Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0542

    2011/542/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat- 2 ta’ Settembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda

    ĠU L 240, 16.9.2011, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/542/oj

    16.9.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 240/11


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-2 ta’ Settembru 2011

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda

    (2011/542/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fuq talba tal-Irlanda, il-Kunsill taha assistenza finanzjarja (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE) (2) b’appoġġ għal programm qawwi ta’ riforma ekonomika u finanzjarja bil-għan li tinkiseb il-fiduċja mill-ġdid, u b’hekk l-ekonomija tkun tista’ tirritorna lejn it-tkabbir sostenibbli, u tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fl-Irlanda, fiż-żona euro u fl-Unjoni.

    (2)

    F’konformità mal-Artikolu 3(9) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u f’kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), wettqet it-tielet analiżi tal-progress tal-awtoritajiet Irlandiżi fl-implimentazzjoni tal-miżuri maqbula kif ukoll dwar l-effettività u l-impatt ekonomiku u soċjali tal-miżuri maqbula.

    (3)

    Fl-ambitu tal-projezzjonijiet attwali tal-Kummissjoni għat-tkabbir nominali tal-PDG (1,1 % fl-2011, 2,8 % fl-2012 u 3,8 % fl-2013), il-perkors għall-aġġustament fiskali huwa konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill lill-Irlanda tas-7 ta’ Diċembru 2010 skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat u huwa konsistenti mal-perkors għall-proporzjon tad-dejn mal-PDG ta’ 109,9 % fl-2011, 116,2 % fl-2012 u 119,4 % fl-2013. Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG jilħaq il-quċċata fl-2013 u minn hemm ’il quddiem jaqbad it-triq lejn it-tnaqqis, dejjem jekk ikun hemm aktar progress fit-tnaqqis tad-defiċit. Id-dinamika tad-dejn tiġi affettwata minn diversi operazzjonijiet barra mill-baġit, inkluża injezzjoni ta’ kapital fil-banek fl-2011 b’effett nett ta’ żieda fid-dejn ta’ madwar 6 punti perċentwali tal-PDG, suppożizzjoni biex jinżammu riżervi għoljin ta’ flus, u d-differenzi bejn il-pagamenti dovuti u dawk ta’ interessi fi flus.

    (4)

    L-awtoritajiet Irlandiżi indikaw li hemm prospetti realistiċi ħafna, abbażi tar-riżultati tal-Eżerċizzji dwar il-Ġestjoni tal-Obbligazzjonijiet (LME — “Liability Management Exercises”) imwettqa sa issa, biex jiżguraw EUR 0,51 biljun oħra bħala kontribuzzjoni mis-settur privat lejn ir-rikapitalizzazzjoni tal-Bank of Ireland sal-31 ta’ Diċembru 2011. Fid-dawl tal-kost pubbliku diġà kbir tar-rikapitalizzazzjoni tal-banek, u l-approċċ konservattiv użat biex jiġi determinat il-ħtieġa ta’ rikapitalizzazzjoni tal-Bank of Ireland, issa huwa meqjus mhux neċessarju u effettivament mhux adatt li l-Irlanda tinjetta dak l-ammont ta’ EUR 0,51 biljun qabel jitlestew kontribuzzjonijiet oħra mis-settur privat sabiex tiġi rispettata d-data ta’ skadenza tal-programm, peress li jekk isir dan se jkun hemm kost fiskali ogħla milli hemm bżonn u proporzjon għoli mhux meħtieġ tal-adegwatezza tal-kapital għall-Bank of Ireland hekk kif isir disponibbli d-dħul mill-kontribuzzjonijiet oħra tas-settur privat. Id-data ta’ skadenza għat-tlestija ta’ din il-parti tar-rikapitalizzazzjoni tal-Bank of Ireland ġiet trasferita għall-aħħar tal-2011.

    (5)

    Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE għandha tiġi emendata,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE, hija emendata kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 1(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Irlanda f’massimu ta’ 13-il ħlas parzjali. L-iżborż ta’ kull ħlas parzjali jista’ jsir f’segment wieħed jew aktar. Il-maturitajiet tas-segmenti taħt l-ewwel u t-tielet ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ segmenti oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tintlaħaq ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.”;

    (2)

    L-Artikolu 3(7) huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(g)

    ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek domestiċi sal-aħħar ta’ Lulju 2011 (soġġett għall-aġġustament adatt għal eżerċizzji mistennija ta’ bejgħ tal-assi u ġestjoni tal-obbligazzjonijiet fil-każijiet tal-Irish Life & Permanent u l-Bank of Ireland) f’konformità mas-sejbiet tal-Analiżi Prudenzjali tal-Valutazzjoni tal-Likwidità (PLAR) tal-2011 u tal-Analiżi Prudenzjali tal-Valutazzjoni tal-Kapital (PCAR), kif imħabbar mill-Bank Ċentrali tal-Irlanda fil-31 ta’ Marzu 2011. Biex il-piż ikun jista’ jinqasam aktar, il-pass finali ta’ EUR 0,51 biljun fir-rikapitalizzazzjoni tal-Bank of Ireland ser jitlesta sa tmiem l-2011 u kull rikapitalizzazzjoni ulterjuri tal-Irish Life and Permanent ser titlesta wara l-bejgħ tas-settur tal-assigurazzjoni.”;

    (b)

    il-punti li ġejjin jiġu miżjuda:

    “(q)

    il-preżentazzjoni lid-Dáil, sal-aħħar ta’ Ottubru, ta’ Perspettiva ta’ Qabel il-Baġit li tistipula pjan ta’ konsolidazzjoni fiskali fuq perijodu medju ta’ żmien għall-2012–2015 li jispjega l-kompożizzjoni ġenerali tal-aġġustamenti ta’ dħul u nfiq għal kull sena, konsistenti mal-miri stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Diċembru 2010;

    (r)

    it-tħabbir, sa jum il-Baġit tal-2012 (kmieni f’Diċembru 2011), ta’ limiti massimi vinkolanti ta’ nfiq ta’ flus fuq perjodu medju ta’ żmien u l-istipular ta’ miżuri ta’ dħul u nfiq biex iwasslu għall-aġġustament meħtieġ matul il-perijodu 2012–2015;

    (s)

    il-ħruġ mill-Bank Ċentrali tal-Irlanda, sal-aħħar ta’ Diċembru 2011, ta’ gwida lill-banek għar-rikonoxximent ta’ telf kontabbli imġarrab fil-ktieb tad-djun tagħhom;

    (t)

    il-pubblikazzjoni mill-Bank Ċentrali tal-Irlanda, sal-aħħar ta’ Diċembru 2011, ta’ linji gwida ġodda għall-valutazzjoni tal-kollateral għas-self mill-banek;

    (u)

    il-preparazzjoni u d-diskussjoni, sal-aħħar ta’ Diċembru 2011, ta’ abbozz ta’ programm ta’ disponiment tal-assi, inkluża l-identifikazzjoni ta’ assi potenzjali għad-disponiment, kwalunkwe bidla regolatorja meħtieġa u skeda taż-żmien għall-implimentazzjoni.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Settembru 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. DOWGIELEWICZ


    (1)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

    (2)  ĠU L 30, 4.2.2011, p. 34.


    Top