EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0662

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ Ottubru 2011 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/402/UE dwar miżuri ta’ emerġenza applikabbli għaż-żerriegħa tal-fienu u ċertu żerriegħa u fażola impurtata mill-Eġittu (notifikata bid-dokument numru C(2011) 7027) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 263, 7.10.2011, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/662/oj

7.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 263/20


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ Ottubru 2011

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/402/UE dwar miżuri ta’ emerġenza applikabbli għaż-żerriegħa tal-fienu u ċertu żerriegħa u fażola impurtata mill-Eġittu

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 7027)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/662/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(i) u l-Artikolu 53(1)(b)(iii) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-ikel u l-għalf b’mod ġenerali, u b’mod partikolari, is-sikurezza tal-ikel u l-għalf fuq livell tal-Unjoni u nazzjonali. Dan jistipula miżuri ta’ emerġenza meta huwa evidenti li ikel jew għalf impurtat minn pajjiż terz huwa mistenni li jikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u li tali riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri meħuda mill-Istat(i) Membru(i) kkonċernat(i).

(2)

Ċerti lottijiet taż-żerriegħa tal-fienu mill-Eġittu ġew identifikati bħala l-aġent li kkawża t-tifqigħa fl-UE, ta’ tossina Shiga li tipproduċi batterji Escherichia coli (STEC), serotip O104:H4. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/402/UE tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar miżuri ta’ emerġenza applikabbli għaż-żerriegħa tal-fienu u ċertu żerriegħa u fażola impurtata mill-Eġittu (2) introduċiet projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ kodiċi speċifiċi tat-taxxa li huma elenkati fl-Anness.

(3)

Mill-21 ta’ Awwissu sal-25 ta’ Awwissu 2011 l-Uffiċju għall-Ikel u s-Servizzi Veterinarji tal-Kummissjoni mexxa verifika fl-Eġittu sabiex ikun jista’ jasal għas-sors possibbli tal-infezzjoni tat-tifqigħat riċenti tal-E. coli (serotip O104:H4) fin-naħa ta’ fuq tal-Ġermanja u f’Bordeaux, Franza, u sabiex jevalwa l-kundizzjonijiet tal-produzzjoni u tal-ipproċessar taż-żerriegħa suspettata.

(4)

Filwaqt li s-sejbiet tal-verifika u l-azzjonijiet li qed jieħu l-Eġittu għadhom qegħdin jiġu riveduti, ġew identifikati nuqqasijiet fil-produzzjoni ta’ żerriegħa għall-konsum uman li setgħet potenzjalment nibtet. Madankollu, dawn l-istess nuqqasijiet ma kinux preżenti fil-postijiet tal-produzzjoni ta’ ħxejjex leguminużi friski għall-konsum uman dirett. Barra minn hekk, peress li l-kummerċ tal-ħxejjex leguminużi friski jew imkessħin isir meta ż-żerriegħa tkun għadha ma saritx, żerriegħa bħal din ma tkunx tista’ tintuża għat-tinbit.

(5)

Ħxejjex leguminużi friski jew imkessħin għajr għan-nebbieta, importati mill-Eġittu, m’għandhomx għalfejn jibqgħu jiġu kkunsidrati bħala riskju għas-sikurezza tal-ikel u għandhom jerġgħu jingħataw l-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni. Il-miżuri ta’ emerġenza fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/402/UE għandhom għaldaqstant, jiġu riveduti abbażi ta’ din l-informazzjoni. L-anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/402/UE għandu jiġi emendat kif xieraq.

(6)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/402/UE tagħmel differenza bejn żerriegħa tal-mustarda għaż-żriegħ u żerriegħa oħra tal-mustarda taħt il-kodiċi NM 1207 50. Peress li din iż-żerriegħa tirrappreżenta ż-żerriegħa kollha ta’ taħt il-kodiċi NM 1207 50, il-kliem tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/402/UE għandu jiġi ssimplifikat. Apparti dan, is-sekwenza tal-kodiċi NM għandha titranġa biex tkun f’konformità man-nomenklatura tal-kodiċi doganali.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/402/UE għandu jiġi sostitwit bl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 179, 7.7.2011, p. 10.


ANNESS

“ANNESS

Żerriegħa u fażola li l-importazzjoni tagħhom mill-Eġittu hija projbita sal-31 ta’ Ottubru 2011

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

ex 0704 90 90

Nebbieta tar-rukola

ex 0706 90 90

Nebbieta tal-pitravi, nebbieta tar-ravanell

ex 0708

Nebbieta ta’ ħxejjex leguminużi, friski jew imkessħin

ex 0709 90 90

Nebbieta taż-żerriegħa tas-sojja

0713

Ħxejjex leguminużi mnixxfa, bil-qoxra, sew jekk imqaxxrin u sew jekk maqsumin

0910 99 10

Żerriegħa tal-fienu

1201 00

Żerriegħa tas-sojja, sew jekk imkissra u sew jekk le

1207 50

Żerriegħa tal-mustarda

1207 99 97

Żerriegħa oħra taż-żejt u frott żejtni, sew jekk imkisser kif ukoll jekk le

1209 10 00

Żerriegħa tal-pitrava taz-zokkor

1209 21 00

Żerriegħa tax-xnien (alfalfa)

1209 91

Żerriegħa tal-ħaxix

ex 1214 90 90

Nebbieta tax-xnien (alfalfa)”


Top