Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0212(01)

    Deċiżjoni Nru H6 tas- 16 ta’ Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni ta' ċerti prinċipji dwar l-aggregazzjoni tal-perjodi skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta' sigurtà soċjali Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera

    ĠU C 45, 12.2.2011, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    12.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 45/5


    DEĊIŻJONI Nru H6

    tas-16 ta’ Diċembru 2010

    dwar l-applikazzjoni ta' ċerti prinċipji dwar l-aggregazzjoni tal-perjodi skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta' sigurtà soċjali

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera)

    2011/C 45/04

    IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KOORDINAZZJONI TA’ SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI,

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 72(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (1), li skontu l-Kummissjoni Amministrattiva hija responsabbli li tittratta l-mistoqsijiet amministrattivi kollha jew il-mistoqsijiet kollha ta’ interpretazzjoni li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (2),

    Waqt li taġixxi skont il-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 1(t) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 jipprovdi għad-definizzjoni ta’ “perjodu ta’ assigurazzjoni”. Isegwi mill-kliem tal-Artikolu 1(t) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 li l-perjodi trattati per sé huma ekwivalenti għal perjodi ta’ assigurazzjoni u m'hemmx il-ħtieġa li jkunu ekwivalenti għal perjodi ta' kontribuzzjonijiet.

    (2)

    L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 jipprovdi għall-prinċipju ta' aggregazzjoni tal-perjodi. Dan il-prinċipju għandu jiġi applikat b'mod uniformi li jinkludi l-aggregazzjoni tal-perjodi li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jgħoddu biss biex jikkwalifikaw għall-benefiċċju jew biex iżidu l-benefiċċju.

    (3)

    Il-premessa 10 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tipprovdi li l-prinċipju ta’ assimilazzjoni ta’ ċerti fatti jew avvenimenti m’għandux jinterfieri mal-prinċipju ta’ aggregazzjoni tal-perjodi.

    (4)

    Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li, meta jiġi applikat il-prinċipju ta’ aggregazzjoni tal-perjodi kif stabbilit fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, il-perjodi ta’ assigurazzjoni kkomunikati per sé minn Stat Membru wieħed jeħtieġ li jiġu aċċettati mill-Istat Membru li qed jirċievi mingħajr ma jiddubita mill-kwalità tagħhom.

    (5)

    Fl-istess ħin, huwa meħtieġ li jiġi rikonoxxut il-prinċipju li l-Istati Membri jżommu l-ġurisdizzjoni biex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet nazzjonali tagħhom biex jagħtu l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali – sakemm dawn il-kundizzjonijiet huma applikati b’mod mhux diskriminatorju – u biex jaffermaw li dan il-prinċipju ma jinbidilx bil-prinċipju ta' aggregazzjoni. Stat Membru li qed jirċievi jeħtieġ, bħala l-ewwel pass, jaċċetta l-perjodi kollha kkomunikati per sé biex jegħleb ostakli potenzjali meta jagħti bidu għal dritt u mbagħad, bħala t-tieni pass, jiddetermina jekk il-kundizzjonijiet nazzjonali speċjali humiex sodisfatti.

    (6)

    Id-definizzjoni ta' “perjodi ta' assigurazzjoni” jibqgħu kif inhuma fl-Artikolu 1(t) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 meta mqabbel mal-Artikolu 1(r) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71.

    (7)

    Minħabba li din id-deċiżjoni għandha l-għan li tipprovdi ċertezza legali, għandha tapplika biss f’każijiet li ġew deċiżi wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni,

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    1.

    Il-perjodi kollha ta’ assigurazzjoni – sew jekk huma perjodi kontributorji jew perjodi trattati bħala ekwivalenti għal perjodi ta’ assigurazzjoni skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali – jissodisfaw l-idea ta' “perjodi ta' assigurazzjoni” għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009.

    2.

    Il-perjodi kollha għall-kontiġenza rilevanti li tlestew skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor għandhom jiġu kkunsidrati biss billi jiġi applikat il-prinċipju ta’ aggregazzjoni tal-perjodi kif stabbilit fl-Artikoli 6 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009. Il-prinċipju ta’ aggregazzjoni jeħtieġ li l-perjodi kkomunikati minn Stati Membri oħra għandhom ikunu aggregati mingħajr ma tiġi ddubitata l-kwalità tagħhom.

    3.

    Madankollu l-Istati Membri jżommu – wara li jkunu applikaw il-prinċipju ta’ aggregazzjoni skont il-Punt 2 – il-ġurisdizzjoni li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet l-oħra tagħhom biex jagħtu l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali filwaqt li jikkunsidraw l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 – sakemm dawn il-kundizzjonijiet huma applikati b'mod mhux diskriminatorju – u dan il-prinċipju m'għandux jiġi affettwat mill-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

    4.

    Din id-Deċiżjoni tapplika biss għal każijiet li jiġu deċiżi wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

    5.

    L-eżempji mehmuża li jirrigwardaw l-applikazzjoni prattika tal-Punti 1, 2 u 3 ta’ din id-Deċiżjoni huma parti minn din id-Deċiżjoni.

    6.

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva

    Keyina MPEYE


    (1)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

    (2)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.


    ANNESS

    EŻEMPJI DWAR L-APPLIKAZZJONI PRATTIKA TAL-PUNTI 1, 2 U 3 TA' DIN ID-DEĊIŻJONI

    Eżempji tal-applikazzjoni tat-Taqsimiet 1 u 2 tad-Deċiżjoni:

    Skont il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru A, il-persuna assigurata għandha 10 snin ta' perjodi kontributorji u sentejn ta' perjodi ekwivalenti li jgħoddu biss skont il-leġiżlazzjoni tiegħu għall-kalkolu.

    Kif stabbilit skont it-Taqsima 1 tad-Deċiżjoni, hemm 12-il sena ta’ perjodi li għandhom jiġu kkomunikati lil Stat Membru B.

    Kif stabbilit skont it-Taqsima 2 (u l-Premessa 2) tad-Deċiżjoni, l-Istat Membru B jeħtieġ jikkunsidra dawn it-12-il sena ta' perjodi perse għall-iskop ta' aggregazzjoni.

    Eżempju tal-applikazzjoni tat-Taqsimiet 2 u 3 tad-Deċiżjoni:

    Skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru A, il-persuna assigurata għandha 30 sena ta’ kontribuzzjonijiet marbuta mat-“twettiq bil-fatti ta’ xogħol”. Il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru A tipprovdi, bħala kundizzjoni nazzjonali għall-pensjoni ta’ rtirar kmieni, li l-persuna kkonċernata għandha turi minn tal-inqas 35 sena ta’ kontribuzzjonijiet marbuta mat-“twettiq bil-fatti ta’ xogħol”.

    Skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru B, il-persuna assigurata għandha sentejn ta’ studju (ikkomunikati bħala “perjodi ekwivalenti għall-istudju”) u 3 snin ta’ kontribuzzjonijiet marbuta mat-“twettiq bil-fatti ta’ xogħol”.

    Kif stabbilit skont it-taqsima 2 tad-Deċiżjoni, l-Istat Membru A jeħtieġ jikkunsidra dawn il-5 snin ta' perjodi perse għall-iskop ta' aggregazzjoni (l-ewwel pass).

    Kif stabbilit skont it-Taqsima 3 tad-Deċiżjoni, Stat Membru A mbagħad jivverifika jekk il-kundizzjonijiet nazzjonali l-oħra skont il-leġiżlazzjoni tiegħu humiex sodisfatti (hawnhekk it-“twettiq bil-fatti ta' xogħol”) u jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex applikati b'mod mhux diskriminatorju (it-tieni pass).

    Minħabba li hemm 3 snin biss ta' kontribuzzjonijiet marbuta mat-“twettiq bil-fatti ta' xogħol” fi Stat Membru B, ir-rekwiżit skont il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru A li jkollu 35 sena ta’ “twettiq bil-fatti ta’ xogħol” mhuwiex sodisfatt. Skont is-suppożizzjoni li m’hemmx diskriminazzjoni (indiretta) ibbażata fuq in-nazzjonalità, m’hemmx bżonn li tingħata pensjoni għall-irtirar kmieni skont il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru A.


    Top