EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011H1022(01)

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta’ Ottubru 2011 dwar l-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt fil-qasam tar-riċerka Kollegament tal-Għarfien dwar il-Klima għall-Ewropa

ĠU C 310, 22.10.2011, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

22.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 310/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Ottubru 2011

dwar l-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt fil-qasam tar-riċerka “Kollegament tal-Għarfien dwar il-Klima għall-Ewropa”

2011/C 310/01

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 181 tiegħu,

Billi:

(1)

It-tibdil fil-klima huwa wieħed mill-isfidi kbar ta’ żmienna: il-Qbil ta’ Kopenħagen (1) irrikonoxxa l-għan ta’ 2 °C u enfasizza l-ħtieġa għal tnaqqis kbir fl-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra, filwaqt li saħaq fuq azzjonijiet immirati biex jimminizzaw l-impatt tat-tibdil fil-klima.

(2)

Huwa ppjanat li l-ħames (5) Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp ta’ Esperti Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) li jmiss, mistenni li jiġi ppubblikat fl-2014, ser jiġbor u jivvaluta r-riżultati xjentifiċi ġodda bil-għan li jipprovdi bażi soda msejsa fuq ix-xjenza għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, b’enfasi fuq previżjonijiet futuri dwar il-klima, aspetti reġjonali tat-tibdil fil-klima u tal-impatt assoċjat, valutazzjoni tad-diversi modi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u r-rwol ta’ kull settur, pereżempju, l-enerġija, it-trasport, l-agrikoltura, l-industrija.

(3)

L-Istrateġija Ewropa 2020 tiċċara l-ħtieġa li jintlaħqu l-miri tal-emissjonijiet li diġà huma stabbiliti fil-livell tal-Unjoni Ewropea u tenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenża tal-ekonomiji tagħna għar-riskji klimatiċi u l-kapaċità tagħna għall-prevenzjoni tad-diżastri u r-reazzjoni għalihom.

(4)

Dawn l-għanijiet ta’ politika huma msejsa fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni. B’mod partikolari, jeħtieġ tbassir aħjar tal-klima biex jiġi indirizzat il-potenzjal għal tibdil fil-ġejjieni tal-frekwenza u l-intensità ta’ avvenimenti estremi. Ir-riċerka hija wkoll meħtieġa għall-valutazzjoni tal-fattibbiltà, l-implikazzjonijiet u l-implimentazzjoni tal-miri globali fl-Ewropa u ’l hinn minnha, u biex jiġu kkwantifikati l-impatti reġjonali assoċjati ma’ dawn il-miri. Għarfien aħjar huwa essenzjali biex jiġu identifikati l-għażliet ta’ adattament u ta’ mitigazzjoni u għall-valutazzjoni tal-benefiċċji, l-impatti u l-kosti potenzjali tagħhom meta mqabbla ma’ jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni.

(5)

Il-vulnerabbiltà u r-reżiljenza tas-soċjetà u l-ekosistemi għal riskji klimatiċi għadhom verament mhux mifhuma sew. B’rabta ma’ dan, jeħtieġ li l-proċessi fundamentali li jirregolaw is-sistema kumplessa klimatika jinftehmu aħjar sabiex it-tibdil fil-klima jkun jista’ jiġi individwat u attribwit aħjar (l-effett uman kontra dak naturali) u sabiex it-tibdil fil-klima jkun jista’ jiġi ddistingwit mill-varjabbiltà tal-klima.

(6)

Jenħtieġu b’mod urġenti teknoloġiji, kunċetti u mekkaniżmi ta’ mitigazzjoni biex jiżguraw tnaqqis qawwi fl-emissjonijiet tal-karbonju rikjesti sal-2050, inkluż riċerka u innovazzjoni dwar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, qbid u ħżin tal-karbonju, l-effiċjenża enerġetika u fl-użu tar-riżorsi, fjuwils alternattivi, bidla fl-użu tal-art, mobbiltà sostenibbli, agrikoltura u forestrija, u tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu li jaffettwaw is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent.

(7)

Għandhom jiġu żviluppati Servizzi Klimatiċi għall-produzzjoni, id-disponibbiltà u l-applikazzjoni ta’ previżjonijiet klimatiċi bbażati fuq ix-xjenza. F’dan ir-rigward, tenħtieġ riċerka biex jittejbu u jiġu żviluppati sistemi ta’ osservazzjoni, analiżi ta’ dejta, mudelli u sistemi għat-tbassir fuq perjodu twil ta’ żmien, fuq firxa wiesgħa ta’ skedi ta’ żmien, u biex tappoġġa t-twaqqif b’suċċess ta’ sħubijiet bejn fornituri u utenti.

(8)

Fil-laqgħa tiegħu tas-26 ta’ Mejju 2010 (2), il-Kunsill dwar il-Kompetittività rrikonoxxa l-Kollegament tal-Għarfien dwar il-Klima għall-Ewropa’ bħala qasam fejn l-ipprogrammar konġunt għandu jipprovdi valur miżjud kbir biex jitnaqqsu l-isforzi frammentati tal-Istati Membri fil-qasam tar-riċerka. Għalhekk, dan il-Kunsill adotta konklużjonijiet li fihom għaraf il-ħtieġa li titnieda inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt marbuta ma’ dan is-suġġett u li fihom stieden lill-Kummissjoni tagħti kontribut fit-tħejjija ta’ din l-inizjattiva. Il-Kunsill ikkonferma mill-ġdid ukoll li l-ipprogrammar konġunt huwa proċess li jmexxuh l-Istati Membri u li fih ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li tiffaċilitah. L-analiżi tal-attivitajiet nazzjonali ta’ riċerka spjegati fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tikkonferma li hemm bżonn ta’ koordinazzjoni aħjar biex jiżdiedu l-effikaċja u l-impatt tar-riċerka kif ukoll biex jiġu sfruttati sinerġiji mal-attivitajiet imwettqa fil-livell tal-UE permezz tal-iżvilupp ta’ aġenda strateġika komuni tar-riċerka.

(9)

It-tibdil fil-klima u r-riċerka relatata mal-klima huma qasam ewlieni fi ħdan il-Programm Kwadru għar-Riċerka tal-Unjoni Ewropea, li għandu rwol strateġiku ħafna biex jappoġġa l-proċess tal-politika tal-Unjoni Ewropea meta wieħed iqis id-dimensjoni globali tat-tibdil fil-klima. Jeħtieġ li l-attivitajiet fi ħdan din l-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt ikunu kkoordinati mill-qrib fi ħdan is-7 Programm Kwadru tal-Unjoni Ewropea u l-programmi tal-Unjoni Ewropea tal-ġejjieni f’dan il-qasam, partikolarment il-Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020.

(10)

L-ipprogrammar konġunt fil-qasam tar-riċerka dwar kollaborazzjoni ta’ għarfien għat-tibdil fil-klima għandu jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni tar-riċerka f’dan il-qasam, u għal Żona Ewropea tar-Riċerka dwar it-tibdil fil-klima li topera bis-sħiħ, u li ssaħħaħ it-tmexxija u l-kompetittività Ewropea tar-riċerka f’dan il-qasam.

(11)

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti b’din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni billi jesploraw inizjattivi possibbli tal-Kummissjoni sabiex jgħinu lill-Istati Membri jiżviluppaw aħjar u jimplimentaw l-aġenda strateġika tar-riċerka.

(12)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-inizjattivi kollha għall-ipprogrammar konġunt, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw b’mod regolari lill-Kummissjoni dwar il-progress miksub f’din l-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

L-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw viżjoni komuni dwar kif il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-qasam tar-riċerka fil-livell tal-Unjoni jistgħu jikkontribwixxu biex tintlaħaq l-isfida tal-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima, bil-kolloborazzjoni tax-xjenza, il-politika, l-ekonomija u s-soċjetà. Għandu jkun hemm impenn għall-involviment sħiħ tal-Istati Membri, inkluż b’mod partikolari pajjiżi fejn l-effetti tat-tibdil fil-klima huma mistennija li jkunu qawwija.

2.

L-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw aġenda strateġika operattiva komuni tar-riċerka li tistabbilixxi l-bżonnijiet u l-għanijiet fil-perjodu taż-żmien medju u fit-tul tar-riċerka fil-qasam tat-tibdil fil-klima. Din l-aġenda għandha tinkludi pjan ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-prijoritajiet u l-iskedi taż-żmien u li jispeċifika l-azzjonijiet, l-istrumenti u r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni tiegħu.

3.

L-Istati Membri huma mħeġġa jinkludu l-azzjonijiet li ġejjin bħala parti mill-aġenda strateġika operattiva tar-riċerka u mill-pjan ta’ implimentazzjoni:

(a)

it-tisħiħ tal-iskambji ta’ tagħrif dwar programmi reġjonali u nazzjonali rilevanti, attivitajiet ta’ riċerka u programmi kkoordinati għar-riċerka tal-Unjoni Ewropea, ukoll minħabba l-aġġornament regolari tal-immappjar tar-riċerka Ewropea f’dan il-qasam;

(b)

l-iskambju tat-tagħrif, tar-riżorsi, tal-aqwa prassi, tal-metodoloġiji u tal-linji gwida;

(c)

l-identifikazzjoni ta’ oqsma jew ta’ attivitajiet ta’ riċerka li se jibbenefikaw mill-koordinazzjoni jew mis-sejħiet konġunti għall-proposti jew mill-ġbir flimkien tar-riżorsi;

(d)

id-definizzjoni tal-modi li bihom għandha titwettaq ir-riċerka b’mod konġunt fl-oqsma msemmija fil-punt (c);

(e)

l-iżgurar tal-koordinazzjoni u l-iżvilupp ta’ sinerġiji mal-iskemi eżistenti dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-Unjoni Ewropea, pereżempju Programm Kwadru, inklużi l-azzjonijiet preoperattivi, klimatiċi u r-riċerka relatata mal-klima, tal-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES). li ssir miċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta (JRC) u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT)/Komunità ta’ Għarfien u Innovazzjoni (KIC); attivitajiet ta’ riċerka promossi permezz tal-Politika ta’ Koeżjoni; inizjattivi oħrajn għall-ipprogrammar konġunt relatat, kif ukoll mal-Kamra tal-Ikklerjar (Clearinghouse) tal-Unjoni Ewropea dwar l-adattament, immexxija mill-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Għandhom jiġu żviluppati rabtiet qawwijin f’oqsma rilevanti tat-tibdil fil-klima li mhumiex indirizzati mill-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt (“Joint Programming Initiatives” — JPI) attwali, jiġifieri fl-iżvilupp ta’ għażliet ta’ mitigazzjoni u adattament, kif ukoll ta’ riskji u opportunitajiet ta’ azzjoni dwar it-tibdil fil-klima.

(f)

il-qsim, fejn xieraq, tal-infrastrutturi eżistenti tar-riċerka, jew l-iżvilupp ta’ faċilitajiet ġodda bħalma huma l-banek tad-dejta kkoordinati jew l-iżvilupp ta’ mudelli sabiex jiġu studjati l-proċessi u l-impatti tat-tibdil fil-klima;

(g)

it-tħeġġiġ ta’ kollaborazzjoni mtejba bejn is-settur pubbliku u dak privat, kif ukoll ta’ innovazzjoni miftuħa bejn attivitajiet differenti fil-qasam tar-riċerka u s-setturi tan-negozju marbutin mat-tibdil fil-klima u affettwati minnu;

(h)

l-esportazzjoni u t-tqassim tal-għarfien, l-innovazzjoni u l-approċċi metodoloġiċi interdixxiplinari, partikolarment dwar ir-riżultati relatati ma’ politika;

(i)

l-għotja ta’ tagħrif xjentifiku adattat fil-livell tat-tfassil ta’ politika fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni Ewropea;

(j)

l-istabbiliment ta’ skambju adattat ta’ tagħrif bi programmi internazzjonali rilevanti;

(k)

il-ħolqien ta’ netwerks bejn ċentri ddedikati għar-riċerka dwar it-tibdil fil-klima, inkluż ċentri li huma ‘l barra miż-Żona Ewropea tar-Riċerka;

(l)

it-tisħiħ konġunt ta’ eżerċizzji ta’ previżjoni.

4.

L-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu u jkomplu jiżviluppaw struttura ta’ ġestjoni komuni fil-qasam tat-tibdil fil-klima, li jkollha s-setgħa tistabbilixxi kundizzjonijiet, regoli u proċeduri komuni għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni u li jkollha s-setgħa tissorvelja l-implimentazzjoni tal-aġenda strateġika tar-riċerka.

5.

L-Istati Membri huma mħeġġa jimplimentaw l-aġenda strateġika tar-riċerka b’mod konġunt, fosthom permezz tal-programmi nazzjonali tar-riċerka tagħhom jew ta’ attivitajiet nazzjonali oħrajn tar-riċerka, skont il-linji gwida tal-Kundizzjonijiet ta’ Qafas għall-Ipprogrammar Konġunt żviluppati mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Ipprogrammar Konġunt tal-Kunsill (3).

6.

L-Istati Membri huma mħeġġa jikkooperaw mal-Kummissjoni bil-għan li jiġu esplorati inizjattivi li tista’ tieħu l-Kummissjoni biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jiżviluppaw u jimplimentaw l-aġenda strateġika tar-riċerka, u bil-għan li l-programmi konġunti jiġu kkoordinati mal-inizjattivi l-oħra tal-Unjoni f’dan il-qasam.

7.

L-Istati Membri huma mħeġġa jikkollaboraw mill-qrib mal-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika Internazzjonali (Strategic Forum for International Science and Technology Cooperation - SFIC) fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ dimensjoni internazzjonali possibbli fl-aġenda strateġika tar-riċerka u jiżguraw koerenza ma’ inizjattivi tal-SFIC ma’ u lejn pajjiżi terzi.

8.

L-Istati Membri huma mħeġġa jirrappurtaw b’mod regolari lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun qed isir f’din il-JPI permezz ta’ rapporti annwali dwar il-progress.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kummissjoni

Máire GEOGHEGAN-QUINN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ir-Rapport tal-UNFCCC (2009) dwar il-Konferenza tal-Partijiet fil-15-il sessjoni tagħha, li saret f’Kopenħagen mis-7 sad-19 ta’ Diċembru 2009.

(2)  10246/10

(3)  http://ec.europa.eu/research/era/docs/en/voluntary_guidelines.pdf


Top