Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0234

2011/234/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta' April 2011 li tikkonċerna n-noninklużjoni tad-diklobenil fl-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (notifikata bid-dokument numru C(2011) 2437) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 98, 13.4.2011, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/234/oj

13.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 98/14


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta' April 2011

li tikkonċerna n-noninklużjoni tad-diklobenil fl-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 2437)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/234/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 1490/2002 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni u tat-tielet stadji tal-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta' sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bl-għan tal-inklużjoni possibbli tagħhom fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinkludi d-diklobenil.

(2)

Skont l-Artikolu 11f tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002 u l-Artikolu 12(1)(a) u l-Artikolu 12(2)(b) ta' dak ir-Regolament, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/754/KE tat-18 ta' Settembru 2008 dwar l-esklużjoni ta' dichlobenil mill-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dik is-sustanza (4) ġiet adottata.

(3)

In-notifikant oriġinali (minn hawn 'il quddiem “l-applikant”) ressaq applikazzjoni ġdida skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE li titlob l-applikazzjoni tal-proċedura aċċellerata, kif prevista fl-Artikoli 14 sa 19 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta' Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta' proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta' sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta' dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha (5).

(4)

L-applikazzjoni intbagħtet lir-Renju Unit, li kien maħtur bħala l-Istat Membru relatur permezz tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002. Il-perjodu ta' żmien għall-proċedura aċċellerata ġie rispettat. L-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva u l-użi sostnuti huma l-istess bħal dawk li kienu s-suġġett tad-Deċiżjoni 2008/754/KE. Dik l-applikazzjoni hija konformi wkoll mar-rekwiżiti proċedurali u sostantivi li jifdal tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 33/2008.

(5)

Ir-Renju Unit ivvaluta d-dejta addizzjonali mibgħuta mill-applikant u ħejja rapport addizzjonali. Huwa bagħat dak ir-rapport lill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn il quddiem “l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fis-7 ta' Ottubru 2009. L-Awtorità kkomunikat ir-rapport addizzjonali lill-Istati Membri l-oħra u lill-applikant għall-kummenti u għaddiet il-kummenti li kienu waslulha lill-Kummissjoni. B'konformità mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 33/2008 u fuq talba tal-Kummissjoni, l-Awtorità ppreżentat il-konklużjoni tagħha dwar id-diklobenil lill-Kummissjoni fid-29 ta' Lulju 2010 (6). L-abbozz tar-rapport ta' valutazzjoni, ir-rapport addizzjonali u l-konklużjoni tal-Awtorità ġew riveduti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ffinalizzati fil-11 ta' Marzu 2011 fil-format tar-rapport ta' reviżjoni tal-Kummissjoni għad-diklobenil.

(6)

Ir-rapport addizzjonali mill-Istat Membru relatur u l-konklużjoni mill-Awtorità jikkonċentraw fuq it-tħassib li jwassal għan-noninklużjoni; b'mod partikolari, kien hemm tħassib fir-rigward tal-espożizzjoni tal-konsumatur permezz tal-ilma tax-xorb u l-lissija għall-ilma ta' taħt l-art. Kien identifikat iktar tħassib fir-rapport ta' reviżjoni għad-diklobenil.

(7)

Intbagħat tagħrif addizzjonali mill-applikant, b'mod partikolari fir-rigward tal-lissija għall-ilma ta' taħt l-art, l-esposiżizzjoni tal-konsumatur permezz tal-ilma tax-xorb, ir-riskji għall-għasafar u l-mammiferi u metodi ta' analiżi għall-impuritajiet fil-materjal tekniku u għall-prodotti ta' oriġini mill-annimali.

(8)

Madankollu, l-informazzjoni addizzjonali ppreżentata mill-applikant ma ppermettietx l-eliminazzjoni tat-tħassib speċifiku kollu dwar id-diklobenil.

(9)

Matul il-valutazzjoni ta' din is-sustanza attiva, ġie identifikat xi tħassib. Ġew identifikati bosta effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent. B'mod partikolari, il-kontaminazzjoni potenzjali tal-ilma ta' taħt l-art mill-metabolit persistenti ħafna 2,6-diklorobenżammid (BAM) hija mistennija li tkun għolja ħafna, b'konċentrazzjonijiet 'il fuq sew minn 10 μg/l fil-mudelli tax-xenarji kollha li ntużaw. Hemm potenzjal ta' trasportazzjoni fil-bogħod tal-metabolit BAM permezz tal-atmosfera. Ġie identifikat riskju akut għoli għall-għasafar u riskju għoli fit-tul għall-għasafar u l-mammiferi li jieklu l-ħanex. Id-dejta disponibbli ma kinitx biżżejjed biex tiġi indirizzata n-natura tar-residwi tal-metabolit BAM fi prodotti bażiċi pproċessati.

(10)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar il-konklużjoni tal-Awtorità. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 33/2008, il-Kummissjoni stiednet lill-applikant biex iressaq kummenti dwar l-abbozz tar-rapport ta' reviżjoni. L-applikant ressaq il-kummenti tiegħu, li ġew eżaminati bir-reqqa.

(11)

Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa mill-applikant, it-tħassib identifikat ma setax jitneħħa, u l-valutazzjonijiet li saru fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata u vvalutata matul il-laqgħat tal-esperti tal-Awtorità ma wrewx li wieħed jista' jistenna li, skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom id-diklobenil jissodisfaw b'mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(12)

Għalhekk, is-sustanza diklobenil ma għandhiex tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(13)

Għal raġunijiet ta' ċarezza, id-Deċiżjoni 2008/754/KE għandha titħassar.

(14)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għat-tressiq ta' applikazzjoni ulterjuri għad-diklobenil skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE tal-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 33/2008.

(15)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-diklobenil ma għandux jiġi inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2008/754/KE tħassret.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25.

(3)  ĠU L 224, 21.8.2002, p. 23.

(4)  ĠU L 258, 26.9.2008, p. 70.

(5)  ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.

(6)  L-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel; Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni tar-riskju għall-pestiċidi tas-sustanza attiva diklobenil. EFSA Journal 2010;8(8):1705. [68 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2010.1705. Disponibbli onlajn: www.efsa.europa.eu/efsajournal.


Top