Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D1015(02)

    Deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal- 15 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-regoli ta' sigurtà għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

    ĠU C 304, 15.10.2011, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    15.10.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 304/7


    Deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

    tal-15 ta’ Ġunju 2011

    dwar ir-regoli ta' sigurtà għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

    2011/C 304/05

    IR-RAPPREŻENTANT GĦOLI,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (“SEAE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha.

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija aktar 'il fuq.

    Billi:

    (1)

    Is-SEAE bħala korp funzjonalment awtonomu tal-Unjoni Ewropea għandu jkollu regoli tas-sigurtà kif imsemmi fl-Art 10(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE.

    (2)

    Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiddeċiedi dwar ir-regoli tas-sigurtà għas-SEAE li jkopru kull aspett tas-sigurtà sabiex is-SEAE jkun jista' jaffaċċja b'mod effettiv ir-riskji għall-persunal, l-assi fiżiċi u l-informazzjoni tiegħu, u jwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħu tad-‘dmir ta' diliġenza' f'dan ir-rigward.

    (3)

    Ir-regoli tas-sigurtà għas-SEAE għandhom jgħinu sabiex jinkiseb qafas ġenerali komprensiv aktar koerenti fi ħdan l-Unjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata, li jibni fuq ir-regoli tal-Kunsill dwar is-sigurtà u d-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà.

    (4)

    B'mod partikolari, għandu jiġi pprovdut livell ta' protezzjoni lill-persunal, l-assi fiżiċi u l-informazzjoni tas-SEAE li huwa konformi mal-aħjar prattika fil-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u, kif xieraq, organizzazzjonijiet internazzjonali.

    (5)

    Il-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata applikati fis-SEAE għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikati fil-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea.

    (6)

    Huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-organizzazzjoni tas-sigurtà fis-SEAE u l-allokazzjoni tal-kompiti tas-sigurtà fi ħdan l-istrutturi tas-SEAE.

    (7)

    Ir-Rappreżentant Għoli għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa neċessarji sabiex jimplimenta dawn ir-regoli bl-appoġġ tal-Istati Membri, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea.

    (8)

    Ir-Rappreżentant Għoli għandu juża l-għarfien espert relevanti fl-Istati Membri, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea kif meħtieġ, inkluż permezz ta' struttura tas-sigurtà xierqa.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għan u ambitu

    1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli għas-sikurezza u s-sigurtà tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (minn hawn 'il quddiem “ir-regoli tas-sigurtà tas-SEAE”). Hija tistabbilixxi l-qafas regolatorju ġenerali għall-ġestjoni effettiva tar-riskji għall-persunal, l-assi fiżiċi u l-informazzjoni, u għat-twettiq tar-responsabbiltajiet tiegħu ta' dmir ta' diliġenza f'dan ir-rigward.

    2.   Ir-regoli tas-sigurtà tas-SEAE għandhom japplikaw għall-persunal kollu tas-SEAE (jiġifieri, uffiċjali u impjegati oħra, esperti nazzjonali ssekondati u aġenti lokali) u għall-persunal kollu fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, indipendentement mill-istatus jew l-oriġini amministrattiva tagħhom (minn hawn 'il quddiem “il-persunal”).

    3.   Ir-Rappreżenant Għoli għandu jieħu kull miżura neċessarja sabiex jimplimenta dawn ir-regoli fis-SEAE u jibni l-kapaċità neċessarja li tkopri l-aspetti kollha tas-sigurtà bl-appoġġ tas-servizzi relevanti tal-Istati Membri, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni.

    4.   Mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni preżenti, jistgħu jintużaw arranġamenti ta' tranżizzjoni, kif meħtieġ, permezz ta' ftehimiet tal-livell tas-servizzi mas-servizzi relevanti tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni.

    5.   Ir-Rappreżenant Għoli għandu jżomm dawn ir-regoli tas-sigurtà taħt osservazzjoni. Ir-Rappreżenant Għoli għandu jiżgura konsistenza globali fl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    6.   Fejn meħtieġ, ir-Rappreżentant Għoli, fuq rakkomandazzjoni mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 9(6), għandu japprova politiki tas-sigurtà u jippreżenta miżuri għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Dak il-Kumitat jista' jiftiehem fuq il-livell tiegħu dwar linji gwida tas-sigurtà li jissupplimentaw jew jappoġġjaw din id-Deċiżjoni.

    7.   Filwaqt li jimplimenta l-paragrafu 6, il-Kumitat għandu jqis b'mod sħiħ il-politiki u l-linji gwida tas-sigurtà fis-seħħ fil-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea sabiex iżomm il-konsistenza bejn il-miżuri ta' sigurtà rispettivi fis-SEAE, il-Kunsill u l-Kummissjoni.

    Artikolu 2

    Ġestjoni tar-riskji tas-sigurtà

    1.   Sabiex jiddetermina l-ħtiġijiet tiegħu tas-sigurtà protettiva, is-SEAE għandu japplika metodoloġija sħiħa ta' valutazzjoni tar-riskju tas-sigurtà f'konsultazzjoni mal-Uffiċċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u d-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 9(6) għandu jiġi kkonsultat dwar l-applikazzjoni tiegħu fis-SEAE.

    2.   Ir-riskju għall-persunal, l-assi fiżiċi u l-informazzjoni għandu jiġi ġestit bħala proċess. Dan il-proċess għandu jkun immirat sabiex jiddetermina riskji tas-sigurtà magħrufa, jiddefinixxi miżuri tas-sigurtà sabiex inaqqas dawn ir-riskji għal livell aċċettabbli u japplika miżuri f'konformità mal-kunċett tad-difiża fil-fond. L-effikaċja ta' dawn il-miżuri għandha tiġi kontinwament evalwata.

    3.   Ir-rwoli, ir-responsabbiltajiet u d-dmirijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni huma bla ħsara għar-responsabbiltà tal-membri kollha tal-persunal tas-SEAE li jeżerċitaw is-sens komun u l-ġudizzju tajjeb fir-rigward tas-sikurezza u s-sigurtà tagħhom stess, u wkoll il-ħtieġa li huma jikkonformaw mar-regoli, ir-regolamenti, il-proċeduri u l-istruzzjonijiet applikabbli kollha dwar is-sigurtà.

    4.   Is-SEAE għandu jieħu l-miżuri raġonevoli kollha sabiex jiżgura s-sikurezza u s-sigurtà tal-persunal, l-assi fiżiċi u l-informazzjoni u sabiex ma jħallix li jseħħ xi dannu raġonevolment prevedibbli għalihom skont l-Artikolu 1(3).

    5.   Miżuri tas-sigurtà fis-SEAE għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħha għandhom ikunu konsistenti b'mod partikolari mal-klassifikazzjoni tas-sigurtà tagħha, il-forma u l-volum tal-informazzjoni jew materjal, il-post u l-kostruzzjoni tal-faċilitajiet li fihom tkun tinsab l-informazzjoni klassifikata u t-theddida, inkluża t-theddida vvalutata lokalment, ta' attivitajiet malizzjużi u/jew kriminali, inkluż l-ispjunaġġ, is-sabutaġġ u t-terroriżmu.

    Artikolu 3

    Il-protezzjoni tal-informazzjoni

    1.   Ir-Rappreżenant Għoli għandu, wara li jikkonsulta lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, jiddeċiedi dwar regoli għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE (1) (minn hawn 'il quddiem “EUCI”). Sakemm jiġu adottati dawn ir-regoli, is-SEAE għandu japplika mutatis mutandis ir-regoli tas-sigurtà tal-Kunsill imsemmija aktar 'il fuq. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jimplimenta dawk ir-regoli fis-SEAE skont l-Artikolu 1(3).

    2.   Fejn l-Istati Membri jintroduċu informazzjoni klassifikata li ġġorr marka tal-klassifikazzjoni tas-sigurtà nazzjonali fl-istrutturi jew in-netwerks tas-SEAE, is-SEAE għandu jipproteġi dik l-informazzjoni skont ir-rekwiżiti applikabbli għall-EUCI fil-livell ekwivalenti, kif stabbilit fir-regoli applikabbli skont l-Artikolu 3(1).

    3.   Fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni sensittiva mhux ikklassifikata, il-miżuri tas-sigurtà fi ħdan is-SEAE għandhom ikunu konsistenti mas-sensittività tagħha u/jew l-impatt fuq l-interessi tal-UE tal-iżvelar mhux awtorizzat tagħha.

    Artikolu 4

    Sigurtà fiżika

    1.   Miżuri xierqa ta' sigurtà fiżika, inklużi arranġamenti tal-kontroll tal-aċċess, għandhom jiġu stabbiliti għall-binjiet, uffiċċji, kmamar u żoni oħra fis-SEAE, kif ukoll żoni li fihom ikun hemm sistemi tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni li jkunu jittrattaw informazzjoni klassifikata. Dawn il-miżuri għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni fit-tfassil u l-ippjanar tal-binjiet.

    2.   Fejn meħtieġ, għandhom jittieħdu miżuri ta' sigurtà fiżika għall-protezzjoni tal-persunal u d-dipendenti tagħhom.

    3.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu konsistenti mar-riskju vvalutat għall-persunal u l-viżitaturi, l-assi fiżiċi u l-informazzjoni.

    4.   Żoni fis-SEAE li fihom tkun maħżuna informazzjoni klassifikata CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla minn hekk, jew l-ekwivalenti tagħha, għandhom jiġu stabbiliti bħala żoni sikuri skont ir-regoli tal-Artikolu 3(1) u għandhom jiġu approvati mill-awtorità kompetenti tas-sigurtà fi ħdan is-SEAE.

    Artikolu 5

    Awtorizzazzjoni tas-sigurtà għall-persunal

    1.   L-aċċess għal informazzjoni klassifikata u l-proċeduri tal-awtorizzazzjoni tas-sigurtà tal-persunal għandhom ikunu rregolati mir-rekwiżiti stabbiliti fir-regoli skont l-Artikolu 3(1).

    2.   Il-persunal kollu li d-dmirijiet tiegħu jitolbu li huwa jkollu aċċess għall-informazzjoni klassifikata bħala CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla minn hekk, jew l-ekwivalenti tagħha, għandu jkollu approvazzjoni tas-sigurtà sal-livell meħtieġ qabel ma jingħata aċċess għal din l-informazzjoni klassifikata. Madankollu, aġenti lokali ma għandhomx jingħataw aċċess għall-EUCI minbarra u f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli skont l-Artikolu 3(1).

    3.   Il-proċeduri tal-approvazzjoni tas-sigurtà għall-persunal tas-SEAE għandhom jiġu stabbiliti fir-regoli skont l-Artikolu 3(1). Dawn il-proċeduri għandhom jipprovdu livell ta' assigurazzjoni ekwivalenti għal dak stipulat fil-proċeduri applikati fil-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

    Artikolu 6

    Is-sigurtà tas-sistemi tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni

    1.   Is-SEAE għandu jipproteġi l-informazzjoni użata f'sistemi tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni (minn hawn 'il quddiem “CIS”) kontra theddid għall-kunfidenzjalità, l-integrità, id-disponibbiltà, l-awtentiċità u l-impossibilità li wieħed jirrifjuta l-kunsinja.

    2.   Is-CIS kollha li jużaw informazzjoni klassifikata għandhom jgħaddu minn proċess ta' akkreditazzjoni. Is-SEAE għandu japplika sistema għall-ġestjoni tal-akkreditazzjoni tas-sigurtà f'konsultazzjoni mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea.

    3.   Fejn il-protezzjoni tal-EUCI hija pprovduta minn prodotti kriptografiċi, dawn il-prodotti għandhom jiġu approvati mill-Awtorità tal-Approvazzjoni tal-Kriptografija tas-SEAE fuq rakkomandazzjoni mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, f'konformità mal-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE.

    4.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu, sal-punt neċessarju, jistabbilixxi l-funzjonijiet li ġejjin tal-Assigurazzjoni tal-Informazzjoni, skont l-Artikolu 3(1):

    (a)

    Awtorità tal-Assigurazzjoni tal-Informazzjoni;

    (b)

    Awtorità TEMPEST;

    (c)

    Awtorità tal-Approvazzjoni tal-Kriptografija;

    (d)

    Awtorità tad-Distribuzzjoni tal-Kriptografija

    5.   Għal kull sistema, ir-Rappreżentant Għoli għandu jistabbilixxi l-funzjonijiet li ġejjin skont l-Artikolu 3(1):

    (a)

    Awtorità tal-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà;

    (b)

    Awtorità Operattiva tal-Assigurazzjoni tal-Informazzjoni.

    Artikolu 7

    Għarfien u taħriġ tas-sigurtà

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiżgura li l-programmi neċessarji tal-għarfien u t-taħriġ tas-sigurtà jitfasslu u jiġu implimentati fis-SEAE, u li l-persunal u, fejn xieraq, id-dipendenti tagħhom, jirċievu l-briefings informattivi u t-taħriġ konsistenti mar-riskji li jkun hemm fil-post tar-residenza tagħhom.

    2.   Qabel ma jingħataw aċċess għall-informazzjoni klassifikata u f'intervalli regolari wara dan, il-membri tal-persunal għandhom jiġu infurmati dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom li jipproteġu l-EUCI f'konformità mar-regoli tal-Artikolu 3(1), u jirrikonoxxu dawn l-istess responsabbiltajiet.

    Artikolu 8

    Ksur tas-sigurtà u pperikolar ta' informazzjoni klassifikata

    1.   Kull ksur jew suspett ta' ksur tas-sigurtà għandu jiġi rrappurtat immedjatament lid-Direttorat tas-Sigurtà tas-SEAE, li għandu jinforma lill-awtoritajiet relevanti tal-Kummissjoni, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jew l-Istati Membri kif neċessarju.

    2.   Fejn huwa magħruf jew fejn hemm kawża raġonevoli li wieħed jissuspetta li informazzjoni klassifikata ġiet ipperikolata jew mitlufa, id-Direttorat tas-Sigurtà tas-SEAE għandu jinforma lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jew l-Istat Membru kif xieraq u jieħu l-miżuri relevanti kollha f'konformità mar-regoli skont l-Artikolu 3(1).

    3.   Kull membru tal-persunal li huwa responsabbli għal ksur tar-regoli tas-sigurtà stabbiliti f'din id-Deċiżjoni jista' jkun suġġett għal azzjoni dixxiplinari f'konformità mar-regoli jew ir-regolamenti applikabbli. Kull individwu li huwa responsabbli għall-ipperikolar jew it-telf ta' informazzjoni klassifikata għandu jkun suġġett għal azzjoni dixxiplinari u/jew legali f'konformità mal-liġijiet, regoli u regolamenti applikabbli.

    Artikolu 9

    Organizzazzjoni tas-sigurtà fis-SEAE

    1.   Ir-Rappreżenant Għoli għandu jkun l-Awtorità tas-Sigurtà tas-SEAE. F'dik il-kapaċità, ir-Rappreżenant Għoli għandu jiżgura b'mod partikolari li:

    (a)

    il-miżuri tas-sigurtà jiġu kkoordinati kif meħtieġ mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea, u, kif xieraq, Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, fuq il-materji kollha tas-sigurtà relevanti għall-attivitajiet tas-SEAE, inkluż dwar in-natura tal-perikli għas-sigurtà tal-persunal, l-assi fiżiċi u l-informazzjoni u l-mezzi sabiex tinkiseb protezzjoni kontrihom;

    (b)

    l-aspetti tas-sigurtà jittieħdu f'kunsiderazzjoni b'mod sħiħ mill-bidu nett fl-attivitajiet kollha tas-SEAE;

    (c)

    Approvazzjonijiet tas-Sigurtà tal-Persunal tal-UE jinħarġu lill-persunal tas-SEAE f'konformità mal-Artikolu 5(2) qabel ma jingħataw aċċess għall-informazzjoni klassifikata CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla, jew l-ekwivalenti tagħha;

    (d)

    tiġi stabbilita sistema ta' reġistru għal finijiet tas-sigurtà fi ħdan is-SEAE u din għandha tiżgura li l-informazzjoni klassifikata tiġi użata f'konformità mar-regoli skont l-Artikolu 3(1) u li jinżamm rekord tal-informazzjon klassifikata kollha li tingħata mis-SEAE lil pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, u tal-informazzjoni klassifikata kollha li tiġi riċevuta mingħand Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

    (e)

    isiru l-ispezzjonijiet tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 11;

    (f)

    isiru l-investigazzjonijiet dwar kull ksur reali jew issuspettat tas-sigurtà, inkluż l-ipperikolar jew it-telf ta' informazzjoni klassifikata miżmuma mis-SEAE jew li toriġina mingħandu, u li l-awtoritajiet relevanti tas-sigurtà jintalbu sabiex jassistu f'dawn l-investigazzjonijiet;

    (g)

    sabiex jingħata rispons f'waqtu u effettiv għall-inċidenti tas-sigurtà, pjanijiet u mekkaniżmi xierqa ta' ġestjoni tal-inċidenti u l-konsegwenzi tagħhom huma stabbiliti;

    (h)

    jittieħdu miżuri xierqa fil-każ li l-presunal ma jirrispettax din id-Deċiżjoni.

    2.   Ir-Rappreżenant Għoli jista' jidħol f'arranġamenti amministrattivi kif meħtieġ, u b'mod partikolari fir-rigward tal-iskambju tal-informazzjoni klassifikata ma' Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, bla ħsara għall-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 9(6) għandu jiġi kkonsultat qabel ma dawn jiġu konklużi.

    3.   Is-Segretarju Ġenerali Eżekuttiv għandu jiżgura li jittieħdu miżuri fiżiċi u organizzattivi xierqa għas-sigurtà u s-sikurezza tal-persunal u tal-viżitaturi, tal-assi fiżiċi u tal-informazzjoni fil-bini kollu tas-SEAE. Is-Segretarju Ġenerali Eżekuttiv għandu jkun megħjun f'dan l-inkarigu mill-Uffiċjal Operattiv Ewlieni u d-Direttorat tas-Sigurtà tas-SEAE.

    4.   Is-SEAE għandu jkollu Direttorat tas-Sigurtà responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kwistjonijiet kollha tas-sigurtà fi ħdan is-SEAE, u li għandu jkun għad-dispożizzjoni tar-Rappreżentant Għoli u, meta jkun neċessarju, jista' jirrapporta lilu, skont il-mandat tiegħu. F'konformità mal-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE, id-Direttorat tas-Sigurtà għandu jkun megħjun mis-servizzi kompetenti tal-Istati Membri.

    5.   Il-Kap ta' kull Delegazzjoni tal-Unjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-miżuri kollha li jirrigwardaw is-sigurtà tad-Delegazzjoni, u għandu jieħu ħsieb is-sigurtà u s-sikurezza tal-persunal, il-viżitaturi, l-assi fiżiċi u l-informazzjoni tad-Delegazzjoni. Huwa għandu jkun megħjun f'dawn l-inkarigi mid-Direttorat tas-Sigurtà tas-SEAE, mill-persunal tad-Delegazzjoni li jeżerċita dmirijiet u funzjonijiet dedikati, u minn persunal tas-sigurtà dedikat stazzjonat fejn neċessarju.

    6.   Qiegħed jiġi b’dan stabbilit Kumitat tas-Sigurtà. Ir-Rappreżenant Għoli għandu jitlob il-pariri tal-Kumitat tas-Sigurtà, li għandu jeżamina u jivvaluta kull kwistjoni ta' sigurtà fl-ambitu ta' din id-Deċiżjoni u jagħmel rakkomandazzjonijiet kif xieraq. Il-Kumitat tas-Sigurtà għandu jikkonsisti f'esperti relevanti tas-sigurtà li jirrappreżentaw lill-Istati Membri kollha, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u d-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea. Huwa għandu jkun ippresjedut mir-Rappreżenant Għoli, jew id-delegat appuntat tiegħu, u għandu jiltaqa' skont l-istruzzjonijiet li jingħata mir-Rappreżentant Għoli jew fuq talba ta' xi wieħed mill-membri tiegħu. Il-Kumitat tas-Sigurtà għandu jorganizza l-attivitajiet tiegħu b'tali mod li jkun jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kull qasam speċifiku tas-sigurtà fl-ambitu ta' din id-Deċiżjoni.

    7.   Il-Kap tad-Direttorat tas-Sigurtà tas-SEAE għandu jiltaqa' b'mod regolari, u kull meta jkun meħtieġ, mad-Direttur tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u mad-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea sabiex jiddiskuti magħhom oqsma ta' interess komuni.

    Artikolu 10

    Sigurtà tal-missjonijiet tas-CSDP u l-EUSR

    Ir-responsabbiltà ta' kull Kap ta' Missjoni jew Rappreżentant Speċjali tal-UE (EUSR) fir-rigward tas-sigurtà tal-missjoni jew grupp hija stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-missjoni jew tappunta l-EUSR. Kull Kap ta' Missjoni jew EUSR jista' jkun megħjun mid-Direttorat tas-Sigurtà tas-SEAE sabiex jiżgura li l-politika approvata mill-Kunsill dwar is-sigurtà tal-Persunal stazzjonat barra mill-UE f'kapaċità operattiva skont it-Titolu V, Kapitolu 2, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huwa implimentat b'mod sħiħ. Mekkaniżmi xierqa ta' koordinazzjoni għandhom jiġu stabbiliti għal dan il-għan.

    Artikolu 11

    Spezzjonijiet tas-sigurtà

    1.   Ir-Rappreżenant Għoli għandu jiżgura li jsiru spezzjonijiet tas-sigurtà sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli u r-regolamenti tas-sigurtà għall-ħarsien tal-persunal, l-assi fiżiċi u l-informazzjoni fi ħdan is-SEAE u fil-missjonijiet stabbiliti taħt it-Titolu V, Kapitolu 2 tat-TUE.

    2.   Is-SEAE jista' jagħmel użu, kif meħtieġ, minn għarfien espert fl-Istati Membri, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea.

    3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jadotta programm annwali ta' spezzjonijiet tas-sigurtà.

    Artikolu 12

    Pjanar tal-kontinwità tal-attività

    Id-Direttorat tas-Sigurtà tas-SEAE għandu jassisti lis-Segretarju Ġenerali Eżekuttiv fil-ġestjoni tal-aspetti relatati mas-sigurtà tal-proċessi tal-attività tas-SEAE bħala parti mill-Ippjanar tal-Kontinwità tal-Attività globali tas-SEAE.

    Artikolu 13

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-firma tagħha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2011.

    Ir-Rappreżentant Għoli

    C. ASHTON


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta' Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17).


    Top