Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0527

    2011/527/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 26 ta’ Jannar 2011 dwar l-għajnuna mill-Istat C 7/10 (ex CP 250/09 u NN 5/10) implimentata mill-Ġermanja Skema għar-riport ta’ telf ta’ taxxa fil-każ tar-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà ( “Sanierungsklausel ” ) (notifikata bid-dokument numru C(2011) 275) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 235, 10.9.2011, p. 26–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/527/oj

    10.9.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 235/26


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-26 ta’ Jannar 2011

    dwar l-għajnuna mill-Istat C 7/10 (ex CP 250/09 u NN 5/10) implimentata mill-Ġermanja Skema għar-riport ta’ telf ta’ taxxa fil-każ tar-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà (“Sanierungsklausel”)

    (notifikata bid-dokument numru C(2011) 275)

    (It-test Ġermaniż biss huwa awtentiku)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2011/527/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu (1),

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet msemmija hawn fuq (2),

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Permezz ta’ ittri bid-dati tal-5 ta’ Awwissu 2009 u t-30 ta’ Settembru 2009 il-Kummissjoni talbet lill-Ġermanja informazzjoni dwar l-Artikolu 8c tal-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Kumpaniji (Körperschaftsteuergesetz, minn hawn ‘il quddiem: KStG). L-awtoritajiet Ġermaniżi wieġbu għal dawn it-talbiet permezz ta’ ittri bid-dati tal-20 ta’ Awwissu 2009 u l-5 ta’ Novembru 2009. Permezz tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    (2)

    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. (3) Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti.

    (3)

    L-awtoritajiet Ġermaniżi ssottomettew it-tweġiba tagħhom permezz ta’ ittra bid-data tad-9 ta’ April 2010.

    (4)

    Saru żewġ laqgħat mal-awtoritajiet Ġermaniżi fi Brussell fid-9 ta’ April 2010 u t-3 ta’ Ġunju 2010. Il-Ġermanja ssottomettiet aktar informazzjoni fit-2 ta’ Lulju 2010. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment minn partijiet interessati.

    2.   ID-DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

    2.1.   L-isfond

    (5)

    It-tassazzjoni tal-kumpaniji fil-Ġermanja hija bbażata prinċipalment fuq l-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul (Einkommensteuergesetz, minn hawn ‘il quddiem: EStG) u l-KStG. L-Artikolu 10d(2) EStG jippermetti li t-telf imġarrab f’sena tat-taxxa jiġi riportat, jiġifieri skont il-prinċipju tal-kapaċità tal-ħlas, id-dħul taxxabbli fis-snin tat-taxxa fil-futur jista’ jitnaqqas billi jkun hemm tpaċija tat-telf sa massimu ta’ EUR 1 miljun kull sena. Taħt l-Artikolu 8(1) KStG, din il-possibbiltà li jiġi riportat telf japplika wkoll għal entitajiet soġġetti għat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji.

    (6)

    Il-possibbiltà li jiġi riportat telf irriżulta f’kummerċ f’kumpaniji finti vojta (Mantelgesellschaften), li kienu ilhom li waqfu minn kwalunkwe attività ekonomika iżda xorta żammew it-telf li kien ġie riportat.

    (7)

    Biex jirribattu l-kummerċ f’kumpaniji finti vojta, fl-1997 il-leġislatur Ġermaniż irrestrinġa l-possibbiltà tar-riportar tat-telf billi introduċa fl-Artikolu 8(4) KStG ir-regola tal-akkwist tal-kumpanija finta (Mantelkaufregelung). Ir-regola rrestrinġiet ir-riportar ta’ telf lil dawk l-entitajiet korporattivi li kienu legalment u ekonomikament identiċi għall-entità li ġarrbet it-telf. Ir-regola ma tinkludix definizzjoni ta’ “ekonomikament identika”, iżda tagħti eżempju negattiv wieħed u żewġ eżempji pożittivi:

    (a)

    Entità korporattiva mhijiex ekonomikament identika jekk aktar minn nofs l-ishma tagħha jiġu trasferiti u jekk imbagħad l-entità tkompli l-attività ekonomika tagħha jew terġa’ tibda b’assi predominantement ġodda;

    (b)

    Entità korporattiva hija ekonomikament identika, madankollu, jekk l-injezzjoni ta’ assi ġodda hija biss għall-għan tar-ristrutturar tal-entità li qed tagħmel telf u jekk l-attività li ħolqot ir-riport ta’ telf mhux ikkumpensat tkompli fuq skala komparabbli għall-ħames snin ta’ wara;

    (c)

    Entità korporattiva hija ekonomikament identika wkoll jekk, aktar milli tinjetta assi ġodda, l-entità akkwirenti tkopri t-telf li jkun akkumula fl-entità li qed tagħmel telf.

    (8)

    L-aħħar żewġ eżempji kienu msemmija ta’ spiss bħala l-“Sanierungsklausel” (klawsola li tippermetti r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà).

    (9)

    L-Artikolu 8(4) KStG tħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2008 mill-Att dwar ir-Riforma tat-Tassazzjoni tan-Negozju tal-2008 (Unternehmensteuerreformgesetz).

    (10)

    L-istess att introduċa l-Artikolu 8c(1) KStG l-ġdida li jimponi restrizzjonijiet aktar stretti mill-Artikolu 8(4) KStG dwar ir-riport ta’ telf fil-każ tat-tibdil fl-ishma ta’ entità korporattiva. Taħt ir-regola l-ġdida:

    (a)

    Telf mhux użat jintilef għal kollox jekk aktar minn 50 % tal-kapital azzjonarju, id-drittijiet ta’ sħubija, id-drittijiet għas-sjieda jew id-drittijiet tal-vot jiġi trasferit lil akkwirent;

    (b)

    Jekk, fi ħdan perjodu ta’ ħames snin, aktar minn 25 % iżda mhux aktar minn 50 % tal-kapital azzjonarju, id-drittijiet ta’ sħubija, id-drittijiet għas-sjieda jew id-drittijiet tal-vot jiġi trasferit, it-telf mhux użat jintilef fuq bażi pro rata.

    (11)

    Inizjalment ir-regola l-ġdida ma pprovdiet l-ebda eżenzjoni għal kumpaniji fil-proċess tar-ristrutturar u fl-istess ħin soġġetta għal bidla sinifikanti fis-sjieda.

    (12)

    Skont il-memorandum ta’ spjegazzjoni adottat mill-Parlament Ġermaniż mal-Att dwar ir-Riforma tat-Tassazzjoni tan-Negozju tal-2008, l-għan tas-sostituzzjoni tal-Artikolu 8(4) KStG bl-Artikolu 8c(1) KStG il-ġdida kien li jiġu simplifikati r-regoli (il-memorandum ta’ spjegazzjoni jiddikjara li l-applikazzjoni prattika tal-Artikolu 8(4) KStG kienet qajmet ħafna mistoqsijiet legali diffiċli) u jiġi mmirat aħjar l-abbuż. (4) Il-leġiżlatur kien konxju li l-bidla fissret li, fil-każ tar-ristrutturar ta’ impriża f’diffikultà li implika bidla fis-sjieda, ir-riport ta’ telf ma jkunx għadu possibbli. Dan kien meqjus bħala aċċettabbli, madankollu, ladarba l-awtoritajiet tat-taxxa setgħu jirrinunzjaw djun tat-taxxa f’sitwazzjoni bħal din ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ ekwità, anke mingħajr dispożizzjoni leġislattiva espliċita. (5)

    2.2.   Il-miżura

    (13)

    F’Ġunju 2009 emenda għall-Artikolu 8c KStG introduċiet l-Artikolu 8c(1a) KStG, taħt liema r-riport ta’ telf għadu possibbli fejn kumpanija f’diffikultà tiġi akkwistata għall-għan tar-ristrutturar. Din l-emenda ffurmat parti mill-Att dwar l-Għajnuna liċ-Ċittadini – Fond tal-Assigurazzjoni tal-Mard (Bürgerentlastungsgesetz Krankenversicherung) (6). Id-dispożizzjoni l-ġdida hija għal darb’oħra msemmija bħala Sanierungsklausel jew is-Sanierungsklausel il-ġdida sabiex tkun tista tiġi distinta mill-predeċessur tagħha l-Artikolu 8(4) KStG. Toħloq eċċezzjoni għal-limitazzjoni tar-riport ta’ telf ta’ taxxa introdott b’effett mill-1 ta’ Jannar 2008 mill-Artikolu 8c(1) KStG.

    (14)

    Taħt l-Artikolu 8c(1a) KStG, entità korporattiva tista’ tirriporta telf minkejja bidla fl-ishma tagħha li taqa’ taħt l-Artikolu 8c(1) KStG sakemm jiġu sodisfatti r-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    L-akkwist iservi għall-għan tar-ristrutturar tal-entità korporattiva; (7)

    (b)

    Il-kumpanija hija, jew x’aktarx hija, insolventi jew fi stat ta’ dejn eċċessiv fil-ħin tal-akkwist; (8)

    (c)

    L-istrutturi fondamentali tan-negozju tal-kumpanija jiġu ppreservati, li jirrikjedi:

    li l-entità korporattiva tonora ftehim bejn il-ġestjoni u l-kunsill tax-xogħlijiet (Betriebsvereinbarung) dwar il-preservazzjoni ta’ impjiegi; jew

    il-preservazzjoni ta’ 80 % tal-impjiegi (f’termini tal-kont tal-pagi annwali medju) għall-ewwel ħames snin wara l-akkwist; jew

    injezzjonijiet ta’ assi tan-negozju sinifikanti jew it-tħassir ta’ djun li jkun għad għandu valur ekonomiku fi żmien tnax-il xahar; assi tan-negozju huma sinifikanti jekk jirrappreżentaw mill-inqas 25 % tal-assi tas-sena finanzjarja ta’ qabel; jitnaqqas kwalunkwe trasferiment lura lejn l-entità akkwirenti fi żmien l-ewwel tliet snin.

    (d)

    il-kumpanija ma tbiddilx is-settur tal-attività matul il-ħames snin wara l-akkwist;

    (e)

    il-kumpanija ma waqfitx topera fil-ħin tal-akkwist.

    (15)

    L-Artikolu 8c(1a) KStG daħal fis-seħħ fl-10 ta’ Lulju 2009 u japplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2008.

    (16)

    Inizjalment, l-Artikolu 8c(1a) KStG ġie introdott biss għal żmien limitat, sal-31 ta’ Diċembru 2009. Madankollu, fit-22 ta’ Diċembru 2009, bħala parti mill-Att dwar l-Aċċelerazzjoni tat-Tkabbir Ekonomiku 2009 (Wachstumsbeschleunigungsgesetz) (9), il-Parlament Ġermaniż adotta dispożizzjoni li ħassret il-klawsola sunset korrispondenti mill-KStG.

    (17)

    Għandu jiġi osservat li t-telf riportat jista’ jiġi kkumpensat biss mill-qligħ tal-kumpanija li qed tiġi ristrutturata. Il-kumpanija akkwirenti ma tistax tikkumpensa t-telf mill-qligħ tagħha stess.

    (18)

    Dan jgħodd anke jekk il-kumpanija akkwirenti tikkonsolida l-obbligi tat-taxxa tagħha f’livell ta’ grupp minħabba li l-Artikolu 15, l-ewwel sentenza, numru 1 KStG jipprojbixxi r-riport ta’ telf jekk kumpanija sussidjarja kkontrollata (Organgesellschaft) tifforma parti minn grupp integrat (Organschaft). (10)

    (19)

    Madankollu, taħt il-liġi tat-taxxa korporattiva Ġermaniża dan it-telf ma jintilifx; jiġi sempliċement “iffriżat” fil-livell tal-entità u jista’ jintuża biss ladarba l-kumpanija ma tkunx għadha kkonsolidata. M’hemmx limitu ta’ żmien għar-riport ta’ dan it-telf “iffriżat”.

    (20)

    Il-kumpanija akkwirenti tibbenefika indirettament mill-Artikolu 8c(1a) KStG minħabba li, ladarba l-proċess tar-ristrutturar ikun tlesta b’suċċess, il-piż tat-taxxa tal-entità ristrutturata jitnaqqas. Barra minn hekk, il-kumpanija akkwirenti tista’ bla dubju tgħaqqad parti jew l-attivitajiet kollha tagħha fil-kumpanija akkwirenti u b’hekk tuża t-telf riportat.

    2.3.   Paragun bejn l-Artikolu 8c(1a) KStG u l-Artikolu 8(4) KStG

    (21)

    Ir-regola l-ġdida fl-Artikolu 8c(1a) KStG hija differenti mir-regola preċedenti, l-Artikolu 8(4) KStG imħassar, f’aspett wieħed importanti li huwa kruċjali għall-valutazzjoni għall-finijiet tal-għajnuna mill-istat.

    (22)

    Taħt l-Artikolu 8c(1) KStG, kumpanija titlef ir-riport ta’ telf tagħha fejn aktar minn nofs l-ishma jiġu ttrasferiti, sakemm ikun applikabbli l-Sanierungsklausel. Għaldaqstant, ir-regola ġenerali hija t-telf ta’ riporti ta’ telf fuq tibdiliet sinifikanti fis-sjieda. L-Sanierungsklausel eżistenti hija għalhekk l-eċċezzjoni għar-regola ġenerali.

    (23)

    Taħt l-Artikolu 8(4) KStG ta’ qabel, ir-regola ġenerali kienet il-kontinwazzjoni ta’ riporti ta’ telf fil-każ ta’ tibdil sinifikanti fis-sjieda, sakemm il-kumpanija kienet ekonomikament identika. Din l-eċċezzjoni kienet intenzjonata li tipprevjeni l-abbuż, pereżempju fil-forma ta’ kummerċ f’kumpaniji finti.

    3.   ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

    (24)

    Permezz ta’ ittra bid-data tal-24 ta’ Frar 2010 il-Kummissjoni infurmat lill-Ġermanja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward ta’ din il-miżura.

    (25)

    Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-Artikolu 8c(1a) KStG jiddistingwi bejn kumpaniji li qed jagħmlu telf li huma finanzjarjament b’saħħithom u kumpaniji li huma (potenzjalment) insolventi jew fi stat ta’ dejn eċċessiv, billi tibbenefika biss lil dawn tal-aħħar. Għaldaqstant l-Artikolu 8c(1a) KStG kien jidher li qed jitbiegħed mis-sistema ta’ referenza, skont liema ż-żewġ tipi ta’ kumpaniji ma jkunux eliġibbli għar-riport ta’ telf. Il-Kummissjoni għalhekkk waslet għall-konklużjoni preliminari li l-miżura hija selettiva u tikkostitwixxi l-għajnuna mill-istat, ladarba l-prekondizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE jidhru li huma sodisfatti. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar il-kompatibilità tal-miżura mal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE, kif interpretat mill-Qafas Temporanju, (11) u mal-Artikolu 107(3)(c), kif interpretat mill-Linji Gwida ta’ Salvataġġ u Ristrutturar (12) u l-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali. (13)

    (26)

    Id-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. (14) Il-Kummissjoni stiednet lill-Ġermanja u partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti.

    (27)

    Wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Ministeru Federali Ġermaniż għall-Finanzi inkariga lill-awtoritajiet tat-taxxa responsabbli għall-ġbir tat-taxxa sabiex jieqfu japplikaw l-Artikolu 8c(1a) KStG sakemm il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni finali fil-każ u sabiex jinfurmaw lill-entitajiet ikkonċernati li fil-każ ta’ deċiżjoni finali negattiva mill-Kummissjoni, l-għajnuna mill-istat tkun trid tiġi rkuprata. (15)

    4.   KUMMENTI MILL-ĠERMANJA

    (28)

    Il-Ġermanja kienet tal-fehma li l-Artikolu 8c(1a) KStG ma jikkostitwix għajnuna mill-istat, għal tliet raġunijiet:

    (a)

    Jikkonforma mal-prinċipju tal-kreditur tas-suq privat (ara 4.1);

    (b)

    Mhuwiex selettiv (ara 4.2);

    (c)

    Huwa ġġustifikat min-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema tat-taxxa Ġermaniża (ara 4.3)

    (29)

    Il-Ġermanja ssostni wkoll li l-Sanierungsklausel il-ġdida fl-Artikolu 8c(1a) KStG tikkorrispondi essenzjalment mal-Sanierungsklausel l-antika fl-Artikolu 8(4) KStG, li qatt ma kienet ġiet ikkritikata mill-Kummissjoni (ara 4.4) u li numru ta’ Stati Membri oħra kellhom regoli tat-taxxa simili fis-seħħ (ara 4.5).

    4.1.   Konformità mal-prinċipju tal-kreditur tas-suq privat

    (30)

    Dan l-argument tressaq mill-awtoritajiet Ġermaniżi għall-ewwel darba fl-ittra tagħhom bid-data tat-2 ta’ Lulju 2010. Il-Ġermanja tiddikjara li l-prinċipju tal-kreditur privat jista’ jiġi invokat ukoll fir-rigward tad-djun tat-taxxa jew kważi djun tat-taxxa. (16) Huwa sostnut li r-relazzjoni tal-Istat Ġermaniż lejn il-kontribwenti tiegħu hija komparabbli mar-relazzjoni bejn kreditur privat u debitur, li huma marbuta permezz ta’ kuntratt fit-tul, bħal kuntratt tal-kiri jew kuntratt tal-impjiegi. Fil-fehma tal-awtoritajiet Ġermaniżi, kreditur privat li huwa parti minn kuntratt fit-tul għandu jċedi parti mit-talbiet futuri tiegħu, jekk dan jippermetti li impriża oħra tieħu f’idejha lid-debitur, b’hekk jiżgura l-kontinwazzjoni tal-kuntratt fit-tul.

    4.2.   In-nuqqas ta’ selettività

    (31)

    Il-Ġermanja hija tal-fehma li l-Artikolu 8c(1a) KStG huwa miżura ġenerali, ladarba jista’ jintuża mill-impriżi kollha, irrispettivament mir-reġjun, is-settur u d-daqs tagħhom. Il-Ġermanja tiġbed l-attenzjoni li kwalunkwe impriża tista’ potenzjalment issib ruħha f’diffikultajiet finanzjarji barra mill-kontroll tagħha u tkun kandidata għall-applikazzjoni tar-regola.

    (32)

    L-awtoritajiet Ġermaniżi josservaw li l-Kummissjoni stess kienet tal-fehma, fl-Avviż tagħha tal-1998 dwar it-tassazzjoni tan-negozju, li, “sakemm japplikaw mingħajr distinzjoni għad-ditti kollha u l-produzzjoni tal-oġġetti kollha”, il-miżuri tat-taxxa ta’ natura purament teknika, bħar-regoli dwar ir-riport ta’ telf, ma kinux selettivi, u li “il-fatt li xi ditti jew xi setturi jibbenefikaw aktar minn oħrajn minn xi wħud minn dawn il-miżuri tat-taxxa mhux neċessarjament ifisser li jaqgħu taħt ir-regoli tal-kompetizzjoni li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat.” (17)

    (33)

    Il-Ġermanja hija tal-fehma li dawn il-konsiderazzjonijiet kienu ta importanza partikolari għal inċentivi tat-taxxa għar-riċerka u l-iżvilupp, iżda anke għall-protezzjoni ambjentali, it-taħriġ u l-impjieg. Fil-fehma tal-awtoritajiet Ġermaniżi, ir-regoli tat-taxxa li jiffavorixxu l-impriżi li qed jagħmlu sforzi partikolari f’dawn iż-żoni mhumiex selettivi, ladarba huma miftuħa għall-impriżi kollha, anke jekk de facto huma ta’ benefiċċju akbar lill-impriżi attivi f’ċerti setturi minn oħrajn. Fil-fehma tal-Ġermanja, l-istess raġunament għandu japplika wkoll għar-regoli tat-taxxa li jiffavorixxu lill-impriżi f’diffikultà li jiġu akkwistati sabiex jiġu ristrutturati.

    (34)

    Il-Ġermanja ssostni li l-Qorti u l-Qorti Ġenerali kienu aċċettaw li miżura li tibbenefika esklussivament impriżi f’diffikultà tista’, bħala prinċipju, tikkostitwixxi miżura ġenerali, li mhijiex selettiva. F’dan il-kuntest il-Ġermanja ssemmi fl-ewwel każ DMT, fejn il-Qorti sostniet fir-rigward ta’ faċilità ta’ ħlas Belġjana għal impriżi f’diffikultajiet li: (18)

    “Il-Gvern Franċiż isostni li faċilitajiet ta’ ħlas fir-rigward ta’ kontribuzzjonjiet tas-sigurtà soċjali ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat jekk jingħataw f’ċirkostanzi identiċi lil kwalunkwe impriża li qed tesperjenza diffikultajiet finanzjarji. Dan jidher li huwa l-każ taħt ir-reġim stabbilit mill-leġislazzjoni Belġjana. Il-Kummissjoni, madankollu, tiddikjara li l-ONSS għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-għotja ta’ faċilitajiet ta’ ħlas.

    Jirriżulta mill-kliem tal-Artikoli 92(1) tat-Trattat li miżuri ġenerali li ma jiffavorixxux biss lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti biss ma jaqgħux taħt dik id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, fejn il-korp li qed jagħti assistenza finanzjarja jgawdi grad ta’ latitudni li jippermettilu li jagħżel il-benefiċjarji jew il-kondizzjonijiet taħt liema tiġi provduta l-assistenza finanzjarja, dik l-assistenza ma tistax titqies bħala ta’ natura ġenerali (ara, għal dan il-għan, Kawża C-241/95 Franza vs Il-Kummissjoni [1996] Ġabra I-4551, punti 23 u 24).

    Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali fil-proċeduri ewlenin li tiddetermina jekk is-setgħa tal-ONSS li jagħti faċilitajiet ta’ ħlas hijiex diskrezzjonali u jekk le, li tistabbilixxi jekk il-faċilitajiet tal-ħlas mogħtija mill-ONSS humiex ta’ natura ġenerali jew jekk jiffavorixxux lil ċerti impriżi.”

    (35)

    Il-Ġermanja ssemmi wkoll HAMSA, fejn l-awtoritajiet Spanjoli kienu sostnew li miżura mhijiex selettiva minħabba li tapplika għall-impriżi kollha f’diffikultà. Fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li (19):

    “Fil-każ preżenti, l-argument invokat mill-applikant u r-Renju ta’ Spanja bil-għan li l-liġi Spanjola tas-26 ta’ Lulju 1922 dwar is-sospensjoni ta’ ħlasijiet twaqqaf proċedura ġenerali, applikabbli għall-kumpaniji kollha f’diffikultà, ma jistax jiġi aċċettat. Filwaqt li huwa veru li l-liġi m’għandhiex l-awtorità li tapplika s-selettività favur ċerti kategoriji ta’ impriżi jew setturi ta’ attività, wieħed irid jiftakar li l-eżenzjonijiet ta’ dejn ikkritikati mill-Kummissjoni ma jirriżultawx b’mod awtomatiku mill-applikazzjoni tal-liġi, iżda mid-deċiżjonijiet diskrezzjonali magħmula mill-korpi pubbliċi inkwistjoni. Hija, barra minn hekk, ġurisprudenza stabbiliti li fejn il-korp li qed jagħti assistenza finanzjarja jgawdi grad ta’ latitudni li jippermettilu li jagħżel il-benefiċjarji jew il-kondizzjonijiet taħt liema tiġi provduta l-assistenza finanzjarja, dik l-assistenza ma tistax titqies bħala ta’ natura ġenerali (Kawża C-256/97 DM Transport [1999] Ġabra I-3913, punt 27).”

    (36)

    L-awtoritajiet Ġermaniżi jsostnu li, kuntrarjament għall-miżuri f’DMT u HAMSA, l-Artikolu 8c(1a) KStG ma jipprovdix għal deċiżjonijiet diskrezzjonali minn korpi pubbliċi, iżda li l-applikazzjoni tagħha tirriżulta b’mod awtomatiku mil-liġi. Għalhekk, bl-applikazzjoni tal-argument a contrario, l-Artikolu 8c(1a) KStG mhuwiex selettiv.

    (37)

    Il-Ġermanja hija tal-fehma wkoll li l-Artikolu 8c(1a) KStG jifforma parti mir-regoli taħt il-liġi tal-insolvenza Ġermaniża. B’mod partikolari, l-eliġibbiltà ta’ impriża hija bbażata fuq il-kunċetti tal-insolvenza, ir-riskju tal-insolvenza u l-istat ta’ dejn eċċessiv, li huma definiti fl-InsO u li jipprovdi raġunijiet għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza.

    (38)

    Dwar il-kwistjoni tas-selettività, il-Ġermanja tikkonkludi li l-opinjoni tal-Kumissjoni tkun tfisser li kwalunkwe tnaqqis fit-taxxa tikkostitiwixxi għajnuna mill-istat, anke kieku kienet applikabbli b’mod ġenerali, u li din il-pożizzjoni kienet qiegħda tikser it-TFUE.

    4.3.   Ġustifikazzjoni skont in-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema tat-taxxa

    (39)

    Il-Ġermanja tasserixxi li l-eżenzjoni maħluqa mill-Artikolu 8c(1a) KStG hija ġġustifikata min-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema tat-taxxa korporattiva Ġermaniża. Tiddikjara li hemm differenza oġġettiva bejn impriżi f’diffikultà li jeħtieġu r-ristrutturar u impriżi oħra, u li din id-differenza oġġettiva tiġġustifika t-trattament differenti ta’ impriżi f’diffikultà li huma akkwistati bil-ħsieb tar-ristrutturar. L-awtoritajiet Ġermaniżi jibbażaw l-argument tagħhom fuq tliet konsiderazzjonijiet.

    (40)

    L-ewwel nett, filwaqt li impriżi finanzjarjament b’saħħithom għandhom għażla bejn it-tfittxija ta’ finanzi fis-swieq kapitali u t-tfittixija għal impriża sabiex takkwistahom, impriżi f’diffikultà għandhom biss l-għażla tal-aħħar, minħabba li ma jkunux jistgħu joħolqu d-dejn fis-suq kapitali jew jiksbu self mill-bank. Bħala riżultat, impriżi f’diffikultà se jitilfu b’mod sistematiku l-possibbiltà tar-riport ta’ telf tagħhom, filwaqt impriżi b’saħħithom dejjem għandhom l-għażla bejn il-finanzjament tad-dejn u t-tfittxija għal xerrej.

    (41)

    It-tieni, ir-ratio legis tal-Artikolu 8c(1) KStG, jiġifieri l-prevenzjoni ta’ kummerċ f’kumpaniji finti vojta b’telf akkumulat, ma teħtieġx l-esklużjoni tar-riport ta’ telf f’sitwazzjonijiet fejn l-akkwist huwa għall-għan tar-ristrutturar aktar milli sempliċement għall-ottimizzazzjoni tat-taxxa. Mingħajr ir-restrizzjoni tal-Artikolu 8c(1a) KStG għall-akkwisti ta’ impriżi f’diffikultà finanzjarja fid-dawl tar-ristrutturar, jiġifieri jekk akkwisti oħra kienu inklużi wkoll, ir-ratio legis ma setax jinżamm aktar.

    (42)

    It-tielet, l-għan tal-Artikolu 8c(1) KStG huwa li jiġi żgurat li l-prezz tal-bejgħ ta’ ishma f’impriżi huwa bbażat biss fuq il-valur ekonomiku tal-impriża u l-valur tat-telf akkumulat għall-ottimizzazzjoni tat-taxxa ma jaffettwax il-prezz tal-bejgħ. Madankollu, fil-każ tal-akkwist ta’ impriża f’diffikultà fid-dawl tar-ristrutturar, il-valur possibbli tat-telf akkumulat m’għandu l-ebda rwol partikolari. Sabiex tissostanzja dan l-argument, il-Ġermanja tiġbed l-attenzjoni li kontabilisti ma jassoċjaw l-ebda valur, f’kontijiet ta’ gruppi kummerċjali, lil telf riportat potenzjali ta’ impriża f’diffikultà.

    (43)

    Għal dawn it-tliet raġunijiet meħudin flimkien, il-Ġermanja tikkunsidra li, anke kieku l-Artikolu 8c(1a) KStG kienet prima facie selettiva, hija fi kwalunkwe każ iġġustifikata min-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema tat-taxxa korporattiva Ġermaniża.

    4.4.   Rabta bejn Sanierungsklausel il-ġdida u l-antika

    (44)

    Il-Ġermanja tosserva li, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2008, l-Artikolu 8c KStG issostitwixxa regola simili li ġiet imħassra fl-istess ħin, jiġifieri l-Artikolu 8(4) KStG. Iż-żewġ regoli jsegwu l-istess għan, jiġifieri l-prevenzjoni ta’ kummerċ f’kumpaniji finta vojta b’telf akkumulat.

    (45)

    Il-Ġermanja tosserva li l-Kummissjoni qatt ma esprimiet kwalunkwe tħassib fir-rigward tal-Artikolu 8(4) KStG, u li għalhekk jidher li din ir-regola ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-istat.

    (46)

    Il-Ġermanja għalhekk tqis il-pożizzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward bħala inkoerenti.

    4.5.   Regoli simili f’sistemi oħra tat-taxxa

    (47)

    Il-Ġermanja ġibdet l-attenzjoni li ħafna Stati Membri oħra għandhom regoli komparabbli għall-Artikolu 8c(1a) KStG. Eżempji huma l-Awstrija, il-Belġju, il-Finlandja, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi. Tosserva li l-Kummissjoni ma ħadet l-ebda azzjoni taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-istat kontra dawn l-Istati Membri, minkejja s-similaritajiet kbar bejn is-sistemi.

    (48)

    F’relazzjoni mal-paragrafu 34 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, li tistipula l-azzjoni li l-Kummissjoni ħadet fir-rigward tas-sistema Franċiża, il-Ġermanja tenfasizza li s-sistema Ġermaniża hija differenti mis-sistema Franċiża, li hija limitata għal ċerti setturi tal-ekonomija u tipprovdi eżenzjoni kompleta minn taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji.

    5.   IL-VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

    (49)

    L-Artikolu 107(1) TFUE jistabbilixxi li kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

    5.1.   Ir-riżorsi tal-Istat u imputabbilità

    (50)

    Miżura trid tiġi ffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-istat, u l-użu tar-riżorsi tal-istat irid ikun imputabbli lill-Istat. Telf ta’ dħul tat-taxxa huwa ekwivalenti għall-konsum ta’ riżorsi tal-istat fil-forma ta’ nefqa fiskali. Billi ppermettiet li l-kumpaniji jnaqqsu l-piż tat-taxxa korporattiva tagħhom permezz tar-riport ta’ telf, il-Ġermanja qed iċċedi għad-dħul, li jikkostitwixxi għajnuna mill-istat. Il-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni li l-implimentazzjoni tal-miżura tista’ twassal għal nuqqas fid-dħul tat-taxxa ta’ EUR 900 miljun kull sena. Ladarba l-miżura timplika telf ta’ riżorsi tal-istat, hija għalhekk mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-istat. L-għajnuna tingħata mil-liġi, u għalhekk hija imputabbli lill-Istat.

    5.2.   Vantaġġ selettiv

    (51)

    Barra minn hekk, il-miżura trid tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett tal-għajnuna jkopri mhux biss benefiċċji pożittivi, iżda anke azzjoni li, f’diversi forom, timmitiga l-imposti li normalment huma inklużi fil-baġit ta’ impriża. (20)

    (52)

    Skont l-Artikolu 8c(1) KStG, ċertu tibdil fl-istruttura tas-sjieda ta’ impriża jfisser it-telf parzjali jew komplut tal-possibbiltà tar-riport ta’ telf fil-passat għall-finijiet ta’ taxxa.

    (53)

    L-Artikolu 8c(1a) KStG joħloq eċċezzjoni għal dik ir-regola fejn il-bidla fis-sjieda tikkonċerna impriża f’diffikultà u sseħħ għall-fini tar-ristrutturar.

    (54)

    L-Artikolu 8c(1a) KStG jista’ għalhekk jagħti vantaġġ selettiv lil kumpaniji li qed jissodisfaw dawk il-kondizzjonijiet, ladarba tippermettilhom li jkollhom tpaċija tat-telf tal-passat minn qligħ fil-futur għall-fini li jiġi kkalkolat id-dħul taxxabbli tagħhom.

    (55)

    Kif spjegat fil-premessa 28, il-Ġermanja ssostni li l-Artikolu 8c(1a) KStG ma jikkostitwixxix dan il-vantaġġ selettiv, għal tliet raġunijiet:

    (a)

    L-Artikolu 8c(1a) KStG jikkonforma mal-prinċipju tal-kreditur tas-suq privat (5.2.1);

    (b)

    L-Artikolu 8c(1a) KStG mhijiex prima facie selettiva (5.2.2);

    (c)

    L-Artikolu 8c(1a) KStG huwa ġġustifikat min-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema tat-taxxa Ġermaniża (5.2.3).

    (56)

    Il-Ġermanja tiġbed l-attenzjoni dwar is-similaritajiet bejn l-Artikolu 8c(1a) KStG u l-predeċessur tiegħu, l-Artikolu 8(4) KStG (ara 5.2.4) u li Stati Membri oħra għandhom regoli simili (ara 5.2.5).

    5.2.1.   Applikazzjoni possibbli tal-prinċipju tal-kreditur tas-suq privat

    (57)

    Il-Ġermanja ssostni li l-Artikolu 8c(1a) KStG jikkonforma mal-prinċipju tal-kreditur tas-suq privat, minħabba li jikkorrispondi għall-imġiba ta’ kreditur tas-suq privat impenjat f’kuntratt fit-tul ma’ debitur.

    (58)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li din id-dikjarazzjoni hija mingħajr bażi, għal diversi raġunijiet. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti u l-Qorti Ġenerali, il-prinċipju tal-kreditur tas-suq privat huwa applikabbli biss jekk l-Istat jaġixxi bħala operatur ekonomiku, iżda mhux meta jeżerċita l-prerogattivi tiegħu bħala awtorità pubblika. (21) F’dan il-każ, l-Istat jeżerċita l-monopolju tiegħu ta’ tassazzjoni fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità pubblika.

    (59)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ġurisprudenza msemmija mill-Ġermanja ma tbiddilx din il-valutazzjoni. L-Artikolu §8c(1a) KStG jikkonċerna l-istabbiliment ta’ dejn ta’ taxxa, filwaqt li l-fatti li ħolqu s-sentenzi tal-Qorti fi Spanja vs Il-Kummissjoni  (22) u DMT  (23) ikkonċernaw sitwazzjonijiet fejn l-amministrazzjoni kellha l-possibbiltà li tirrinunzja għal dejn tat-taxxa eżistenti. Għalhekk, il-prinċipju tal-kreditur tas-suq privat mhuwiex applikabbli f’dan il-każ.

    (60)

    It-tieni, anke kieku kien applikabbli, li l-Kummissjoni tikkontesta, il-Kummissjoni tosserva li l-vantaġġ tat-taxxa jingħata awtomatikament, mingħajr valutazzjoni minn qabel tat-telf totali (li tiddetermina l-ammont massimu tat-tnaqqis tat-taxxa fil-futur), il-prospetti li l-benefiċjarju jirritorna għall-vijabbiltà, jew jekk id-debitur għandux importanza strateġika. Kreditur tas-suq privat ma jipprovdix, fit-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali tagħhom, għal din ir-rinunzja awtomatika ta’ dejn fil-futur, mingħajr ma wieħed ikun jaf bil-quddiem l-ammont possibbli tar-rinunzja, il-prospetti finanzjarji tad-debitur u l-importanza strateġika tiegħu.

    (61)

    It-tielet, il-Kummissjoni tosserva li, għal kuntrarju ta’ relazzjoni kuntrattwali fit-tul, l-Artikolu 8c(1a) KStG ma jikkonċernax rinunzja għal dejn eżistenti, iżda tnaqqis fid-dejn possibbli fil-futur, li jista’ jinħoloq ladarba s-saħħa finanzjarja tad-debitur tkun ġiet restawrata. Fi kliem ieħor, fejn l-Istat jippermetti r-riport ta’ telf, m’hemm l-ebda dejn pendenti.

    (62)

    Ir-raba’, il-Kummissjoni tosserva li normalment, fil-każ tal-insolvenza, in-negozju tad-debitur jgħaddi f’idejn kumpanija oħra. Ladarba l-Istat għandu monopolju fuq it-tassazzjoni, ikun jista’ jiġbor it-taxxi mill-kumpanija l-oħra. Għalhekk, debitur li joħroġ mis-suq jiġi sostitwit minn debitur ieħor. Għal kuntrarju ta’ kreditur tas-suq privat, il-kunċett ta’ lealtà eżistenti tal-klijent m’għandu l-ebda impatt fuq id-deċiżjoni tal-Istat.

    (63)

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prinċipju tal-kreditur tas-suq privat mhuwiex applikabbli f’dan il-każ minħabba li l-Istat aġixxa permezz tal-prerogattivi tiegħu fil-mandat tal-politika pubblika u mhux bħala operatur ekonomiku. Anke kieku l-prinċipju tal-kreditur tas-suq privat kien applikabbli f’dan il-każ, il-Kummissjoni uriet li kreditur privat f’relazzjoni kontrattwali fit-tul, imqiegħed fl-istess pożizzjoni bħall-Istat, ma kienx jadotta miżura komparabbli mal-Artikolu 8c(1a) KStG.

    5.2.2.   Selettività prima facie

    (64)

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward is-selettività ta’ miżura tat-taxxa, l-Artikolu 107(1) TFUE jirrikjedi valutazzjoni ta’ jekk, taħt skema statutorja partikolari, miżura nazzjonali hija tali li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti” meta pparagunati ma’ oħrajn li, fid-dawl tal-għan segwit mill-iskema, huma f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. (24)

    (65)

    Konsegwentement, fil-valutazzjoni tas-selettività ta’ dispożizzjoni tat-taxxa, il-Kummissjoni trid l-ewwel tiddetermina r-regoli ġenerali jew “tas-soltu” applikabbli għall-qasam tat-tassazzjoni kkonċernat taħt is-sistema eżistenti tat-taxxa (“sistema ta’ referenza”). Trid imbagħad tiddetermina jekk il-miżura hijiex eċċeżżjoni għas-sistema ta’ referenza billi tiddifferenzja bejn operaturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-għan segwit mis-sistema tat-taxxa tal-Istat Membru kkonċernat, huma f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli.

    5.2.2.1.   Sistema ta’ referenza

    (66)

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li s-sistema ta’ referenza hija s-sistema Ġermaniza tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji fil-forma preżenti tagħha, u partikolarment ir-regoli dwar ir-riport ta’ telf tat-taxxa għal kumpaniji soġġetti għal tibdil fl-ishma tagħhom, li huma stabbiliti fl-Artikolu 8c(1) KStG. Kif deskritt hawn fuq fil-premessa (10), taħt din ir-regola telf mhux użat jintilef għal kollox jekk aktar minn 50 % tad-drittijiet għas-sjieda jiġi trasferit lil akkwirent; jintilfu pro rata jekk, f’perjodu ta’ ħames snin, aktar minn 25 % iżda inqas minn 50 % tad-drittijiet għas-sjieda jiġi trasferit. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li t-tneħħija ta’ telf hija r-regola ġenerali, jiġifieri is-sistema ta’ referenza, fil-każ ta’ bidla fis-sjieda ta’ kumpanija.

    (67)

    Il-Kummissjoni tosserva li kienet diġà użat l-Artikolu 8c(1) KStG bħala sistema ta’ referenza f’każ preċedenti. (25) Hemmhekk, il-Kummissjoni ddikjarat bħala inkompatibbli mas-suq intern eċċezzjoni għall-Artikolu 8c(1) KStG li jippermetti li kumpaniji akkwistati minn kumpaniji b’kapital ta’ riskju jirriportaw telf minkejja l-bidla fis-sjieda. Ir-raġunament żviluppat f’dik id-deċiżjoni japplika wkoll għal dan il-każ.

    5.2.2.2.   Differenzazzjoni bejn kumpaniji f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli fid-dawl tal-għan tas-sistema tat-taxxa

    (68)

    Bħala tluq mix-xenarju ta’ referenza, l-Artikolu 8c(1a) KStG jippermetti lil kumpaniji li huma, jew huma f’riskju li jkunu, insolventi jew fi stat ta’ dejn eċċessiv fil-ħin tal-akkwist tagħhom għall-fini ta’ ristrutturar sabiex jirriportaw it-telf tagħhom, sakemm jiġu sodisfatti ċerti kondizzjonijiet (ara premessa 14).

    (69)

    Il-Ġermanja ssostni li l-għan tal-Artikolu 8c(1a) KStG huwa li jneħħi ostakolu tat-taxxa għar-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà. Fid-dawl tal-għan tas-sistema tat-taxxa, impriżi f’diffikultà biss huma f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. Ladarba l-Artikolu 8c(1a) KStG japplika għall-impriżi kollha f’diffikultà, mhuwiex selettiv.

    (70)

    Il-Ġermanja hija tal-fehma li s-sentenzi f’DMT  (26) u HAMSA  (27) jappoġġjaw din il-pożizzjoni. Il-Ġermanja issostni li l-Qorti u l-Qorti Ġenerali kkonkludew li l-miżuri f’dawn il-każijiet kienu selettivi minħabba li kienu jeħtieġu deċiżjonijiet diskrezzjonali mill-awtoritajiet pubbliċi. Isegwi a contrario minn dawn is-sentenzi li miżura applikabbli għall-impriżi kollha f’diffikultà, u li ma tħalli l-ebda diskrezzjoni għall-awtoritajiet pubbliċi, mhijiex selettiva.

    (71)

    Il-Kummissjoni se tiġbed l-attenzjoni l-ewwel li l-għan tas-sistema tat-taxxa jrid jiġi stabbilit fil-livell tas-sistema ta’ referenza aktar milli fil-livell tal-eċċezzjoni. (28) L-għan tas-sistema tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji huwa li jiġġenera dħul għall-baġit. Tinħoloq il-mistoqsija jekk dan l-għan jitqiesx fejn il-kumpaniji jnaqqsu indebitament l-bażi tat-taxxa tagħhom billi jużaw riporti ta’ telf minn kumpaniji finti. L-Artikolu 8c(1) KStG huwa intenzjonat sabiex jipprevjeni lil kumpaniji li jbiddlu s-sjieda milli jirriportaw it-telf tagħhom. Dan huwa ċar mill-memorandum ta’ spjegazzjoni għal-liġi li introduċiet l-Artikolu 8c(1) KStG u ħassret l-Artikolu 8(4) KStG. (29) Għalhekk, il-kumpaniji kollha li jbiddlu s-sjieda huma, fid-dawl tal-għan tas-sistema tat-taxxa, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli.

    (72)

    Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni li kumpaniji f’diffikultà biss huma eliġibbli għall-eċċezzjoni provduta mill-Artikolu 8c(1a) KStG. Madankollu, kumpaniji li mhumiex insolventi jew fi stat ta’ dejn eċċessiv, jew f’riskju tiegħu fil-ħin tal-akkwist, jistgħu anke jkunu qed jagħmlu telf, iżda mhumiex eliġibbli għar-riport ta’ telf.

    (73)

    Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-Artikolu 8c(1a) KStG jiddifferenzja bejn il-kumpaniji li qed jagħmlu telf li huma altrimenti b’saħħithom u dawk li huma insolventi jew fi stat ta’ dejn eċċessiv, jew f’riskju tiegħu, billi tibbenefika lil dan tal-aħħar. Għaldaqstant l-Artikolu 8c(1a) KStG jiddiferenzja bejn kumpaniji li huma, fir-rigward tal-għan tas-sistema tat-taxxa, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli.

    (74)

    It-tieni, il-Kummissjoni tenfasizza li, għal kuntrarju għall-fehma Ġermaniża, il-ġurisprudenza tal-Qorti u l-Qorti Ġenerali qatt ma qieset miżura applikabbli għall-impriżi kollha f’diffikultà u li ma tħalli l-ebda diskrezzjoni għall-awtoritajiet pubbliċi bħala, skont id-definizzjoni, mhux selettiva.

    (75)

    Fir-rigward tad-DMT, għandu jiġi osservat li, bħala tweġiba għall-osservazzjoni mill-gvern Franċiż, li tikkorrispondi għall-fehma tal-Ġermanja f’dan il-każ, il-Qorti tikkonkludi fil-punt 28 li anke kieku l-awtoritajiet nazzjonali ma gawdew l-ebda diskrezzjoni, kien xorta jkun il-kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni kinitx ta’ natural ġenerali jew selettiva. Għaldaqstant, il-Qorti tirrikonoxxi b’mod impliċitu li miżura nazzjonali miftuħa għall-impriżi kollha f’diffikultà, u li ma tħalli l-ebda diskrezzjoni għall-awtoritajiet pubbliċi, xorta tista’ tkun selettiva.

    (76)

    Fir-rigward ta’ HAMSA, il-Kummissjoni tosserva li l-obiter dictum fil-paragrafu 157 tirreferi għall-leġislazzjoni Spanjola ta’ insolvenza ġenerali. Il-miżura fi kwistjoni f’HAMSA, madankollu, ma kinitx miżura taħt il-liġi tal-insolvenza iżda rinunzja ta’ dejn mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli fuq bażi volontarja, mingħajr ma kien hemm l-ebda obbligu legali, u li kienet ħafna ogħla mir-rinunzji ta’ dejn miftiehma mill-investituri privati. Il-każ għalhekk mhuwiex rilevanti għall-valutazzjoni tal-miżura inkwistjoni.

    (77)

    L-Avukat General Fennelly, fl-opinjoni tiegħu f’Ecotrade, jikkonferma li r-regoli li huma applikabbli għall-impriżi kollha f’diffikultà jistgħu jkunu selettivi u jikkostitwixxu għajnuna mill-istat. (30)

    (78)

    Għalhekk, għal kuntrarju għall-pożizzjoni tal-Ġermanja, l-analiżi tal-Kummissjoni tal-miżura inkwistjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti u l-Qorti Ġenerali.

    (79)

    Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li l-Artikolu 8c (1a) KStG bħala prima facie selettiv.

    5.2.3.   Ġustifikazzjoni abbażi tan-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa li tagħmel parti minnha

    (80)

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti, miżura li, għalkemm tagħti vantaġġ lir-reċipjent tagħha, tiġi ġġustifikata min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema li tagħmel parti minnha, ma tissodisfax dik il-kondizzjoni ta’ selettività. (31)

    (81)

    Għalhekk, fejn, kif fil-każ preżenti, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li l-miżura inkwistjoni prima facie tidher li hija selettiva, trid tivvaluta jekk id-differenzazzjoni hijiex iġġustifikata min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa li tagħmel parti minnha.

    (82)

    Il-Kummissjoni tosserva li hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti li huwa l-kompitu tal-Istat Membru li jipprovdi din l-informazzjoni. (32)

    (83)

    Il-Qorti kkjarifikat ukoll li trid issir distinzjoni bejn, min-naħa waħda, l-għanijiet attribwiti għal skema tat-taxxa partikolari li huma estrinsiċi għaliha, u min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi inerenti fis-sistema tat-taxxa stess li huma neċessarji sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet. It-tieni mekkaniżmi biss jikkwalifikaw għal ġustifikazzjoni skont in-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa li tagħmel parti minnha.

    (84)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa neċessarju f’dan il-każ li ssir distinzjoni bejn l-għan tal-Artikolu 8c(1) KStG u l-għan tal-Artikolu 8c(1a) KStG.

    (85)

    Kif tirrikonoxxi l-Ġermanja fis-sottomissjonijiet tagħha, l-għan tal-Artikolu 8c(1) KStG huwa li jipprevjeni l-abbuż tar-riport ta’ telf permess mis-sistema tat-taxxa Ġermaniża fil-forma ta’ xiri ta’ kumpaniji finti vojta.

    (86)

    Il-Kummissjoni tosserva f’dan ir-rigward li l-Artikolu 8c(1) KStG għandu ambitu aktar wiesa’ mill-predeċessur tiegħu, l-Artikolu 8(4) KStG. Billi dan tal-aħħar eskluda r-riport ta’ telf meta jkunu ġew sodisfatti żewġ kondizzjonijiet kumulattivi biss, jiġifieri akkwist minn entità korporattiva oħra u attività ekonomika ġdida, id-dispożizzjoni l-ġdida ma tinkludix it-tieni kondizzjoni. L-awwist minn entità korporattiva oħra huwa għalhekk biżżejjed sabiex tintilef il-possibbiltà ta’ riport ta’ telf. Il-leġislatur kien konxju minn din id-differenza fl-ambitu ladarba l-għan espliċitu tal-bidla fil-leġislazzjoni kien li jiġi ffinanzjat tnaqqis fir-rata tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji minn 25 % sa 15 %. (33)

    (87)

    L-Artikolu 8c(1a) KStG, għal kuntrarju, mhuwiex intenzjonat li jipprevjeni l-abbuż. Dan jidher ċar mill-memorandum ta’ spjegazzjoni bl-introduzzjoni tal-Sanierungsklausel il-ġdida ppubblikata mill-Parlament Ġermaniż. Il-memorandum ta’ spjegazzjoni jiddikjara li l-Artikolu 8c(1a) KStG ġie introdott sabiex jindirizza l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. (34) Matul il-kriżi, ir-restrizzjonijiet fuq ir-riport ta’ telf ġew perċepiti bħala ostakolu partikolari għar-ristrutturar tal-kumpaniji.

    (88)

    Il-Kummissjoni tosserva li l-Ġermanja, fil-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, tenfasizza l-fatt li l-Artikolu 8c(1a) KStG ma jikkostitwixxix miżura kontra l-abbuż, iżda ġie introdott sabiex jappoġġja kumpaniji f’diffikultà matul il-kriżi finanzjarja u ekonomika.

    (89)

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għan segwit minn din il-miżura speċifika tat-taxxa huwa estrinsiku għas-sistema tat-taxxa. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti, l-insegwiment ta’ dan l-għan estrinsiku ma jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika miżura skont in-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema tat-taxxa. (35) Jista’ jiġi analizzat biss fil-valutazzjoni tal-kompatibilità.

    (90)

    It-tliet argumenti ppreżentati mill-Ġermanja ma jistgħux ibiddlu din il-valutazzjoni.

    (91)

    Fir-rigward tal-argument tal-Ġermanja li kumpanija f’diffikultà m’għandha l-ebda għażla ħlief li tikseb il-finanzi permezz ta’ investitur, filwaqt li kumpanija b’saħħitha, li temporanjament qed tagħmel telf, għandha l-għażla bejn li tikseb il-finanzi fis-suq kapitali u l-akkwist minn investitur b’finanzjament mill-ġdid sussegwenti, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-mod kif kumpanija tiffinanzja n-negozju tagħha huwa irrilevanti fid-dawl tal-għan tas-sistema tat-taxxa. Is-sistema tat-taxxa korporattiva hija bbażata fuq it-tassazzjoni ta’ qligħ u d-dikjarazzjoni tat-telf. Kif seta’ jiġi osservat matul il-kriżi finanzjarja u ekonomika, kumpaniji finanzjarjament b’saħħithom irrapportaw ukoll temporanjament it-telf. Iżda dawn il-kumpaniji finanzjarjament b’saħħithom mhumiex eliġibbli għar-riport ta’ telf fl-applikazzjoni tas-Sanierungsklausel u għaldaqstant huma fi żvantaġġ meta pparagunati ma’ kumpaniji f’diffikultà li qed jagħmlu telf fil-każ ta’ bidla fis-sjieda u finanzjarjament mill-ġdid sussegwenti mill-partijiet interessati l-ġodda. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva wkoll li matul il-kriżi finanzjarja u ekonomika kumpaniji b’saħħithom, li rreġistraw temporanjament it-telf, kellhom diffikultajiet kbar sabiex ikollhom aċċess għas-swieq kapitali. Għalhekk, anke s-suppożizzjonijiet fattwali fl-isfond tal-ewwel argument mhumiex preċiżi. Il-Kummissjoni għalhekk tirrifjuta l-ewwel argument tal-Ġermanja.

    (92)

    Fir-rigward tat-tieni argument tal-Ġermanja, li l-eċċezzjoni provduta fl-Artikolu 8c(1a) KStG għall-projbizzjoni ġenerali dwar ir-riport ta’ telf fil-każ tal-bidla fis-sjieda stabbilita mill-Artikolu 8c(1) KStG ġiet iġġustifikata mir-ratio legis tal-Artikolu 8c(1) KStG, minħabba li ma kien hemm l-ebda riskju ta’ abbuż fil-każ tar-ristrutturar ta’ kumpanija f’diffikultà, il-Kummissjoni tosserva li dan l-argument ma jiġġustifikax ir-restrizzjoni tal-Artikolu 8c(1a) KStG għal kumpaniji f’diffikultà. Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni li lanqas ma hemm l-ebda riskju ta’ abbuż meta tiġi akkwistata kumpanija finanzjarjament b’saħħitha. Ir-riskju ta’ abbuż jeżisti biss fir-rigward ta’ kumpaniji finti vojta. Kif enfasizzat hawn fuq, ir-ratio legis tal-Artikolu 8c(1) KStG tmur lil hinn mill-ġlieda kontra l-abbuż. L-għan tiegħu huwa anke li jżid il-bażi tat-taxxa korporattiva Ġermaniża u li jikkumpensa t-tnaqqis fir-rata tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji minn 25 % sa 15 %. Dan jispjega għaliex l-Artikolu 8c(1) KStG jinkludi wkoll numru ta’ akkwisti ta’ interessi fejn m’hemm l-ebda riskju ta’ abbuż. Il-Kummissjoni għalhekk tirrifjuta l-argument tal-Ġermanja li l-eċċezzjoni introdotta millArtikolu 8c(1a) KStG tikkorrispondi għar-ratio legis tal-Artikolu 8c(1) KStG.

    (93)

    Fir-rigward tat-tielet argument tal-Ġermanja, li t-telf ta’ kumpaniji f’diffikultà mhuwiex normalment attribwit kwalunkwe valur minn awdituri meta tiġi kkalkolata t-taxxa differita għal dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati, u għalhekk il-possibbiltà tar-riport ta’ telf m’għandha l-ebda impatt fuq il-prezz tal-bejgħ tal-kumpanija f’diffikultà, il-Kummissjoni l-ewwel tosserva li dan huwa bbażat fuq kriterji ta’ kontabilità u huwa għalhekk irrilevanti għal konsiderazzjonijiet tat-taxxa. It-tieni, il-Kummissjoni tosserva li dan l-argument jikkontradixxi d-dikjarazzjoni tal-Ġermanja li l-inabbiltà li jiġi riportat telf tikkostitwixxi ostakolu għar-ristrutturar. Dan huwa veru biss jekk il-kumpanija akkwirenti tattribwixxi ċertu valur monetarju għall-possibbiltà ta’ riport ta’ telf. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrifjuta wkoll it-tielet argument tal-Ġermanja.

    (94)

    Barra minn hekk, il-Ġermanja tiddikjara li Stati Membri oħra jipprovdu wkoll ħelsien mit-taxxa għar-ristrutturar ta’ kumpaniji, bħall-iskema tal-għajnuna Franċiża għall-akkwist ta’ ditti f’diffikultà. Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument tal-Ġermanja, li huwa bbażat fuq paragun. L-ewwel nett, sabiex tiġi ġġustifikata miżura, l-Istati Membri jistgħu jirreferu biss għall-prinċipji inerenti għas-sistema tat-taxxa tagħhom, bħala s-sistema ta’ referenza li permezz tagħha jiġi vvalutat jekk impriża tiksibx vantaġġ fis-sens tar-regoli tal-għajnuna mill-istat. Il-fatt li miżuri tat-taxxa komparabbli jistgħu jeżistu fl-Istati Membri l-oħra m’huwa tal-ebda konsegwenza ladarba kwalunkwe miżura bħal din tista’ taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet fit-Trattat. It-tieni, il-kondizzjonijiet imposti fuq miżuri taħt l-iskema Franċiża huma differenti mill-Artikolu 8c(1a) KStG. L-iskema Franċiża tipprovdi għal eżenzjoni tat-taxxa għal kumpaniji ġodda li jakkwistaw ditta f’diffikultà. Wara li l-iskema ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni mill-Kummissjoni fl-2004, (36) Franza biddlitha sabiex tikkonforma mar-regoli tal-għajnuna mill-istat. Il-benefiċċji provduti huma issa parzjalment de minimis. Il-parti l-oħra tal-għajnuna hija kompatibbli bħala għajnuna reġjonali jew għajnuna tal-SME. (37)

    (95)

    Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi minn dak imsemmi hawn fuq li l-miżura inkwistjoni ma tirriżultax direttament mill-prinċipji bażiċi tas-sistema tat-taxxa u mhijiex iġġustifikata min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa.

    5.2.4.   Ir-rabta bejn is-Sanierungsklausel l-antika u l-ġdida

    (96)

    Il-Ġermanja ssostni li l-Artikolu 8c(1a) KStG essenzjalment jikkorrispondi għall-Artikolu 8(4) KStG l-antik u li l-Kummissjoni qatt ma kienet ikkunsidrat l-Artikolu 8(4) KStG bħala għajnuna mill-istat.

    (97)

    Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni li l-Ġermanja qatt ma nnotifikat l-Artikolu 8(4) KStG. Il-Kummissjoni għalhekk ma kinitx ħadet opinjoni dwar jekk involvietx għajnuna mill-istat.

    (98)

    Din il-proċedura tikkonċerna biss l-Artikolu 8c(1a) KStG, ladarba l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet limitata għal din id-dispożizzjoni. Il-Ġermanja ma tistax tistrieħ fuq l-argument li l-Kummissjoni qatt ma oġġezzjonat formalment għall-Artikolu 8(4) KStG sabiex tiġġustifika l-Artikolu 8c(1a) KStG minħabba li l-awtoritajiet Ġermaniżi qatt ma nnotifikaw l-Artikolu 8(4) KStG.

    (99)

    Il-Kummissjoni tirriserva d-dritt li tanalizza l-Artikolu 8(4) KStG taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-istat fil-każ li jinstab li din id-dispożizzjoni setgħet ipprovdiet lill-impriżi b’vantaġġ selettiv.

    5.2.5.   Skemi tat-taxxa simili fi Stati Membri oħra

    (100)

    Il-fatt li Stati Membri oħra għandhom f’operazzjoni skemi tat-taxxa simili jew identiċi, li ma nnotifikawx lill-Kummissjoni, m’għandu l-ebda impatt fuq l-analiżi tal-mistoqsija jekk miżura msemmija tikkostitwixxix għajnuna mill-istat.

    (101)

    Il-Kummissjoni se tanalizza l-informazzjoni sottomessa mill-Ġermanja skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Proċedurali. (38)

    5.2.6.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv

    (102)

    Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-Artikolu 8c(1a) KStG jipprovdi vantaġġ selettiv għall-kumpaniji li għalihom japplika.

    5.3.   Effett fuq il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni

    (103)

    Il-miżura għandha tkun tali li taffettwa l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-Artikolu 8c(1a) KStG mhuwiex speċifik għas-settur, jiġifieri s-setturi kollha jistgħu jibbenefikaw minnu. Effettivament is-setturi kollha tal-ekonomija Ġermaniża huma attivi fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni u l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni. Għalhekk, il-miżura hija tali li taffettwa l-kummerċ fi ħdan u l-Unjoni u li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    (104)

    Il-Kummissjoni tosserva li, skont l-informazzjoni provduta mill-Ġermanja, l-impriżi kollha eliġibbli għall-miżura huma eliġibbli għal proċeduri ta’ insolvenza taħt il-liġi tal-insolvenza Ġermaniża (ara l-premessa 14 u n-nota f’qiegħ il-paġna 7). Għalhekk, il-benefiċjarji potenzjali kollha tal-miżura huma impriżi f’diffikultà fis-sens tal-punt 10(c) tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (minn hawn ‘il quddiem: il-Linji Gwida ta’ Salvataġġ u Ristrutturar). Bħala konsegwenza, l-ebda mill-benefiċjarji ma huwa eliġibbli għal għajnuna de minimis skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna de minimis, (39) minħabba li l-Artikolu 1(h) ta’ dak ir-Regolament jeskludi lill-impriżi f’diffikultà mill-ambitu tiegħu.

    5.4.   Konklużjoni

    (105)

    Għalhekk, minħabba li huma sodisfatti r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-iskema tar-riport ta’ taxxa ta’ telf fil-każ tar-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà tikkostitwixxi għajnuna mill-istat fis-sens ta’ dak l-artikolu.

    6.   VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBILITÀ TAL-MIŻURA

    (106)

    Il-Kummissjoni tista’ tiddikjara l-għajnuna mill-istat kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) TFUE. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti, il-piż tal-prova li tintwera li miżura hija kompatibbli huwa tal-Istat Membru. (40) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-Ġermanja, minkejja l-istedina espliċita mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ, ma ssottomettiet l-ebda informazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni lill-Kummissjoni. Għal dik ir-raġuni biss, il-Kummissjoni ma tistax tiddikjara lill-miżura tal-għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern.

    (107)

    Madankollu, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-miżura tistax tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern. Il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni wiesgħa f’każijiet ta’ għajnuna li jaqgħu taħt l-Artikolu 107(3) TFUE. (41) Billi eżerċitat din id-diskrezzjoni, ħarġet linji gwida u avviżi li stipulaw kriterji għad-dikjarazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern taħt l-Artikolu 107(3) TFUE. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni hija marbuta bil-linji gwida u l-avviżi li toħroġ fiż-żona tas-sorveljanza tal-għajnuna mill-istat safejn ma jitilqux mir-regoli fit-Trattat u huma aċċettati mill-Istati Membri. (42)

    (108)

    Huwa għalhekk neċessarju li jiġi vvalutat l-ewwel jekk l-għajnuna notifikata taqax taħt l-ambitu ta’ linja gwida jew avviż wieħed jew aktar, u tkunx tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern minħabba li tissodisfa l-kondizzjonijiet għall-kompatibilità stabbilita fih.

    6.1.   Kompatibilità possibbli abbażi tal-Qafas Temporanju  (43)

    (109)

    Ladarba l-Artikolu 8c(1a) KStG ġie introdott sabiex jindirizza l-problemi li jirriżultaw mill-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-Kummissjoni eżaminat jekk jistax jiġi ddikjarat kompatibbli taħt l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, kif interpretat mill-Qafas Temporanju.

    (110)

    Fid-dawl tal-kriżi finanzjarja u ekonomika kurrenti u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija ġenerali tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tikkunsidra li ċerti kategoriji tal-għajnuna mill-istat huma ġġustifikati, għal perjodu llimitat, sabiex tiġi rrimedjata din il-kriżi u jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern taħt l-Artikolu 107(3)(b) TFUE Il-Qafas Temporanju jistipula l-kondizzjonijiet taħt liema l-Kummissjoni se tiddikjara dawn l-iskemi tal-għajnuna bħala kompatibbli.

    (111)

    Madankollu, l-Artikolu 8c(1a) KStG ma jaqa’ taħt l-ebda waħda mill-miżuri stipulati fil-Qafas Temporanju minħabba li tikkonċerna eżenzjonijiet mit-taxxa għal kumpaniji f’diffikultà. Madankollu, il-Qafas Temporanju ma jipprovdix għal għajnuna mill-istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet mit-taxxa.

    (112)

    Il-Kummissjoni għalhekk hija tal-fehma illi l-Artikolu 8c(1a) KStG ma jissodisfax ir-rekwiżiti sabiex tiġi ddikjarata kompatibbli taħt l-Artikolu 107(3)(b) TFEU, kif interpretat mill-Qafas Temporanju.

    (113)

    Il-Kummissjoni tosserva, madankollu, li ammont illimitat ta’ għajnuna għal ċerti benefiċjarji jista’ jiġi ddikjarat kompatibbli mas-suq intern skont it-taqsima 4.2 tal-Qafas Temporanju sakemm jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha ta’ skema tal-għajnuna Ġermaniża li l-Kummissjoni tkun approvat fuq din il-bażi legali. Sabiex ikun eliġibbli għal din it-tip ta’ għajnuna, il-benefiċjarju jrid juri partikolarment li ma kienx impriża f’diffikultà fl-1 ta’ Lulju 2008 fis-sens tal-Linji Gwida ta’ Salvataġġ u Ristrutturar (għal impriżi kbar) jew fis-sens tal-Artikolu 1(7) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa – GBER) (44) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (għal SME) u li l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-għajnuna mhijiex ogħla minn EUR 500 000. Barra minn hekk, il-kondizzjonijiet l-oħra fit-taqsima 4.2.2 tal-Qafas Temporanju u tad-deċiżjoni li tawtorizza l-iskema tal-għajnuna Ġermaniża jridu jiġu sodisfatti.

    6.2.   Kompatibilità possibbli abbażi tal-Linji Gwida ta’ Salvataġġ u Ristrutturar  (45)

    (114)

    Ladarba l-Artikolu 8c(1a) KStG jikkonċerna vantaġġi tat-taxxa għal kumpaniji f’diffikultà, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibilità tagħha taħt il-Linji Gwida ta’ Salvataġġ u Ristrutturar. Taħt dawn il-Linji Gwida, kumpaniji f’diffikultà biss huma eliġibbli għall-għajnuna. Billi kumpanija insolventi jew fi stat ta’ dejn eċċessiv tista’ titqies bħala f’diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida, il-paragrafu 13 tal-Linji Gwida ta’ Salvataġġ u Ristrutturar jipprovdi li ditta li tappartjeni għal jew qed li tgħaddi f’idejn grupp tan-negozju akbar mhijiex normalment eliġibbli għall-għajnuna ta’ salvataġġ jew ristrutturar. Wieħed mir-rekwiżiti tal-Artikolu 8c(1a) KStG huwa bidla fl-ishma. Wara din il-bidla, il-kumpanija fil-mira tista’ tappartjeni għal grupp. F’dan il-każ, ikun normalment il-kompitu tal-grupp li jassisti lill-kumpanija f’diffikultà fil-mira, li imbagħad ma tkunx eliġibbli għall-għajnuna taħt il-Linji Gwida ta’ Salvataġġ u Ristrutturar.

    (115)

    Barra minn hekk, anke għall-benefiċjarji eliġibbli għall-għajnuna taħt il-Linji Gwida ta’ Salvataġġ u Ristrutturar, ma jiġux sodisfatti rekwiżiti oħra ta’ dawn il-Linji Gwida.

    (116)

    Taħt il-paragrafu 25(1) tal-Linji Gwida ta’ Salvataġġ u Ristrutturar, għajnuna ta’ salvataġġ tista’ tieħu l-forma ta’ self jew garanziji ta’ self biss. Għalhekk, il-vantaġġ tat-taxxa inkwistjoni ma jistax jitqies bħala għajnuna ta’ salvataġġ.

    (117)

    Fil-każ ta’ għajnuna ta’ ristrutturar, il-Linji Gwida ta’ Salvataġġ u Ristrutturar jeħtieġu s-sottomissjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar realistiku sabiex il-kumpanija terġa’ ssir vijabbli. L-għajnuna trid tiġi limitata għall-minimu neċessarju. F’dan il-kuntest, il-benefiċjarju jrid jagħmel kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta’ ristrutturar. Fl-aħħar nett, sabiex jiġu evitati distorsjonijiet mhux dovuti tal-kompetizzjoni, il-Linji Gwida ta’ Salvataġġ u Ristrutturar jipprovdu għal miżuri kompensatorji.

    (118)

    Mhux dawn il-kondizzjonijiet kollha jiġu sodisfatti mill-Artikolu 8c(1a) KStG. Filwaqt li l-memorandum ta’ spjegazzjoni jindika li l-kumpanija fil-mira trid tipprovdi pjan ta’ organizzazzjoni mill-ġdid bi prospettiva pożittiva ta’ negozju, m’hemm l-ebda indikazzjoni li dan il-pjan se jissodisfa r-rekwiżiti tal-Linji Gwida ta’ Salvataġġ u Ristrutturar, lanqas li l-ammont tal-għajnuna hija limitata għall-minimu meħtieġ. L-ammont ta’ għajnuna jiddependi fuq it-telf li kumpanija tkun ġarrbet fil-passat. Barra minn hekk, l-Artikolu 8c(1a) KStG ma jipprovdix għal kontribuzzjoni mill-benefiċjarju jew miżuri kompensatorji.

    (119)

    Fl-aħħar nett, għajnuna ta’ salvataġġ u ristrutturar għal impriżi kbar trid tiġi notifikata individwalment. Ma tistax tingħata bħala parti minn skema. L-Artikolu 8c(1a) KStG ma jiddistingwix bejn kumpaniji kbar u SMEs.

    (120)

    Anke għal SMEs, fejn l-għajnuna ta’ salvataġġ u ristrutturar tista’ tieħu l-forma ta’ skema, il-Kummissjoni tosserva li r-rekwiżiti partikolari għal din l-iskema stipulati fil-paragrafu 82 tal-Linji Gwida ta’ Salvataġġ u Ristrutturar ma jiġux sodisfatti, għall-istess raġunijiet stipulati hawn fuq fil-paragrafu 117.

    (121)

    Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Artikolu 8c(1a) KStG mhuwiex kompatibbli mas-suq intern bħala għajnuna ta’ ristrutturar.

    6.3.   Kompatibilità possibbli abbażi tal-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali  (46)

    (122)

    L-Artikolu 8c(1a) KStG għandu jiġi eżaminat ukoll fid-dawl tal-Linji Gwida tal-Għajnuna ta’ Ristrutturar.

    (123)

    Benefiċjarji potenzjali tal-għajnuna reġjonali jridu jiġu lokati f’reġjun Ġermaniż eliġibbli għall-għajnuna reġjonali. Taħt l-Artikolu 8c(1a) KStG, dan mhuwiex neċessarjament il-każ, minħabba li d-dispożizzjoni tapplika għal kumpaniji li jinsabu madwar il-Ġermanja kollha.

    (124)

    Barra minn hekk, il-Linji Gwida ta’ Għajuna Reġjonali jeskludu mill-ambitu tagħhom impriżi f’diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida ta’ Salvataġġ u Ristrutturar (ara l-paragrafu 9). Għalhekk, anke għajnuna għal impriżi lokati f’reġjuni eliġibbli ma tistax tiġi ddikjarata kompatabbli abbażi tal-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali.

    (125)

    Il-Kummissjoni hija għalhekk tal-fehma li l-miżura mhijiex kompatibbli mas-suq intern bħala għajnuna reġjonali.

    6.4.   Kompatibilità possibbli abbażi tal-Linji Gwida tal-Għajnuna Ambjentali  (47)

    (126)

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 8c(1a) KStG irid jiġi eżaminat fid-dawl tal-Linji Gwida tal-Għajnuna Ambjentali.

    (127)

    L-għan ewlieni tal-Linji Gwida tal-Għajnuna Ambjentali huwa li jiġi żgurat li miżuri ta’ għajnuna mill-istat se jirriżultaw f’livell ogħla ta’ protezzjoni ambjentali milli kieku jseħħ mingħajr l-għajnuna u sabiex jiġi żgurat li l-effett pożittivi tal-għajnuna jegħlbu l-effetti negattivi tagħha f’termini ta’ distorsjoni ta’ kompetizzjoni, meta jitqies li prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas (minn hawn ‘il quddiem “PPP”) stabbilit mill-Artikolu 191 TFUE.

    (128)

    Dan l-għan mhuwiex sodisfatt mill-Artikolu 8c(1a) KStG. Il-memorandum ta’ spjegazzjoni ma jirreferix għal kwalunkwe għan fis-sens tal-Linji Gwida tal-Għajnuna Ambjentali.

    (129)

    Kif jiddikjara l-paragrafu 20 tal-Linji Gwida ta’ Salvataġġ u Ristrutturar, ditta f’diffikultà, meta jitqies li l-eżistenza stess tagħha hija fil-periklu, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala strument xieraq biex jiġu promossi għanijiet oħra tal-politika pubblika sakemm tkun assigurata l-vijabilità tagħha. Ladarba l-benefiċjarji kollha tal-Artikolu 8c(1a) KStG huma kumpaniji f’diffikultà fis-sens tal-paragrafu 10(c) tal-Linji Gwida ta’ Salvataġġ u Ristrutturar, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Artikolu 8c(1a) KStG mhijiex kompatibbli bħala għajnuna ambjentali.

    6.5.   Kompatibilità possibbli abbażi tal-Artikolu 107(3) TFUE

    (130)

    Il-Kummissjoni tosserva li l-miżura notifikata taqa’ fl-ambitu ta’ kemm il-Qafas Temporanju kif ukoll il-Linji Gwida ta’ Salvataġġ u Ristrutturar. Għalhekk, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha taħt l-Artikolu 107(3)(b) u (c) TFUE, hija marbuta minn dawn iż-żewġ testi, għar-raġunijiet stipulati hawn fuq fil-premess 109 et seq.

    (131)

    Madankollu, jekk il-Kummissjoni tiġi ppreżentata b’argumenti b’saħħithom biżżejjed sabiex tagħmel dan, tista’ teżerċita d-diskrezzjoni tagħha għal darb’oħra sakemm taġixxi fil-limiti stipulati mit-TFUE u l-prinċipji ġenerali tal-liġi, partikolarment il-prinċipju tat-trattament ugwali, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti. (48) F’dan il-kuntest, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti, il-Kummissjoni tista’ tiddikjara għajnuna mill-istat bħala kompatibbli mas-suq intern jekk l-għajnuna hija intenzjonata sabiex tirrimedja tħarbit serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru (Artikolu 107(3)(b) TFUE) jew issegwi għan ta’ interess komuni (Artikolu 107(3)(c) TFUE), (49) hija neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan, (50) u ma taffettwax ħażin il-kondizzjonijiet ta’ kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

    (132)

    F’dan il-każ, il-Ġermanja ma ppreżentat l-ebda argument li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern direttament taħt l-Artikolu 107(3)(b) jew (c) TFUE.

    (133)

    Il-Kummissjoni tosserva li, minħabba fid-disinn tal-miżura tal-għajnuna, l-ammont ta’ għajnuna jiddependi fuq it-telf li l-benefiċjarju jkun irreġistra fil-passat. Għalhekk, m’hemm l-ebda rabta bejn l-ammont ta’ għajnuna li tirċievi impriża u l-għan segwit mill-iskema tal-għajnuna, jiġifieri t-tneħħija ta’ ostakoli għar-ristrutturar u l-appoġġ għal impriżi f’diffikultà matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-iskema tal-għajnuna mhijiex limitata għal dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb l-għan tagħha. Bħala konsegwenza, twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern sa punt li jmur kontra l-interess komuni.

    (134)

    Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li miżura ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli meta bbażata direttament fuq l-Artikolu 107(3)(b) jew (c) TFUE.

    7.   IRKUPRU

    (135)

    Ladarba l-iskema tal-għajnuna ma ġietx notifikata, hija għajnuna illegali.

    (136)

    Bis-saħħa tal-prattika stabbilita tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni kwalunkwe għajnuna li ngħatat illegalment u li hija kompatibbli taħt l-Artikolu 107 tat-Trattat trid tiġi rkuprata mill-benefiċjarji. Din il-prattika ġiet ikkonfermata mill-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (51): “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju”.

    (137)

    Meta jitqies li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna illegali u inkompatibbli, trid tiġi rkuprata sabiex terġa tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel ma ngħatat l-għajnuna. L-irkupru, għalhekk, irid jiġi effettwat mid-data meta sar il-vantaġġ favur il-benefiċjarju, jiġifieri meta l-għajnuna saret disponibbli għall-benefiċjarju, u għandu jħallas imgħax ta’ rkupru sal-irkupru effettiv.

    (138)

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li d-data annwali għall-ħlas ta’ taxxa korporattiva trid tiġi kkunsidrata bħala d-data rilevanti għad-determinazzjoni tad-data meta l-għajnuna saret disponibbli lill-benefiċjarju.

    (139)

    Il-Ġermanja trid tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarji. Sabiex jiġi stabbilit in-numru ta’ każijiet li fihom irid isir l-irkupru, il-Ġermanja trid tfassal lista ta’ impriżi li bbenefikaw mill-miżura inkwistjoni mill-1 ta’ Jannar 2008. F’dan il-kuntest il-Kummissjoni tosserva li l-Ġermanja waqfet l-applikazzjoni tal-miżura fit-30 ta’ April 2010. Il-Ministeru Federali Ġermaniż tal-Finanzi ordna lill-awtoritajiet tat-taxxa responsabbli għall-ġbir tat-taxxa sabiex jieqfu japplikaw il-Sanierungsklausel sakemm il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni finali fil-każ. (52)

    (140)

    L-għajnuna mill-istat li trid tiġi rkuprata trid tiġi kkalkolata abbażi tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tal-kumpaniji kkonċernati, jiġifieri l-benefiċjarji tal-Artikolu 8c(1a) KStG. L-ammont tal-għajnuna trid tiġi kkalkolata bħala d-differenza bejn it-taxxa li tkun trid titħallas mingħajr l-applikazzjoni tal-Artikolu 8c(1a) KStG u t-taxxa li fil-fatt tħallset wara l-applikazzjoni tal-Artikolu 8c(1a) KStG.

    (141)

    Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li, fejn l-ammont totali ta’ għajnuna b’hekk mogħtija ma jaqbiżx ekwivalent tal-għotja gross ta’ EUR 500 000, u fejn il-kondizzjonijiet l-oħra kollha stipulati fit-taqsima 4.2.2 tal-Qafas Temporanju u ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza skema Ġermaniża ta’ għajnuna fuq dik il-bażi legali jiġu sodisfatti, partikolarment fir-rigward li l-kumpanija ma kinitx f’diffikultà fl-1 ta’ Lulju 2008, l-għajnuna tista’ titqies kompatibbli abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, kif interpretat mill-Qafas Temporanju, u l-iskema Ġermaniża tal-għajnuna awtorizzata. Fejn l-ammont totali jaqbeż l-EUR 500 000, iż-żejjed irid jiġi rkuprat.

    (142)

    Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni tal-Ġermanja għall-fatt li l-għajnuna ma tistax titqies kompatibbli taħt ir-regoli de minimis  (53), jew taħt skema tal-għajnuna b’eżenzjoni sħiħa (54), jew taħt kwalunkwe skema tal-għajnuna approvata abbażi tal-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali jew il-Linji Gwida tar-Riċerka, l-Iżvilupp, u l-Innovazzjoni (55), minħabba li dawn it-testi kollha jeskludu l-għotja ta’ għajnuna mill-istat lill-impriżi f’diffikultà. (56) Għall-iskemi tal-għajnuna approvati l-oħra kollha, il-Ġermanja trid tivverifika jekk id-deċiżjoni li tapprova l-iskema tal-għajnuna teskludix lill-impriżi f’diffikultà mill-ambitu. Jekk le, l-għajnuna tista’ titqies kompatibbli taħt dawn l-iskemi, sakemm il-Ġermanja turi li l-kondizzjonijiet kollha tal-iskemi rilevanti ġew sodisfatti meta tkun ingħatat l-għajnuna.

    8.   KONKLUŻJONIJIET

    (143)

    Abbażi ta’ dak imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema għar-riport ta’ telf ta’ taxxa (Artikolu 8c(1a) KStG, “Sanierungsklausel”) tikkostitwixxi għajnuna mill-istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE li ġie implimentat illegalment bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. L-iskema hija inkompatibbli mas-suq intern.

    (144)

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Ġermanja trid tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarji tal-Sanierungsklausel,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-għajnuna mill-istat mogħtija abbażi tal-Artikolu 8c(1a) tal-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Kumpaniji (Körperschaftssteuergesetz), imdaħħla fis-seħħ illegalment mill-Ġermanja bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, hija inkompatibbli mas-suq intern.

    Artikolu 2

    L-għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 hija kompatibbli mas-suq intern taħt l-Artikolu 107(3)(b), kif interpretat mill-Qafas Temporanju, sakemm l-ammont tal-għajnuna ma jaqbiżx l-EUR 500 000, il-benefiċjarju ma kienx impriża f’diffikultà fl-1 ta’ Lulju 2008 u l-kondizzjonijiet l-oħra kollha stipulati fit-taqsima 4.2.2 tal-Qafas Temporanju jiġu sodisfatti.

    Artikolu 3

    L-għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 li, fil-ħin li tingħata, tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti minn kwalunkwe skema ta’ għajnuna approvata mill-Kummissjoni fuq bażi legali oħra għajr ir-Regolament tal-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, il-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali, il-Linji Gwida tar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni, u li ma teskludix lill-impriżi f’diffikultà bħala benefiċjarji potenzjali, hija kompatibbli mas-suq intern, sal-intensitajiet massimi ta’ għajnuna applikabbli għal dik it-tip ta’ għajnuna.

    Artikolu 4

    1.   Il-Ġermanja għandha tirtira l-iskema msemmija fl-Artikolu 1.

    2.   Il-Ġermanja għandha tirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 mill-benefiċjarji.

    3.   Is-sommom li jridu jiġu rkuprati għandu jkollhom imgħax mid-data li fiha saru disponibbli għall-benefiċjarji sad-data li fiha fil-fatt ġew irkuprati.

    4.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (57).

    5.   Il-Ġermanja għandha tikkanċella l-ħlasijiet pendenti kollha tal-għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 b’effett mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 5

    1.   L-irkupru tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

    2.   Il-Ġermanja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 6

    1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Ġermanja għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

    (a)

    Il-lista ta’ benefiċjarji li jkunu rċevew għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 u l-ammont totali tal-għajnuna rċevuta minn kull wieħed minnhom taħt l-iskema;

    (b)

    L-ammont totali (somma kapitali ewlenija u imgħax) li jrid jiġi rkuprat minn kull benefiċjarju;

    (c)

    Deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni;

    (d)

    Evidenza dokumentata li l-benefiċjarji jkunu ġew ordnati li jħallsu l-għajnuna mill-ġdid.

    2.   Il-Ġermanja għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ikun tlesta. Fuq talba mill-Kummissjoni, il-Ġermanja għandha tissottometti immedjatament informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu jew li huma ppjanati li jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni. Għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħax ta’ rkupru li diġà ġew irkuprati mill-benefiċjarji.

    Artikolu 7

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    Magħmula fi Brussell, is-26 ta’ Jannar 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Joaquín ALMUNIA

    Viċi-President


    (1)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-TFUE. Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma, sostanzjalment, identiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88, rispettivament, tat-Trattat tal-KE fejn xieraq.

    (2)  ĠU C 90, 8.4.2010, p. 8.

    (3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

    (4)  Bundestagsdrucksache 16/4841, p. 74.

    (5)  Bundestagsdrucksache 16/4841, p. 76, li tirreferi għal ċirkolari mill-Ministeru Federali tal-Finanzi bid-data tas-27 ta’ Marzu 2003; BStBl I, p. 240.

    (6)  Gesetz zur verbesserten steuerlichen Berücksichtigung von Vorsorgeaufwendungen (Bürgerentlastungsgesetz Krankenversicherung), is-16 ta’ Ġunju 2009, BGBl. I No.43, p. 1959

    (7)  Ir-ristrutturar (Sanierung) huwa miżura sabiex tiġi evitata jew tingħeleb l-insolvenza (Zahlungsunfähigkeit) jew id-dejn eċċessiv (Überschuldung). Għaldaqstant, l-eliġibbiltà hija limitata għall-kumpaniji li huma, jew x’aktarx ikunu, insolventi jew fi stat ta’ dejn eċċessiv meta sseħħ bidla fl-ishma.

    (8)  It-termini “insolvenza”, “riskju ta’ insolvenza” u “stat ta’ dejn eċċessiv” huma definiti fil-leġislazzjoni Ġermaniża tal-insolvenza (Insolvenzordnung, minn hawn ‘il quddiem: InsO). Partikolarment, Insolvenza (Artikolu 17 InsO): Id-debitur jitqies li mhuwiex kapaċi jissodisfa obbligi ta’ ħlas dovut. Bħala regola, debitur jitqies bħala insolventi jekk ikun waqqaf il-ħlasijiet. Riskju ta’ insolvenza (Artikolu 18 InsO): id-debitur jitqies li huwa f’riskju ta’ insolvenza jekk mhuwiex probabbli li jkun kapaċi jissodisfa l-obbligi eżistenti ta’ ħlas tiegħu fid-data dovuta. Stat ta’ dejn eċċessiv (§ 19 InsO): id-debitur huwa fi stat ta’ dejn eċċessiv fejn l-assi tiegħu ma jkoprux aktar l-obbligi eżistenti tiegħu; sakemm ma jkunx hemm probabbiltà kbira, meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi, li l-kumpanija se tibqa’ teżisti.

    (9)  Gesetz zur Beschleunigung des Wirtschaftswachstums (Wachstumsbeschleunigungsgesetz), 22 ta’ Diċembru 2009 (BGBl I, p. 3950), Artikolu 2(3)(b).

    (10)  Telf fil-livell tas-subgrupp, ara l-Artikolu 15 Nru 1 KStG.

    (11)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Qafas Komunitarju Temporanju għal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat sabiex jiġi appoġġjat aċċess għall-finanzi fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (ĠU C 83, 7.4.2009, p. 1).

    (12)  Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2).

    (13)  Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 (ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13).

    (14)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

    (15)  Ċirkolari mill-Ministeru Federali tal-Finanzi bid-data tat-30 ta’ April 2010 indirizzata lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Länder (responsabbli għall-ġbir tat-taxxa): http://www.bundesfinanzministerium.de/DE/BMF_Startseite/Aktuelles/BMF_Schreiben/Veroffentlichungen_zu_Steuerarten/koerperschaftsteuer_umwandlungsteuerrecht/009.html.

    (16)  Il-Ġermanja ssemmi l-kawżi li ġejjin: Il-Kawża C-276/02 Spain vs Il-Kummissjoni [2004] Ġabra I-8091, punti 15 u 26, u l-Kawża C-256/97 Déménagements-Manutention Transport SA (DMT) [1999] Ġabra I-3913, punti 22 u 25.

    (17)  L-avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni diretta tan-negozju (ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3), punti 13 u 14.

    (18)  Déménagements-Manutention Transport SA (DMT), iċċitata hawn fuq, premessi 26 sa 28.

    (19)  Il-Kawża T-152/99 Hijos de Andrés Molina, S.A. (HAMSA) [2002] Ġabra II-3049, punt 157.

    (20)  Kawżi Konġunti C-182/03 u C-217/03 Il-Belġju (C-182/03) u Forum 187 ASBL (C-217/03) vs Il-Kummissjoni [2006] Ġabra I-5479, punti 86-87.

    (21)  Kawża T-196/04 Ryanair vs Il-Kummissjoni [2008] Ġabra II-3643, punti 84-85; Kawża C-334/99 Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni [2003] Ġabra I-1139, punti 133-134.

    (22)  Iċċitata hawn fuq.

    (23)  Iċċitata hawn fuq.

    (24)  Kawża C-143/99 Adria-Wien Pipeline [2001] Ġabra I-8365, punt 41; Kawża C-308/01 GIL Insurance u Oħrajn [2004] Ġabra I-4777, punt 68; Kawża C-172/03 Heiser [2005] Ġabra I-1627, punt 40; ara wkoll l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-appplikazzjoni tar-regoli mill-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni diretta tan-negozju.

    (25)  Kawża C 2/09 MoRaKG, Kondizzjonijiet għal investimenti tal-kapital (ĠU L 6, 9.1.2010, p. 32).

    (26)  Iċċitata hawn fuq.

    (27)  Iċċitata hawn fuq.

    (28)  Kawża T-55/99 CETM [2000] Ġabra II-3207, punt 53.

    (29)  Ara Bundestagdrucksache 16/4841, p. 75 et seq. u d-deskrizzjoni hawn fuq.

    (30)  Kawża C-200/97, opinjoni mogħtija fis-16 ta’ Lulju 1998, punti 26-32.

    (31)  Kawża 173/73 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1974] Ġabra 709, punt 33; Kawża C-75/97 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni [1999] Ġabra I-3671, punt 33; Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, imsemmija hawn fuq, paragarafu 42; GIL Insurance, uċċitata hawn fuq, punt 72; Heiser, imsemmija hawn fuq, punt 43; Kawża C-148/04 Unicredito Italiano [2005] Ġabra I-11137, punt 51; Kawża C-88/03 Il-Portugal v Il-Kummissjoni [2006] Ġabra I-7115, punt 52.

    (32)  Il-Portugal vs Il-Kummissjoni, iċċitata hawn fuq, punt 81.

    (33)  Bundestagdrucksache 16/4841, p. 30 et seq.

    (34)  Bundestagdrucksache. 16/13429, p. 50, u Bundestagdrucksache 16/12674, p. 10.

    (35)  Il-Portugal vs Il-Kummissjoni, iċċitata hawn fuq, punt 82, li jirreferi għall-“koeżjoni” u l-“iżvilupp reġjonali” bħala għanijiet estrinsiċi.

    (36)  Kawża C 57/02 Eżenzjoni tat-taxxa għall-akkwist ta’ ditti f’diffikultà (ĠU L 108, 16.4.2004, p. 38).

    (37)  Kawża N 553/04 Eżenzjoni tat-taxxa għall-akkwist ta’ ditti f’diffikultà (ĠU C 242, 1.10.2005, p. 5).

    (38)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

    (39)  ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5.

    (40)  Kawża C-364/90 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1993] Ġabra I-2097, punt 20; Kawżi Konġunti T-132/96 u T-143/96 Freistaat Sachsen (T-132/96) u Volkswagen AG u Volkswagen (T-143/96) vs Il-Kummissjoni [1999] Ġabra II-3663, punt 140; Kawża C-372/97 L-Italja vs Il-Kummissjoni [2004] Ġabra I-3679, punt 81.

    (41)  Kawża C-142/87 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni [1990] Ġabra I-959, punt 56, u Kawża C-39/94 SFEI u Oħrajn [1996] Ġabra I-3547, punt 36.

    (42)  Kawża C-313/90 CIRFS u Oħrajn vs Il-Kummissjoni [1993] Ġabra I-1125, punt 36; Kawża C-311/94 IJssel-Vliet [1996] Ġabra I-5023, punt 43; u Kawża C-351/98 Spanja vs Il-Kummissjoni [2002] Ġabra I-8031, punt 53.

    (43)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – qafas temporanju Komunitarju għal miżuri mill-Istat sabiex jiġi appoġġjat aċċess għall-finanzi fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (ĠU C 83, 7.4.2009, p. 1). B’effett mill-1 ta’ Jannar 2011, din il-Komunikazzjoni ġiet sostitwita minn verżjoni ġdida (ĠU C 6, 11.1.2011, p. 5). Madankollu, skont il-Kapitolu 5 tal-verżjoni l-ġdida, din il-verżjoni tapplika għal għajnuna illegali biss, għajnuna li ngħatat wara l-1 ta’ Jannar 2011. Minħabba li l-Ġermanja ssospendiet l-applikazzjoni tal-miżura, l-ebda għajnuna ma ngħatat wara dik id-data.

    (44)  ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.

    (45)  Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2).

    (46)  Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 (ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13).

    (47)  Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-istat għall-protezzjoni ambjentali (ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1).

    (48)  Ara partikolarment il-Kawża C-313/90 Comité International de la Rayonne et des Fibres Synthétiques (CIRFS) vs Il-Kummissjoni [1993] Ġabra I-1125.

    (49)  Kawża T-162/06 Kronoply vs Il-Kummissjoni [2009] Ġabra II-1; speċjalment il-punti 65, 66, 74, 75.

    (50)  Kawżae T-187/99 Agrana Zucker und Stärke vs Il-Kummissjoni [2001] Ġabra II-1587, punt 74; Kawża T-126/99 Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni [2002] ECR II-2427, punti 41-43; Kawża C-390/06 Nuova Agricast [2008] Ġabra I-2577, punti 68-69.

    (51)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

    (52)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15.

    (53)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5).

    (54)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 44.

    (55)  Il-Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, (ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1).

    (56)  Ara l-Artikolu 1 (6) (c) GBER; punt 9 Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali; kapitolu 2.1 fl-aħħar, il-Linji Gwida għar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni.

    (57)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.


    Top