Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011H0715(02)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat- 12 ta’ Lulju 2011 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tal-Bulgarija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza aġġornat tal-Bulgarija, 2011-2014

    ĠU C 209, 15.7.2011, p. 5–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    15.7.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 209/5


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-12 ta’ Lulju 2011

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tal-Bulgarija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza aġġornat tal-Bulgarija, 2011-2014

    2011/C 209/02

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkonsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkonsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(3) tiegħu,

    Wara li kkonsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkonsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Billi:

    (1)

    Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

    (2)

    Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali.

    (3)

    Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

    (4)

    Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibilità fiskali, lit-tnaqqis tal-qagħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

    (5)

    Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew ukoll stieden lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin biex jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

    (6)

    Fil-15 ta’ April 2011, il-Bulgarija ressqet l-aġġornament għall-Programm ta’ Konverġenza tal-2011 tagħha li jkopri l-perjodu 2011-2014 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2011 tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnotazzjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

    (7)

    Il-kriżi ekonomika interrompiet perjodu ta’ tkabbir b’saħħtu stimulat minn dħul sostanzjali ta’ investiment dirett barrani u espansjoni tal-kreditu. Reġa' kien hemm tkabbir tal-PDG fit-tieni kwart tal-2010, wara li dan kien waqa’ b’mod kumulattiv b’7,1 % mill-aktar livell għoli għall-aktar wieħed baxx u dan irriżulta f’PDG reali li baqa' estensivament wieqaf għall-2010 kollha. Żieda kbira fl-esportazzjonijiet u d-dħul ta' stokk mill-ġdid fl-inventarji kienu l-aktar muturi importanti għat-tkabbir. Il-bilanċ ġenerali tal-gvern inbidel minn wieħed pożittiv qabel il-kriżi għal defiċit ta’ 4,7 % tal-PDG fl-2009 u ta' 3,2 % tal-PDG fl-2010. Filwaqt li l-produzzjoni u l-impjiegi fl-industriji li jiddependu fuq l-esportazzjoni żdiedu, l-attività baxxa fil-kostruzzjoni, fil-bejgħ tal-propjetà u l-bejgħ bl-imnut xekklet l-irkupru matul is-sena li għaddiet. L-impjiegi ħadu daqqa ta’ ħarta minħabba l-korrezzjoni fil-produzzjoni b’telf ta’ madwar 358 000 impjieg mill-ogħla punt fl-2008. B’riżultat ta’ dan, il-qgħad żdied b’diversi punti perċentwali għal 10,2 % fl-2010, u l-impjiegi mhumiex mistennija li jirritornaw għal-livell ta' qabel il-kriżi f'terminu ta' żmien medju.

    (8)

    Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza aġġornat skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill jaħseb li x-xenarju makroekonomiku sottostanti tal-previżjonijiet fiskali huwa bbażat fuq previżjonijiet ta’ tkabbir aktar favorevoli minn dawk tas-servizzi tal-Kummissjoni. Il-Programm ta’ Konverġenza aġġornat jipprevedi korrezzjoni tad-defiċit ġenerali eċċessiv tal-gvern fl-2011, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2010, u aktar tnaqqis għal wara. Wara aġġustament baġitarju konsiderevoli u bil-quddiem ta’ aktar minn 2 punti perċentwali f’termini strutturali fl-2010, l-isforz fiskali fl-2011 hu ferm taħt l-aġġustament irrakkomandat ta’ mill-anqas 0,75 % tal-PDG iżda fuq medja, għall-perjodu kollu tal-PDE, l-isforz fiskali jibqa' 'l fuq minn 1 % tal-PDG. Għall-perjodu 2012-2014, l-aġġornament ma jipprovdix biżżejjed dettalji dwar il-miżuri baġitarji ppjanati biex jintlaħqu l-miri fiskali f'dawn is-snin. L-objettiv ta’ terminu medju (OTM), kif rivedut 'l isfel, ta’ defiċit struttuali ta’ 0,6 % tal-PDG, ippjanat għall-2014, għadu aktar ambizzjuż mil-livell minimu meħtieġ. Dan jirrifletti l-għanijiet tal-Patt ta’ stabbiltà u Tkabbir u hu previst li jintlaħaq sal-aħħar tal-perjodu tal-Programm ta' Konverġenza (2014). Madankollu, l-isforz fiskali strutturali medju annwali previst fl-2012-2014, wara l-korrezzjoni ppjanata tad-defiċit eċċessiv fl-2011, hu ferm taħt it-titjib strutturali annwali minimu rrakkomandat ta’ 0,5 % tal-PDG. Minħabba t-titjib gradwali tal-perspettiva ekonomika, il-Programm ta' Konverġenza għandu jimmira għal progress aktar mgħaġġel lejn il-kisba tal-OTM. Meta vvalutat fid-dawl ta' stima aktar prudenti ta’ tkabbir tal-produzzjoni potenzjali fuq perjodu medju, il-previżjoni tat-tkabbir fin-nefqa baġitarja għall-2012-2013 tidher li hija ottimista, u dan hu ta’ riskju għall-pożizzjoni fiskali strutturali fil-perjodu medju.

    (9)

    Il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv kif previst sal-aħħar tal-2011 għandu jgħin biex tinkiseb mill-ġdid il-kunfidenza u tissaħħaħ il-kredibbiltà tal-politiki tal-gvern. Matul il-perjodu medju, il-kisba tal-għan ta’ defiċit strutturali żgħir ta’ 0,6 % tal-PDG hu importanti biex jiġi żgurat li l-politika fiskali tappoġġja r-reġim monetarju li jinsab fis-seħħ. Madankollu, il-konsolidazzjoni fiskali hi mxekkla minn ineffiċjenzi fis-settur pubbliku li jistgħu jwasslu għal pressjonijiet konsiderevoli fuq in-nefqa filwaqt li d-dħul tal-baġit x'aktarx li jkun strutturalment aktar baxx mis-snin ta’ tkabbir ta' qabel ma faqqgħet il-kriżi. Riformi ambizzjużi għall-finanzi pubbliċi huma għalhekk meħtieġa sabiex jitwettqu l-aġġustamenti fiskali neċessarji u jiġi żgurat finanzjar għall-implimentazzjoni tar-riformi strutturali neċessarji, inkluż il-kofinanzjament meħtieġ għall-proġetti appoġġjati mill-UE.

    (10)

    Il-prestazzjoni fiskali tal-Bulgarija kienet pożittiva fl-ambjent ekonomiku favorevoli ta’ qabel il-kriżi. Il-miri fiskali ntlaħqu b’mod konsistenti u ġew akkumulati marġnijiet fiskali pożittivi kbar. Fl-2009, taħt l-impatt tal-kriżi ekonomika, għall-ewwel darba wara ħafna snin, il-baġit ġie f’defiċit, u r-regola li l-baġit jinżamm f’bilanċ jew ikun pożittiv u li n-nefqa pubblika tinżamm taħt l-40 % tal-PDG nkisret. Dan kien parzjalment relatat ma’ dgħjufijiet fl-ippjanar u l-kontroll tan-nefqa. Dan kien jirrifletti wkoll il-fatt li d-dħul mhux previst li kien jirriżulta minn attività ekonomika qawwija qabel il-kriżi intuża biex jiġu ffinanzjati żidiet relattivament kbar ta’ nefqa ad hoc u tnaqqis fir-rata ta’ sigurtà soċjali. Biex jiġu indirizzati dawn il-problemi, l-awtoritajiet ħadu diversi inizjattivi biex itejbu s-sistemi ta’ kontroll, monitoraġġ u rappurtar tan-nefqa, inkluża l-adozzjoni ta’ pakkett leġiżlattiv komprensiv li saħħaħ ir-regoli fiskali u l-qafas baġitarju għall-perjodu medju. Dan mistenni li jżid id-dixxiplina fiskali u l-prevedibbiltà tal-politiki, li jnaqqas il-volatilità makroekonomika u jiżgura politika fiskali anqas proċiklika. Skont il-valutazzjoni l-aktar riċenti tal-Kummissjoni, ir-riskji fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi jidhru medji.

    (11)

    Fis-snin ta’ tkabbir ta' qabel il-kriżi kien hemm issikkar konsiderevoli tas-suq tax-xogħol u żidiet kbar fil-pagi, li qabżu ż-żidiet fil-produttività. Dan wassal għal żieda fil-livell medju tal-pagi, li għalhekk resaq aktar viċin għall-medja tal-UE. It-tkabbir fil-pagi laħaq il-quċċata b’rata annwali ta’ kważi 20 % fir-raba’ kwart tal-2007. Wara t-tnaqqis, il-pass taż-żieda fil-pagi naqas, għalkemm iż-żieda fil-pagi baqgħet relattivament għolja bi kważi 10 % fl-2010 għall-impjegati b’kuntratti tax-xogħol (li jirrappreżentaw madwar 65 % tal-popolazzjoni li taħdem).

    (12)

    L-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol jirriflettu d-deterjorament riċenti tas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol matul il-kriżi u l-provvista insuffiċjenti ta’ politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol (PASX), kif ukoll in-nuqqas ta' finanzi tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi. Il-kwalità tas-servizzi pubbliċi fl-oqsma tal-attivazzjoni, l-għajnuna fit-tiftix tal-impjieg u t-taħriġ mill-ġdid hija insuffiċenti. Il-kapaċità dgħajfa għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-programmi tirrikjedi aktar tisħiħ bil-ħsieb tat-titjib tal-proċess tat-tfassil tal-politika. Kif ġie muri f’rapport riċenti kkummissjonat mill-Ministeru tax-Xogħol u l-Politika Soċjali (“Main results from the net impact evaluation of public employment services”), servizzi aktar individwali u ta’ kwalità aħjar, kif ukoll infrastruttura aħjar tal-uffiċċji tax-xogħol, ikunu ta' appoġġ aktar effettiv għal dawk li jinsabu bla xogħol biex isibu impjieg.

    (13)

    Il-kriżi ekonomika għadha tolqot lis-suq tax-xogħol. Ir-rata tal-qgħad żdiedet minn 5,4 % fl-2008 għal 10,2 % fl-2010, filwaqt li għaż-żgħażagħ (ta’ età bejn il-15 u l-24 sena) laħqet it-23,2 % fl-2010. Il-kriżi laqtet b’mod partikolari lill-ħaddiema bi ftit kompetenzi (inkluża parti kbira mill-minoranza tar-Roma) li jirrappreżentaw kważi 70 % ta’ dawk mingħajr impjieg. Is-sehem tal-qgħad fuq perjodu twil (46 % fl-2010) huwa ogħla mill-medja tal-UE (2010: 40 %), u hemm riskju li dan isir strutturali. Ir-rata ta’ attività taż-żgħażagħ baqgħet b’mod konsistenti anqas minn żewġ terzi tal-medja tal-UE (2009: 29,5 %; UE: 43,8 %). Ir-rata ta’ qgħad taż-żgħażagħ kienet ta’ 24,8 % fl-2009 (UE: 35,2 %). Il-Bulgarija għandha wkoll l-ogħla sehem ta’ persuni żgħażagħ li la jinsabu fl-edukazzjoni u lanqas f’impjieg (19,5 % mill-persuni ta’ età bejn il-15 u l-24 sena). Wieħed mill-ostakli ewlenin għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol huwa n-nuqqas ta’ opportunitajiet biex jiġu kkombinati l-edukazzjoni u x-xogħol, b’mod partikolari permezz ta’ taħriġ intern (internships) u apprendistati fil-qasam tal-istudju tagħhom, li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni għas-suq tax-xogħol.

    (14)

    Minkejja kisba ta’ edukazzjoni ’l fuq mill-medja, il-Bulgarija għandha madwar 40 % li huma batuti fil-litteriżmu u l-ħiliet numeriċi. Dan juri li hemm skop għal titjib fis-sistema tal-edukazzjoni għall-allinjament aħjar tagħha mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Il-Liġi li se tiġi adottata dwar l-Edukazzjoni Preskolastika u Skolastika, li tkompli tibni fuq ir-riżultati pożittivi tar-riforma riċenti ta’ diċentralizzazzjoni tal-iskejjel, hi mistennija li tipprovdi ċerti soluzzjonijiet li jistgħu jiġu msaħħa aktar, bħal fir-rigward tal-awtonomija finanzjarja, tar-rati ta’ parteċipazzjoni preskolastika u tal-valutazzjoni esterna, kif ukoll tiżgura li jkun hemm min jinżamm responsabbli. Ir-rata tat-tluq bikri mill-iskola (14,7 % fl-2009) hija qrib ħafna l-medja tal-UE, iżda hi b'mod partikolari għolja fost ir-Roma (fejn kienet stmata li kienet 43 % fl-2008). Ir-rati ta’ kisba terzjarja (27,9 % fl-2009) jibqgħu taħt il-medja tal-UE (32,2 %). Il-Bulgarija dewmet ħafna r-riforma tal-edukazzjoni għolja tagħha. Il-Liġi tal-Edukazzjoni Għolja l-ġdida, li kienet diġà tressqet fl-2010 iżda li sussegwentement ġiet irtirata, għandha tipprovdi pass utli biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' riforma.

    (15)

    Ir-riforma fil-pensjonijiet li ġiet deċiża fl-2010 mhix marbuta mal-istennija ta' tul tal-ħajja jew mas-sitwazzjoni tas-sistema tas-saħħa u l-kura fit-tul. Il-perjodu ta’ implimentazzjoni hu mill-2011 sal-2026, bil-biċċa l-kbira tal-miżuri li jieħdu effett fit-tieni nofs tal-perjodu li jista' jpoġġi f’riskju kemm l-implimentazzjoni u s-sostenibbiltà tal-ewwel pilastru tas-sistema tal-pensjoni.

    (16)

    Iċ-ċittadini tal-Bulgarija għaddew minn livell ta’ faqar akbar meta mqabbel mal-medja tal-UE (41,9 % tal-popolazzjoni tinsab f'deprivazzjoni materjali ħarxa meta mqabbel ma’ 8,1 % għall-UE). Madwar 66 % tal-anzjani huma f’riskju ta’ faqar, li hi rata konsiderevolment ogħla mill-medja tal-UE. Hemm sinjali li l-kundizzjonijiet ta’ għixien iddeterjoraw f’dawn l-aħħar sentejn. Minħabba s-sitwazzjoni demografika, il-kisba tal-miri tal-Programm Nazzjonali ta' Riforma għat-tnaqqis tal-faqar tiddependi l-biċċa l-kbira fuq it-tfassil tajjeb ta’ politiki għall-ħaddiema mdaħħlin fiż-żmien u l-persuni żvantaġġjati, kif ukoll fuq trasferimenti soċjali adegwati. Il-Programm Nazzjonali ta' Riforma iħabbar l-iżvilupp ta’ strateġija operazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma (li huma stmati li jammontaw għal 10 % tal-popolazzjoni (3)), sabiex jiġu indirizzati l-ostakli doppji li jaffaċċjaw fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-akkomodazzjoni, permezz ta’ pjan komprensiv wieħed.

    (17)

    L-effiċjenza baxxa tas-servizzi pubbliċi tibqa’ ostaklu għat-tkabbir. Minkejja l-armonizzazzjoni riċenti, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika ma ttrattatx it-titjib fil-kwalità tal-persunal jew f' funzjonijiet importanti. Il-Bulgarija għandha penetrazzjoni tal-broadband fiss baxxa ħafna – 14,9 %, u tinsab qabel tal-aħħar fl-UE, fatt li jillimita wkoll id-dħul ta’ servizzi pprovduti b’mod elettroniku.

    (18)

    Ir-rata tal-irregolarità fl-akkwist pubbliku tlaħħaq is-60 % fil-proċeduri kollha vverifikati u hi saħansitra ogħla f’proġetti kbar pubbliċi tal-infrastruttura, fejn l-awtoritajiet għandhom obbligu ta’ kontroll ex ante. Il-kapaċità tal-Aġenzija ta’ Ispezzjoni Finanzjarja Pubblika tnaqqset b’mod sostanzjali fl-2006 u b’riżultat ta’ dan, l-aġenzija għamlet kontrolli ex post fi 12 % biss mill-proċeduri kollha ta’ akkwist pubbliku fl-2007-2009. Emendi riċenti fil-Liġi dwar l-Akkwist Pubbliku u l-Liġi dwar l-Ispezzjoni Finanzjarja Pubblika ġew approvati mill-Kunsill tal-Ministri u mgħoddija għal proċedura parlamentari.

    (19)

    L-intensità fil-konsum tal-enerġija tal-ekonomija tal-Bulgarija hi waħda mill-ogħla fl-UE. L-aktar eżempju li jispikka huwa t-tisħin tad-djar, fejn il-binjiet b’ħafna appartamenti miżmuma ħażin jammontaw għall-biċċa l-kbira tal-problema. Bidliet riċenti fir-regoli ta’ eliġibbiltà joħolqu l-possibbiltà li jintużaw Fondi Strutturali tal-UE għal appoġġ għal investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Saru ftit investimenti, filwaqt li d-dħul mit-taxxi fuq l-enerġija u t-trasport naqsu meta mqabbla mal-PDG u wkoll meta mqabbla mat-taxxi fuq ix-xogħol, li huma ferm ogħla mill-medja tal-UE. L-aċċess għas-suq tal-enerġija hu mfixkel minħabba kompetizzjoni mnaqqsa u mekkaniżmi għall-iffissar tal-prezzijiet mhux ċari.

    (20)

    Il-Bulgarija ħadet għadd ta’ impenji fil-Patt Euro Plus. Fuq in-naħa fiskali, l-impenji jindikaw li s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi se jiġu trattati permezz ta’ miżuri ta’ riforma tal-pensjonijiet, azzjoni biex tkun assigurata paga bbażata fuq il-prestazzjoni fis-settur pubbliku permezz tal-iffriżar tal-pensjonijiet u l-pagi sal-2013 u t-tisħiħ tal-qafas fiskali domestiku permezz tal-adozzjoni ta’ Patt tal-Istabbiltà Finanzjarja, li jinkludi regoli fiskali numeriċi li jorbtu. Biex jitkattru l-impjiegi, se jittieħdu miżuri biex jonqos is-sehem tal-impjiegi mhux iddikjarati u biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema. Il-miżuri ta' kompetittività jiffukaw fuq it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u ż-żieda tal-governanza elettronika; it-titjib fl-aċċess għall-edukazzjoni u tal-prestazzjoni tas-sistema tal-edukazzjoni. L-impenji msemmija hawn fuq jirreferu għal tlieta mill-erba' oqsma tal-Patt, bl-eskużjoni tas-settur finanzjarju. Dawn jirrappreżentaw kontinwità tal-aġenda usa' ta' riforma deskritta fil-Programm ta’ Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma, u jagħtu spinta lill-proġetti ta’ riforma fl-oqsma tal-governanza fiskali, l-amministrazzjoni pubblika u l-edukazzjoni. L-impenji fil-Patt Euro Plus ġew ivvalutati u kkunsidrati fir-rakkomandazzjonijiet.

    (21)

    Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta’ Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma, u l-impenji tal-Patt Euro Plus. Fid-dawl tal-ħtieġa għal tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jiġi provdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri, fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għal politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fil-Bulgarija, iżda wkoll kemm jikkonformaw mar-regoli u l-gwida tal-UE. Hi tqis li wara aġġustament baġitarju konsiderevoli u bil-quddiem fl-2010, il-pjanijiet għall-konsolidazzjoni fiskali għall-2011 għandhom jiġu implimentati kif previst u d-defiċit għandhu jitniżżel għal taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2010. L-aġġornament ma jipprovdix biżżejjed dettalji dwar miżuri baġitarji ppjanati biex jinkisbu l-miri fiskali fl-2012-2014 u seta’ jiġi żgurat progress aktar mgħaġġel lejn l-OTM magħżul. It-tisħiħ tal-qafas fiskali domestiku se jservi ta' bażi għad-dixxiplina fiskali u jipprovdi għal aktar prevedibbiltà u kredibbiltà tal-politiki tal-gvern fuq perjodu medju. Għandhom jittieħdu wkoll aktar passi biex tissaħħaħ il-kompetittività, ikun hemm għajnuna għal min qed ifittex impjieg, jiġu protetti dawk il-gruppi l-aktar vulnerabbli li qed jiffaċċjaw ostakli multipli, tittejjeb il-kapaċità tal-amministrazzjoni u r-regolaturi pubbliċi, tiżdied l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi kif ukoll biex jinfetħu aktar opportunitajiet għall-investiment u t-tkabbir.

    (22)

    Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni u tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’ Konverġenza tal-Bulgarija u l-opinjoni tiegħu (4) hi riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fil-paragrafi (1) u (2) hawn taħt. Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Bulgarija,

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Bulgarija tieħu azzjoni fil-perjodu 2011-2012 biex:

    1.

    Tipproċedi bl-implimentazzjoni effettiva tal-baġit biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv fl-2011, f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2010 taħt il-PDE. Tispeċifika l-miżuri li fuqhom hi bbażata l-istrateġija baġitarja għall-2012-2014. Tieħu vantaġġ mill-irkupru ekonomiku sabiex tiżgura progress adegwat lejn l-għan fuq perjodu medju, primarjament billi żżomm kontroll qawwi fuq it-tkabbir tan-nefqa, filwaqt li tagħti prijorità lin-nefqa li tgħin lit-tkabbir.

    2.

    Tieħu passi ulterjuri biex ittejjeb il-prevedibbiltà tal-ippjanar baġitarju u l-kontroll tal-implimentazzjoni, inkluż fuq bażi tad-dovuti, b’mod partikolari billi ssaħħaħ il-governanza fiskali. Għal dan il-għan, tfassal u timplimenta regoli fiskali li jorbtu u qafas baġitarju ddefinit tajjeb fuq perjodu medju li jiżguraw it-trasparenza fil-livelli kollha tal-gvern.

    3.

    Timplimenta l-passi maqbula mal-imsieħba soċjali skont ir-riforma attwali tal-pensjonijiet, tavvanza wħud mill-miżuri prinċipali tagħha li jgħinu sabiex tiżdied l-età effettiva tal-pensjoni u tnaqqas l-irtirar bikri, bħal permezz taż-żieda gradwali fit-tul tas-servizz għall-assigurazzjoni soċjali u ssaħħaħ il-linji ta' politika biex tgħin lill-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien biex jibqgħu fl-impjieg għal aktar żmien.

    4.

    Tippromwovi, f'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u skont il-prattiki nazzjonali, politiki sabiex tiżgura li ż-żidiet fil-pagi jirriflettu aħjar l-iżviluppi fil-produttività u jippreservaw il-kompetittività filwaqt li tagħti attenzjoni għall-konverġenza attwali.

    5.

    Tieħu passi bies tindirizza l-isfida tal-ġlieda kontra l-faqar u tippromwovi l-inklużjoni soċjali, b’mod speċjali għall-gruppi vulnerabbli li qed jiffaċċjaw ostakli multipli.Tieħu miżuri sabiex timmodernizza s-servizzi pubbliċi tal-impjieg biex ittejjeb il-kapaċità tagħhom biex iqabblu l-profili tal-ħiliet mad-domanda tas-suq tax-xogħol; u tiffoka l-appoġġ fuq persuni żgħażagħ bi ftit kompetenzi. Tavvanza r-riforma tal-edukazzjoni billi tadotta l-Liġi dwar l-Edukazzjoni Preskolastika u Skolastika u Att dwar l-Edukazzjoni Għolja ġdid sa nofs l-2012.

    6.

    Tħaffef l-isforzi biex titjieb il-kapaċità amministrattiva fil-funzjonijiet ewlenin tal-gvern u tal-awtoritajiet regolatorji, sabiex is-servizzi pubbliċi jsiru aktar effettivi fir-reazzjoni tagħhom għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini u n-negozji; tintroduċi u timplimenta b'mod effettiv miżuri biex tiċċekja l-akkwist pubbliku fuq il-bażi ta’ valutazzjonijiet tar-riskju, issaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet biex jipprevjenu u jissanzjonaw l-irregolaritajiet, sabiex jitjiebu l-kwalità u l-valur għall-flus fl-użu tal-fondi pubbliċi.

    7.

    Tneħħi kompletament l-ostakli għad-dħul, l-arranġamenti ta’ profitti garantiti u l-kontrolli fuq il-prezzijiet u tiżgura li jkun hemm indipendenza totali tar-Regolatur tal-Enerġija tal-Bulgarija, sabiex is-swieq tal-elettriku u tal-gass jinfetħu għal aktar kompetizzjoni. Tintroduċi inċentivi biex taġġorna l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. VINCENT-ROSTOWSKI


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 138, 26.5.2011, p. 56).

    (3)  Skont estimi mill-Kunsill tal-Ewropa.

    (4)  Prevista fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top