EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0528

2011/528/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta’ Marzu 2011 dwar miżura ta’ għajnuna mill-Istat C 24/09 (ex N 446/08) – Għajnuna mill-Istat lin-negozji konċentrati fl-enerġija skont l-Att dwar l-Enerġija Ekoloġika fl-Awstrija (notifikata bid-dokument numru C(2011) 1363) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 235, 10.9.2011, p. 42–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/528/oj

10.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 235/42


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Marzu 2011

dwar miżura ta’ għajnuna mill-Istat C 24/09 (ex N 446/08) – Għajnuna mill-Istat lin-negozji konċentrati fl-enerġija skont l-Att dwar l-Enerġija Ekoloġika fl-Awstrija

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 1363)

(It-test Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/528/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq (1), u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fis-27 ta’ Ġunju 2008 l-Awstrija nnotifikat minn qabel it-tibdil li kienet biħsiebha tagħmel fl-Att dwar l-Enerġija Ekoloġika (“l-Att”), liema att, fl-2006, instab li kien kompatibbli mas-suq intern fil-forma li kellu dakinhar mill-Kummissjoni (2). Fl-4 ta’ Settembru 2008 l-Awstrija nnotifikat verżjoni ġdida tal-Att; dik il-verżjoni hija s-suġġett ta’ din id-Deċiżjoni.

(2)

Permezz tal-ittra tat-28 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali. Wara li ntbagħtitilha ittra ta’ tfakkir, l-Awstrija ssottomettiet informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008. Wara laqgħa mar-rappreżentanti Awstrijaċi fil-11 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni permezz tal-ittra tad-19 ta’ Frar 2009. L-Awstrija pprovdiet dik l-informazzjoni fl-ittra tas-17 ta’ Marzu 2009. Permezz tal-ittra tat-8 ta’ Mejju 2009 l-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni, li l-Awstrija ssupplixxiet permezz tal-ittri tad-9 u tad-19 ta’ Ġunju 2009.

(3)

Fid-9 ta’ Lulju 2008 l-Kummissjoni rċeviet ilment mill-Kamra tal-Ħaddiema tal-Awstrija (il-Bundesarbeitskammer) relatat ma’ miżura fl-Att għall-benefiċċju tan-negozji konċentrati fl-enerġija.

(4)

Fit-22 ta’ Lulju 2009 l-Kummissjoni adottat deċiżjoni ibrida: hija approvat il-miżuri favur il-produtturi tal-enerġija ekoloġika, li sabet li kienu konformi mal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali (“il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali”/“il-Linji Gwida”) (3), imma ddeċidiet li tagħti bidu għal investigazzjoni formali dwar il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni għan-negozji konċentrati fl-enerġija (4).

(5)

Permezz tal-ittra tat-23 ta’ Lulju 2009 l-Kummissjoni infurmat lill-Awstrija b’din id-deċiżjoni u talbet lill-Awstrija biex tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja għall-valutazzjoni tal-miżura.

(6)

Il-Kummissjoni ppubblikat id-deċiżjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (5), u stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom.

(7)

Permezz tal-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2009 l-Awstrija talbet estensjoni tal-iskadenza għat-tweġiba, li l-Kummissjoni aċċettat permezz tal-ittra tad-9 ta’ Settembru 2009. L-Awstrija finalment issottomettiet il-kummenti tagħha fit-8 ta’ Ottubru 2009.

(8)

Sadattant, permezz tal-ittra tas-7 ta’ Ottubru 2009, il-Kamra tal-Ħaddiema tal-Awstrija ssottomettiet osservazzjonijiet dwar il-miżura għall-benefiċċju tan-negozji konċentrati fl-enerġija. Il-Kummissjoni talbet lill-Awstrija tikkummenta dwar dawn l-osservazzjonijiet. L-Awstrija ssottomettiet il-kummenti fit-23 ta’ Diċembru 2009, u ssupplixxiet iktar informazzjoni fit-23 ta’ April 2010.

(9)

Permezz tal-ittri tal-21 ta’ Ġunju 2010 u tad-19 ta’ Lulju 2010 l-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-Awstrija, li din provdiet fit-13 ta’ Settembru 2010. Fuq talba tal-Awstrija, kienet saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti Awstrijaċi fid-9 ta’ Lulju 2010.

(10)

Fl-ittra tal-24 ta’ Novembru 2010 l-Awstrija enfasizzat l-importanza tal-Att dwar l-Enerġija Ekoloġika għall-pajjiż, u talbet li tittieħed deċiżjoni dwar il-każ sal-bidu ta’ Diċembru 2010. Il-Kummissjoni wieġbet dik l-ittra fis-7 ta’ Diċembru 2010. Kienet saret laqgħa oħra mar-rappreżentanti Awstrijaċi fid-9 ta’ Diċembru 2010.

(11)

Permezz tal-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2010 l-Awstrija fakkret l-argumenti li kienet ressqet favur il-miżura matul il-proċedimenti, u talbet lill-Kummissjoni tapprova l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni għan-negozji konċentrati fl-enerġija. Il-Kummissjoni wieġbet dik l-ittra fil-25 ta’ Jannar 2011.

2.   DESKRIZZJONI DDETTALJATA TAL-MIŻURA

(12)

Fid-deċiżjoni inizjali tagħha tat-22 ta’ Lulju 2009 l-Kummissjoni awtorizzat l-Att emendat, bl-eċċezzjoni unika tat-Taqsima 22c, li tistabbilixxi l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni għan-negozji konċentrati fl-enerġija. Hawnhekk għalhekk id-deskrizzjoni se tirrestrinġi ruħha għal dak il-mekkaniżmu.

2.1.   Il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni għan-negozji konċentrati fl-enerġija

(13)

It-Taqsima 3 tal-Att tistipola li l-Awstrija għandha tagħti konċessjoni lil impriża waħda, jew iktar, biex twettaq ix-xogħlijiet ta’ ċentru ta’ kuntrattazzjoni ta’ elettriku ekoloġiku (Ökostromabwicklungstelle, “ċentru ta’ kuntrattazzjoni”). B’mod partikolari, il-konċessjonarji għandhom jixtru elettriku ekoloġiku mingħand il-produtturi bi prezz fiss, u jbigħu dak l-elettriku lil fornituri tal-elettriku bi prezz fiss. Il-fornituri tal-elettriku huma obbligati li jixtru perċentwali tal-provvista kollha tagħhom minn ċentru ta’ kuntrattazzjoni: il-perċentwali meħtieġ ikun jikkorrispondi għas-sehem medju tal-elettriku ekoloġiku fit-taħlita tal-elettriku kollha fl-Awstrija.

(14)

Fil-preżent, l-Awstrija tat konċessjoni waħda għall-pajjiż kollu lil ċentru ta’ kuntrattazzjoni wieħed, l-“Abwicklungsstelle für Ökostrom AG” (l-“OeMAG”). L-OeMAG hija kumpanija ordinarja b’ishma f’idejn il-pubbliku, regolata bil-liġi privata iktar milli b’dik pubblika, u li tiġi vverifikata minn akkawntant kwalifikat. Din hija mmonitorjata mill-Ministeru Federali għall-Affarijiet Ekonomiċi u x-Xogħol Awstrijak u mill-E-Control GmbH, ir-regolatur tal-enerġija Awstrijak. Il-komponenti essenzjali fl-implimentazzjoni tal-miżura għall-benefiċċju tan-negozji konċentrati fl-enerġija (bħall-arranġamenti għall-allokazzjoni tal-elettriku lill-kummerċjanti tal-elettriku, il-prezz li l-kummerċjanti għandhom iħallsu, jew il-kontribuzzjoni li l-konsumaturi aħħarin għandhom jagħmlu) jiġu stabbiliti minn qabel mill-awtoritajiet, permezz ta’ digriet statutorju jew eżekuttiv. Kull tilwima bejn l-impriżi involuti għandha tiġi riżolta fil-qrati ordinarji iktar milli bi proċeduri amministrattivi.

(15)

L-OeMAG hija kumpanija pubblika li tappartjeni lil operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni, banek u impriżi industrijali: il-Verbund APG għandha interess ta’ 24,4 %, u l-bqija huwa tal-VKW Netz AG, it-TIWAG Netz AG, is-CISMO GmbH, l-Oesterreichische Kontrollbank AG, l-Investkredit Bank AG, u s-Smart Technologies, bi 12,6 % għal kull kumpanija. Il-Verbund-APG hija kumpanija sussidjarja li tappartjeni kompletament lill-Verbund AG (l-Österreichische Elektrizitätswirtschafts-Aktiengesellschaft, Verbundgesellschaft); ir-Repubblika tal-Awstrija għandha interess ta’ 51 % fil-Verbund AG. Il-VKW Netz AG tappartjeni lill-Illwerke AG, li fiha l-Provinċja ta’ Vorarlberg għandha 95,5 % tal-ishma. It-TIWAG-Netz AG tappartjeni lit-TIWAG AG, u li fiha nnifisha tappartjeni kollha kemm hi lill-Provinċja tat-Tyrol. Is-CISMO GmbH tappartjeni lill-Oesterreichische Kontrollbank AG u lil operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni u impriżi tal-elettriku u l-gass. L-Oesterreichische Kontrollbank AG tappartjeni lill-banek Awstrijaċi. Prinċipalment l-Investkredit Bank AG tappartjeni lill-Volksbanken. Smart Technologies tappartjeni lil Siemens. B’hekk l-azzjonisti li huma kkontrollati pubblikament għandhom 49,6 % tal-ishma fl-OeMAG, u l-azzjonisti li huma kkontrollati privatament 50,4 %. Il-Kummissjoni m’għandha ebda evidenza li tissuġġerixxi li l-azzjonisti li huma kkontrollati pubblikament jistgħu jeżerċitaw kontroll jew tal-anqas kontroll konġunt fuq l-OeMAG.

(16)

It-Taqsima 22c(1) tal-Att tistabbilixxi mekkaniżmu li jintitola lin-negozji konċentrati fl-enerġija li jitolbu lill-fornitur tal-elettriku tagħhom biex ma jissupplixxihomx b’elettriku ekoloġiku. Sabiex ikunu eliġibbli, in-negozji konċentrati fl-enerġija jridu juru li huma konformi maż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għandhom jikkwalifikaw għar-rimborż disponibbli taħt l-Att dwar ir-Rifużjoni ta’ Taxxa fuq l-Enerġija (l-Energieabgabevergütungsgesetz), u

(b)

in-nefqa tagħhom għal elettriku ekoloġiku għandha tlaħħaq tal-anqas iż-0,5 % tal-valur nett tal-produzzjoni tagħhom.

L-eżenzjoni tingħata wara applikazzjoni lir-regolatur tal-enerġija, l-E-Control.

(17)

Jekk l-eżenzjoni tingħata, il-fornituri tal-elettriku jkunu legalment projbiti milli jiċċarġjaw l-ispejjeż addizzjonali tal-elettriku ekoloġiku lil dawn il-konsumaturi tal-elettriku l-kbar.

(18)

It-Taqsima 22c(5) tal-Att tistipola li l-kuntratti bejn id-distributuri tal-elettriku u l-konsumaturi tal-elettriku l-kbar għandhom jipprevedu li d-distributur m’għandux jissupplixxi elettriku ekoloġiku lill-klijent u lanqas m’għandu jgħaddi l-ispejjeż addizzjonali tal-elettriku ekoloġiku fuq ħaddieħor. Kull dispożizzjoni kuntrattwali kuntrarja għal dan tkun bla effett legali (6).

(19)

Jekk negozju konċentrat fl-enerġija jkun eżentat mill-obbligu tax-xiri, ikollu jagħmel pagament kumpensatorju lill-OeMAG li jkun ilaħħaq iż-0,5 % tal-valur nett tal-produzzjoni tiegħu tas-sena kalendarja preċedenti (it-Taqsima 22c(2) tal-Att).

2.2.   Sommarju tad-deċiżjoni inizjali

(20)

Fin-notifika, l-Awstrija sostniet li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni għandu jiġi vvalutat indipendentement mill-iskema ġenerali ta’ għajnuna lill-produtturi ekoloġiċi, billi dan jikkonċerna biss ir-“relazzjoni kummerċjali privata” bejn l-impriżi konċentrati fl-enerġija u d-distributuri. L-Awstrija sostniet li l-eżenzjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u li kieku stess kien x’kien il-każ kienet tkun kompatibbli mas-suq intern b’analoġija mal-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali.

(21)

Dwar il-kwistjoni tal-preżenza tal-għajnuna mill-Istat, fid-deċiżjoni inizjali tagħha l-Kummissjoni sabet li l-eżenzjoni mill-mekkaniżmu tal-finanzjament ma setgħetx tiġi vvalutata separatament mill-mekkaniżmu tal-finanzjament innifsu. Il-Kummissjoni dehrilha li eċċezzjoni jew eżenzjoni dejjem kienet inseparabbilment marbuta mar-regola rilevanti, tant li l-eżenzjoni kienet parti integrali mill-iskema ġenerali u minħabba f’hekk kellha tiġi vvalutata skont il-liġi tal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni kienet tippermetti li d-distributuri b’sehem kbir ta’ klijenti eżentati japplikaw għall-eżenzjoni mit-tariffa ta’ alimentazzjoni; b’hekk l-iskema setgħet ikkaġunat ukoll telf dirett lill-OeMAG, fatt li saħħaħ il-konklużjoni li kienet involuta għajnuna mill-Istat (7).

(22)

Il-Kummissjoni esprimiet dubji rigward il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Għal dawn ir-raġunijiet il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda investigazzjoni formali dwar il-mekkaniżmu.

(23)

Filwaqt li għad trid tittieħed deċiżjoni finali min-naħa tal-Kummissjoni, l-Awstrija tat il-benefiċċji previsti fil-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni (8) abbażi tad-dispożizzjoni fil-Qafas Temporanju fejn hija permessa għajnuna li ma taqbiżx il-EUR 500 000 li trid tingħata fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2010 (9). Il-Kummissjoni approvat dan l-arranġament bħala parti mill-miżura ta’ għajnuna mill-Istat Nru N 47a/09 Ammonti limitati ta’ għajnuna kompatibbli skont il-Qafas Temporanju (l-“Österreichregelung Kleinbeihilfen”) (10). Din l-iskema tista’ tiġi applikata għal ażjendi li ma kinux jinsabu f’diffikultà fl-1 ta’ Lulju 2008, fis-setturi kollha tal-ekonomija bl-eċċezzjoni tas-sajd u l-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli. Iktar minn 2 000 impriża bbenefikaw taħt il-miżura.

3.   OSSERVAZZJONIJIET IMRESSQA MILL-AWSTRIJA

(24)

Bħal fl-istadji ta’ prenotifikazzjoni u notifikazzjoni, l-Awstrija qiegħda tkompli ssostni l-fehma li l-miżura għall-benefiċċju tan-negozji konċentrati fl-enerġija ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, għaliex ma tinvolvix l-użu ta’ riżorsi tal-Istat u mhijiex selettiva.

(25)

Iżda anki kieku l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni kien fil-fatt jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, l-Awstrija jidhrilha li jkun xi jkun il-każ tkun tista’ tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern b’analoġija mal-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali, mal-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 fejn hemm iddikjarati ċerti kategoriji ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq komuni b’applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) (11), u mal-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (12) (“id-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija”) .

3.1.   Riżorsi tal-Istat u imputabbiltà

(26)

Rigward ir-riżorsi tal-Istat, l-Awstrija ssostni l-fehma li l-Att huwa analogu għall-Att dwar l-Enerġija Rinnovabbli Ġermaniż (l-Erneuerbare-Energien-Gesetz), li fil-fehma tal-Awstrija ma jinvolvix l-użu ta’ riżorsi tal-Istat. F’dan ir-rigward l-Awstrija tirreferi għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta’ PreussenElektra  (13).

(27)

L-Awstrija hija tal-opinjoni li l-mekkaniżmi ta’ eżenzjoni stabbiliti bl-Att dwar l-Elettriku Ekoloġiku Awstrijak u l-Att dwar l-Enerġija Rinnovabbli Ġermaniż għandhom inkomuni l-karatteristiċi li ġejjin:

(a)

fiż-żewġ sistemi l-ispiża addizzjonali li tirriżulta mit-tariffa ta’ alimentazzjoni garantita jagħmlu tajjeb għaliha l-fornituri tal-elettriku, li jkollhom jixtru ċertu proporzjon ta’ enerġija rinnovabbli bi prezz fiss;

(b)

fiż-żewġ sistemi l-fornituri tal-elettriku huma liberi li ma jixtrux elettriku rinnovabbli għal dawk il-klijenti tagħhom li huma eżentati mill-obbligu li jieħdu dan l-elettriku rinnovabbli;

(c)

fiż-żewġ sistemi l-obbligu li jinxtara elettriku rinnovabbli mingħand il-produtturi huwa impost fuq dawk il-parteċipanti fis-suq li ma jkunu qegħdin jaqdu ebda rwol fis-servizz pubbliku; dawn il-parteċipanti fis-suq huma intitolati bil-liġi li jgħaddu l-ispejjeż addizzjonali fuq il-fornituri tal-elettriku, u l-obbligi tax-xiri u l-prezzijiet huma ddeterminati bil-liġi;

(d)

fiż-żewġ sistemi, ir-regolatur jivverifika li impriża li jkollha l-obbligu li tixtri elettriku rinnovabbli mingħand il-produtturi ma tkunx ingħatat kumpens żejjed.

(28)

Fil-paragrafi 42–48 tad-deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni spjegat fid-dettall għaliex u għal liema raġunijiet il-miżura li kienet qiegħda tiġi vvalutata kienet paragunabbli mal-miżura kkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta’ Essent  (14). L-Awstrija qiegħda tikkuntesta dawn il-konstatazzjonijiet, minħabba r-raġunijiet li ġejjin.

(a)

l-OeMAG mhijiex istituzzjoni maħtura mill-Istat bl-iskop li tiġbor xi ħlas. Fil-fehma tal-Awstrija l-operaturi tal-grid fil-Ġermanja għandhom eżattament l-istess irwol bħalma kellha l-OeMAG fl-Awstrija.

(b)

l-OeMAG hija impriża privata, u mhux istituzzjoni regolata bil-liġi pubblika bħall-korporazzjonijiet li ssemmew fis-sentenzi tal-Air France  (15) u Salvat Père  (16). L-Istat m’għandu ebda setgħa jaħtar il-membri tal-bord tat-tmexxija jew ta’ sorveljanza, u lanqas m’għandu xi setgħat ta’ sorveljanza jew drittijiet biex jimblokka d-deċiżjonijiet tal-OeMAG. L-Istat m’għandu ebda setgħa li jassumi l-kontroll tal-funzjonijiet tal-OeMAG.

(c)

Kull litigazzjoni li tinvolvi l-OeMAG hija kwistjoni li taqa’ f’idejn il-qrati ordinarji.

(d)

L-uniku kontroll pubbliku li għalih hija soġġetta l-OeMAG hija verifika ex post mill-Qorti tal-Awdituri tal-Awstrija.

(e)

Il-baġit tal-Istat ma jkopri ebda telf li tista’ tagħmel l-OeMAG. L-irwol tal-awtoritajiet pubbliċi huwa limitat għall-iffissar tal-prezzijiet għax-xiri u l-bejgħ ta’ elettriku rinnovabbli. Għalhekk m’hemm ebda piż fuq il-baġit tal-Istat tat-tip imsemmi f’Sloman Neptun  (17) u f’Pearle  (18).

(f)

L-E-Control ma tgawdi ebda diskrezzjoni dwar jekk tagħtix eżenzjoni taħt it-Taqsima 22c tal-Att.

(g)

Il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni ma jaffettwax l-ammont totali ta’ flus li l-fornituri tal-elettriku jħallsu lill-OeMAG. Kulma jinbidel huwa d-distribuzzjoni tal-ammont kollu bejn il-kategoriji differenti ta’ konsumaturi tal-elettriku aħħarin.

3.2.   Selettività

(29)

L-Awstrija ssostni li l-eżenzjoni għan-negozji konċentrati fl-enerġija ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, għaliex mhijiex selettiva.

(30)

In-negozji konċentrati fl-enerġija huma eżentati biss parzjalment mill-finanzjament tal-għajnuna li tingħata lill-produtturi ta’ elettriku ekoloġiku. Dawn għandhom jagħmlu pagament kumpensatorju ta’ 0,5 % tal-valur nett tal-produzzjoni tagħhom direttament lill-OeMAG, u b’hekk ikomplu jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-għajnuna għall-produzzjoni ta’ elettriku ekoloġiku.

(31)

B’referenza għas-sentenza tal-Adria-Wien Pipeline  (19), l-Awstrija ssostni li l-miżura mhijiex de jure ristretta għal ċerti setturi tal-ekonomija, u lanqas mhija de facto selettiva. Iżda anki kieku s-selettività tkun waħda prima facie, ikun xi jkun il-każ din tkun iġġustifikata mir-raġunament tas-sistema.

(32)

Is-selettività de jure: L-Att dwar l-Elettriku Ekoloġiku ma jirrestrinġix il-miżura għal ċerti setturi tal-ekonomija jew għal impriżi ta’ ċertu daqs, u lanqas ma jinkludi xi kriterji selettivi oħrajn. Biex issaħħaħ l-argument tagħha l-Awstrija qiegħda tgħid li m’hemm xejn fil-każistika li jissuġġerixxi li l-eżami tas-selettività għall-għajnuna mill-Istat jgħaddi sempliċement għaliex ikun ġie stabbilit il-limitu tal-valur nett tal-produzzjoni. Barra minn hekk, l-Awstrija qiegħda tirrimarka li l-miżura mhijiex ristretta għal setturi partikolari tal-ekonomija jew għal impriżi ta’ ċertu daqs, u lanqas mhija soġġetta għal xi kriterji selettivi oħrajn: skont arranġamenti temporanji li qegħdin jitħaddmu, il-miżura taffettwa 19-il settur differenti u approssimattivament 2 300 impriża. B’hekk il-miżura mhijiex de jure selettiva.

(33)

Is-selettività de facto: Skont l-Awstrija, l-għadd kbir ta’ setturi u impriżi affettwati mill-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni u l-fatt li l-miżura mhijiex ristretta għal ċerti setturi jew għal impriżi ta’ ċertu daqs, jew soġġetta għal xi kriterji selettivi oħrajn, juru li l-miżura hija de facto miżura ġenerali. L-Awstrija qiegħda tgħid li anki din il-pożizzjoni hija ssostanzjata bil-każ Adria-Wien Pipeline. Fil-każ Adria-Wien Pipeline, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra rimborż parzjali ta’ taxxa fuq l-enerġija li ngħata lil impriżi jekk it-taxxa kienet teċċedi ż-0,35 % tal-valur nett tal-produzzjoni tagħhom. Il-Qorti stqarret li, “Il-miżuri nazzjonali li jipprevedu rifużjoni ta’ taxxi għall-enerġija imposti fuq il-gass naturali u l-elettriku ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 92 tat-Trattat tal-KE [illum l-Artikolu 107 tat-TFUE] … fejn ikunu japplikaw għall-impriżi kollha fit-territorju nazzjonali, tkun xi tkun l-attività tagħhom” (20).

(34)

Ġustifikazzjoni permezz tar-raġunament tas-sistema: Fir-rigward tal-istruttura tal-mekkaniżmu tar-rifinanzjament u eżenzjoni, l-Awstrija qiegħda ssostni l-fehma li t-tifsila tad-divrenzji fil-ħlasijiet hija analoga għal dak li jeżisti f’sistemi oħrajn iffinanzjati mit-taxxa u drittijiet ta’ ħlas. Id-divrenzji jirriflettu l-kapaċità tal-impriżi li jridu jagħmlu tajjeb għall-ħlasijiet addizzjonali; dawn jikkonformaw mar-raġunament tas-sistema, u konsegwentement ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. L-Awstrija jidhrilha li din il-pożizzjoni ttieħdet ukoll mill-Kummissjoni f’żewġ deċiżjonijiet preċedenti dwar għajnuna mill-Istat (21).

(35)

Barra dan, l-Awstrija tirrimarka li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni ma jippreġudikax il-benefiċċji ambjentali pprovduti bl-Att, billi l-ammont ta’ għajnuna disponibbli għas-sostenn ta’ produzzjoni ta’ elettriku ekoloġiku mhuwiex imnaqqas. It-tnaqqis ta’ ħlasijiet ambjentali għal ċerti negozji huwa l-uniku mod kif jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ finanzjament sostenibbli għall-elettriku ekoloġiku, li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat is-sostenn ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

3.3.   Kompatibbiltà

(36)

Dwar il-kwistjoni tal-kompatibbiltà, l-Awstrija qiegħda tgħid li l-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali jista’ jiġi applikat b’analoġija għall-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni.

(37)

Il-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida (il-punti 151–159) jistipula r-rekwiżiti għall-għajnuna mill-Istat mogħtija fl-għamla ta’ tnaqqis jew eżenzjonijiet ta’ taxxi ambjentali. Dan jipprevedi żewġ tipi ta’ valutazzjoni. L-ewwel nett, jekk l-għajnuna tkun fl-għamla ta’ tnaqqis jew eżenzjoni ta’ taxxa ambjentali li tkun ġiet armonizzata taħt il-liġi Komunitarja, il-miżura tkun kompatibbli sakemm il-benefiċjarji jħallsu tal-anqas il-livell minimu ta’ taxxa Komunitarja stabbilit bid-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija (22). Jekk il-miżura tkun tipprevedi tnaqqis ta’ taxxi ambjentali armonizzati, jew eżenzjonijiet minnhom, li jeċċedu dawn il-livelli minimi ta’ taxxa, jew tnaqqis ta’ taxxi ambjentali, jew eżenzjonijiet minnhom, li ma jkunux ġew armonizzati, l-Istat Membru għandu jipprovdi informazzjoni ddettaljata dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżura.

(38)

L-Awstrija qiegħda tipproponi li l-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida, rigward għajnuna fl-għamla ta’ tnaqqis ta’ taxxi ambjentali, jew eżenzjonijiet minnhom, hawnhekk għandu jiġi applikat b’analoġija. L-Awstrija hija tal-opinjoni li l-miżura tista’ tiġi vvalutata b’analoġija partikolarment mad-dispożizzjonijiet dwar it-taxxi ambjentali armonizzati. Fuq din il-bażi legali, il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni jista’ jitqies bħala kompatibbli sakemm l-impriżi inkwistjoni jħallsu l-livell minimu ta’ taxxa stabbilit bid-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija, jiġifieri Eur 0,50 għal kull MWh, liema ammont fil-fatt jitħallas minnhom. Dan ifisser għalhekk li l-ħelsien addizzjonali mis-sistema tat-tariffa ta’ alimentazzjoni fl-għamla ta’ eżenzjoni parzjali mill-kontribuzzjoni għall-finanzjament tagħha jista’ jitqies kompatibbli, billi l-kontribuzzjoni li tkun għad trid issir għall-finanzjament tal-għajnuna għall-produzzjoni ta’ elettriku ekoloġiku tkompli sservi bħala suppliment għat-taxxa minima fuq l-elettriku.

(39)

L-Awstrija jidhrilha li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni jwassal indirettament tal-anqas għal livell ogħla ta’ ħarsien ambjentali. Fil-fehma tagħha, il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni huwa neċessarju sabiex żieda ġenerali fl-ammont li l-konsumaturi tal-elettriku jħallsu għal elettriku rinnovabbli ssir possibbli.

(40)

L-Awstrija qiegħda ssaħħaħ dan l-argument b’paragun tat-testi tal-punt 152 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali u l-Artikolu 25 tar-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (23). Wara li qabblet it-testi tar-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa f’verżjonijiet lingwistiċi differenti, l-Awstrija qiegħda tikkonkludi li l-Artikolu 25 tar-Regolament huwa usa’ fl-ambitu tiegħu mill-punt 152 tal-Linji Gwida: it-tnaqqis fit-taxxi ambjentali msemmija fil-punt 152 tal-Linji Gwida jeħtieġu taxxi fuq l-enerġija li jkunu ġew armonizzati kompletament, imma mill-Artikolu 25 tar-Regolament jidher biċ-ċar li t-tnaqqis fit-taxxi ambjentali — bħalma huwa t-tnaqqis fil-ħlas tal-elettriku taħt id-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija — ikunu eżentati sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tad-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija. Il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni għan-negozji konċentrati fl-enerġija fil-fatt jirriproduċi r-rekwiżiti għat-tnaqqis fit-taxxa fid-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija. Ir-raġunament, il-valutazzjonijiet u l-approċċ tad-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija u d-dispożizzjonijiet li jirreferu għaliha, bħalma huwa l-Artikolu 25 tar-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, konsegwentement huma applikabbli għall-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni propost. Kemm il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni u kemm is-sistema li tgħabbi l-ispiża fuq il-konsum tal-elettriku jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija, u għaldaqstant huma ġġustifikati skont l-Artikolu 25 tar-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, jew kompatibbli mas-suq intern b’analoġija ma’ dak l-Artikolu (24).

(41)

Hawnhekk l-Awstrija tirreferi għad-Dokument konġunt dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u d-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija tas-7 ta’ Lulju 2006 (25). Ir-rapport konġunt għamilha ċara li l-Istati Membri kienu jeħtieġu l-flessibbiltà sabiex ikunu f’pożizzjoni li jiddistingwu b’mod raġonevoli. Kienet parti min-natura u l-loġika tat-taxxi u ħlasijiet ambjentali li kellu jkun hemm eżenzjonijiet jew rati divrenzjati. Għaldaqstant l-Istati Membri ħassew li l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali u r-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’.

(42)

Fl-aħħar nett, l-Awstrija qiegħda tressaq argument iddettaljat biex turi li fi Stati Membri oħrajn qegħdin jitħaddmu sistemi simili, u tenfasizza li l-Att dwar l-Enerġija Ekoloġika huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu paragunabbli mal-Att dwar l-Enerġija Rinnovabbli Ġermaniż. Billi n-negozji konċentrati fl-enerġija fl-Awstrija jikkompetu ma’ impriżi fi Stati Membri oħrajn (eż. il-Ġermanja) u barra l-UE, il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni huwa essenzjali sabiex biex jiġi żgurat li dawn ma jkunux fi żvantaġġ fil-kompetizzjoni internazzjonali.

4.   OSSERVAZZJONIJIET LI WASLU MINGĦAND PARTIJIET TERZI

(43)

Il-Kamra tal-Ħaddiema tal-Awstrija ssottomettiet osservazzjonijiet fil-bidu tal-investigazzjoni formali. L-organizzazzjoni, li kellha 3,2 miljun membru, dehrilha li s-sistema ta’ finanzjament tal-Att dwar l-Elettriku Ekoloġiku kienet tinvolvi għajnuna mill-Istat. Din ma kinitx tal-istess fehma tal-Awstrija li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni għall-konsumaturi konċentrati fl-enerġija kien kompatibbli mal-liġi tal-għajnuna mill-Istat. Il-mekkaniżmu qiegħed jgħabbi lill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u lill-familji b’piż addizzjonali, billi qegħdin ikunu mġiegħla jħallsu spejjeż żejda tal-enerġija ekoloġika għalkemm mhumiex il-konsumaturi ewlenin. Dan se jwassal għal tagħwiġ fil-kompetizzjoni li se jbatuh l-SMEs.

(44)

Il-Kamra tal-Ħaddiema rreferiet għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2006, fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tariffi ta’ alimentazzjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (26). Billi l-qafas legali li jirregola t-tariffi ta’ alimentazzjoni ma nbidilx minn dak iż-żmien, il-Kamra sostniet li s-sistema ta’ għajnuna prevista fl-Att dwar l-Elettriku Ekoloġiku tal-2008 kompliet tinvolvi għajnuna mill-Istat. Il-Kamra xtaqet tkun taf kif l-Awstrija issa setgħet tiddefendi pożizzjoni differenti minn dik li kienet esprimiet meta nnotifikat il-verżjoni preċedenti tal-Att.

(45)

Il-Kamra ma qablitx mal-Awstrija li l-eżenzjoni ta’ konsumaturi kbar mill-obbligu tax-xiri, kif previst fl-Att, għandha titqies bl-istess mod li jitqies il-limitu massimu fuq it-taxxi fuq l-enerġija. L-Awstrija, b’referenza għal deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni fejn ġie approvat il-limitu massimu fuq it-taxxi fuq l-enerġija, issa kienet qiegħda titlob ukoll l-approvazzjoni għall-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni għall-konsumaturi tal-elettriku l-kbar; dan ma kienx ammissibbli. Il-Kamra dehrilha li l-analoġija ma kinitx waħda leġittma.

(46)

Il-limitu massimu fuq it-taxxi fuq l-enerġija kien l-għajnuna mill-Istat, mogħtija permezz tas-sistema tat-taxxa, li kienet immirata, tal-anqas indirettament, lejn titjib fil-ħarsien ambjentali, filwaqt li l-eżenzjoni mill-obbligu tax-xiri għan-negozji konċentrati fl-enerġija ma kien qiegħed jilħaq ebda objettiv ambjentali u ma setax jiġi inkluż fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali.

(47)

Billi l-Att kien jipprevedi speċifikament l-eżenzjoni ta’ konsumaturi kbar minn tali obbligu tax-xiri, id-dispożizzjoni ma setgħetx titqies bħala tnaqqis tat-taxxi ambjentali, jew eżenzjoni minnhom, skont it-tifsira tal-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida.

(48)

Barra dan, anki kieku l-Kapitolu 4 seta’ jiġi applikat b’analoġija, il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni ma kienx ikun kompatibbli miegħu, għar-raġunijiet li ġejjin. Il-miżura ma kinitx limitata għal perjodu ta’ 10 snin. Bil-kundizzjonijiet tas-suq kurrenti l-elastiċità tal-prezzijiet kienet biżżejjed biex jiġi żgurat li kull żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-industriji konċernati (bħalma huma dawk tal-karta u l-azzar) setgħet tiġi mgħoddija fuq il-konsumaturi; dan kien ifisser li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni fil-punt 158(c) tal-Linji Gwida.

(49)

L-eżenzjoni ma kinitx proporzjonali, għaliex konsumaturi konċentrati fl-enerġija ma kinux meħtieġa li jikkonsmaw elettriku ekoloġiku, sabiex iċ-ċaqliq tal-prezzijiet tal-enerġija rinnovabbli lejn il-livell tal-prezzijiet tas-suq seta’ jiġi rrallentat. L-SMEs u l-familji biss kellhom iħallsu għall-ispejjeż żejda tal-produzzjoni tal-elettriku ekoloġiku, għad illi dawn jikkonsmaw biss volumi żgħar ta’ enerġija. Il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni konsegwentement falla wkoll milli jissodisfa l-kundizzjoni fil-punt 159(a) tal-Linji Gwida.

(50)

Lanqas ma kien hemm xi ftehim bħal dak imsemmi fil-punt 159(c) tal-Linji Gwida li bih il-konsumaturi tal-elettriku l-kbar intrabtu li jilħqu l-objettivi tal-Att. Fl-aħħar nett, il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni għall-konsumaturi l-kbar ma kienx qiegħed jikkontribwixxi għall-effiċjenza fl-enerġija jew għall-użu ta’ enerġija li tħares l-ambjent, imma għall-kuntrarju eżenta lil dawn il-konsumaturi milli jagħtu sehemhom biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali madwar l-UE kollha.

(51)

Konsegwentement it-Taqsima 22 tal-Att kienet miżura ta’ għajnuna operazzjonali sui generis, li ma pproduċiet ebda benefiċċju ambjentali u ma kinitx taqa’ taħt il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali. Billi din l-għajnuna ma kinitx limitata biż-żmien, u ma kinitx skedata li tonqos maż-żmien, u billi ħolqot tagħwiġ fil-kompetizzjoni li prinċipalment batewh l-SMEs, hija m’għandhiex tiġi awtorizzata.

5.   STIMA

(52)

Il-Kummissjoni eżaminat il-miżuri notifikati fid-dawl tal-Artikoli 107 ff. tat-TFUE u l-Artikoli 61 ff. tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (27).

(53)

Il-Kummissjoni tirrimarka, qabelxejn, li fil-leġiżlazzjoni notifikata hemm żewġ miżuri separati, li t-tnejn li huma kienu kkunsidrati taħt il-liġi tal-għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Lulju 2009 (28). L-Att jipprevedi għajnuna fl-għamla ta’ tariffa tal-alimentazzjoni għall-benefiċċju tal-produtturi ta’ elettriku ekoloġiku. Fih ukoll dispożizzjoni li biha n-negozji konċentrati fl-enerġija jistgħu — taħt ċerti kundizzjonijiet — ikunu eżentati parzjalment mill-obbligu li jħallsu t-tariffa tal-alimentazzjoni. Fid-deċiżjoni tagħha tat-22 ta’ Lulju 2009 l-Kummissjoni aċċettat li t-tariffi ta’ alimentazzjoni għall-benefiċċju tal-produtturi ta’ elettriku ekoloġiku kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, imma esprimiet dubji dwar jekk il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni kienx kompatibbli mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat, u għalhekk tat bidu għal investigazzjoni formali dwar dan l-aspett tal-Att. Fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2009 l-Kummissjoni approvat l-għajnuna lill-produtturi ta’ elettriku ekoloġiku bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli, imma ma ħaditx pożizzjoni finali dwar il-kwistjoni jekk l-eżenzjoni ta’ negozji konċentrati fl-enerġija mill-obbligu tax-xiri kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u kieku kien hekk jekk dan il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni kienx kompatibbli mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Dawn il-kwistjonijiet ġew ikkunsidrati fl-investigazzjoni formali li wasslet għad-Deċiżjoni preżenti. Kif spjegat hawn taħt, madankollu, il-konstatazzjoni fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2009 li l-fondi li jgħaddu mill-OeMAG għal għand il-produtturi ta’ elettriku ekoloġiku huma riżorsi tal-Istat, hija importanti biex tiġi ddeterminata l-preżenza ta’ riżorsi tal-Istat fil-mekkaniżmu li jeżenta n-negozji konċentrati fl-enerġija milli jikkontribwixxu għal dawn il-fondi.

5.1.   Il-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat

(54)

Miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fl-ambitu tal-Artikolu 107(1) TFUE: l-ewwel nett, jekk tikkonferixxi xi vantaġġ fuq ir-riċevituri; it-tieni, jekk tkun iffinanzjata mill-Istat jew mir-riżorsi tal-Istat; it-tielet, jekk tiffavorixxi impriżi jew attivitajiet ekonomiċi selezzjonati; u, ir-raba’, jekk ikollha l-potenzjal li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u toħloq jew thedded li toħloq tagħwiġ fil-kompetizzjoni fis-suq intern.

5.1.1.   Vantaġġ

(55)

Fejn il-vantaġġ possibbli jirriżulta minn eżenzjoni jew eżenzjoni parzjali minn ħlas regolatorju, l-unika kwistjoni li tkun trid tiġi ddeterminata hija jekk, taħt skema statutorja partikolari, miżura tal-Istat tkunx tali li tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE apparagun ta’ impriżi oħrajn li jkunu f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli fid-dawl tal-objettiv li jkun irid jintlaħaq bil-miżura inkwistjoni (29).

(56)

Fil-każ preżenti, l-objettiv li kellu jintlaħaq mill-miżura inkwistjoni kien li jitkattar id-dħul mill-utenti tal-elettriku sabiex tiġi ffinanzjata l-produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli. In-negozji li jikkonsmaw ħafna enerġija huma fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħall-utenti tal-elettriku l-oħrajn kollha, għax dawn kollha jikkonsmaw l-elettriku u jixtru l-elettriku tagħhom mingħand il-fornituri tal-elettriku, li min-naħa tagħhom għandhom l-obbligu li jixtru ċertu ammont ta’ elettriku rinnovabbli bi prezz iffissat bil-leġiżlazzjoni (il-“prezz awtorizzat” (il-Verrechnungspreis)). Fl-assenza ta’ mekkaniżmu ta’ eżenzjoni, in-negozji li jikkonsmaw ħafna enerġija jkollhom iħallsu lill-fornituri tal-elettriku tagħhom l-ispejjeż addizzjonali tal-elettriku ekoloġiku kif jidhru fil-kont tal-elettriku tagħhom. Dan huwa l-mod li bih il-fornituri tal-elettriku jgħaddu l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-obbligu tagħhom li jixtru elettriku ekoloġiku miċ-ċentru ta’ kuntrattazzjoni. L-utenti tal-elettriku l-oħrajn li huma fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali, peress li dawn kollha jixtru l-elettriku, ma jgawdux din il-possibbiltà. Il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni konsegwentement jiffavorixxi lin-negozji li jikkonsmaw ħafna enerġija apparagun tal-konsumaturi tal-elettriku l-oħrajn kollha.

(57)

Abbażi ta’ eżenzjoni li tingħata mill-E-Control, in-negozji li jikkonsmaw ħafna enerġija huma intitolati li jitolbu li ma jiġux fornuti b’elettriku ekoloġiku, u l-fornituri tal-elettriku huma pprojbiti, bil-liġi, milli jgħaddu fuq l-impriżi eżentati xi spejjeż inkorsi minħabba l-obbligu tagħhom li jixtru elettriku ekoloġiku miċ-ċentru ta’ kuntrattazzjoni. Minflok, in-negozji li jikkonsmaw ħafna enerġija jħallsu l-ekwivalenti ta’ 0,5 % tal-valur nett tal-produzzjoni tagħhom liċ-ċentru.

(58)

L-effett tal-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni, għalhekk, huwa li għad-dħul taċ-ċentru jiġi ffissat limitu massimu f’ċertu livell fuq il-kontribuzzjoni tal-industriji li jikkonsmaw ħafna enerġija. B’hekk dawn huma parzjalment eżentati bil-liġi minn ħlas li kien ikollhom jagħmlu tajjeb għalih taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni konsegwentement jikkonferixxi vantaġġ fuq l-impriżi li huma eliġibbli għalih.

(59)

Skont l-Awstrija, il-ħelsien jista’ jammonta għal total ta’ mhux iktar minn Eur 44 miljun fis-sena (30). B’hekk il-miżura tikkostitwixxi vantaġġ għal dawn in-negozji li jikkonsmaw ħafna enerġija.

5.1.2.   Riżorsi tal-Istat u imputabbiltà

Huwa skont każistika stabbilita li vantaġġ jista’ jiġi kkategorizzat bħala għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1) tat-TFUE biss jekk din tingħata direttament jew indirettament mir-riżorsi tal-Istat u l-użu li jsir mir-riżorsi jkun imputabbli għall-Istat (31).

(60)

F’dak ir-rigward l-Awstrija qiegħda tagħmel argument doppju. L-ewwel nett, il-fondi taħt il-kontroll tal-OeMAG ma jikkostitwixxux riżorsi tal-Istat. It-tieni, anki kieku l-fondi taħt il-kontroll tal-OeMAG kienu fil-fatt jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat, it-tnaqqis fid-dħul tal-OeMAG minħabba l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni ma jnaqqasx ir-riżorsi tal-Istat, għaliex ma jkunx hemm involviment tal-Istat f’livell taħt l-OeMAG (jiġifieri fil-livell tal-konsumaturi li jikkonsmaw ħafna enerġija u d-distributuri tal-elettriku).

(61)

Il-Kummissjoni tosserva li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni għan-negozji li jikkonsmaw ħafna enerġija jnaqqas id-dħul taċ-ċentru ta’ kuntrattazzjoni — l-OeMAG — peress li l-fornituri tal-elettriku mhumiex obbligati jixtru elettriku ekoloġiku għal dawk in-negozji li jikkonsmaw ħafna enerġija li jkunu ngħataw eżenzjoni, u l-pagament dirett li jsir lill-OeMAG min-negozji li jikkonsmaw ħafna enerġija huwa iktar baxx minn dak li l-OeMAG kienet tirċievi kieku n-negozji li jikkonsmaw ħafna enerġija ma jkunux ġew eżentati.

(62)

Għalhekk, il-Kummissjoni jeħtiġilha tistabbilixxi jekk ir-riżorsi, li abbażi tal-Att dwar l-Elettriku Ekoloġiku huma taħt il-kontroll taċ-ċentru ta’ kuntrattazzjoni, jiġifieri l-OeMAG, jikkostitwixxux riżorsi tal-Istat. Jekk dak ikun il-każ, il-miżura li kienet qiegħda tiġi vvalutata twassal għal tnaqqis fid-dħul tal-Istat, u hija għaldaqstant iffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat.

(63)

Fil-każ ta’ Essent  (32), l-SEP, impriża li tappartjeni lil għadd ta’ kumpaniji Olandiżi li kienu jiġġeneraw l-elettriku, kienet ġiet fdata mill-Istat bl-obbligu ta’ servizz pubbliku li tiġbor id-dħul minn soprataxxa imposta fuq l-utenti tal-grid tal-elettriku. Il-liġi ppermettiet li l-impriża SEP tuża d-dħul mis-soprataxxa biss għall-iskop stipulat fil-liġi, jiġifieri sabiex tagħmel tajjeb għal xi spejjeż iżolati inkorsi mill-impriżi tal-elettriku fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku.

(64)

Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li s-soprataxxa miġbura mill-impriża SEP kienet tikkostitwixxi riżorsa tal-Istat, għaliex l-kundizzjonijiet li ġejjin ġew issodisfati:

(a)

Is-soprataxxa kienet ħlas impost fuq entitajiet privati b’att ta’ awtorità pubblika (il-paragrafi 47–66 tas-sentenza).

(b)

L-Istat kien ta lill-impriża SEP l-inkarigu li topera servizz ekonomiku ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-inkarigu tal-ġbir tal-ħlas (il-paragrafu 68).

(c)

L-impriża SEP ma kinitx intitolata tuża d-dħul mill-ħlas għal skopijiet differenti minn dawk previsti mil-liġi, u t-twettiq tal-inkarigu tagħha kien sorveljat strettament (il-paragrafu 69).

(65)

Is-sentenza għamlitha ċara li l-miżura inkwistjoni kienet differenti minn dik kkunsidrata fi PreussenElektra, għaliex f’dak il-każ “l-impriżi ma kinux maħtura mill-Istat biex imexxu r-riżorsa tal-Istat, imma kienu marbuta bl-obbligu li jixtru bir-riżorsi finanzjarji tagħhom stess” (33). Fid-deċiżjoni inizjali tagħha tat-22 ta’ Lulju 2009 l-Kummissjoni osservat li l-OeMAG ġiet stabbilita u kienet liċenzjata mill-Istat Awstrijak, u fid-dokumenti tal-fondazzjoni tagħha ngħatat l-inkarigu li tamministra r-riżorsi meħtieġa għall-għajnuna tal-elettriku ekoloġiku. Il-Kummissjoni kkonkludiet illi l-fatt li l-OeMAG kienet privata ma kienx biżżejjed biex jiġi ppruvat li l-miżura ma kinitx tinvolvi għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, il-miżura notifikata ma kinitx paragunabbli mal-iskema fi PreussenElektra. Il-każ ta’ PreussenElektra kien jikkonċerna r-relazzjonijiet ta’ bejn l-impriżi privati, mingħajr l-involvement ta’ xi istituzzjoni intermedja, mentri l-Att dwar l-Elettriku Ekoloġiku fl-Awstrija kien ta lill-OeMAG l-inkarigu li tiġbor u tqassam il-fondi intenzjonati għall-ġenerazzjoni ta’ elettriku ekoloġiku.

(66)

Il-Qorti ddistingwiet ukoll il-każ ta’ Essent mill-każijiet ta’ Pearle u ta’ PreussenElektra: fil-każ ta’ Pearle, il-fondi li nġabru minn istituzzjoni professjonali ma ntużawx għal politika deċiża mill-awtoritajiet pubbliċi, imma għal kampanja pubbliċitarja privata; filwaqt li fil-każ ta’ PreussenElektra, impriżi tal-elettriku privati li kien jeħtiġilhom jixtru elettriku rinnovabbli bi prezz fiss kienu qegħdin jużaw ir-riżorsi tagħhom stess, u mhux id-dħul minn ħlas miġbur minnhom f’isem l-Istat (il-paragrafi 72–74).

(67)

Fil-każ preżenti, għalhekk, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-OeMAG inħatritx mill-Istat biex tiġbor u tamministra ħlas, l-istess bħall-impriża SEP, jew jekk hijiex qiegħda tuża l-fondi tagħha stess, kif kienu qegħdin jagħmlu l-impriżi fi PreussenElektra  (34).

(68)

Il-preżenza ta’ dritt ta’ ħlas: Il-Kummissjoni l-ewwel jeħtiġilha tistabbilixxi jekk il-flus miġbura mill-OeMAG jikkostitwixxux dritt ta’ ħlas. It-Taqsimiet 10 u 19 tal-Att dwar l-Elettriku Ekoloġiku jirrikjedu li l-fornituri tal-elettriku jixtru ċertu volum ta’ elettriku rinnovabbli bi prezz ogħla mill-prezz tas-suq, imsejjaħ il-“prezz awtorizzat” (il-Verrechnungspreis). It-Taqsima 22b tal-Att tistqarr li l-livell tal-prezz awtorizzat għandu jiġi stabbilit kull sena b’ordni tal-Ministru Federali għall-Affarijiet Ekonomiċi u x-Xogħol, u tkompli billi tistabbilixxi l-valuri awtomatiċi. Id-differenza bejn il-prezz tas-suq għall-elettriku u l-prezz awtorizzat, stabbilit b’att ta’ awtorità pubblika, tikkostitwixxi dritt ta’ ħlas għall-elettriku. Fil-każ preżenti dan id-dritt ma jitħallasx lil parteċipanti oħrajn fis-suq li jkunu qegħdin jieħdu sehem f’attivitajiet kummerċjali ordinarji, kif ġara fi PreussenElektra, fatt li wassal biex il-Qorti tikkonstata li ma kienu involuti ebda riżorsi tal-Istat. Hawnhekk il-pagamenti jsiru lil istituzzjoni bl-inkarigu speċifiku li tiġbor u tqassam dawn il-fondi għal skopijiet li jkunu fl-interess pubbliku biss.

(69)

Il-ħtir ta’ istituzzjoni privata għall-ġbir u l-amministrazzjoni tad-dritt ta’ ħlas: L-Att jipprevedi li d-dritt ta’ ħlas għandu jiġi impost, mhux mill-Istat, imma minn entità legali li għandha l-permess biex isservi ta’ ċentru ta’ kuntrattazzjoni. Fil-preżent l-OeMAG għandha l-permess biex isservi ta’ ċentru ta’ kuntrattazzjoni għall-Awstrija kollha. Il-permess jgħabbi lill-OeMAG bl-obbligu ta’ servizz pubbliku tal-ġbir ta’ ħlas fl-għamla ta’ prezz awtorizzat mingħand il-fornituri tal-elettriku kollha.

(70)

Ġeneralment il-fornituri tal-elettriku huma ħielsa li jgħaddu dan id-dritt ta’ ħlas fuq il-konsumaturi tal-elettriku, u mill-perspettiva ekonomika wieħed jista’ jassumi li normalment hekk jagħmlu. Madankollu, l-Att jipprojbixxihom milli jgħaddu d-dritt tal-ħlas fuq dawk in-negozji li jikkonsmaw ħafna enerġija li jkunu ġew eżentati skont it-Taqsima 22c tal-Att mill-obbligu li jixtru elettriku rinnovabbli.

(71)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-OeMAG ġiet fdata mill-Istat b’servizz ekonomiku ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-ġbir u l-amministrazzjoni tal-ħlas.

(72)

Kontroll tal-fondi u użu għal skop speċifikat mil-liġi: It-Taqsima 23 tal-Att tirrikjedi li l-OeMAG iżżomm id-dħul mill-prezz awtorizzat f’kont bankarju apposta. Il-fondi miġbura f’dan il-kont jistgħu jintużaw biss għall-iskop ta’ xiri ta’ elettriku rinnovabbli. L-OeMAG għandha tagħti aċċess f’kull ħin għad-dokumenti kollha li jikkonċernaw il-kont lill-Ministeru Federali għall-Affarijiet Ekonomiċi u x-Xogħol jew lill-Qorti tal-Awdituri tal-Awstrija. Irrispettivament mill-istruttura tas-sjieda tal-OeMAG, it-Taqsima 15 tal-Att tirrikjedi wkoll li l-Qorti tal-Awdituri teżegwixxi verifiki ex post tal-OeMAG.

(73)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-OeMAG għandha tuża l-fondi għall-iskop speċifikat mil-liġi, u li l-Istat jeżerċita kontroll strett fuq l-użu tagħhom.

(74)

F’konformità mal-każijiet ta’ Essent u Steinike, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-fondi miġbura u amministrati mill-OeMAG jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat.

(75)

L-Awstrija ppreżentat serje ta’ argumenti biex issostni l-fehma tagħha li s-sitwazzjoni tal-OeMAG hija iktar paragunabbli ma’ dik fi PreussenElektra milli ma’ dik f’Essent. Fil-premessi li ġejjin jidher kif dawn l-argumenti mhumiex denji li jiġu kkunsidrati.

(76)

Il-Kummissjoni tosserva qabelxejn illi l-Awstrija tipparaguna l-Att dwar l-Elettriku Ekoloġiku mal-Att dwar l-Enerġija Rinnovabbli Ġermaniż, kif kien qabel u kif inhu issa, fejn tikkwota s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fi PreussenElektra  (35). Imma dan il-paragun mhuwiex rilevanti għall-kwistjoni diskussa hawnhekk. Fid-Deċiżjoni preżenti l-Kummissjoni qiegħda teżamina biss il-miżura proposta, u mhijiex se tipprova tivvaluta l-leġiżlazzjoni Ġermaniża jew xi oħra simili: kull wieħed mill-każijiet għandu jiġi ttrattat fil-merti tiegħu. B’referenza għall-argumenti mressqa, madankollu, ta’ min josserva li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka hija sostanzjalment differenti mill-Att Ġermaniż li kien ikkunsidrat fi PreussenElektra. Fi PreussenElektra l-Qorti tal-Ġustizzja sabet illi l-vantaġġi li jingħataw direttament mill-Istat jew minn istituzzjoni privata maħtura jew stabbilita mill-Istat biss setgħu jinvolvu l-użu ta’ riżorsi tal-Istat. Il-Qorti dakinhar sabet illi l-obbligu tax-xiri impost fuq l-impriżi privati li jipprovdu l-elettriku ma kienx jinvolvi xi trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi tal-Istat. B’hekk l-iskema notifikata hawn mhijiex identika għall-iskema kkunsidrata fi PreussenElektra. Kif qalet fid-deċiżjoni inizjali tagħha tat-22 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni qiegħda ssostni l-fehma li l-iskema Awstrijaka tinvolvi l-użu ta’ riżorsi imputabbli għall-Istat. L-iskema Awstrijaka hija differenti minn dik Ġermaniża partikolarment fis-sens li hija tipprevedi istituzzjoni intermedja bħalma hija l-OeMAG li tinħatar mill-Istat, u l-Istat jissorvelja u jikkontrolla l-ġbir u t-tqassim tar-riżorsi amministrati minn dik l-istituzzjoni. Il-Kummissjoni tikkonstata wkoll illi l-iskema Awstrijaka tista’ tippermetti pagamenti diretti mill-Istat lill-OeMAG.

(77)

Rigward l-Att dwar l-Enerġija Rinnovabbli Ġermaniż preżenti, ta’ min josserva li din il-miżura mhijiex is-suġġett ta’ din id-Deċiżjoni; il-Kummissjoni għadha m’għamlitx il-valutazzjoni tagħha, u konsegwentement ma tistax tagħti bidu għal eżami ddettaljat tal-preżunta analoġija bejn l-Att dwar l-Elettriku Ekoloġiku Awstrijak u l-Att dwar l-Enerġija Rinnovabbli Ġermaniż preżenti.

(78)

Barra minn hekk, l-Awstrija ssostni li l-OeMAG hija impriża privata, u mhux istituzzjoni regolata bil-liġi pubblika bħall-korporazzjonijiet li ssemmew fis-sentenzi tal-Air France u Salvat Père. L-awtoritajiet Awstrijaċi jistgħu biss jeżerċitaw kontroll fuq l-OeMAG permezz ta’ verifika ex post tal-kontijiet tagħha u billi jirtirawlha l-permess li għandha.

(79)

Il-Kummissjoni tindika f’dan ir-rigward li jidher biċ-ċar mis-sentenza f’Essent li fejn l-Istat jaħtar istituzzjoni għall-ġbir u l-amministrazzjoni tad-dħul minn drittijiet ta’ ħlas, m’hemmx għalfejn issir xi distinzjoni skont jekk dik l-istituzzjoni tkunx pubblika jew privata. Fil-konstatazzjonijiet tagħha l-Qorti ma tatx indikazzjonijiet dwar jekk l-impriża SEP kinitx ikkontrollata pubblikament jew privatament; dan ifisser li dan il-fatt ma kienx rilevanti għas-sentenza tagħha. Dan jikkonforma mal-punt 106 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’Essent, u mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Steinike  (36).

(80)

Għaldaqstant, il-fatt li l-OeMAG hija impriża kkontrollota privatament ma jipprekludix il-preżenza ta’ riżorsi tal-Istat. Il-kwistjoni deċiżiva hija jekk din inħatritx mill-Istat biex tiġbor ħlas u tamministrah.

(81)

L-Awstrija ssostni wkoll li l-baġit tal-Istat ma jkopri ebda telf li tista’ tagħmel l-OeMAG, u li l-irwol tal-awtoritajiet pubbliċi huwa limitat għall-iffissar tal-prezzijiet tax-xiri u l-bejgħ ta’ elettriku rinnovabbli; għalhekk m’hemm ebda piż fuq il-baġit tal-Istat bħal dak li jidher fi Sloman Neptun u Pearle.

(82)

Il-Kummissjoni tosserva li f’Essent deher li l-flus għad-dispożizzjoni ta’ entità privata, li tkun inħatret mill-Istat biex tiġbor u tamministra ħlas, jikkonstitwixxu riżorsa tal-Istat. Għalhekk, tnaqqis fil-livell tal-ħlas li jagħmlu ċerti impriżi soġġetti għall-ħlas ikun biżżejjed biex jikkostitwixxi piż fuq l-Istat.

(83)

Rigward l-argument tal-Awstrija li l-E-Control ma tgawdi ebda diskrezzjoni fl-eżentar ta’ negozji li jikkonsmaw ħafna enerġija mill-obbligu tax-xiri, il-Kummissjoni qiegħda tirrimarka illi, kif spjega l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-punt 109 tal-opinjoni tiegħu f’Essent, il-fatt li l-istituzzjoni maħtura għall-ġbir u l-amministrazzjoni tal-ħlas ma tgawdi ebda diskrezzjoni m’għandu ebda rilevanza fil-kwistjoni dwar jekk dawn il-fondi jikkostitwixxux riżorsi tal-Istat.

(84)

L-aħħar argument tal-Awstrija huwa li l-ammont globali ta’ flus li l-fornituri tal-elettriku jħallsu lill-OeMAG mhuwiex affettwat mill-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni, li jbiddel biss id-distribuzzjoni tal-ammont globali bejn il-kategoriji differenti ta’ konsumaturi tal-elettriku aħħarin; il-Kummissjoni tosserva li l-fatt li telf fid-dħul tal-Istat jista’ jiġi kkumpensat b’żieda fid-dħul tal-Istat minn sorsi oħrajn m’għandu ebda rilevanza għall-kwistjoni dwar jekk humiex jintużaw riżorsi tal-Istat. Li huwa deċiżiv huwa li l-impriża tgawdi vantaġġ, u li dan il-vantaġġ inaqqas id-dħul tal-Istat mingħand dik l-impriża. Huwa ovvju li, fl-aħħar mill-aħħar, l-Istat ikollu jsib sorsi oħrajn ta’ dħul biex jagħmlu tajjeb għad-defiċit.

(85)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-fatti fil-każ preżenti jikkorrispondu mal-fatti kkunsidrati f’Essent u Steinike: il-provi kollha tal-preżenza ta’ riżorsi tal-Istat stabbiliti f’Essent u Steinike huma ssodisfati. Il-miżura li qiegħda tiġi vvalutata hija għalhekk ffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat.

(86)

L-użu tal-fondi taħt il-kontroll tal-OeMAG huwa regolat bil-liġi, jiġifieri bl-Att dwar l-Elettriku Ekoloġiku. L-użu tal-fondi huwa għalhekk imputabbli għall-Istat.

Konklużjoni

(87)

Dan ifisser li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni jwassal għal telf ta’ riżorsi tal-Istat, u jkun imputabbli għall-Istat.

5.1.3.   Is-selettività tal-miżura

(88)

Il-Kummissjoni tindika li anki kieku l-miżura fit-teorija tista’ tidher li hija newtrali kemm f’termini tas-settur tal-impriżi kif ukoll f’dawk tas-settur ekonomiku, xorta tista’ tkun selettiva fil-prattika.

(89)

L-Awstrija ssostni li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat billi mhuwiex selettiv imma huwa miżura ġenerali miftuħa għall-impriżi u s-setturi kollha. L-ewwel nett, l-Awstrija qiegħda tgħid li l-livell minimu ta’ 0,5 % fl-iskema notifikata ma jimponix xi restrizzjoni f’termini ta’ industriji speċifiċi, id-daqs tal-impriża jew kriterji selettivi oħrajn (37). It-tieni, l-Awstrija sabet li l-miżura fil-fatt taffettwa 2 300 impriża f’19-il settur differenti; din qiegħda tgħid li dan juri li l-miżura hija tabilħaqq miftuħa għall-impriżi u s-setturi kollha tal-ekonomija.

Livell minimu ta’ 0,5 %

(90)

Miżura tkun selettiva jekk tivvantaġġa biss ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti. Din ma tkunx selettiva jekk tkun tapplika għall-impriżi kollha fit-territorju nazzjonali, tkun xi tkun l-attività tagħhom.

(91)

Il-Kummissjoni qiegħda tikkonstata li l-fatt li hemm biss livell minimu ta’ 0,5 % mhux biżżejjed biex l-iskema notifikata tikkwalifika bħala miżura ġenerali. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni qiegħda tikkonstata li minħabba dan il-livell minimu mhux l-impriżi kollha fit-territorju nazzjonali jistgħu jieħdu vantaġġ mill-miżura notifikata.

(92)

L-Awstrija qalet li l-miżura notifikata hija riżervata għal impriżi li l-ispejjeż tagħhom jiżdiedu b’iktar minn 0,5 % tal-valur nett tal-produzzjoni tagħhom minħabba l-kontribuzzjoni tagħhom għall-appoġġ ta’ elettriku ekoloġiku. Il-Kummissjoni tinnota li dawn il-kundizzjonijiet huma simili ħafna għar-rekwiżiti tad-definizzjoni ta’ “negozju konċentrat fl-enerġija” fl-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija (38). L-Awstrija ssostni li l-livell minimu ta’ 0,5 % mhux biżżejjed biex il-miżura notifikata tikkwalifika bħala selettiva. Fil-fehma tal-Awstrija din il-konklużjoni hija sostnuta bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Adria-Wien Pipeline. F’din is-sentenza l-Qorti kellha tiddeċiedi dwar rimborż parzjali ta’ taxxa fuq l-enerġija li ngħata lil azjendi jekk it-taxxa kienet teċċedi ż-0,35 % tal-valur nett tal-produzzjoni tagħhom. Il-Qorti stqarret li “Il-miżuri nazzjonali li jipprevedu rifużjoni ta’ taxxi għall-enerġija imposti fuq il-gass naturali u l-elettriku ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 92 tat-Trattat tal-KE [illum l-Artikolu 107 tat-TFUE] … fejn ikunu japplikaw għall-impriżi kollha fit-territorju nazzjonali, tkun xi tkun l-attività tagħhom” (39).

(93)

Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sentenza ma tipprekludix konstatazzjoni dwar selettività rigward il-livell minimu ta’ 0,5 % fil-każ li qiegħed jiġi indirizzat. Is-sentenza kienet deċiżjoni preliminari, li ngħatat bi tweġiba għall-applikazzjoni minn qorti Awstrijaka li kienet tikkonċerna skema eżistenti ta’ rifużjonijiet ta’ taxxa fuq l-enerġija. Il-qorti Awstrijaka ssottomettiet żewġ mistoqsijiet. L-ewwel staqsiet jekk il-fatt li taħt l-iskema eżistenti r-rifużjoni tat-taxxa kienet qiegħda tingħata biss lil impriżi li kienu involuti fil-produzzjoni ta’ oġġetti kienx ifisser li r-rifużjoni kienet selettiva. Imbagħad għamlet il-mistoqsija ipotetika kif il-Qorti kienet se tivvaluta rifużjoni ta’ taxxa li ma kinitx limitata għal impriżi li primarjament kienu involuti fil-produzzjoni ta’ oġġetti imma li kienet tapplika għall-impriżi kollha, tkun xi tkun l-attività tagħhom.

(94)

Dwar l-ewwel mistoqsija, il-Qorti sabet li r-restrizzjoni tar-rifużjoni tat-taxxa għall-produtturi kienet fil-fatt trendi lill-miżura selettiva. Meta wieħed iqis in-natura ipotetika tat-tieni mistoqsija, jiġifieri kif kienet se tivvaluta rifużjoni ta’ taxxa miftuħa għas-setturi kollha tal-ekonomija, il-Qorti wieġbet f’termini pjuttost ġenerali. Din qalet li l-miżura kienet tkun selettiva kieku kienet tivvantaġġa ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti, u ma kinitx tkun selettiva kieku l-impriżi kollha fit-territorju nazzjonali kienu jibbenefikaw minnha mingħajr distinzjoni (40). Il-Qorti kkonkludiet illi miżuri nazzjonali ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat “jekk dawn ikunu japplikaw għall-impriżi kollha fit-territorju nazzjonali, tkun xi tkun l-attività tagħhom” (41). Il-Qorti ma tatx indikazzjonijiet jekk miżura li tkun soġġetta għal-livell minimu ta’ 0,35 % għandhiex tiġi kkunsidrata li tkun applikabbli għall-impriżi kollha. Dan ġie nnotat mill-Avukat Ġenerali Jacobs fl-opinjoni tiegħu f’każ sussegwenti quddiem il-Qorti: “l-effett tal-livell minimu ta’ 0,35 % ma ġiex eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Adria-Wien (42). Il-Qorti ma kellhiex għalfejn tiddeċiedi jekk il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni fihom infushom (jiġifieri mingħajr restrizzjoni għal impriżi li primarjament kienu involuti fil-produzzjoni ta’ oġġetti) kienx de facto selettiv. B’hekk il-Qorti ma eskludietx il-possibbiltà li l-livell minimu ta’ 0,35 % seta’ kien selettiv kieku fil-prattika kellu l-effett ta’ miżura li ma kinitx miftuħa għall-impriżi kollha fit-territorju nazzjonali.

(95)

Tabilħaqq il-Kummissjoni qiegħda ssostni l-fehma li l-Qorti tat x’indikazzjoni li dan il-livell minimu seta’ kien selettiv anki kieku l-miżura kienet miftuħa għal għadd ta’ setturi differenti. Fit-tweġiba tagħha għat-tieni mistoqsija, il-Qorti qalet partikolarment li “la l-għadd kbir ta’ impriżi eliġibbli u lanqas id-diversità u d-daqs tas-setturi li lilhom ikunu jappartjenu dawn l-impriżi ma jipprovdu raġunijiet għall-konklużjoni li inizjattiva tal-Istat tikkostitwixxi miżura ġenerali ta’ politika ekonomika” (43). Skont il-każistika, bosta miżuri li mhumiex speċifiċi għas-settur jistgħu jitqiesu bħala selettivi jekk de facto dawn ma jkunux miftuħin għall-impriżi kollha fit-territorju nazzjonali (44). Dan ifisser li anki miżuri li jkunu miftuħin għas-setturi kollha jistgħu jiġu kkunsidrati bħala selettivi għar-raġunijiet li de facto dawn ma jkunux miftuħin għall-impriżi kollha fit-territorju konċernat.

(96)

Din l-opinjoni hija riflessa wkoll fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rifużjoni tat-taxxa Awstrijaka fuq l-enerġija (45). Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għadha kif issemmiet, l-Awstrija wessgħet il-miżura biex tinkludi impriżi mis-setturi kollha. Fil-valutazzjoni tagħha tal-iskema emendata, madankollu, il-Kummissjoni sabet li l-miżura kienet għadha selettiva, għaliex anki kieku nitkellmu b’mod formali r-rifużjoni kienet miftuħa għall-impriżi kollha, fil-prattika l-uniċi impriżi li setgħu jibbenefikaw kienu dawk b’konsum kbir ta’ enerġija b’rabta mal-valur nett tal-produzzjoni tagħhom (46). Il-Kummissjoni kkonkludiet illi r-rifużjoni tat-taxxa kienet tikkostitwixxi għajnuna illeċita (jiġifieri mhux notifikata) mill-Istat, u kienet inkompatibbli mas-suq intern (47).

(97)

L-effetti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni sussegwentement wasslu biex qorti amministrattiva Awstrijaka titlob deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja (48). Il-mistoqsijiet sottomessi mill-qorti Awstrijaka kienu relatati mal-firxa tal-effetti tal-illegalità tar-rifużjoni tat-taxxa, u l-Qorti tal-Ġustizzja ma reġgħetx qajmet il-kwistjoni tas-selettività. Il-kwistjoni madankollu ssemmiet mill-Avukat Ġenerali. Fl-opinjoni tiegħu l-Avukat Ġenerali qal li “bħalma l-Kummissjoni qiegħda tirrimarka, il-fatt li rifużjonijiet jingħataw biss lill-impriżi tas-servizzi (barra lill-impriżi tal-produzzjoni) li ma jkunux esklużi bil-livell minimu ta’ 0,35 % sempliċiment ikun qiegħed ikabbar iċ-ċirku ta’ benefiċjarji tal-għajnuna. Madankollu, fih innifsu, dan ma jkunx qiegħed iċaħħad l-għajnuna mill-effetti tagħha, peress li l-kriterju tas-selettività jkun għadu japplika” (49). Huwa sostna wkoll li “Ir-raġunament tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tal-2004 dwar in-natura selettiva tal-livell minimu ta’ 0,35 % fl-iskema emendata huwa konvinċenti” (50).

(98)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-livell minimu ta’ 0,5 % inkwistjoni fil-każ preżenti huwa kriterju ta’ selezzjoni li jillimita l-benefiċċju tal-miżuri notifikati għall-impriżi konċentrati fl-enerġija u jeskludi impriżi li mhumiex konċentrati fl-enerġija. Irrispettivament mill-għadd ta’ setturi li jikkwalifikaw, il-limitu jfisser li mhux l-impriżi kollha fit-territorju nazzjonali jistgħu jibbenefikaw taħt il-miżura notifikata. Konsegwentement, il-limitu jirrendi l-miżura notifikata bħala waħda selettiva.

(99)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li biex jikkwalifikaw għall-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni li qiegħed jiġi vvalutat hawnhekk, l-impriżi jridu jkunu eliġibbli għar-rifużjoni tat-taxxa fuq l-enerġija skont l-Att dwar ir-Rifużjoni ta’ Taxxa fuq l-Enerġija Awstrijak, li kien is-suġġett tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rifużjoni tat-taxxa Awstrijaka fuq l-enerġija. Konsegwentement ir-raġunament tal-Kummissjoni f’dik id-deċiżjoni tapplika mutatis mutandis għall-każ preżenti.

Iffokar fuq il-produzzjoni ta’ oġġetti

(100)

Dwar it-tieni argument tal-Awstrija, il-Kummissjoni sabet li l-miżura notifikata hija selettiva wkoll għaliex fil-prattika din tiffoka primarjament fuq għadd limitat ta’ impriżi attivi fil-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti konċentrati fl-enerġija. Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura m’għandhiex tiġi analizzata b’referenza għall-kaġunijiet jew il-miri tagħha imma b’rabta mal-effetti tagħha (51). Dan ifisser li għalkemm f’termini formali l-miżura tkun miftuħa għas-setturi kollha u għall-impriżi kollha, xorta waħda tista’ tkun ikkunsidrata bħala selettiva jekk ma tkunx miftuħa għall-impriżi kollha fit-territorju nazzjonali fil-prattika. Il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret li “La l-għadd kbir ta’ impriżi li jibbenefikaw u lanqas id-diversità u l-importanza tas-setturi industrijali li lilhom ikunu jappartjenu dawk l-impriżi ma jiġġustifikaw il-konklużjoni li [xi] skema tikkostitwixxi miżura ġenerali ta’ politika ekonomika” (52).

(101)

Fl-investigazzjoni tagħha l-Kummissjoni sabet li l-iskema notifikata kienet tiffoka primarjament fuq ftit impriżi, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu involuti fil-produzzjoni ta’ oġġetti. Fid-9 ta’ Settembru 2010 l-Awstrija ssottomettiet tagħrif li nġabar abbażi tal-iskema applikata fil-preżent, jiġifieri b’intensitajiet tal-għajnuna taħt il-livelli minimi tan-notifikazzjoni. Minn approssimattivament 300 000 impriża fl-Awstrija, skont din l-informazzjoni, l-għadd ta’ dawk li applikaw għall-benefiċċji taħt l-iskema kien biss ta’ madwar 2 000, jew anqas minn 1 % tal-impriżi Awstrijaċi kollha. Meta kienet qiegħda tiġi applikata l-iskema, approssimattivament 66 % tal-benefiċċji marru għand impriżi li jispeċjalizzaw fil-“produzzjoni ta’ oġġetti” (53). Il-Kummissjoni tosserva li, li kieku l-Awstrija kellha żżid l-intensitajiet tal-għajnuna fuq il-livelli de minimis li taħthom l-iskema tkun qiegħda titħaddem provviżjorjament, il-miżura x’iktarx tiffoka saħansitra iktar fuq impriżi attivi fil-produzzjoni ta’ oġġetti. Dan jidher mill-fatt li, abbażi tal-informazzjoni li pprovdiet l-Awstrija, 12-il impriża biss jibbenefikaw minn intensitajiet tal-għajnuna ogħla minn dawk stipolati fil-verżjoni tal-iskema li qiegħda tiġi applikata fil-preżent, u li minn dawn tnejn biss joperaw fis-settur tat-trasport, filwaqt li 10 huma involuti fil-produzzjoni ta’ oġġetti (54).

(102)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema notifikata tipprovdi ftit benefiċċji, jew xejn, għall-maġġoranza tas-setturi tal-ekonomija Awstrijaka, u minnha se jibbenefikaw prinċipalment impriżi attivi f’xi waħda mill-fergħat tal-produzzjoni ta’ oġġetti. Irrispettivament mill-għadd ta’ setturi li fihom impriżi jistgħu jibbenefikaw minħabba l-miżura, prinċipalment il-miżura tiffoka fuq impriżi attivi fil-produzzjoni ta’ oġġetti, u għalhekk għandha tiġi kkunsidrata bħala de facto selettiva.

Konklużjoni

(103)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni notifikat huwa selettiv, kemm għaliex dan jipprevedi livell minimu ta’ 0,5 %, li jillimita l-miżura għal impriżi konċentrati fl-enerġija, u kemm għaliex primarjament dawn l-impriżi jkunu attivi fil-produzzjoni ta’ oġġetti.

Il-miżuri ġġustifikati min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema

(104)

Il-Kummissjoni tinnota li anki fejn miżura tkun ta’ kwalità selettiva din ma tkunx tissodisfa l-kundizzjoni tas-selettività jekk tkun iġġustifikata min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema li tkun tagħmel parti minnha (55). B’mod konformi, il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret li jiddependi mill-Istat Membru li juri li dan huwa minnu (56).

(105)

Skont il-Qorti, “għandha ssir distinzjoni bejn, min-naħa l-waħda, l-objettivi attribwiti ma’ skema ta’ taxxa partikolari li jkunu estrinsiċi għaliha u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi inerenti fis-sistema tat-taxxa nnifisha li huma neċessarji biex jintlaħqu dawn l-objettivi”. Huma biss dawn il-mekkaniżmi tal-aħħar li jistgħu jkunu ġġustifikati min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa li l-miżura tkun tagħmel parti minnha (57). Kull għan estrinsiku għandu jiġi kkunsidrat fl-istadju meta l-għajnuna tkun qiegħda tiġi vvalutata għall-kompatibbiltà (58).

(106)

L-Awstrija jidhrilha li d-divrenzji fil-ħlasijiet introdotti bit-Taqsima 22c tal-Att huma intenzjonati li jippermettu li l-kapaċità tal-impriżi li tvarja tkun tiflaħ għal ħlasijiet addizzjonali. L-Awstrija qiegħda ssostni wkoll il-fehma li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni ma jippreġudikax il-benefiċċji ambjentali previsti bl-Att, billi l-ammont ta’ għajnuna disponibbli għall-appoġġ tal-produzzjoni ta’ elettriku ekoloġiku mhuwiex imnaqqas. L-Awstrija tikkontendi li huwa biss permezz tat-tnaqqis fi ħlasijiet ambjentali għal ċerti negozji li jkun possibbli li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ finanzjament sostenibbli għall-elettriku ekoloġiku, li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat l-appoġġ għal sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

(107)

Il-Kummissjoni tinnota f’dan ir-rigward li l-objettiv intrinsiku tas-sistema stabbilita bil-prezz awtorizzat huwa li jitkattar id-dħul għall-iskop speċifiku tal-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni, madankollu, jgħin biex jintlaħaq l-objettiv li titjieb il-kompetittività tan-negozji konċentrati fl-enerġija billi jirriduċilhom il-prezz tal-elettriku, u permezz t’hekk ittejjeb l-aċċettabbiltà tas-sistema abbażi tal-prezz awtorizzat. Dan l-objettiv huwa wieħed estrinsiku għar-raġunament u l-iskema ġenerali tas-sistema.

(108)

Il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret li wieħed ma jistax joqgħod fuq l-interess muri biex jintlaħaq dan l-objettiv estrinsiku biex miżura tiġi ġġustifikata b’referenza għan-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa (59). Dan jista’ jiġi analizzat biss meta l-għajnuna tkun trid tiġi vvalutata għall-kompatibbiltà (60).

(109)

Biex issostni l-fehma tagħha li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni huwa ġġustifikat mir-raġunament u mill-iskema ġenerali tas-sistema, l-Awstrija tikkwota żewġ deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat; imma fejn is-sitwazzjoni kienet differenti. Il-miżura ta’ għajnuna mill-Istat Nru N 271/06, it-taxxa Daniża fuq it-tisħin ogħla mill-kwota, ma ppruvatx biss li ttejjeb il-kompetittività iżda ħadmet biex il-prodotti kollha tal-enerġija jiġu trattati kollha bl-istess mod fir-rigward tat-trattament fiskali. Il-miżura ta’ għajnuna mill-Istat Nru N 860/06, l-eżenzjoni mit-taxxa Ġermaniża fuq l-enerġija għal proċessi b’użu doppju, kienet ibbażata fuq il-prinċipju li l-prodotti tal-enerġija għandhom jiġu intaxxati biss meta jkunu ntużaw għal skopijiet ta’ tisħin jew bħala karburanti.

(110)

Dan ifisser li l-eżenzjoni notifikata għall-industriji konċentrati fl-enerġija mhijiex iġġustifikata min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema li tkun tagħmel parti minnha.

Konklużjoni

(111)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura notifikata tissodisfa l-kundizzjoni tas-selettività għaliex din hija de facto selettiva u mhijiex ġġustifikata min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema.

5.1.4.   It-tagħwiġ tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ

(112)

Il-benefiċjarji tal-miżura, li fil-fehma tal-Kummissjoni tikkostitwixxi għajnuna tal-operat, fil-biċċa l-kbira tagħhom huma involuti fil-produzzjoni ta’ oġġetti konċentrati fl-enerġija bħalma huma prodotti tal-metall u karta (61). Dawn huma industriji fejn hemm il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u l-impriżi fi Stat Membru wieħed huma soġġetti għall-kompetizzjoni ma’ impriżi f’oħrajn. Il-miżura inkwistjoni hija għalhekk suxxettibbli li toħloq tagħwiġ fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ fis-suq intern.

5.1.5.   Konklużjoni

(113)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, għaliex b’effett ta’ dan jiġu mnaqqsa r-riżorsi tal-Istat u permezz t’hekk jiġi konferit vantaġġ selettiv fuq in-negozji konċentrati fl-enerġija. Konsegwentement, il-miżura għandha l-potenzjal li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u toħloq tagħwiġ fil-kompetizzjoni fis-suq intern.

5.2.   Legalità tal-għajnuna

(114)

L-Awstrija ntrabtet li ma ddaħħalx l-għajnuna fis-seħħ sa ma l-Kummissjoni Ewropea tkun approvatha. L-Awstrija nnotifikat il-miżura qabel ma daħħlitha fis-seħħ, u b’hekk ikkonformat mal-obbligu li għandha skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE (62).

5.3.   Kompatibbiltà tal-għajnuna

(115)

Skont l-Artikolu 107(3) tat-TFUE l-Kummissjoni tista’ tiddikjara għajnuna mill-Istat bħala kompatibbli mas-suq intern. Huwa skont każistika stabbilita li l-piż tal-prova li juri li miżura tkun kompatibbli jaqa’ f’idejn l-Istat Membru (63).

(116)

Fil-każijiet ta’ għajnuna li jaqgħu taħt l-Artikolu 107(3) tat-TFUE l-Kummissjoni għandha diskrezzjoni wiesgħa (64). Għall-eżerċitar tad-diskrezzjoni tagħha ħarġet linji gwida u avviżi fejn jissemmew il-kriterji biex jiġu ddikjarati ċerti tipi ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-TFUE. B’mod konformi, il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret li l-Kummissjoni hija marbuta bil-linji gwida u l-avviżi li toħroġ fil-qasam tas-sorveljanza tal-għajnuna mill-Istat fejn dawn ma jiddevjawx mir-regoli tat-Trattat u huma aċċettati mill-Istati Membri (65).

(117)

Qabel kollox, għaldaqstant, wieħed għandu jikkunsidra jekk l-għajnuna notifikata tkunx taqa’ fl-ambitu ta’ ġabra waħda jew iktar ta’ linji gwida jew avviżi, u jekk tistax tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern għaliex tkun tissodisfa l-provi tal-kompatibbiltà stipulati fihom.

(118)

L-Awstrija qiegħda tafferma li l-miżura notifikata taqa’ fl-ambitu tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali (66), jew li l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali huma applikabbli b’analoġija. Barra minn hekk, qiegħda tafferma wkoll li l-għajnuna taqa’ fl-ambitu tar-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (67).

(119)

Madankollu, huwa evidenti li jeżistu sitwazzjonijiet li għalihom tista’ tingħata għajnuna tal-operat. B’mod partikolari, tista’ tingħata għajnuna tal-operat fl-għamla ta’ reduzzjonijiet fit-taxxi, b’kundizzjonijiet speċifiċi, skont il-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali (68) jew skont l-Artikolu 25 tar-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (69). Taħt ċerti kundizzjonijiet l-għajnuna tista’ wkoll tiġi vvalutata direttament skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

5.3.1.   Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali

(120)

Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali jiddefinixxu l-qasam tal-applikazzjoni tagħhom kif ġej (70):

‘(58)

Dawn il-Linji Gwida japplikaw għal għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali. Dawn għandhom jiġu applikati skont politiki Komunitarji oħrajn dwar għajnuna mill-Istat, dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-leġiżlazzjoni adottata skont dawk it-Trattati.

(59)

Dawn il-Linji Gwida japplikaw għall-għajnuna mogħtija għall-appoġġ tal-ħarsien ambjentali fis-setturi kollha regolati bit-Trattat tal-KE. Dawn japplikaw ukoll għal dawk is-setturi li huma soġġetti għal regoli Komunitarji speċifiċi dwar għajnuna mill-Istat (l-ipproċessar tal-azzar, ix-xogħol fit-tarzni, il-vetturi bil-mutur, il-fibri sintetiċi, it-trasport, il-faħam, l-agrikoltura u s-sajd) jekk dawn ir-regoli speċifiċi ma jipprevedux mod ieħor.’

(121)

Il-punt 70(1) tal-Linji Gwida jiddefinixxi “ħarsien ambjentali” bħala “kwalunkwe azzjoni mfassla sabiex tirrimedja jew twaqqaf ħsara lil ambjenti fiżiċi jew riżorsi naturali mwettqa bl-attivitajiet proprji ta’ benefiċjarju, sabiex tnaqqas ir-riskju ta’ tali ħsara jew sabiex twassal għal użu iktar effiċjenti ta’ riżorsi naturali, inklużi miżuri li jiffrankaw l-enerġija u l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli”. Punt 151 jiddikjara li biex miżura taqa’ fl-ambitu tal-Linji Gwida jkun biżżejjed li din ittejjeb indirettament il-livell tal-ħarsien ambjentali.

(122)

L-Awstrija jidhrilha li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni jikkontribwixxi indirettament għall-ħarsien ambjentali, għal żewġ raġunijiet: dan huwa prekundizzjoni neċessarja biex jiġi żgurat l-appoġġ politiku biex jiżdied il-prezz awtorizzat għal livell ogħla, li huwa neċessarju għall-finanzjament ta’ żieda akbar fil-produzzjoni ta’ elettriku rinnovabbli; u huwa jżid il-prezz tal-użu tal-elettriku, u permezz t’hekk jingħata inċentiv biex wieħed ikun iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(123)

Dwar l-ewwel argument, il-Kummissjoni tosserva li ma teżisti ebda rabta neċessarja bejn il-prezz awtorizzat u żieda fil-livell tal-produzzjoni ta’ elettriku rinnovabbli. Bis-saħħa tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tirrevoka d-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (“id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli”) (71), l-Awstrija għandha l-obbligu li żżid il-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli. Hija, madankollu, libera li tagħżel li tiffinanzja dan kif tippreferi. Tista’, pereżempju, tuża d-dħul mit-taxxi. B’hekk il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni mhuwiex neċessarju sabiex tiżdied il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli.

(124)

Rigward it-tieni argument, il-Kummissjoni tosserva li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni jiffunzjona bħala limitu massimu. Il-prezz medju tal-elettriku mħallas min-negozji konċentrati fl-enerġija konsegwentement jonqos għal kull kilowott f’siegħa addizzjonali li jikkonsmaw fuq il-livell minimu. Iktar milli jinkoraġġixxi l-effiċjenza fl-enerġija, il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni attwalment inaqqasha.

(125)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni ma jaqax fl-ambitu tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali.

(126)

Imma anki kieku l-miżura kienet fil-fatt taqa’ fl-ambitu tal-Linji Gwida — li ma tagħmilx — il-Kummissjoni tosserva li din ma tkunx tista’ tiġi ddikjarata bħala kompatibbli fuq din il-bażi, peress li l-provi tal-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida mhumiex issodisfati, għar-raġunijiet li ġejjin.

(127)

Għal skopijiet tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà, il-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida jiddistingwi bejn taxxi ambjentali armonizzati u mhux armonizzati. L-imposta (levy) parafiskali rrappreżentata bil-prezz awtorizzat mhijiex taxxa ambjentali li ġiet armonizzata fil-livell tal-Unjoni. Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tistabbilixxi l-miri obbligatorji għall-enerġija rinnovabbli, imma tħalli lill-Istati Membri jiddeċiedu kif jilħqu dawn il-miri.

(128)

Il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni jkollu għalhekk jiġi vvalutat skont ir-regoli għat-taxxi ambjentali mhux armonizzati tal-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida (72).

(129)

Skont dawk id-dispożizzjonijiet, l-Istat Membru għandu jipprovdi informazzjoni dwar is-setturi rispettivi jew il-kategoriji ta’ benefiċjarji koperti bl-eżenzjonijiet jew tnaqqis, dwar is-sitwazzjoni tal-benefiċjarji ewlenin f’kull wieħed mis-setturi konċernati u dwar kif it-tassazzjoni tista’ tikkontribwixxi għall-ħarsien ambjentali. Is-setturi eżentati għandhom jiġu deskritti adegwatament, u għandha tiġi pprovduta lista tal-akbar benefiċjarji għal kull wieħed mis-setturi (fejn jiġu kkunsidrati notevolment il-fatturat, l-ishma fis-suq u l-iskala tal-bażi tat-taxxa) (73). Abbażi ta’ din l-informazzjoni l-Kummissjoni trid tivvaluta jekk it-tnaqqis jew l-eżenzjonijiet tat-taxxi ambjentali humiex neċessarji u proporzjonali. Rigward in-neċessità, l-għażla tal-benefiċjarji għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, u t-taxxa ambjentali mingħajr tnaqqis għandha twassal għal żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni li ma jistgħux jiġu mgħoddija fuq il-konsumaturi bla ma jwasslu għal tnaqqis importanti fil-bejgħ (74). Rigward il-proporzjonalità, l-Istat Membru għandu juri li kull wieħed mill-benefiċjarji individwali qiegħed iħallas proporzjon tal-livell tat-taxxa nazzjonali li b’mod ġenerali huwa ekwivalenti għall-prestazzjoni ambjentali tiegħu, jew tal-anqas 20 % tat-taxxa nazzjonali, sakemm rata iktar baxxa ma tistax tiġi ġġustifikata, u li t-tnaqqis jew l-eżenzjonijiet huma kundizzjonali għall-iffinalizzar ta’ kull ftehim bl-għan li jintlaħqu l-objettivi ambjentali (75).

(130)

Madankollu, l-Awstrija ma pprovdietx din l-informazzjoni, għad illi l-Kummissjoni talbitha ripetutament biex tagħmel dan (76). Konsegwentement il-Kummissjoni ma setgħetx tivvaluta jekk l-għajnuna hijiex neċessarja u proporzjonali jew kif tista’ tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-ambjent.

5.3.2.   Analoġija mal-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida

(131)

Meta rat li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni notifikat ma jikkontribwixxix għall-ħarsien ambjentali lanqas indirettament, il-Kummissjoni kkunsidrat jekk setax jiġi approvat b’analoġija mal-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali.

(132)

Skont l-Awstrija, il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni jista’ jiġi vvalutat b’analoġija mar-regoli dwar tnaqqis fit-taxxa għat-taxxi armonizzati fuq l-enerġija stipulati fil-punti 152–153 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali. Il-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida jipprevedi żewġ tipi ta’ stimi ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali, li jistgħu jwasslu għal konklużjonijiet differenti. L-ewwel nett, dan jistabbilixxi regoli għal tnaqqis fit-taxxi armonizzati fuq l-enerġija skont id-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija, li jistgħu jiġu ddikjarati bħala kompatibbli mingħajr analiżi iktar fid-dettall sakemm il-livelli minimi ta’ taxxa stipulati fid-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija jkunu rispettati. It-tieni, dan jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-istima ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali li ma jkunux ġew armonizzati u tnaqqis fit-taxxi armonizzati fuq l-enerġija taħt il-livelli minimi ta’ taxxa stabbiliti fid-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija. Fiż-żewġ każijiet l-Istat Membru fost affarijiet oħra għandu jipprovdi informazzjoni ddettaljata dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżura. L-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni tista’ tapprova l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni għal imposti parafiskali abbażi tal-fatt li l-benefiċjarji jħallsu tal-anqas il-livelli minimi tat-taxxi Awstrijaċi fuq l-enerġija.

(133)

Il-Kummissjoni tosserva li ma jeżisti ebda preċedent fid-deċiżjonijiet tagħha jew fis-sentenzi tal-qrati Ewropej fejn ir-regoli għall-istima tat-taxxi armonizzati fuq l-enerġija skont il-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali ġew applikati għal imposti parafiskali b’analoġija.

(134)

Skont il-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, regola tal-liġi tal-Unjoni tista’ tiġi applikata b’analoġija jekk ikunu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin. L-ewwel nett, ir-regoli applikabbli għall-każ għandhom ikunu simili ħafna għal dawk li għalihom wieħed jirrikorri biex japplikahom b’analoġija. It-tieni, ir-regoli applikabbli għall-każ għandhom jinkludu ommissjoni li tkun inkompatibbli ma’ prinċipju ġenerali tal-liġi tal-UE u li tista’ tiġi rrimedjata b’analoġija (77). Fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tosserva li l-analoġija tista’ tiġi invokata fil-liġi tal-UE f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss.

Similarità tar-regoli

(135)

L-ewwel nett, ir-regoli applikabbli għall-każ għandhom ikunu simili ħafna għal dawk li għalihom wieħed jirrikorri biex japplikahom b’analoġija. Billi l-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali jittratta tnaqqis ta’ taxxi ambjentali, jew eżenzjonijiet minnhom, ir-regoli li jikkontrollaw l-imposti notifikati skont l-Att dwar l-Elettriku Ekoloġiku għandhom ikunu simili għal dawk li jkunu japplikaw għat-taxxi ambjentali.

Madankollu, il-Kummissjoni qiegħda tikkonstata li l-pożizzjoni legali rigward taxxi ambjentali taħt il-liġi tal-UE mhijiex paragunabbli mal-pożizzjoni legali rigward imposti parafiskali taħt il-liġi tal-UE. Filwaqt li ma teżisti ebda regola speċifika fil-liġi tal-UE rigward imposti parafiskali, jeżistu regoli speċifiċi dwar taxxi fuq l-enerġija. Dawn jinkludu partikolarment il-livelli minimi ta’ taxxa stabbiliti bid-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija, u eċċezzjonijiet għal dawn il-livelli minimi taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali u l-Artikolu 25 tar-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa. Għal imposti parafiskali la hemm regoli dwar eżenzjonijiet jew tnaqqis u lanqas regoli dwar livelli minimi.

(136)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-imposti parafiskali stabbiliti taħt l-iskema Awstrijaka mhumiex ikkontrollati b’regoli simili għal dawk li japplikaw għat-taxxi ambjentali taħt il-liġi tal-UE.

Ommissjoni (lakuna) inkompatibbli mal-liġi tal-UE

(137)

It-tieni nett, ir-regoli applikabbli għall-każ għandhom jinkludu ommissjoni li tkun inkompatibbli ma’ prinċipju ġenerali tal-liġi tal-UE u li tista’ tiġi rrimedjata b’analoġija.

(138)

Madankollu, miżuri li ma jaqgħux fl-ambitu tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali jistgħu jiġu vvalutati minkejja kollox skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE. Konsegwentement il-Kummissjoni ma sabet ebda ommissjoni fil-Linji Gwida li setgħet serviet bħala bażi għal valutazzjoni tal-miżuri notifikati b’analoġija. Din il-konklużjoni hija l-istess sew jekk l-analoġija trid issir b’taxxi armonizzati u sew jekk b’dawk mhux armonizzati.

(139)

Barra minn hekk, l-assenza ta’ regoli dwar eżenzjonijiet minn imposti parafiskali ma tkunx tista’ tiġi rrimedjata ikun xi jkun il-każ b’analoġija mar-regoli li jikkontrollaw it-tnaqqis fit-taxxi fuq l-enerġija taħt il-liġi tal-UE. Kieku r-regoli li jikkontrollaw it-tnaqqis ta’ taxxi armonizzati fuq l-enerġija kellhom jiġu applikati b’analoġija għall-imposti parafiskali mhux armonizzati, l-impriżi jkunu jistgħu jissodisfaw il-livelli minimi ta’ taxxa stabbiliti fid-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija billi jħallsu dawn l-imposti parafiskali. Dan l-approċċ għalhekk mhuwiex fl-ispirtu tad-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija. Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rati minimi fid-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija ġew stabbiliti biss bl-għan li jiġu applikati fis-sistema armonizzata ta’ taxxi fuq l-enerġija. L-użu tagħhom bħala punt ta’ referenza barra miż-żona armonizzata jista’ jagħtihom applikazzjoni li ma kinitx intenzjonata li jkollhom. Jidher biċ-ċar li r-rati minimi ma ġewx stabbiliti bl-għan li jiġi ddefinit il-piż globali li jkollhom iġorru n-negozji konċentrati fl-enerġija minħabba miżuri regolatorji ambjentali, partikolarment bħal dawk li jirriżultaw mill-mekkaniżmi ta’ finanzjament tat-tariffi ta’ alimentazzjoni. Tali approċċ jinjora wkoll il-fatt li l-politika dwar għajnuna mill-Istat taċċetta attitudni laxka lejn eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-livell minimu armonizzat għaliex kamp kompetittiv ekwu jkun żgurat tal-anqas sa ċertu punt b’konformità mar-rati minimi applikabbli fl-Istati Membri kollha. Dan l-argument ma japplikax għall-piżijiet li jkunu ġejjin minn sistemi ta’ tariffi ta’ alimentazzjoni, li mhumiex armonizzati, u fejn kull devjazzjoni mill-kontribuzzjonijiet standard tista’ tikkaġuna tagħwiġ fil-kompetizzjoni.

(140)

Dan ifisser li l-assenza ta’ regoli dwar it-tnaqqis ta’ imposti parafiskali ma tikkostitwixxix ommissjoni li tkun inkompatibbli mal-prinċipju ġenerali tal-liġi tal-UE u li tista’ tiġi rrimedjata b’analoġija ma’ regoli eżistenti dwar tnaqqis fit-taxxi armonizzati fuq l-enerġija.

(141)

Ikun xi jkun il-każ, anki kieku dawk ir-regoli setgħu jiġu applikati b’analoġija, il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni ma setax jiġi kkunsidrat bħala kompatibbli, għar-raġunijiet stipulati fil-premessi 129–133.

Konklużjoni

(142)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li ma tistax tagħmel analoġija bejn il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni notifikat u r-regoli għall-istima ta’ tnaqqis fit-taxxi armonizzati fuq l-enerġija skont il-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali, u li konsegwentement ma tistax tapprova l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni abbażi ta’ din l-analoġija.

5.3.3.   Analoġija mal-Artikolu 25 tar-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa

(143)

Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll jekk setgħetx tapprova l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni abbażi ta’ analoġija mal-Artikolu 25 tar-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa.

(144)

L-Awstrija qiegħda ssostni l-fehma li d-differenzi bejn it-testi tal-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali u l-Artikolu 25 tar-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa jagħtu ftit lok għal approvazzjoni tal-miżura b’analoġija mal-Artikolu 25 tar-Regolament. L-Awstrija qiegħda tirrimarka li l-punt 152 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali jinqara kif ġej:

“Sabiex jiġu approvati skont l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE, tnaqqis ta’ taxxi armonizzati, jew eżenzjonijiet minnhom, b’mod partikolari dawk armonizzati permezz tad-Direttiva 2003/96/KE, għandhom ikunu kompatibbli mal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti applikabbli u jkunu konformi mal-limiti u l-kundizzjonijiet stipulati fihom”,

(145)

Filwaqt li l-Artikolu 25 tar-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa jinqara kif ġej:

“Skemi ta’ għajnuna ambjentali fil-forma ta’ tnaqqis mit-taxxi ambjentali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE għandhom ikunu kompatibbli mas-suq komuni skont it-tifsira tal-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu jiġu ssodisfati” (78).

(146)

L-Awstrija tikkonkludi li l-Artikolu 25 tar-Regolament jista’ jkun usa’ fil-firxa tiegħu mill-punt 152 tal-Linji Gwida. Filwaqt li l-punt 152 tal-Linji Gwida jista’ japplika biss għal taxxi armonizzati bid-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija, l-Awstrija targumenta li l-Artikolu 25 tar-Regolament jirrikjedi biss li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni jkun jirrispetta l-livelli minimi ta’ taxxa stabbiliti fid-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija, anki jekk din ma tkunx taxxa armonizzata fuq l-enerġija. L-Artikolu 25 tar-Regolament jista’ għalhekk jiġi applikat għat-tnaqqis fit-taxxi ambjentali mhux armonizzati, li jistgħu jinstabu li jkunu kompatibbli sakemm is-sistema ta’ tassazzjoni inġenerali tkun tirrispetta l-livelli minimi ta’ taxxa fuq l-enerġija. L-Awstrija tirrikonoxxi li l-kontribuzzjonijiet li jitħallsu skont l-Att dwar l-Elettriku Ekoloġiku mhumiex taxxa (79), imma qiegħda tgħid li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni notifikat jista’ jiġi vvalutat u approvat b’analoġija mad-dispożizzjoni dwar it-taxxi ambjentali fl-Artikolu 25 tar-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa.

(147)

Fil-fehma tal-Kummissjoni, madankollu, m’hemmx lok għal analoġija mal-Artikolu 25 tar-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa. L-ewwel nett, ir-regoli applikabbli għall-każ mhumiex simili għal dawk li għalihom wieħed jirrikorri biex japplikahom b’analoġija. It-test tal-Artikolu 25 tar-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa jindika biċ-ċar li l-Artikolu japplika biss għat-taxxi ambjentali armonizzati skont id-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija. Il-klassifikazzjoni bħala taxxa fuq l-enerġija hija b’hekk “kundizzjoni” għall-applikabbiltà tal-Artikolu 25 tar-Regolament. Din l-interpretazzjoni hija appoġġjata mill-fatt li skont ir-raġunament tas-sistema tar-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa dan ma jistax ikollu firxa usa’ mil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali li jirreferi għalihom. Jidher biċ-ċar għalhekk li l-Artikolu 25 tar-Regolament japplika biss għat-taxxi fuq l-enerġija armonizzati bid-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija. Kif spjegat hawn fuq, il-kontribuzzjonijiet li jitħallsu skont l-Att dwar l-Elettriku Ekoloġiku mhumiex taxxi ambjentali, u r-regoli tad-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija ma japplikawx għalihom. Dan ifisser li r-regoli li jikkontrollaw it-taxxi fuq l-enerġija mhumiex simili għar-regoli li jikkontrollaw it-tariffi ta’ alimentazzjoni Awstrijaċi. It-tieni, ir-regoli applikabbli għall-każ ma fihomx ommissjoni li hija inkompatibbli mal-prinċipju ġenerali tal-liġi tal-UE u li tista’ tiġi rrimedjata b’analoġija. Tnaqqis fit-taxxa jew miżuri simili li mhumiex koperti bir-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa mhumiex awtomatikament inkompatibbli mal-liġi tal-UE: dawn sempliċement għandhom josservaw l-obbligu ġenerali tan-notifika skont l-Artikolu 108 tat-TFUE. Wara jistgħu jiġu vvalutati u jinstabu kompatibbli skont il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali, jew, jekk il-Linji Gwida ma jkunux japplikaw, direttament skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE. Dan ifisser li r-regoli applikabbli għall-istima tal-iskema tal-għajnuna Awstrijaka ma fihomx ommissjoni inkompatibbli mal-liġi tal-UE.

(148)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li ma tistax tagħmel analoġija bejn il-kontribuzzjonijiet li jitħallsu skont l-Att dwar l-Elettriku Ekoloġiku u t-taxxi armonizzati fuq l-enerġija msemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, u li konsegwentement ma tistax tapprova l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni abbażi ta’ din l-analoġija.

5.3.4.   Kompatibbiltà skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE

(149)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Awstrija ma affermatx li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni jista’ jiġi ddikjarat bħala kompatibbli direttament abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE. Hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru li jressaq kwalunkwe prova ta’ kompatibbiltà (80) u li juri li l-kundizzjonijiet tagħha huma ssodisfati, u għal din ir-raġuni biss l-Awstrija qiegħda tinżamm lura milli sserraħ fuq din il-bażi għall-kompatibbiltà.

(150)

Minkejja kollox il-Kummissjoni kkunsidrat jekk setgħetx tiddikjara l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni bħala kompatibbli fuq din il-bażi legali.

(151)

L-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE jistipola li “għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti żoni ekonomiċi, sakemm tali għajnuna ma taffettwax ħażin lill-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa tali punt li jmur kontra l-interess komuni” tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern. Skont il-każistika, il-Kummissjoni tista’ tiddikjara għajnuna mill-Istat bħala kompatibbli mas-suq intern jekk l-għajnuna tikkontribwixxi biex jintlaħaq objettiv ta’ interess komuni (81), tkun neċessarja biex jintlaħaq dan l-objettiv (82), u ma tkunx se taffettwa daqstant ħażin lill-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa tali punt li jmur kontra l-interess komuni.

(152)

Għalhekk, hija prassi stabbilita tal-Kummissjoni li miżuri jistgħu jiġu ddikjarati direttament bħala kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE jekk ikunu neċessarji u proporzjonati u jekk għal għan komuni l-effetti pożittivi jegħlbu l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ (83). Il-Kummissjoni jidhrilha li jkun xieraq hawnhekk li tagħmel il-mistoqsijiet li ġejjin:

1.

Kemm hija mmirata lejn objettiv ta’ interess komuni ddefinit tajjeb il-miżura tal-għajnuna?

2.

Kemm hija mfassla tajjeb l-għajnuna biex jintlaħaq l-objettiv ta’ interess komuni? B’mod partikolari:

(a)

hija l-miżura tal-għajnuna strument xieraq u neċessarju, jew jeżistu strumenti oħrajn, iktar adattati?

(b)

jeżisti xi effett tal-inċentiv, jew fi kliem ieħor kemm se tbiddel l-atteġġjament tal-impriżi din l-għajnuna?

(c)

hija l-miżura tal-għajnuna proporzjonali, jew fi kliem ieħor jista’ jagħti l-każ li l-istess bidla fl-atteġġjament tinkiseb b’anqas għajnuna?

3.

Kemm huma limitati t-tagħwiġ fil-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ, sabiex il-bilanċ globali jkun wieħed pożittiv?

Objettiv ta’ interess komuni

(153)

L-Awstrija qiegħda tgħid li l-objettiv ewlieni tal-miżura huwa l-ħarsien ambjentali. Madankollu, kif intwera hawn fuq fil-premessi 126–129, il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni ma jikkontribwixxix għall-ħarsien ambjentali.

(154)

Barra minn hekk, kull effett ambjentali tal-miżura għandu jinkiseb permezz ta’ żieda globali fit-tariffi ta’ alimentazzjoni, li skont il-fehma tal-Awstrija ma jkunx possibbli mingħajr ma tiġi żgurata l-kompetittività kostanti tan-negozji konċentrati fl-enerġija bis-saħħa tal-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni notifikat. Kif l-awtoritajiet Awstrijaċi fil-fatt jirrikonoxxu fis-sottomissjonijiet tagħhom, l-objettiv tal-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni huwa li titjieb il-kompetittività tan-negozji konċentrati fl-enerġija fl-Awstrija fir-rigward tal-kompetituri tagħhom fi Stati Membri oħrajn. Fid-deċiżjonijiet tagħha l-Kummissjoni qatt ma aċċettat li għajnuna bħal din tikkontribwixxi għal objettiv ta’ interess komuni.

(155)

L-unika eċċezzjoni għal din il-prassi huwa l-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali. Imma anki fejn il-Kummissjoni taċċetta t-tnaqqis ta’ taxxa ambjentali, xorta teżiġi li jitħallas livell minimu ta’ taxxa. Dan ifisser li għad-dħul kollu mit-taxxi l-kontribuzzjoni totali tal-impriża li tibbenefika mit-tnaqqis fit-taxxa xorta tiżdied ma’ kull unità ta’ tniġġis. Fil-każ preżenti s-sitwazzjoni hija differenti. Fuq il-kontribuzzjoni hemm limitu massimu ta’ 0,5 % tal-valur nett tal-produzzjoni. Kull unità addizzjonali ta’ tniġġis m’għadhiex soġġetta għal imposta parafiskali. B’hekk il-kontribuzzjoni għal kull unità ta’ tniġġis tonqos għal kull unità addizzjonali. Iktar milli tinkoraġġixxi l-effiċjenza tar-riżorsi, għaldaqstant, is-sistema tipprovdi inċentiv għall-użu ta’ riżorsi addizzjonali.

(156)

Konsegwentement il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna ma tikkontribwixxix għal objettiv ta’ interess komuni.

Strument ta’ politika xieraq

(157)

Skont il-każistika, “għajnuna tal-operat, jiġifieri, għajnuna intenzjonata biex isserraħ impriża mill-ispejjeż li normalment kien ikollha tagħmel tajjeb għalihom hija stess fit-tmexxija tagħha ta’ kuljum jew fl-attivitajiet ordinarji tagħha, bħala prinċipju ma taqax fl-ambitu tal-Artikolu 92(3) [illum l-Artikolu 107(3) tat-TFUE]” (84). Kif tennew il-qrati, “Skont il-każistika rilevanti, l-effett ta’ din l-għajnuna bħala prinċipju huwa li joħloq tagħwiġ fil-kompetizzjoni fis-setturi fejn tingħata, filwaqt li minkejja kollox tkun inkapaċi, min-natura tagħha stess, li tilħaq xi wieħed mill-objettivi tal-eċċezzjonijiet imsemmija qabel” (85). Fil-każ li qiegħed jiġi indirizzat il-Kummissjoni qiegħda tikkonstata li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni jikkostitwixxi għajnuna tal-operat, għaliex iserraħ lill-benefiċjarji minn parti mill-ispejjeż għall-akkwist tal-elettriku tagħhom, li normalment kien ikollhom jagħmlu tajjeb għalih fl-operat tagħhom ta’ kuljum.

(158)

Għalhekk, anki kieku t-titjib fil-kompetittività kien objettiv ta’ interess komuni, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna tal-operat ikun xi jkun il-każ ma tkunx strument ta’ politika xieraq biex jintlaħaq dan l-objettiv.

(159)

Rigward it-taxxi ambjentali l-Kummissjoni aċċettat eċċezzjoni limitata ta’ dan il-prinċipju, imma b’kunsiderazzjoni għal objettiv speċifiku. It-tnaqqis ta’ taxxi ambjentali, jew eżenzjonijiet minnhom, li jikkonċernaw ċerti setturi jew kategoriji ta’ impriżi huma ammissibbli skont il-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali jekk jagħmluha possibbli li għal impriżi oħrajn jiġu adottati taxxi ogħla, u b’hekk ikun hemm titjib globali fl-internalizzazzjoni tal-ispejjeż, u li jinħolqu iktar inċentivi għat-titjib tal-ħarsien ambjentali. Hawnhekk il-Kummissjoni sostniet li għajnuna ta’ dan it-tip tista’ tkun neċessarja biex indirettament jiġu indirizzati esternalitajiet negattivi bil-faċilitazzjoni tal-introduzzjoni jew it-tħaddim ta’ tassazzjoni ambjentali nazzjonali relattivament għolja.

(160)

Madankollu, il-Kummissjoni qiegħda tikkonstata li l-kontribuzzjonijiet għall-appoġġ ta’ elettriku ekoloġiku li minnhom il-benefiċjarji għandhom ikunu eżentati taħt l-iskema notifikata ma jikkostitwixxux taxxa ambjentali skont it-tifsira tal-punti 70(14) u 151 tal-Linji Gwida. It-taxxi huma drittijiet ta’ ħlas li jmorru għall-baġit ġenerali tal-Istat. Il-kontribuzzjonijiet li minnhom il-benefiċjarji għandhom ikunu eżentati taħt l-iskema notifikata ma jmorrux għall-baġit ġenerali tal-Istat. Dawn jintużaw esklussivament biex jiffinanzjaw il-kontribuzzjonijiet lill-OeMAG, li tgħin produtturi ta’ elettriku ekoloġiku permezz tat-tariffi ta’ alimentazzjoni. Konsegwentement, dawn il-kontribuzzjonijiet ma jikkostitwixxux taxxa ambjentali.

(161)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li kull eċċezzjoni tar-regola ġenerali tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna tal-operat stipulata fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali għandha tiġi interpretata strettament. Għalhekk, billi huwa eċċezzjoni, il-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida għandu jkun ristrett għat-taxxi ambjentali.

(162)

Barra minn dan, kif spjegat hawn fuq, l-applikazzjoni tal-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida għall-imposti parafiskali tkun qiegħda tikkontradixxi l-objettivi ta’ dawk ir-regoli u tad-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija rigward it-taxxi armonizzati fuq l-enerġija. Dan l-approċċ jista’ jirriżulta wkoll fl-applikazzjoni ġenerali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għal imposti parafiskali fil-qasam tal-ħarsien ambjentali (eż. imposti parafiskali fuq skart u affarijiet simili). Applikazzjoni hekk wiesgħa tmur lil hinn mill-ambitu u l-objettivi tal-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida.

(163)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li għajnuna tal-operat fl-għamla ta’ tnaqqis fl-imposti parafiskali mhijiex strument xieraq għat-titjib tal-ħarsien ambjentali. Il-Kummissjoni għadha qatt ma applikat il-kundizzjonijiet tal-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali għal tipi oħra ta’ drittijiet ta’ ħlas u imposti parafiskali.

(164)

Il-Kummissjoni tosserva li l-volum ta’ taxxa ambjentali, anki kieku tkun tapplika biss ir-rata mnaqqsa, huwa direttament proporzjonat mal-livell ta’ tniġġis li tikkawża l-impriża inkwistjoni. Fil-każ preżenti, madankollu, qiegħed jiġi ffissat limitu massimu sa ċertu livell fuq il-kontribuzzjoni. Kull konsum li jaqbeż dan il-livell ma jibqax jiġi ntaxxat. Dan il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni jċaħħad l-imposta parafiskali minn kull inċentiv għal atteġġjament favur l-effiċjenza tar-riżorsi.

Neċessità, effett tal-inċentiv u proporzjonalità

(165)

Li kieku kien aċċettat li l-għajnuna tal-operat fl-għamla ta’ tnaqqis fl-imposti parafiskali kienet strument ta’ politika xieraq, l-għajnuna tal-operat involuta kien ikollha tiġi eżaminata għan-neċessità u l-proporzjonalità bl-istess mod tat-tnaqqis fit-taxxi ambjentali mhux armonizzati skont il-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali (86), għaliex l-istima tat-taxxi ambjentali mhux armonizzati skont il-Kapitolu 4 tirrifletti l-prinċipji ġenerali tal-analiżi ekonomika ddettaljata skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

(166)

Skont dawk id-dispożizzjonijiet, l-Istat Membru għandu jipprovdi informazzjoni dwar is-setturi rispettivi jew kategoriji ta’ benefiċjarji koperti bl-eżenzjonijiet jew tnaqqis, dwar is-sitwazzjoni tal-benefiċjarji ewlenin f’kull wieħed mis-setturi konċernati u dwar kif it-tassazzjoni tista’ tikkontribwixxi għall-ħarsien ambjentali. Is-setturi eżentati għandhom jiġu deskritti adegwatament u għandha tiġi pprovduta lista tal-akbar benefiċjarji għal kull wieħed mis-setturi (fejn jiġu kkunsidrati notevolment il-fatturat, l-ishma mis-suq u l-iskala tal-bażi tat-taxxa) (87). Abbażi ta’ din l-informazzjoni l-Kummissjoni trid tivvaluta jekk it-tnaqqis ta’ taxxi ambjentali, jew eżenzjonijiet minnhom, humiex neċessarji u proporzjonali. Rigward in-neċessità, l-għażla tal-benefiċjarji għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, u t-taxxa ambjentali mingħajr tnaqqis għandha twassal għal żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni li ma jistgħux jiġu mgħoddija fuq il-konsumaturi bla ma jwasslu għal tnaqqis sinifikanti fil-bejgħ (88). Rigward il-proporzjonalità, l-Istat Membru għandu juri li kull wieħed mill-benefiċjarji individwali jkun qiegħed iħallas proporzjon tal-livell tat-taxxa nazzjonali li b’mod ġenerali hija ekwivalenti għall-prestazzjoni ambjentali tiegħu, jew tal-anqas 20 % tat-taxxa nazzjonali, jekk rata iktar baxxa ma tistax tiġi ġġustifikata, jew li t-tnaqqis jew eżenzjonijiet jiddependu fuq l-iffinalizzar ta’ kull ftehim b’għanijiet ambjentali fil-mira li jridu jintlaħqu (89).

(167)

Madankollu, l-Awstrija ma pprovdietx din l-informazzjoni, għad illi l-Kummissjoni talbitha ripetutament biex tagħmel dan (90). Konsegwentement il-Kummissjoni ma setgħetx tivvaluta jekk l-għajnuna hijiex neċessarja jew proporzjonali jew kif tista’ tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-ambjent.

(168)

Fl-aħħar nett, l-Awstrija naqset ukoll milli turi li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni se jkollu xi effett tal-inċentiv.

Tagħwiġ fil-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ

(169)

Skont il-każistika, l-għajnuna tal-operat thedded li jinħoloq tagħwiġ fil-kompetizzjoni u li taffettwa l-kummerċ (91). Fil-każ preżenti, l-effett ta’ tagħwiġ huwa aggravat mill-fatt li dawk l-impriżi eliġibbli għall-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni diġà jirċievu għajnuna tal-operat fl-għamla ta’ rata tat-tassazzjoni tal-enerġija mnaqqsa. Jekk tingħatalhom it-tieni għamla ta’ għajnuna tal-operat, li saħansitra mhijiex limitata biż-żmien, din twassal għal tagħwiġ fil-kompetizzjoni u sa tali punt li jmur kontra l-interess komuni.

Konklużjoni

(170)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni ma jistax jiġi ddikjarat bħala kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

5.4.   Konklużjoni

(171)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stipulati hawn fuq il-Kummissjoni vvalutat l-iskema ta’ għajnuna lill-produtturi ta’ elettriku ekoloġiku u l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni għan-negozji konċentrati fl-enerġija. Fid-deċiżjoni inizjali tagħha tat-22 ta’ Lulju 2009 l-Kummissjoni sabet li l-iskema ta’ appoġġ lill-produtturi ta’ elettriku ekoloġiku kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, imma kienet kompatibbli mas-suq intern. Id-deċiżjoni tat bidu għal investigazzjoni formali dwar il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni; il-Kummissjoni issa qiegħda tikkonstata li dik il-miżura wkoll tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fl-ambitu tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni huwa purament għajnuna tal-operat, u mhuwiex eliġibbli għal xi waħda mill-eżenzjonijiet mill-projbizzjoni ġenerali tal-għajnuna mill-Istat li t-TFUE jippermetti.

Wara li ġew ikkunsidrati l-fatti kollha mressqa għall-attenzjoni tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat li l-Awstrija biħsiebha tagħti lin-negozji konċentrati fl-enerġija għandha tkun ikkunsidrata bħala inkompatibbli mas-suq intern,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ eżenzjoni parzjali mill-obbligu tax-xiri ta’ elettriku ekoloġiku li l-Awstrija biħsiebha tagħti lin-negozji konċentrati fl-enerġija hija inkompatibbli mas-suq intern.

Għalhekk, l-għajnuna ma tistax tiġi implimentata.

Artikolu 2

L-Awstrija għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn min-notifikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, bil-miżuri li tkun ħadet biex tikkonforma magħha.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija.

Magħmula fi Brussell, it-8 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi-President


(1)  ĠU C 217, 11.9.2009, p. 12.

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2006 dwar miżuri ta’ għajnuna mill-Istat Nri NN 162/A/2003 u N 317/A/2006 Għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli skont l-Att Awstrijak dwar l-Enerġija Ekoloġika (tariffi ta’ alimentazzjoni) (ĠU C 221, 14.9.2006, p. 8).

(3)  ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1.

(4)  Miżura ta’ għajnuna mill-Istat Nru C 24/09 (ex N 446/08), C(2009) 3538 finali, ĠU C 217, 11.9.2009, p. 12.

(5)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(6)  It-Taqsima 22c(5) tal-Att: “Verträge zwischen Stromhändlern und Endverbrauchern haben für den Fall des Vorliegens eines Bescheids nach Abs. 1 zwingend vorzusehen, dass diesen Endverbrauchern ab dem Zeitpunkt der Entlastung der Quote der Stromhändler (§ 15 Abs. 1 Z 3 und Abs. 1a) kein Ökostrom, der den Stromhändlern von der Ökostromabwicklungsstelle zugewiesen wird (§ 19 Abs. 1), geliefert wird und keine Überwälzung von Ökostromaufwendungen erfolgt. Entgegenstehende Vertragsbestimmungen sind nichtig.”

(7)  It-Taqsima 15(1a) tal-Att: “Weisen Stromhändler der Ökostromabwicklungsstelle nach, dass sie Endverbraucher beliefern, die einen Bescheid nach § 22c Abs. 1 erwirkt haben, so ist dieser Umstand von der Ökostromabwicklungsstelle bei der Festlegung der Quoten für die Stromhändler (§ 15 Abs. 1 Z 3) ohne Verzögerung zu berücksichtigen. Hinsichtlich dieser Strommengen, für die keine Zuweisung erfolgen darf, erhöht sich die Quote aller Stromhändler für die übrigen Stromlieferungen. Sofern eine Quotenanpassung aufgrund der geltenden Marktregeln nicht unmittelbar durchgeführt werden kann, ist die Ökostromabwicklungsstelle ermächtigt, den als Folge des Entfalls von Zuweisungsmöglichkeiten anfallenden Energieüberschuss im Sinn des § 15 Abs. 4 bestmöglich zu verwerten.”

(8)  Il-preżentazzjoni tal-Awstrija tad-9 ta’ Settembru 2010, p. 5, bi tweġiba għat-talba għall-informazzjoni mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Lulju 2010.

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5).

(10)  ĠU C 106, 8.5.2009, p. 8.

(11)  ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.

(12)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(13)  Il-Każ C-379/98 [2001] ECR I-2099.

(14)  Il-Każ C-206/06 [2008] ECR I-5497.

(15)  Il-Każ T-358/94 [1996] ECR II-2109.

(16)  Il-Każ T-136/2005 [2007] ECR II-4063.

(17)  Il-Każijiet Konġunti C-72/91 u C-73/91 [1993] ECR I-887.

(18)  Il-Każ C-345/02 [2004] ECR I-7139.

(19)  Il-Każ C-143/99 [2001] ECR I-8365.

(20)  Adria-Wien Pipeline, paragrafu 16.

(21)  N 271/06, id-Danimarka, ħelsien mit-taxxa għall-provvista ta’ tisħin ogħla mill-kwota (ĠU C 41, 24.2.2007, p. 2); N 820/06, il-Ġermanja, ħelsien mit-taxxa għal ċerti proċessi konċentrati fl-enerġija (ĠU C 80, 13.4.2007, p. 4).

(22)  Direttiva 2003/96/KE.

(23)  Regolament (KE) Nru 800/2008.

(24)  Il-kummenti tal-Awstrija dwar id-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Lulju 2009, preżentati fid-9 ta’ Settembru 2010.

(25)  Ippubblikat mill-Ġermanja, id-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Finlandja, l-Isvezja u l-Awstrija.

(26)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

(27)  L-istima li qiegħda ssir hawnhekk hija bbażata kemm fuq it-TFUE u kemm fuq il-Ftehim dwar iż-ŻEE. Għall-iskop tas-sempliċità, madankollu, se ssir referenza biss għad-dispożizzjonijiet tat-TFUE.

(28)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward miżura ta’ għajnuna mill-Istat Nru C 24/09 (l-ex N 446/08) L-Att dwar l-Elettriku Enerġetiku Awstrijak – possibbiltà ta’ għajnuna lill-konsumaturi tal-elettriku l-kbar.

(29)  Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Każ C-75/97 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni [1999] ECR I-3671, paragrafi 28–31, u l-Każ C-143/99 Adria-Wien Pipeline [2001] ECR I-8365, paragrafu 41.

(30)  Il-preżentazzjoni tal-Awstrija tad-9 ta’ Settembru 2010, bi tweġiba għat-talba għall-informazzjoni mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Lulju 2010.

(31)  Il-Każ C-482/99 Franza vs Il-Kummissjoni (“Stardust Marine”) [2002] ECR I-4397, paragrafu 24.

(32)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.

(33)  Essent, paragrafu 74.

(34)  Inkwantu dan ara wkoll Essent, paragrafu 74.

(35)  Il-Każ C-379/98 ta’ PreussenElektra [2001] ECR I-2099. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra s-sistema tat-tariffi ta’ alimentazzjoni Ġermaniża tal-1998; din sabet li din l-iskema ma kinitx tinvolvi għajnuna mill-Istat. L-Att Ġermaniż kien jirregola direttament ir-relazzjonijiet bejn il-produtturi ta’ elettriku ekoloġiku u d-distributuri tal-elettriku għax kien jeżiġi li d-distributuri tal-elettriku privati jixtru elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli miż-żona li kienu jissupplixxu bi prezz minimu magħruf bħala t-“tariffa ta’ alimentazzjoni” (l-Einspeisetarif). Dak iż-żmien id-distributuri kienu liberi jiddeċiedu kif l-ispiża addizzjonali tal-elettriku ekoloġiku għandha tiġi rkuprata mingħand il-konsumaturi. Biex jiġi żgurat li x-xiri tal-elettriku ekoloġiku jitqassam b’mod ġust, l-impriżi tal-enerġija kellhom jikkumpensaw lil xulxin għall-volumi ta’ elettriku ekoloġiku mixtrija. Dan kien jagħtihom volumi akbar jew iżgħar ta’ elettriku ekoloġiku mixtrija skont is-sehem tas-suq li kellhom.

(36)  Il-Każ 76/78 Steinike & Weinlig vs Il-Ġermanja [1977] ECR 595, paragrafu 21: “Il-projbizzjoni li hemm fl-Artikolu 92(1) tkopri kull għajnuna li tingħata minn Stat Membru jew mir-riżorsi tal-Istat bla ma jkun meħtieġ li ssir distinzjoni, irrelevanti mill-fatt jekk l-għajnuna tkunx ingħatat direttament mill-Istat jew minn istituzzjonijiet pubbliċi jew privati stabbiliti jew maħturin minnu biex jamministraw l-għajnuna. Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 92 primarjament wieħed għandu jikkunsidra l-effetti tal-għajnuna fuq l-impriżi jew produtturi vantaġġati u mhux l-istejtus tal-istituzzjonijiet fdati bid-distribuzzjoni u l-amministrazzjoni tal-għajnuna.”

(37)  L-Awstrija pprovdiet dan it-tagħrif abbażi tal-esperjenza bl-applikazzjoni ta’ verżjoni adattata tal-iskema, bl-intensitajiet tal-għajnuna taħt il-livelli minimi tan-notifikazzjoni.

(38)  L-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija jiddikjara li “‘Negozju konċentrat fl-enerġija’ għandu jfisser entità kummerċjali, kif riferita fl-Artikolu 11, fejn jew ix-xiri ta’ prodotti ta enerġija u elettriku jammontaw għal tal-anqas 3,0 % tal-valur tal-produzzjoni jew tat-taxxa nazzjonali pagabbli fuq l-enerġija tammonta għal tal-anqas 0,5 % tal-valur miżjud.”

(39)  Il-Każ C-143/99 Adria-Wien Pipeline [2001] ECR I-8365, paragrafu 36.

(40)  Adria-Wien Pipeline, paragrafi 34–35.

(41)  Adria-Wien Pipeline, paragrafu 36.

(42)  L-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Każ C-368/04 Transalpine Ölleitung, punt 72.

(43)  Adria-Wien Pipeline, paragrafu 48.

(44)  Il-Qorti tal-Ewwel Istanza kellha tiddeċiedi dwar skema ta’ għajnuna fil-pajjiż Bask fl-għamla ta’ kreditu ta’ taxxa għal investimenti fuq il-valur minimu ta’ ESP 2 500 miljun: din sostniet li l-iskema kienet de facto selettiva għaliex il-konċessjoni tat-taxxa kienet disponibbli biss għal impriżi b’riżorsi finanzjarji sinifikattivi (Il-Każijiet Konġunti T-92/00 u T-103/00 Diputación Foral de Álava u Oħrajn vs Il-Kummissjoni [2002] RKE II-1385, paragrafu 39 (appell kontra din is-sentenza ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Każijiet Konġunti C-186/02 P u C-188/02 P Ramondín SA u Oħrajn vs Il-Kummissjoni [2004] ECR I-10653, paragrafi 60 ff.). F’każ ieħor il-Qorti tal-Ġustizzja sabet illi skema ta’ għajnuna għax-xiri ta’ vetturi kummerċjali kienet de facto selettiva partikolarment għaliex kienet teskludi l-intrapriżi l-kbar (Il-Każ C-409/00 Spanja vs Il-Kummissjoni [2003] ECR I-1487, paragrafu 50).

(45)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/565/KE tad-9 ta’ Marzu 2004 dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata mill-Awstrija għal rifużjoni tat-taxxi fuq l-enerġija mill-gass naturali u l-elettriku fl-2002 u l-2003 (ĠU L 190, 22.7.2005, p. 13) premessi 47-49.

(46)  Deċiżjoni 2005/565/KE, premessa 46.

(47)  Deċiżjoni 2005/565/KE, premessi 68-70.

(48)  Il-Każ C-368/04 Transalpine Ölleitung [2006] ECR I-9957.

(49)  L-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Każ C-368/04 Transalpine Ölleitung, punt 73.

(50)  L-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Jacobs fi Transalpine Ölleitung, punt 72.

(51)  Il-Każ 173/73 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1974] ECR 709, paragrafu 13.

(52)  Il-Każ C-75/97 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni [1999] ECR I-3671, paragrafu 32.

(53)  F’dan is-settur hemm ċerta konċentrazzjoni fuq setturi sekondarji bħalma huma l-produzzjoni tal-injam, tal-karta, tal-ikel, tal-ħġieġ, taċ-ċeramika, tal-metalli u tal-kimiki.

(54)  Il-preżentazzjoni tal-Awstrija tad-9 ta’ Settembru 2010 (p. 17 u t-Tabella 5 f’p. 17), bi tweġiba għat-talba għall-informazzjoni mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Lulju 2010.

(55)  Il-Każ 173/73 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1974] RKE 709, paragrafu 33; Il-Każ C-75/97 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni [1999] ECR I-3671, paragrafi 28–31; Il-Każ C-143/99 Adria-Wien Pipeline [2001] ECR I 8365, paragrafu 41.

(56)  Il-Każ C-88/03 Il-Portugall vs Il-Kummissjoni [2006] ECR I-7115, paragrafu 81.

(57)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 56.

(58)  Il-Każ C-487/06 P British Aggregates Association vs Il-Kummissjoni [2008] ECR I-10505, paragrafi 84–92.

(59)  Il-Każ C-88/03 Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (iċċitat fin-nota tal-qiegħ 31), paragrafu 82, li jirreferi għall-iżvilupp reġjonali u l-koeżjoni soċjali bħala objettivi politiċi estrinsiċi.

(60)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 58.

(61)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 54.

(62)  Sa ma tittieħed deċiżjoni finali mill-Kummissjoni, l-Awstrija qiegħda tagħti l-benefiċċju tal-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni bħala għajnuna de minimis.

(63)  Il-Każ C-364/90 L-Italja vx Il-Kummissjoni [1993] RKE I-2097, paragrafu 20; Il-Każijiet Konġunti T-132/96 u T-143/96 Freistaat Sachsen u Oħrajn vs Il-Kummissjoni [1999] ECR II-3663, paragrafu 140; Il-Każ C-372/97 L-Italja vs Il-Kummissjoni [2004] ECR I-3679, paragrafu 81.

(64)  Il-Każ C-142/87 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni [1990] ECR I-959, paragrafu 56; Il-Każ C-39/94 Syndicat français de l’Express international (SFEI) u Oħrajn vs La Poste u Oħrajn [1996] ECR I-3547, paragrafu 36.

(65)  Il-Każ C-313/90 Comité International de la Rayonne et des Fibres Synthétiques (CIRFS) u Oħrajn vs Il-Kummissjoni [1993] ECR I-1125, paragrafu 36; Il-Każ C-311/94 Ijssel-Vliet Combinatie BV vs Minister van Economische Zaken [1996] ECR I-5023, paragrafu 43; Il-Każ C-351/98 Spanja vs Il-Kummissjoni [2002] ECR I-8031, paragrafu 53.

(66)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

(67)  Regolament (KE) Nru 800/2008.

(68)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

(69)  Regolament (KE) Nru 800/2008.

(70)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

(71)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(72)  Kif spjegat hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tariffa ta’ alimentazzjoni evidentement mhijiex taxxa ambjentali armonizzata.

(73)  Il-punt 156 tal-Linji Gwida.

(74)  Il-punt 158 tal-Linji Gwida.

(75)  Il-punt 159 tal-Linji Gwida.

(76)  L-Awstrija ma weġbitx għall-mistoqsijiet dwar dan il-punt li l-Kummissjoni staqsiet fil-21 ta’ Ġunju 2010 u fid-19 ta’ Lulju 2010.

(77)  Il-Każ 165/84 Krohn vs Bundesanstalt für Landwirtschaftliche Marktordnung [1985] ECR 3997, paragrafu 14; Il-Każ 6/78 Union française de Céréales vs Hauptzollamt Hamburg-Jonas [1978] ECR 1675.

(78)  L-Artikolu 25(2) tar-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa jistipola li “Il-benefiċjarji tat-tnaqqis tat-taxxa għandhom tal-anqas iħallsu l-livell minimu tat-taxxa tal-Komunità stipulat fid-Direttiva 2003/96/KE” (id-Direttiva għal Taxxa fuq l-Enerġija). L-Artikolu 25(3) tar-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa jistipola li “It-tnaqqis fit-taxxa għandu jingħata għal perjodu massimu ta’ għaxar snin. Wara dan il-perjodu ta’ għaxar snin, l-Istati Membri għandhom jerġgħu jivvalutaw kemm huma xierqa l-miżuri ta’ għajnuna kkonċernati.”

(79)  Il-preżentazzjoni tal-Awstrija tad-9 ta’ Settembru 2010, p. 19, bi tweġiba għat-talba għall-informazzjoni mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Lulju 2001.

(80)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 63.

(81)  Il-Każ T-162/06 Kronoply vs Il-Kummissjoni [2009] ECR II-1, speċjalment paragrafi 65, 66, 74 u 75.

(82)  Il-Każ T-187/99 Agrana Zucker und Stärke vs Il-Kummissjoni [2001] ECR II-1587, paragrafu 74; Il-Każ T-126/99 Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni [2002] ECR II-2427, paragrafi 41-43; Il-Każ C-390/06 Nuova Agricast [2008] ECR I-2577, paragrafi 68-69.

(83)  Il-qafas Komunitarju għal għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni punt 1)3 (ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1), il-linji gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali, punt 1.3 (ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1).

(84)  Il-Każ T-459/93 Siemens SA vs Il-Kummissjoni [1995] ECR II-1675, paragrafu 48.

(85)  Il-Każ T-459/93 Siemens SA vs Il-Kummissjoni [1995] ECR II-1675, paragrafu 48. Ara wkoll Il-Każ T-396/08 Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, tat-8 ta’ Lulju 2010, li għadu ma ġiex irrapportat, paragrafi 46-48; Il-Każ C-156/98 Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni [2000] ECR I-6857, paragrafu 30, ma’ iktar referenzi.

(86)  Kif diġà ġie spjegat, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tariffa ta’ alimentazzjoni evidentement mhijiex taxxa ambjentali armonizzata.

(87)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 73.

(88)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 74.

(89)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 75.

(90)  L-Awstrija ma weġbitx għall-mistoqsijiet dwar dan il-punt li l-Kummissjoni staqsiet dwaru fil-21 ta’ Ġunju 2010 u fid-19 ta’ Lulju 2010.

(91)  Il-Każ T-459/93 Siemens SA vs Il-Kummissjoni [1995] ECR II-1675, paragrafu 48.


Top