This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32011D0445
2011/445/EU: Council Implementing Decision of 12 July 2011 authorising Germany to apply a reduced rate of electricity tax to electricity directly provided to vessels at berth in a port ( ‘shore-side electricity’ ) in accordance with Article 19 of Directive 2003/96/EC
2011/445/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat- 12 ta’ Lulju 2011 li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port ( “elettriku minn fuq l-art” ) f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE
2011/445/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat- 12 ta’ Lulju 2011 li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port ( “elettriku minn fuq l-art” ) f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE
ĠU L 191, 22.7.2011, p. 22–22
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 16/07/2014
22.7.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 191/22 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-12 ta’ Lulju 2011
li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port (“elettriku minn fuq l-art”) f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE
(2011/445/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Permezz ta’ l-ittra tas-27 ta’ Diċembru 2010, il-Ġermanja talbet l-awtorizzazzjoni biex tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port (“elettriku minn fuq l-art”), skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. |
(2) |
Bit-tnaqqis li hija għandha ħsieb tapplika, il-Ġermanja għandha l-għan li tippromwovi użu aktar mifrux ta’ elettriku minn fuq l-art bħala mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex il-vapuri jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom tal-elettriku waqt li jkunu rmiġġati fil-portijiet meta mqabbel mal-ħruq ta’ karburanti tal-bastimenti abbord il-bastimenti. |
(3) |
Billi l-użu tal-elettriku minn fuq l-art jevita l-emissjonijiet ta’ inkwinanti fl-arja assoċjati mal-ħruq ta’ karburanti tal-bastimenti abbord il-bastimenti fl-irmiġġ, huwa jikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwali. Il-miżura għalhekk hija mistennija li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent u s-saħħa. |
(4) |
L-awtorizzazzjoni tal-Ġermanja biex tapplika, għall-elettriku minn fuq l-art, rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv hawn fuq imsemmi, billi fil-maġġoranza tal-każijiet, il-ġenerazzjoni abbord se tibqa’ l-iżjed alternattiva kompetittiva. Għall-istess raġuni, u minħabba l-livell preżenti relattivament baxx ta’ penetrazzjoni tat-teknoloġija fis-suq, il-miżura mhijiex probabbli li twassal għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul l-implimentazzjoni tal-miżura u għalhekk mhix se taffettwa b’mod negattiv il-funzjonament xieraq tas-suq intern. |
(5) |
Mill-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE jirriżulta li kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt dik id-dispożizzjoni jrid ikollha żmien strettament limitat. Minħabba l-ħtieġa ta’ perijodu suffiċjentement twil sabiex l-operaturi portwali ma jiġux skoraġġuti milli jagħmlu l-investimenti meħtieġa, iżda wkoll il-ħtieġa li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni fil-Ġermanja fil-ħin opportun u l-ħtieġa li ma jiġux imminati l-iżviluppi futuri tal-qafas legali eżistenti, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata għal perijodu ta’ tliet snin, suġġetta madankollu għad-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-materja, f’mument aktar kmieni mill-iskadenza hekk prevista, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ġermanja hija b’dan awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti, għajr dgħajjes għal użu rikreattiv privat, irmiġġati fil-portijiet (“elettriku minn fuq l-art”), sakemm ikunu rispettati l-livelli minimi ta’ tassazzjoni skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.
Hija għandha tiskadi fis-16 ta’ Lulju 2014.
Madankollu, jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq il-bażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat, jipprovdi għal regoli ġenerali dwar il-vantaġġi fiskali għall-elettriku minn fuq l-art, din id-Deċiżjoni għandha tiskadi dak il-jum li fih isiru applikabbli dawk ir-regoli ġenerali.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
J. VINCENT-ROSTOWSKI
(1) ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51; Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap 09, Vol 01, p. 405.