal-Unjoni minn distributur relatat mal-industrija tal-Unjoni.

    (70)

    L-importazzjonijiet Ċiniżi kienu soġġetti għal dazji antidumping minn 51,2 % sa 78,8 % mill-2004. Il-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdied b’madwar 50 % bejn l-2006 u l-PI, jiġifieri żieda fis-sehem tas-suq ta’ żewġ punti minn 3,5 % sa 5,5 %. Anke jekk il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi kellhom tendenza li jonqsu matul il-perjodu globali tal-investigazzjoni tal-ħsara, il-livell globali tagħhom madankollu baqa’ ħafna ogħla mill-prezzijiet Tajlandiżi. U dan anke jekk ma titqiesx l-applikazzjoni tad-dażji antidumping. Għalhekk huwa konkluż li dawn l-importazzjonijiet ma kkontribwewx għad-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fil-PI.

    (71)

    Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa provviżorjament konkluż li l-importazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi terzi ma kkontribwewx, almenu mhux aktar minn b’mod marġinali, għall-ħsara materjali li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

    7.3.3.   Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

    (72)

    Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni ġiet eżaminata wkoll bħala wieħed mill-fatturi magħrufa għajr l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, li fl-istess ħin setgħet tagħmel ħsara lill-industrija tal-Unjoni.

    (73)

    L-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni rrappreżentaw medja ta’ madwar 5 % tal-bejgħ totali tagħha ta’ RBM matul il-perjodu tal-investigazzjoni tal-ħsara u baqgħu relattivament stabbli. Għalhekk huwa provviżorjament konkluż li dan ma seta jikkawża l-ebda ħsara lill-industrija tal-Unjoni.

    7.4.   Il-konklużjoni dwar il-kawżalità

    (74)

    L-analiżi ta’ hawn fuq uriet li l-importazzjonijiet mit-Tajlandja kkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni matul il-PI, minħabba l-volum u l-livell tal-prezzijiet tagħhom. L-importazzjonijiet fil-fatt żdiedu f’termini assoluti, instabu li kienu oġġett ta’ dumping u l-livell tal-prezz tagħhom instab li kien ħafna aktar baxx mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni għal tipi ta’ prodotti simili. F’dan is-suq bi prezzijiet sensittivi, fejn in-numru ta’ fornituri huwa relattivament limitat u s-suq pjuttost trasparenti, rata tat-tnaqqis ta’ aktar minn 30 % żgur kellha impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet tas-suq.

    (75)

    L-eżami tal-fatturi magħrufa l-oħra li setgħu jikkawżaw ħsara lill-industrija tal-Unjoni wera li t-tnaqqis fid-domanda seta’ kellu rwol f’dan. Madankollu, minkejja l-effetti negattivi tat-tnaqqis fid-domanda fis-suq tal-Unjoni, huwa provviżorjament konkluż li dan il-fattur ma kienx daqshekk negattiv li jelimina r-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mit-Tajlandja u l-ħsara materjali li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni. It-tnaqqis fid-domanda fil-fatt għandha titqies flimkien mal-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping li aggravaw tassew l-impatt negattiv tal-kriżi finanzjarja.

    (76)

    Fuq il-bażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, li ddistingwiet u sseparat b’mod xieraq l-effetti tal-fatturi kollha magħrufa dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mill-effetti ta’ ħsara tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, huwa provviżorjament konkluż li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mit-Tajlandja kkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

    8.   L-INTERESS TAL-UNJONI

    8.1.   Kumment preliminari

    (77)

    Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk, minkejja l-konklużjoni provviżorja dwar dumping li kkawża ħsara, kinux jeżistu raġunijiet serji għall-konklużjoni li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li tadotta miżuri provviżorji antidumping f’dan il-każ partikolari. Għal dan il-għan, u skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, l-impatt probabbli tal-miżuri possibbli fuq il-partijiet kollha involuti f’dan il-proċediment u anke l-konsegwenzi probabbli li ma jittieħdux il-miżuri, tqiesu fuq il-bażi tal-evidenza kollha mressqa.

    (78)

    Sabiex jiġi stmat l-impatt probabbli tal-miżuri, il-partijiet interessati kollha ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku. Il-produttur tal-Unjoni applikant u erba’ importaturi mhux relatati wieġbu għall-kwestjonarju. Il-produttur tal-Unjoni l-ieħor, li huwa wkoll importatur, ipprovda xi informazzjoni u utent wieħed ressaq tweġiba għall-kwestjonarju.

    8.2.   Deskrizzjoni tas-suq tal-Unjoni

    (79)

    Sabiex ikun hemm għarfien aħjar dwar l-interessi varji kollha involuti, huwa meqjus importanti li l-ewwel jiġu deskritti l-karatteristiċi ewlenin tas-suq.

    (80)

    Il-miżuri antidumping ġew imposti għall-ewwel darba kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti mekkaniżmi tal-illegar bl-anelli li joriġinaw miċ-Ċina fl-1997 (6). Ir-rata tad-dazju oriġinali ġiet miżjuda tliet snin wara reviżjoni interim. Dawk il-miżuri tassew ġew estiżi għat-tieni darba wara reviżjoni tal-iskadenza li tistabbilixxi li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u li jikkawżaw ħsara jerġgħu jibdew isiru jekk ma jiġux estiżi dawn il-miżuri (7).

    (81)

    Bosta investigazzjonijiet stabbilixxew li ġew evitati l-miżuri kontra ċ-Ċina, u għalhekk ġew estiżi għall-Vjetnam u għar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Laos, rispettivament fl-2004 u fl-2006, u l-ambitu tal-miżuri wkoll kellu jiġi estiż għal ċerti RBM li ġew immodifikati ftit (8). Fl-aħħar nett għandu jiġi msemmi li l-importazzjonijiet ta’ RBM mit-Tajlandja kienu soġġetti għal żewġ investigazzjonijiet differenti kontra ċ-ċirkomvenzjoni, fl-2004 u fl-2008, u għal investigazzjoni ġdida antidumping fl-2008. Filwaqt li dawn l-investigazzjonijiet ma wasslu għall-ebda miżura, l-investigazzjoni attwali stabbilixxiet b’mod ċar li l-esportatur Tajlandiż ipprovda informazzjoni falza fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju.

    (82)

    Għandu jiġi nnotat li l-RBM huma importati fis-suq tal-Unjoni mid-distributuri, mill-aġenti jew direttament mill-utenti, jiġifieri l-kumpaniji li jipproduċu l-ligaturi.

    (83)

    Fl-aħħar nett għandu jiġi mfakkar li n-numru ta’ produtturi ta’ RBM li jipprovdu lis-suq tal-Unjoni huwa relattivament limitat. Fil-fatt, minbarra ż-żewġ produtturi fl-UE, jeżisti produttur wieħed biss magħruf fit-Tajlandja, wieħed fl-Indja, u xi ftit fiċ-Ċina. Dan tal-aħħar huwa soġġett għal miżuri antidumping kif spjegat hawn fuq. Kemm il-produttur esportatur fit-Tajlandja kif ukoll fl-Indja huma l-proprjetà ta’ kumpaniji bbażati f’Hong Kong, rispettivament Wah Hing Stationary, negozjant ta’ RBM li għandu sit ta’ produzzjoni fiċ-Ċina, u World Wide Stationary, li għandu ftehim ta’ provvista ma’ Bensons, distributur proprjetà tal-industrija tal-Unjoni.

    8.3.   L-industrija tal-Unjoni

    (84)

    Huwa mfakkar li ftit snin ilu, l-industrija tal-Unjoni diġà ffaċċjat diffikultajiet ekonomiċi serji, fost affarijiet oħra minħabba importazzjonijiet innegozjati m’bod inġust, u kellha tagħmel ristrutturar sabiex tiżgura l-eżistenza kontiwa tagħha kif spjegat hawn taħt.

    (85)

    L-industrija tal-Unjoni fil-fatt kkonsistiet minn żewġ produtturi meta tressaq l-ewwel ilment antidumping fl-1995: Koloman Handler GmbH, kumpanija Awstrijaka, u Robert Krause GmbH & Co., kumpanija Ġermaniża. Dawn iż-żewġ kumpaniji kienu preżenti fis-suq tal-RBM tal-UE għal żmien twil diġà iżda s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom tant saret ħażina li t-tnejn kellhom jiddikjaraw stat ta’ falliment. Filwaqt li Robert Krause GmbH iddikjara stat ta’ falliment fl-1998 u l-kumpanija ta’ suċċessjoni tiegħu kellha tagħmel l-istess fl-2002, Koloman Hander sar insolventi fl-2001. Iż-żewġ kumpaniji waqgħu f’idejn kumpanija oħra, SX Bürowaren Produktions- und Handels GmbH, li mbagħad ġiet akkwistata minn Ring Alliance Ringbuchtechnik GmbH, l-applikant f’dan il-każ.

    (86)

    Minn dakinhar l-attività ġiet ristrutturata sabiex tikkompeti aħjar mad-dinja kollha, iżda b’mod partikolari fil-qalba tas-suq tal-applikant, jiġifieri s-suq tal-UE. Dan ir-ristrutturar kien jinkludi l-akkwist ta’ Bensons, negozjant stabbilit sew ta’ RBM ma’ kumpaniji li jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi, Singapor, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tal-Amerika.

    (87)

    L-isforzi li għamlet l-industrija sabiex ittejjeb is-sitwazzjoni tagħha madankollu ddgħajfu minħabba li l-effetti pożittivi tal-miżuri kontra l-importazzjonijiet inġusti ġew dilwiti bil-prattiċi ta’ assorbiment u ta’ ċirkomvenzjoni, kif spjegat hawn fuq. Bħala konsegwenza, minkejja t-titjib sinifikanti b’mod partikolari sas-sena 2008, is-sitwazzjoni tal-industrija baqgħet dgħajfa, kif konkluż fl-investigazzjoni li twassal għall-estensjoni tal-miżuri antidumping kontra ċ-Ċina.

    (88)

    L-investigazzjoni attwali kkonkludiet li fis-snin reċenti l-industrija tal-Unjoni qiegħda terġa’ ġġarrab ħsara materjali u li dan ġie kkawżat minn importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li joriġinaw mit-Tajlandja.

    (89)

    Permezz tal-isforzi ta’ ristrutturar tagħha, l-industrija tal-Unjoni uriet li hija industrija vijabbli li għadha f’pożizzjoni li tipprovdi sehem kbir tas-suq tal-UE. Madankollu għandha bżonn protezzjoni addizzjonali u effiċjenti kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mis-sorsi kollha sabiex tilħaq sitwazzjoni soda u b’saħħitha. Intilfu kważi 60 impjieg bejn l-2008 u l-PI, u l-industrija tal-Unjoni għamlet telf kbir f’dawn l-aħħar snin. Mingħajr miżuri kontra l-importazzjonijiet innegozjati b’mod inġust mit-Tajlandja, ma jistax jiġi eskluż li l-applikant ikun mġiegħel jwaqqaf l-attività tiegħu u aktar minn 160 impjieg oħra jinsabu f’riskju.

    (90)

    Meta jitqies il-fatt li l-importazzjonijiet mit-Tajlandja nsabu li qed jikkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni, li l-industrija tal-Unjoni għamlet l-isforzi kollha meħtieġa ta’ ristrutturar u hija kapaċi tikkompeti f’suq fejn l-importazzjonijiet jiġu nnegozjati b’mod ġust, huwa konkluż li jkun fl-interess tal-industrija tal-Unjoni li jiġu imposti miżuri provviżorji kontra l-importazzjonijiet ta’ RBM mit-Tajlandja.

    8.4.   Importaturi u negozjanti

    (91)

    Wara l-bidu tal-investigazzjoni, ħames importaturi, inkluż it-tieni produttur tal-Unjoni, indentifikaw irwieħhom u pprovdew tweġiba għall-kwestjonarju jew informazzjoni oħra. Dawn il-kumpaniji rrappreżentaw 75 % tal-importazzjonijiet ta’ RBM mit-Tajlandja matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

    (92)

    Waħda mill-kumpaniji ta’ hawn fuq, li kienet tirrappreżenta madwar 20 % tal-importazzjonijiet globali Tajlandiżi, iddeċidiet li twaqqaf l-attivitajiet kollha tagħha relatati mal-RBM wara l-perjodu ta’ investigazzjoni. Għal importatur ieħor, il-volum tal-bejgħ ta’ RBM ġie maqsum fi tlieta matul il-perjodu globali tal-investigazzjoni tal-ħsara u kien jirrappreżenta biss proporzjon minimu tal-fatturat globali tiegħu matul il-PI (madwar 1 %). Barra minn hekk, dan tal-aħħar waqaf jixtri mit-Tajlandja fl-2008 u nbidel f’distributur tal-UE. Għalhekk huwa konkluż li kwalunkwe impożizzjoni ta’ miżuri mhux se taffettwa s-sitwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ importaturi.

    (93)

    Importatur ieħor, li kien jirrappreżenta inqas minn 10 % tal-importazzjonijiet Tajlandiżi kollha, iddikjara li jekk jiġu imposti miżuri kontra t-Tajlandja, dan ma jibqax ikollu sorsi alternattivi ta’ provvista u għalhekk ikun mġiegħel iwaqqaf l-attività tiegħu ta’ RBM. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li madankollu, l-għan tal-miżuri antidumping huwa li ma tiġi eskulża l-ebda importazzjoni fis-suq tal-Unjoni, iżda bil-kontra li l-importazzjonijiet jitħallew ikomplu jsiru, iżda bi prezzijiet li mhumiex oġġett ta’ dumping. Dan l-importatur għalhekk ikun jista’ jkompli jimporta RBM mit-Tajlandja, għalkemm ikun soġġett għall-ħlas ta’ dazi antidumping, u jista’ jgħaddi din iż-żieda tal-kosti parzjalment jew kompletament lill-klijenti tiegħu.

    (94)

    Madankollu huwa rikonoxxut li dan ma jistax jinkiseb faċilment minħabba s-sensittività tal-prezz tal-prodott u l-kompetizzjoni minn importazzjonijiet minn pajjiżi oħra bħall-Indja. Barra minn hekk, minħabba l-istruttura tas-suq tal-Unjoni u n-numru limitat ta’ produtturi fid-dinja kollha, huwa tassew probabbli li dan l-importatur jista’ jibda jiffaċċja xi diffikultajiet biex jibda juża sorsi oħra ta’ provvista. Madankollu għandu jiġi nnotat li l-porzjon tal-bejgħ tal-RBM tal-kumpanija, meta mqabbel mal-fatturat totali tagħha, naqas matul il-perjodu tal-investigazzjoni tal-ħsara, minn madwar 40 % sa 25 %, u, aktar importanti, l-investigazzjoni uriet li l-attività tal-RBM iġġenerat telf biżżejjed f’dawn l-aħħar snin. Fi kliem ieħor, illum diġà hemm dubji rigward il-vijabbiltà tan-negozju tal-RBM ta’ dan l-importatur.

    (95)

    Ir-raba’ importatur ukoll iddikjara li fil-każ li jiġu imposti miżuri se jkollu jieqaf in-negozju tiegħu ta’ RBM minħabba n-nuqqas ta’ sorsi alternattivi ta’ provvista. Madankollu, il-bejgħ ta’ RBM f’dan il-każ kienu jirrappreżentaw biss propozjon minimu tal-fatturat totali tal-kumpanija matul il-PI, b’persuna waħda biss li għandha x’taqsam mal-prodott ikkonċernat, u huwa probabbli ħafna li l-kumpanija tista’, b’mod relattivament faċli, iżżomm l-attività globali tagħha anke mingħajr in-negozju tal-RBM, jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tagħmel li dan ma jistax jiġi evitat.

    (96)

    Għalhekk huwa konkluż li anke jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tassew tista’ taffettwa b’mod negattiv is-sitwazzjoni taż-żewġ importaturi ta’ hawn fuq, xorta mhux se taffettwa b’mod sinifikanti l-attivitajiet ekonomiċi globali tagħhom.

    (97)

    Is-sitwazzjoni tal-aħħar importatur hija inqas ovvja minħabba li nofs il-bejgħ tiegħu ta’ RBM huwa ta’ prodotti Tajlandiżi (dawn jirrappreżentaw proporzjon sinifikanti tal-importazzjonijiet totali tal-UE ta’ RBM mit-Tajlandja). In-nofs l-ieħor huwa prodott fl-UE. Barra minn hekk, anke jekk il-kumpanija qiegħda tbiegħ l-aktar il-mekkaniżmi li jinfetħu u jingħalqu bil-lieva, il-bejgħ tal-RBM jirrappreżenta proporzjon mhux negliġibbli tal-fatturat totali tal-kumpanija (madwar 15 %). Dan il-bejgħ huwa wkoll meqjus bħala kruċjali mill-kumpanija minħabba li l-klijenti tagħha ta’ spiss jeħtieġu li l-fornituri jkunu jistgħu jipprovdu medda sħiħa ta’ prodotti.

    (98)

    Parti sinifikanti tal-attività tal-kumpanija għalhekk tiddependi fuq importazzjonijiet tal-RBM mit-Tajlandja, u b’mod partikolari l-prodotti inqas sofistikati li huma meħtieġa biex wieħed ikun jista’ joffri medda ta’ prodotti sħiħa, kundizzjoni importanti biex wieħed iżomm numru kbir biżżejjed ta’ klijenti. Skont il-kumpanija, kwalunkwe impożizzjoni ta’ miżuri tista’ tirriżulta fit-tmiem tal-attività globali tagħha, u t-telf ta’ madwar 170 impjieg. Madankollu għandu jiġi nnotat li dan huwa n-numru ta’ ħaddiema tal-kumpanija kollha u li huwa stmat li l-attività tal-RBM tirrappreżenta inqas minn 30 persuna.

    (99)

    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi enfasizzat li din il-kumpanija rnexxila ttejjeb is-sitwazzjoni tagħha fis-suq tal-RBM fl-aħħar snin - is-sehem globali tagħha tas-suq ta’ prodotti importati u l-produzzjoni tagħha stess żdied minn 9 % sa 15 % matul il-perjodu tal-investigazzjoni tal-ħsara - minħabba li bbenefikat minn importazzjonijiet irħas u li huma l-oġġett ta’ dumping.

    (100)

    It-tieni nett, wieħed jista’ jgħid li din il-kumpanija tista’ - mill-inqas parzjalment - tkompli timporta mit-Tajlandja, iżda bi prezzijiet li mhumiex oġġett ta’ dumping, jew anke tqis il-miżuri bħala opportunità li żżid il-produzzjoni tagħha, u/jew il-kapaċità tal-produzzjoni, u l-bejgħ tal-RBM prodotti minnha stess. Il-kumpanija nnifisha ammettiet din il-possibbiltà, għalkemm bil-kumment li xorta jkollha tiffaċċja l-kompetizzjoni qalila mal-prodotti Indjani, li madankollu huma importati minn diversi kumpaniji u mhux biss min-negozjanti relatat mal-industrija tal-Unjoni.

    (101)

    Huwa ċar li l-kumpanija tassew ikollha tiffaċċja kompetizzjoni qalila mal-prodotti Indjani li fil-medja matul il-PI kienu biss ftit aktar għaljin mill-importazzjonijiet Tajlandiżi (+ 6 %). Madankollu, sakemm ma jintweriex li l-importazzjonijiet Indjani huma l-oġġett ta’ dumping, dan għandu jitqies biss bħala r-riżultat ta’ kompetizzjoni ġusta.

    (102)

    Fl-aħħar nett, l-impatt negattiv tal-miżuri kontra t-Tajlandja xorta jista’ jkun limitat xi ftit jekk jista’ jkun possibbli li jintlaħaq ċertu bilanċ bejn żieda fil-produzzjoni tagħha stess u t-tkomplija ta’ ċertu livell ta’ importazzjonijiet, għalkemm bi prezzijiet li mhumiex oġġett ta’ dumping. Huwa mfakkar li 75 % tal-fatturat tal-kumpanija huwa magħmul minn bejgħ ta’ prodotti oħra.

    (103)

    Fuq dan ta’ hawn fuq, huwa provviżorjament konkluż li l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji jistgħu biss ikollhom impatt negattiv sinifikanti fuq is-sitwazzjoni tal-aħħar importatur, jiġifieri l-produttur l-ieħor tal-Unjoni, iżda dan tal-aħħar ibbenefika ħafna mill-importazzjonijiet bi prezz baxx u li kienu l-oġġett ta’ dumping mit-Tajlandja fil-passat, u l-impatt negattiv kieku jirriżulta b’mod essenzjali mill-kompetizzjoni mal-importazzjonijiet mill-Indja, u dan ma jistax jitqies bħala kompetizzjoni inġusta.

    8.5.   L-utenti

    (104)

    Utent wieħed wieġeb għall-kwestjonarju u dan wera li madwar tliet kwarti tax-xiri tiegħu ta’ RBM kienu importazzjonijiet minn pajjiżi għajr it-Tajlandja. Il-bqija tax-xiri kien bejn wieħed u ieħor imqassam b’mod ugwali bejn l-industrija tal-Unjoni u t-Tajlandja.

    (105)

    Dan l-utent iddikjara li jekk jiġu imposti miżuri, is-sorsi ta’ provvista jkun limitati u jkun hemm sitwazzjoni monopolistika. Dan huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-industrija tal-Unjoni u n-negozjant relatat tagħha Bensons, importatur ta’ prodotti Indjani, issir is-sors kważi uniku ta’ provvista tas-suq tal-Unjoni. Xi wħud mill-importaturi sostnew l-istess argumenti.

    (106)

    F’dan ir-rispett, l-ewwel nett għandu jiġi nnotat li l-fatt li n-numru ta’ fornituri fis-suq tal-Unjoni huwa limitat mhuwiex fil-fatt raġuni biex ma jiġux imposti miżuri antidumping sabiex jirrimedjaw għall-kummerċ inġust. Huwa tassew meqjus li fin-nuqqas ta’ miżuri, huwa probabbli li l-industrija tal-Unjoni tieqaf teżisti, u dan il-produttur jibqa’ jirrappreżenta 25 % tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni u jkun jista’ joffri prodotti speċjalizzati u standard fl-UE. Għalhekk ikun ukoll fl-interess tal-utenti li din l-industrija tkompli topera fis-suq.

    (107)

    It-tieni nett, minkejja l-impożizzjoni ta’ miżuri, mhuwiex eskluż li l-importazzjonijiet mit-Tajlandja, anke jekk jonqos il-volum tagħhom, ikompli jkunu preżenti fis-suq tal-Unjoni. B’mod simili, kif spjegat hawn fuq, it-tieni produttur fl-Unjoni x’aktarx li jista’ wkoll ikun f’pożizzjoni li jżomm jew anke li jkabbar l-attività tiegħu relatata mal-RBM.

    (108)

    Fl-aħħar nett, l-importazzjonijiet mill-Indja se jkomplu u l-utenti, inkluż l-utent uniku li qed jikkoopera, ikunu jistgħu jżommu dan il-pajjiż bħala sors ta’ RBM tagħhom. Anke jekk n-negozjant relatat tal-industrija tal-Unjoni għandu kuntratt ta’ provvista mal-produtturi Indjani, dan ma jfissirx li huwa l-importatur/id-distributur esklussiv ta’ prodotti Indjani. Għal kuntrarju. Kumpaniji oħra jqassmu wkoll RBM Indjani fis-suq tal-Unjoni, u l-utenti jistgħu jixtru RBM direttament mill-Indja. F’dan il-kuntest għandu jiġi enfasizzat li madwar żewġ terzi tal-esportazzjonijiet Indjani lill-UE huma nnegozjati jew mixtrijin minn kumpaniji għajr Bensons, in-negozjant relatat mal-industrija tal-Unjoni.

    (109)

    Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż b’mod provviżorju li l-effett tal-miżuri antidumping kontra l-importazzjonijiet ta’ RBM li joriġinaw mit-Tajlandja, x’aktarx li ġeneralment mhux se jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq l-utenti tal-prodott ikkonċernat.

    8.6.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

    (110)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie provviżorjament konkluż li ġeneralment, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli li tikkonċerna l-interess tal-Unjoni, ma’ hemm l-ebda raġuni sinifikanti kontra l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji kontra l-importazzjonijiet ta’ RBM li joriġinaw mit-Tajlandja. Anke jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri jista’ jkollha konsegwenzi negattivi fuq is-sitwazzjoni tal-produttur tal-Unjoni l-ieħor (ara hawn fuq fit-taqsima dwar l-importaturi) li bbenefika mill-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping fil-passat, huwa meqjus li dan mhuwiex akbar mill-ħtieġa li wieħed jirrimedja għall-effett negattiv tal-importazzjonijiet inġusti fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

    9.   MIŻURI PROVVIŻORJI ANTI-DUMPING

    9.1.   Il-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara

    (111)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu fir-rigward tad-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, għandhom jiġu imposti miżuri provviżorji antidumping sabiex ma jiġix ikkawżat aktar ħsara lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett tad-dumping.

    (112)

    Għall-għan li jiġi ddeterminat il-livell ta’ dawn il-miżuri, tqiesu l-marġnijiet tad-dumping li nstabu u l-ammont ta’ dazju meħtieġ biex tiġi eliminata l-ħsara li ġarrbu l-produtturi tal-Unjoni.

    (113)

    Meta kien qed jiġi kkalkulat l-ammont ta’ dazju meħtieġ biex jitneħħew l-effetti tad-dumping li jagħmel ħsara, tqies li kwalunkwe miżura li tittieħed għandha tippermetti lill-industrija tal-Unjoni tkopri l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħha u tikseb qligħ qabel it-taxxa li jista’ jinkiseb b’mod raġonevoli minn produtturi ta’ dan it-tip fis-settur f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, jiġifieri fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping, fuq il-bejgħ tal-prodott simili fl-Unjoni. Huwa meqjus provviżorjament li marġini ta’ qligħ ta’ 5 % fuq il-fatturat jista’ jitqies bħala minimu xieraq li l-industrija tal-Unjoni setgħat stenniet li tikseb fin-nuqqas ta’ dumping ta’ ħsara. Dan huwa l-istess perċentwal li ntuża fil-proċedimenti li saru qabel rigward l-istess prodott, u ma hemm l-ebda informazzjoni li tindika li ċ-ċirkostanzi nbiddlu f’dan ir-rispett u li dan il-livell ma jkunx xieraq f’dan il-każ. Fuq din il-bażi, ġie kkalkolat prezz mhux ta’ ħsara għall-produtturi tal-Unjoni għall-prodott simili.

    (114)

    Iż-żieda meħtieġa fil-prezz kienet imbagħad iddeterminata fuq il-bażi ta’ tqabbil, għal kull tip ta’ prodott, tal-medja peżata tal-prezz ta’ importazzjoni tal-produttur esportatur fit-Tajlandja, bil-prezz mhux ta’ ħsara tat-tipi ta’ prodott mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni matul il-PI. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil imbagħad ġiet espressa bħala perċentwal tal-valur medju ta’ importazzjoni ta’ CIF tat-tipi mqabbla. Il-marġni ta’ ħsara li rriżulta kien għola mill-marġni tad-dumping.

    9.2.   Miżuri provviżorji

    (115)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, huwa meqjus li għandhom jiġu imposti l-miżuri antidumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mit-Tajlandja fl-aktar livell baxx tal-marġnijiet ta’ dumping u ta’ ħsara skont ir-regola tal-inqas dazju. F’dan il-każ, ir-rata tad-dazju għandha tiġi stabbilita kif xieraq fil-livell tal-marġnijiet ta’ dumping li nstabu.

    (116)

    Għalhekk, il-marġnijiet tal-eliminazzjoni tal-ħsara u l-marġnijiet ta’ dumping u r-rati proposti tad-dazju antidumping provviżorju għat-Tajlandja, espressi fuq il-prezzijiet ta’ CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazji doganali mhux imħallsa, huma dawn li ġejjin:

    Produttur esportatur

    Rata ta’ dazju AD provviżorja

    Thai Stationery Industry Co. Ltd., Bangkok, it-Tajlandja

    17,2  %

    Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

    17,2  %

    10.   DISPOŻIZZJONI FINALI

    (117)

    Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jiġi stabbilit perjodu li fih il-partijiet interessati li ppreżentaw lilhom infushom fil-limitu ta’ żmien speċifikat fl-Avviż ta’ bidu jkunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jitolbu għal seduta ta’ smigħ. Barra minn hekk, għandu jkun iddikjarat li s-sejbiet li jikkonċernaw l-impożizzjoni tad-dazji li saret għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament huma provviżorji u jista’ jkun li jkollhom jitqiesu mill-ġdid għall-iskop ta’ kwalunkwe dazju definittiv.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Dazju provviżorju antidumping huwa b’dan impost fuq l-importazzjonijiet fuq il-mekkaniżmi tal-illegar bl-anelli li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8305 10 00 (kodiċijiet TARIC 8305100011, 8305100013, 8305100019, 8305100021, 8305100023, 8305100029, 8305100034, 8305100035 u 8305100036) u li joriġinaw mit-Tajlandja. Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, il-mekkaniżmi tal-illegar bl-anelli għandhom jikkonsistu f’żewġ folji jew wajers tal-azzar b’mill-inqas erba’ nofs anelli magħmula minn wajer tal-azzar imħwaħħlin fuqhom u li jinżammu ma’ xulxin permezz ta’ għatu tal-azzar. Dawn jistgħu jinfetħu billi tiġbed in-nofs anelli jew permezz ta’ mekkaniżmu ta’ azzjonar żgħir tal-azzar imwaħħal mal-mekkaniżmu tal-illegar bl-anelli.

    2.   Ir-rata tad-dazju antidumping provviżorju applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 għandha tkun 17,2 %.

    3.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fl-Unjoni tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun soġġett għall-għoti ta’ garanzija ekwivalenti għall-ammont tad-dazju provviżorju.

    4.   Sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fir-rigward tad-dazji doganali għandhom japplikaw.

    Artikolu 2

    Bla ħsara għall-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-iżvelar tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie adottat dan ir-Regolament, jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u japplikaw sabiex jinstemgħu oralment mill-Kummissjoni sa xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Skont l-Artikolu 21(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jikkummentaw dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sa xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika għal perjodu ta’ sitt xhur.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU C 131, 20.5.2010, p. 13.

    (3)  Qed jingħataw meded biss biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-Kwerelant uniku.

    (4)  L-informazzjoni hija bbażata fuq id-dejta vverifikata mressqa mill-industrija tal-Unjoni fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju u tingħata f’numri tal-indiċi (2006 = 100) jew f’medda kull fejn ikun meħtieġ li tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità.

    (5)  Ir-Regolament Implimentattiv tal-Kunsill (UE).Nru 157/2010, (ĠU L 49, 26.2.2010, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 119/97, (ĠU L 22, 24.1.1997, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament (UE) Nru 157/2010.

    (8)  Ir-Regolament tl-Kunsill (KE) Nru 818/2008, (ĠU L 221, 19.8.2008, p. 1).


    Top