Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0489

    2011/489/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ Lulju 2011 li tagħti deroga mitluba mill-Belġju fir-rigward tar-reġjun tal-Fjandri skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata bid-dokument numru C(2011) 4503)

    ĠU L 200, 3.8.2011, p. 23–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/489/oj

    3.8.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 200/23


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tad-29 ta’ Lulju 2011

    li tagħti deroga mitluba mill-Belġju fir-rigward tar-reġjun tal-Fjandri skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

    (notifikata bid-dokument numru C(2011) 4503)

    (Il-verżjoni bl-Olandiż biss hija awtentika)

    (2011/489/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III għaliha,

    Billi:

    (1)

    Jekk l-ammont ta’ demel li Stat Membru bi ħsiebu juża fuq kull ettaru fis-sena ikun differenti minn dak speċifikat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III għad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) ta’ dak is-subparagrafu, dak l-ammont għandu jiġi ffissat sabiex ma jippreġudikax l-ilħuq tal-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva u għandu jkun iġġustifikat abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bħalma huma, f’dan il-każ, staġuni twal ta’ tkabbir u l-uċuħ b’rata għolja ta’ assorbiment tan-nitroġenu.

    (2)

    Fil-21 ta’ Diċembru 2007 il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2008/64/KE li tagħti deroga mitluba mill-Belġju fir-rigward tar-reġjun tal-Fjandri skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (2), li tippermetti lir-Renju tal-Belġju jawtorizza lir-reġjun tal-Fjandri u skont ċerti kundizzjonijiet juża sa 250 kg nitroġenu fis-sena għal kull ettaru minn demel tal-bhejjem fuq irqajja’ ta’ art ikkultivati għall-mergħa u għall-qamħirrum miżrugħ flimkien mal-ħxejjex għall-mergħa u sa 200 kg nitroġenu fis-sena għal kull ettaru minn demel tal-bhejjem fuq irqajja’ ta’ art ikkultivati bil-qamħ tax-xitwa segwit b’uċuħ intermedji (catch crops) u bil-pitravi.

    (3)

    Id-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni 2008/64/KE kienet tikkonċerna madwar 3 300 bidwi u 83 500 ettaru ta’ art u skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2010.

    (4)

    Fil-15 ta’ Marzu 2011, il-Belġju ssottometta talba għand il-Kummissjoni biex tiġġedded id-deroga għar-reġjun tal-Fjandri skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III għad-Direttiva 91/676/KEE.

    (5)

    Id-deroga mitluba tikkonċerna l-intenzjoni tal-Belġju li jippermetti l-użu f’azjendi speċifiċi fil-Fjandri, ta’ sa 250 kg nitrogenu minn demel ta’ bhejjem li jirgħu u minn demel ipproċessat tal-ħnieżer fis-sena għal kull ettaru fuq irqajja’ ta’ art ikkultivati għall-mergħa u bil-qamħirrum miżrugħ flimkien ma’ ħxejjex għall-mergħa u mergħa tal-qtugħ jew segala tal-qtugħ segwit bil-qamħirrum u sa 200 kg nitroġenu mid-demel tal-bhejjem u minn demel ipproċessat tal-ħnieżer fis-sena għal kull ettaru fuq irqajja’ ta’ art ikkultivati bil-qamħ tax-xitwa jew triticale, segwit b’uċuħ intermedji u bil-pitravi.

    (6)

    Il-Fjandri stabbixxa miri ċari għall-kwalità tal-ilma li għandhom jintlaħqu matul iż-żewġ perjodi ta’ programmi ta’ azzjoni li jmiss. Sal-2014 l-ilma tal-wiċċ ser ikun laħaq l-istandard tal-kwalità ta’ 50 mg nitrat kull litru f’84 % tal-punti ta’ monitoraġġ fin-netwerk tal-monitoraġġ agrikolu u f’95 % ta’ dawn il-punti sal-2018. Il-medja tal-konċentrazzjoni tan-nitrat fl-ilma ta’ taħt l-art fil-baxx, li għandu rata ta’ rkupru aktar baxxa, ser tonqos b’10 % fl-2014 u b’20 % sal-2018, b’paragun mal-livell medju fl-2010 li kien ta’ 40 mg nitrat kull litru. Qiegħda tingħata attenzjoni speċifika liż-żoni idroġeoloġiċi omoġenji fejn il-konċentrazzjonijiet tan-nitrat fl-ilmijiet ta’ taħt l-art baxxi għandhom medja ogħla minn 50 mg nitrat għal kull litru u fejn il-konċentrazzjoni medja ser ikollha tonqos b’5 mg nitrat għal kull litru f’kull perjodu ta’ programm ta’ azzjoni.

    (7)

    Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-Fjandri stabbilixxa programm ta’ azzjoni aktar b’saħħtu għall-perjodu bejn l-2011 u l-2014. Matul l-2014 ser titwettaq analiżi tal-politika li ser isservi ta’ bażi biex possibbilment tittieħed aktar azzjoni aktar b’saħħitha fil-programm ta’ azzjoni għall-perjodu 2015-2018 ħalli jiġi ggarantit li jintlaħqu l-miri tal-kwalità tal-ilma.

    (8)

    Il-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE għar-reġjun tal-Fjandri, jiġifieri “id-Digriet għall-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli” tat-22 ta’ Diċembru 2006 (minn hawn ’il quddiem id-Digriet dwar id-Demel), ġiet emendata (3) skont il-programm ta’ azzjoni għall-perjodu 2011-2014 fis-6 ta’ Mejju 2011 u tapplika flimkien ma’ din id-Deċiżjoni.

    (9)

    Id-Digriet dwar id-Demel japplika fit-territorju kollu tar-reġjun tal-Fjandri.

    (10)

    Id-Digriet dwar id-Demel jinkludi limiti għall-użu kemm tan-nitroġenu kif ukoll tal-fosforu.

    (11)

    Id-dokumenti anċillari li tressqu fin-notifika juru li l-ammonti proposti ta’ 250 kg u 200 kg rispettivament ta’ nitroġenu minn demel tal-bhejjem fis-sena għal kull ettaru huma ġustifikati abbażi ta’ kriterji oġġettivi bħalma huma staġuni twal tat-tkabbir u uċuħ b’assorbiment għoli ta’ nitroġenu.

    (12)

    Wara li eżaminat it-talba l-Kummissjoni tqis li l-ammonti proposti ta’ 250 kg u 200 kg rispettivament ta’ nitroġenu minn demel ta’ bhejjem li jirgħu u minn demel ipproċessat tal-ħnieżer fis-sena għal kull ettaru mhumiex se jippreġudikaw li jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KEE, sakemm jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet stretti li japplikaw flimkien mal-miżuri aktar b’saħħtihom meħuda fil-programm ta’ azzjoni għall-perjodu 2011-2014.

    (13)

    Sabiex jevitaw li l-applikazzjoni tad-deroga mitluba twassal għal intensifikazzjoni fit-trobbija tal-bhejjem, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw limitazzjoni fuq l-għadd ta’ bhejjem li jistgħu jinżammu f’kull farm (drittijiet ta’ emissjonijiet min-nutrijenti) fir-reġjun tal-Fjandri skont id-dispożizzjonijiet stipulati fid-Digriet dwar id-Demel.

    (14)

    Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-deroga mitluba mir-Renju tal-Belġju permezz tal-ittra tal-15 ta’ Marzu 2011, f’isem ir-reġjun tal-Fjandri, bil-għan li jiġi permess ammont ogħla ta’ demel tal-bhejjem minn dak previst fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III għad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tagħha, qiegħda tingħata bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ‘farms’ tfisser azjenda agrikola kemm jekk trabbi l-bhejjem kif ukoll jekk ma trabbix;

    (b)

    ‘roqgħa ta’ art’ tfisser għalqa individwali jew grupp ta’ għelieqi, li huma omoġenji f’dak li għandu x’jaqsam mal-uċuħ, it-tip ta’ ħamrija u l-prattiki ta’ fertilizzazzjoni;

    (c)

    ‘mergħa’ tfisser artijiet li jintużaw għall-mergħa b’mod permanenti jew temporanju (temporanju ġeneralment tfisser perjodu ta’ anqas minn erba’ snin);

    (d)

    ‘uċuħ li jirrikjedu ħafna nitroġenu u bi staġun twil ta’ tkabbir’ tfisser mergħa; għall-qamħirrum miżrugħ flimkien ma’ ħxejjex oħra, qabel jew wara l-ħsad, bil-ħaxix li jinqata’ u jitneħħa mill-għalqa jintuża bħala wiċċ intermedju; mergħa tal-qtugħ jew segala tal-qtugħ segwit bil-qamħirrum; qamħ tax-xitwa jew triticale segwit b’wiċċ intermedju; pitravi għaz-zokkor u għall-għalf;

    (e)

    ‘bhejjem li jirgħu’ tfisser bhejjem tal-ifrat (għajr għall-għoġġiela tal-vitella), in-nagħaġ, il-mogħoż u ż-żwiemel;

    (f)

    ‘trattament tad-demel’ tfisser l-ipproċessar tad-demel tal-ħnieżer f’żewġ partijiet, il-parti solida u l-oħra likwida, u li jsir biex jitjieb l-użu fl-art u jiżdied l-irkupru tan-nitroġenu u tal-fosforu;

    (g)

    ‘demel ipproċessat’ tfisser il-parti likwida li tirriżulta mit-trattament tad-demel;

    (h)

    ‘effluwent b’kontenut baxx ta’ nitroġenu u fosfat’ tfisser demel ipproċessat b’kontenut massimu ta’ nitroġenu ta’ 1 kg kull tunnellata ta’ effluwent u b’kontenut massimu ta’ fosfat ta’ 1 kg kull tunnellata ta’ effluwent;

    (i)

    ‘profil tal-ħamrija’ tfisser is-saff ta’ ħamrija li jinsab taħt wiċċ l-art sa fond ta’ 0,90 m, sakemm il-medja tal-ogħla livell ta’ ilma ta’ taħt l-art ma tkunx aktar fil-baxx; f’dan il-każ il-fond għandu jkun il-medja tal-ogħla livell ta’ ilma ta’ taħt l-art.

    Artikolu 3

    Ambitu

    Din id-Deċiżjoni tapplika fuq bażi individwali għal irqajja’ speċifikati ta’ farm, li jkunu kkultivati b’uċuħ li jirrikjedu ħafna nitroġenu u staġun twil tat-tkabbir u skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 sa 7.

    Artikolu 4

    Applikazzjoni u impenn annwali

    1.   Il-bdiewa li jridu jibbenefikaw minn deroga skont din id-Deċiżjoni għandhom ta’ kull sena jressqu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti sal-15 ta’ Frar. Għas-sena 2011, l-applikazzjoni annwali għandha titressaq mill-bdiewa sal-15 ta’ Lulju.

    2.   Flimkien mal-applikazzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 huma għandhom jintrabtu bil-miktub li se jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7.

    Artikolu 5

    Trattament tad-demel

    1.   Il-parti solida li tirriżulta mit-trattament tad-demel għandha tintbagħat għar-riċiklaġġ f’impjanti awtorizzati bl-għan li jitnaqqsu l-irwejjaħ u emissjonijiet oħrajn, jittejbu l-proprjetajiet agronomiċi u iġeniċi, jitħaffef il-maniġġ u jiżdied l-irkupru tan-nitroġenu u tal-fosfat. Il-prodott riċiklat ma għandux jintuża fuq art agrikola li tinsab fir-reġjun tal-Fjandri, għajr f’parkijiet, veġetazzjonijiet u ġonna privati.

    2.   Il-bdiewa li jibbenefikaw minn deroga u li jagħmlu t-trattament tad-demel għandhom ta’ kull sena jippreżentaw lill-awtoritajiet kompetenti d-dejta dwar il-kwantità ta’ demel li jintbagħat għat-trattament, il-kwantità u d-destinazzjoni tal-parti solida u tad-demel ipproċessat u dwar il-kontenut ta’ nitroġenu u fosforu tagħhom.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu u regolarment jaġġornaw il-metodoloġiji rikonoxxuti għall-valutazzjoni tal-kompożizzjoni tad-demel ipproċessat, il-varjazzjonijiet fil-kompożizzjoni u l-effiċjenza tat-trattament għal kull farm li jibbenefika minn deroga individwali.

    4.   L-ammonja u l-emissjonijiet oħra mit-trattament tad-demel għandhom jinġabru u jiġu pproċessati ħalli jitnaqqsu l-impatt ambjentali u l-inkonvenjent għal dawk l-impjanti li jikkawżaw emissjonijiet ogħla mis-sitwazzjoni ta’ referenza, jiġifieri l-ħżin u l-użu fl-art ta’ demel mill-bhejjem mhux ipproċessat. Għal dawn l-għanijiet għandu jiġi stabbilit u aġġornat regolarment inventarju tal-impjanti li jeħtiġilhom jittrattaw l-emissjonijiet.

    Artikolu 6

    Użu ta’ demel u fertilizzanti oħra

    1.   Skont il-kundizjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 sa 11, l-ammont ta’ demel mill-bhejjem li jirgħu, demel ipproċessat u effluwent b’kontenut baxx ta’ nitroġenu u fosfat użat f’irqajja derogati kull sena, inkluż id-demel li jħallu l-bhejjem stess ma għandux jaqbeż il-250 kg ta’ nitroġenu f’kull ettaru fis-sena fl-irqajja kkoltivati b’dan li ġej:

    (a)

    mergħa u qamħirrum miżrugħin flimkien ma’ ħxejjex għall-mergħa;

    (b)

    mergħa tal-qtugħ segwit bil-qamħirrum;

    (c)

    segala tal-qtugħ segwit bil-qamħirrum

    u 200 kg nitroġenu fis-sena kull ettaru f’irqajja kkultivati bi

    (d)

    qamħ tax-xitwa segwit b’wiċċ intermedju;

    (e)

    triticale segwit b’wiċċ intermedju;

    (f)

    pitravi għaz-zokkor u għall-għalf.

    2.   Id-demel ipproċessat, li ma jikkwalifikax bħala effluwent b’kontenut baxx ta’ nitroġenu u ta’ fosfat, jista’ jintuża biss f’irqajja derogati jekk ikollu proporzjon ta’ nitroġenu mal-fosfat (N/P2O5) ta’ mill-inqas 3,3.

    3.   L-użu tal-effluwent b’kontenut baxx ta’ nitroġenu u fosfat għandu jkun limitat għal massimu ta’ 15-il tunnellata kull ettaru.

    4.   L-input totali ta’ nitroġenu u fosfat għandu jkun konformi man-nutrijent meħtieġ mill-wiċċ involut u jqis il-provvista mill-ħamrija u ż-żieda fid-disponibbiltà ta’ nitroġenu fid-demel wara li jiġi pproċessat. Fi kwalunkwe każ, ma għandux jaċċedi l-istandards massimi tal-użu għall-fosfat u n-nitroġenu, espressi jew f’nitroġenu totali jew f’nitroġenu effiċjenti, għall-uċuħ kollha, kif stipulat fil-programm ta’ azzjoni.

    5.   L-użu ta’ fosfat minn fertilizzant kimiku huwa pprojbit fl-irqajja derogati.

    6.   Kull farm għandu jżomm pjan ta’ fertilizzazzjoni, għall-art disponibbli kollha tiegħu, b’deskrizzjoni tat-tinwib u l-għoti ppjanat ta’ demel u fertilizzanti bin-nitroġenu u bil-fosfat. Dan għandu jkun disponibbli fil-farm kull sena kalendarja sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Frar.

    Il-pjan ta’ fertilizzazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:

    (a)

    l-għadd ta’ bhejjem, deskrizzjoni tas-sistema ta’ kif jinżammu u tal-ħżin, inkluż il-volum disponibbli għall-ħżin tad-demel;

    (b)

    il-kalkolu tan-nitroġenu u fosforu fid-demel prodott fil-farm;

    (ċ)

    id-deskrizzjoni tat-trattament tad-demel u tal-karatteristiċi mistennija tad-demel ipproċessat;

    (d)

    l-ammont, it-tip u l-karatteristiċi ta’ demel fornut barra l-farm jew fil-farm;

    (e)

    it-tinwib u l-erja tal-irqajja’ tal-art b’uċuħ li jirrikjedu ħafna nitroġenu u staġun twil tat-tkabbir u rqajja’ b’uċuħ oħra;

    (f)

    il-ħtiġijiet prevedibbli ta’ nitroġenu u fosforu għal kull roqgħa art;

    (g)

    il-kalkolu tan-nitroġenu u l-fosforu mid-demel użat f’kull roqgħa art;

    (h)

    il-kalkolu tan-nitroġenu u tal-fosforu użati minn fertilizzanti kimiċi u fertilizzanti oħrajn f’kull roqgħa art.

    Il-pjanijiet għandhom jiġu rriveduti sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiki agrikoli sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-pjanijiet u l-prattiki agrikoli reali.

    7.   Kull farm għandu jżomm reġistri tal-fertilizzazzjoni. għandhom jinkludu l-ammonti ta’ demel u fertilizzanti bin-nitroġenu użati u meta ntużaw.

    8.   Ir-riżultati tal-analiżi tan-nitroġenu u l-fosforu fil-ħamrija għandhom ikunu disponibbli minn kull farm li jibbenefika minn deroga. L-analiżi u t-teħid ta’ kampjuni għandhom jitwettqu sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju u tal-anqas darba kull erba’ snin għall-fosforu u n-nitroġenu għall kull erja omoġenja tal-farm, fir-rigward tat-tinwib u tal-karatteristiċi tal-ħamrija. Tkun meħtieġa, mill-anqas, analiżi waħda għal kull ħames ettari ta’ art tal-farm.

    9.   Il-konċentrazzjoni tan-nitroġenu fil-profil tal-ħamrija għandha titkejjel kull sena fil-ħarifa u mhux aktar tard mill-15 ta’ Novembru fuq mill-inqas 6 % tal-irqajja’ derogati kollha u 1 % tal-irqajja’ l-oħra użati mill-farms li jibbenefikaw mid-deroga b’tali mod li jkunu involuti mill-anqas 85 % tal-farms. Għal kull 2 ettari ta’ art agrikola għandhom ikun meħtieġa mill-inqas tliet kampjuni li jirrappreżentaw tliet saffi differenti ta’ ħamrija mill-profil tal-ħamrija.

    10.   Bejn l-1 ta’ Settembru u l-15 ta’ Frar tas-sena ta’ wara ma għandhomx jintużaw fl-irqajja’ derogati d-demel, id-demel ipproċessat jew effluwent b’kontenut baxx ta’ nitroġenu u fosfat b’kontenut totali ta’ nitroġenu ogħla minn 0,60 kg nitroġenu kull tunnellata, fertilizzanti kimiċi u oħrajn.

    11.   Mill-inqas, żewġ terzi tal-ammont ta’ nitroġenu mid-demel, għajr għan-nitroġenu minn demel tal-bhejjem li jirgħu, għandu jintuża qabel il-31 ta’ Marzu ta’ kull sena.

    Artikolu 7

    Immaniġjar tal-artijiet

    Il-bdiewa li jibbenefikaw minn deroga individwali għandhom iwettqu l-miżuri li ġejjin:

    (a)

    il-mergħa għandha tinħarat fir-rebbiegħa għal kull tip ta’ ħamrija minbarra ħamrija taflija;

    (b)

    il-mergħa fuq ħamrija taflija għandha tinħarat qabel il-15 ta’ Settembru;

    (c)

    il-mergħa fuq irqajja’ derogati ma għandhiex tinkludi pjanti leguminużi jew pjanti oħra li jipproċessaw in-nitroġenu atmosferiku;

    (d)

    il-wiċċ li jirrikjedi ħafna nitroġenu għandu jinżergħa fi żmien ġimagħtejn wara l-ħrit u ma għandhomx jintużaw fertilizzanti fis-sena li fiha jsir il-ħrit tal-mergħa permanenti;

    (e)

    l-uċuħ intermedji għandhom jinżergħu fi żmien ġimagħtejn (2) wara l-ħsad tal-qamħ tax-xitwa jew triticale u mhux aktar tard mill-10 ta’ Settembru;

    (f)

    l-uċuħ intermedji ma għandhomx jinħartu qabel il-15 ta’ Frar sabiex ikun żgurat li r-raba’ tkun miksija bil-veġetazzjoni s-sena kollha sabiex jiġu rkuprati n-nitrati li jintilfu mis-saff sekondarju tal-ħamrija fil-ħarifa u sabiex dan it-telf jiġi limitat fix-xitwa.

    Artikolu 8

    Miżuri oħra

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li d-derogi li jingħataw għall-applikazzjoni ta’ demel ipproċessat ikunu kompatibbli mal-kapaċità tal-impjanti awtorizzati għat-trattament tad-demel u tal-ipproċessar tal-parti solida.

    Artikolu 9

    Miżuri għall-produzzjoni u trasport tad-demel

    1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw il-ħarsien tal-limitu fl-għadd ta’ bhejjem li jistgħu jinżammu f’kull farm (drittijiet ta’ emissjonijiet min-nutrijenti) fir-reġjun tal-Fjandri skont id-dispożizzjonijiet stipulati fid-Digriet dwar id-Demel.

    2.   Mill-1 ta’ Jannar 2012, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li t-trasport tad-demel minn trasportaturi akkreditati jiġi rreġistrat permezz ta’ sistemi ta’ lokalizzazzjoni ġeografika għat-trasportazzjonijiet kollha. Sa dak inhar, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li t-trasport tad-demel minn trasportaturi akkreditati kklassifikati fil-kategoriji A5o, A7o, B u C skont l-Artikoli 4 u 5 tad-Digriet Ministerjali tal-Fjandri tad-19 ta’ Lulju 2007 (4) jiġi rreġistrat permezz ta’ sistemi ta’ lokalizzazzjoni ġeografika.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-kompożizzjoni tad-demel fir-rigward tal-konċentazzjoni tan-nitroġenu u l-fosforu tiġi evalwata qabel kull vjaġġ. Il-kampjuni tad-demel għandhom jiġu analizzati minn laboratorji rikonoxxuti u r-riżultati tal-analiżi għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-bidwi li jkun ser jirċievi d-demel.

    4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li waqt it-trasport ikun disponibbli dokument li jispeċifika l-ammont ta’ demel trasportat u l-kontentut ta’ nitroġenu u fosforu tiegħu.

    Artikolu 10

    Monitoraġġ

    1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kull sena jitħejjew u jiġu aġġornati l-mapep li juru l-perċentwal ta’ farms, l-għadd ta’ irqajja’, il-perċentwal ta’ bhejjem, il-perċentwal ta’ użu ta’ raba’ u art lokali kopert b’deroga individwali għal kull muniċipalità. Għandha tinġabar u tiġi aġġornati kull sena dejta dwar it-tinwib u l-prattiki agrikoli koperti b’deroga individwali.

    2.   In-netwerk ta’ monitoraġġ għat-teħid tal-kampjuni tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma ta’ taħt l-art baxx li ġie stabbilit skont id-Deċiżjoni 2008/64/KE għandu jinżamm ħalli jiġi vvalutat l-impatt tad-deroga fuq il-kwalità tal-ilma. L-ammont ta’ siti mmonitorjati inizjalment ma jistax jitnaqqas u l-lokalità tas-siti ma tistax tinbidel matul il-perjodu tal-applikabbiltà ta’ din id-Deċiżjoni.

    3.   Fl-ilqugħ agrikoli b’ħamrija mrammla għandu jitwettaq monitoraġġ aktar bir-reqqa.

    4.   Is-siti tal-monitoraġġ li jikkorrispondu ma’ mill-inqas 150 farm, stabbiliti skont id-Deċiżjoni 2008/64/KE għandhom jinżammu sabiex tiġi pprovduta dejta dwar il-konċentrazzjoni tan-nitroġenu u l-fosforu fl-ilma tal-ħamrija, dwar in-nitroġenu minerali fil-profil tal-ħamrija u t-telf korrispondenti ta’ nitroġenu u fosforu li jgħaddi miż-żona tal-għeruq għall-ilma ta’ taħt l-art, kif ukoll dwar it-telf ta’ nitroġenu u fosforu minn tnixxija f’wiċċ l-art u minn taħt l-art, kemm jekk f’kundizzjonijiet ta’ deroga kif ukoll jekk le. Is-siti ta’ monitoraġġ għandhom jinkludu t-tipi ewlenin ta’ ħamrija (ħamrija taflija, imħallta, imrammla u bi trab fin), il-prattiki ta’ fertilizzazzjoni u l-uċuħ. Il-kompożizzjoni tan-netwerk ta’ monitoraġġ ma għandhiex tiġi mmodifikata matul iż-żmien li fih tkun applikabbli din id-deċiżjoni.

    Artikolu 11

    Verifika

    1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet kollha għal deroga jitressqu għal kontroll amministrattiv. Meta l-kontroll juri li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7 ma ġewx issodisfati, l-applikant għandu jiġi mgħarraf b’dan. F’dan il-każ, l-applikazzjoni għandha titqies miċħuda.

    2.   Għandu jkun stabbilit programm ta’ spezzjonijiet fuq il-post ibbażat fuq l-analiżi tar-riskji, ir-riżultati tal-kontrolli tas-snin ta’ qabel u r-riżultati ta’ kontrolli aleatorji ġenerali tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE. L-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom ikopru mill-anqas 5 % tal-farms li jibbenefikaw minn deroga individwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ din id-Deċiżjoni. Fejn il-verifika tindika nuqqas ta’ konformità, il-bidwi għandu jiġi mgħarraf b’dan. F’dan il-każ, it-talba għal deroga għas-sena ta’ wara għandha titqies li ma ġietx aċettata.

    3.   Ir-riżultati tal-kejl imsemmija tal-Artikolu 6(8) għandhom jiġu vverifikati. Fejn il-verifika tindika nuqqas ta’ konformità, fosthom li l-livelli limiti bażiċi, kif iddefiniti mid-Digriet dwar id-Demel, inqabżu, il-bidwi għandu jiġi infurmat b’dan u l-applikazzjoni għal deroga għas-sena ta’ wara għar-roqgħa jew irqajja’ tiġi miċħuda.

    4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jsiru kontrolli fuq il-post fuq mill-inqas 1 % tal-operazzjonijiet tat-trasport tad-demel, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju u tar-riżultati tal-kontrolli amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1. Il-kontrolli għandhom jinkludu verifika tat-twettiq tal-obbligi tal-akkreditazzjoni, il-valutazzjoni tad-dokumenti mehmuza, il-verifika tal-oriġini u tad-destinazzjoni tad-demel u t-teħid ta’ kampjuni tad-demel trasportat. Il-kampjuni tad-demel jistgħu jittieħdu, meta xieraq, permezz ta’ makkinarju installat apposta fuq il-vetturi u li jiġbor il-kampjuni b’mod awtomatiku waqt li d-demel ikun qed jitgħabba. Il-kampjuni tad-demel għandhom jiġu analizzati minn laboratorji rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti u r-riżultati tal-analiżi għandhom jintbagħtu kemm lill-bidwi li jkun qed jipprovdi d-demel kif ukoll lil dak li jkun ser jirċievi d-demel.

    5.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat u l-mezzi meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mad-deroga mogħtija skont din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 12

    Rappurtar

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom iressqu kull sena sa Diċembru u għall-2014 sa Settembru rapport li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    mapep li juru l-perċentwal ta’ farms, il-perċentwal ta’ bhejjem, il-perċentwal ta’ użu tar-raba’ u l-art lokali, kif ukoll dejta dwar it-tinwid u l-prattiki agrikoli fil-farms derogati, imsemmija fl-Artikolu 10(1);

    (b)

    ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma, fosthom informazzjoni dwar ix-xejriet tal-kwalità tal-ilmijiet ta’ taħt l-art u tal-wiċċ, kif ukoll l-impatt tad-deroga fuq il-kwalità tal-ilma kif imsemmi fl-Artikolu 10(2);

    (c)

    evalwazzjoni tar-residwi tan-nitrat fil-profil tal-ħamrija fil-ħarifa għall-irqajja’ tal-art derogati u f’paragun mad-dejta dwar ir-residwi u x-xejriet tan-nitrat fl-irqajja’ tal-art mhux derogati b’tinwib ta’ uċuħ simili. Irqajja mhux derogati għandhom jinkludu irqajja mhux derogati f’farms li jibbenefikaw minn deroga kif ukoll irqajja f’farms oħra.

    (d)

    evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-deroga abbażi ta’ kontrolli fuq il-livell ta’ farms u fuq il-livell tal-irqajja’ tal-art kif ukoll il-kontrolli fuq it-trasport tad-demel u informazzjoni dwar farms mhux konformi, abbażi tar-riżultati tal-ispezzjonijiet amministrattivi u ta’ fuq il-post;

    (e)

    informazzjoni dwar it-trattament tad-demel, inkluż aktar ipproċessar u użu tal-partijiet solidi, u forniment ta’ dejta ddettaljata dwar il-karatteristiċi tas-sistemi ta’ trattament, l-effiċjenza tagħhom u l-kompożizzjoni tad-demel ipproċessat;

    (f)

    informazzjoni dwar l-għadd ta’ farms li jkunu qed jibbenefikaw minn deroga u irqajja’ tal-art derogati fejn intuża demel ipproċessat u effluwenti b’kontenut baxx ta’ nitroġenu u fosfat kif ukoll il-volumi tagħhom;

    (g)

    il-metodoloġiji użati għall-valutazzjoni tal-kompożizzjoni tad-demel ipproċessat, il-varjazzjonijiet fil-kompożizzjoni u l-effiċjenza tat-trattament għal kull farm li jibbenifika minn deroga individwali, imsemmija fl-Artikolu 5(3);

    (h)

    l-inventarju tal-impjant tat-trattament tad-demel kif imsemmi fl-Artikolu 5(4);

    (i)

    sommarju u evalwazzjoni tad-dejta miksuba mis-siti tal-monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 10(4);

    Artikolu 13

    Applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fil-kuntest u flimkien mal-programm ta’ azzjoni tal-2011-2014 għar-Reġjun tal-Fjandri (id-Digriet dwar id-Demel) u għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2014.

    Artikolu 14

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Janez POTOČNIK

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.

    (2)  ĠU L 16, 19.1.2008, p. 28

    (3)  Belgisch Staatsblad tat-13 ta’ Mejju 2011, p. 27876.

    (4)  Belgish Staatsblad tal-31 ta' Awwissu 2007, p. 45564, b’eżekuzzjoni ta’ xi artikoli tad-Digriet dwar id-Demel


    Top