Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0179

    2011/179/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 14 ta' Diċembru 2010 dwar l-Għajnuna mill-Istat C 39/96 (ex NN 127/92) mogħtija minn Franza lill-Coopérative d’exportation du livre français (CELF) (notifikata bid-dokument numru C(2010) 8938) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 78, 24.3.2011, p. 37–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/179/oj

    24.3.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 78/37


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-14 ta' Diċembru 2010

    dwar l-Għajnuna mill-Istat C 39/96 (ex NN 127/92) mogħtija minn Franza lill-Coopérative d’exportation du livre français (CELF)

    (notifikata bid-dokument numru C(2010) 8938)

    (It-test bil-lingwa Franċiża biss huwa awtentiku)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2011/179/UE)

    Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) (1),

    Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-artikolu msemmi (2), u wara li kkunsidrat dawn l-osservazzjonijiet,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Permezz ta' sentenza tal-15 ta' April 2008 (3) (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali”), il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/262/KE tal-20 ta' April 2004 dwar l-għajnuna mogħtija minn Franza lill-Coopérative d’exportation du livre français (CELF) (4)  (5).

    (2)

    Wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni ġdida.

    (3)

    L-istess sentenza hija l-eżitu ta' proċedura li l-fażijiet prinċipali tagħha qegħdin jiġu mfakkra hawn taħt:

    A.   L-Ewwel fażi

    (4)

    Permezz ta' ittra tal-20 ta' Marzu 1992, is-Société internationale de diffusion et d’édition (“SIDE”) ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni rigward ċerta għajnuna għall-promozzjoni, għat-trasport u għall-kummerċjalizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi lill-CELF, għajnuna li ma kinitx ġiet innotifikata minn qabel lid-dipartimenti tal-Kummissjoni.

    (5)

    Permezz tal-ittra tat-2 ta' April 1992, il-Kummissjoni, wara li fakkret lill-awtoritajiet Franċiżi li kull proġett intiż li jistabbilixxi jew ibiddel xi għajnuna kellu jiġi nnotifikat minn qabel lid-dipartimenti tagħha, talbet lill-istess awtoritajiet biex jinformawha fuq in-natura u s-suġġett tal-miżuri ta' għajnuna msemmija mis-SIDE.

    (6)

    L-awtoritajiet Franċiżi, permezz tal-ittra tad-29 ta' Ġunju 1992, taw konferma lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta' sussidji lill-CELF. Huma ppreċiżaw li dawn il-miżuri kienu intiżi biex isiru magħrufa l-letteratura u l-lingwa Franċiża fil-pajjiżi li ma jitkellmux bil-Franċiż u li l-CELF, barra minn hekk, ġiet fdata biex tamministra tliet skemi ta' għajnuna ta' darba intiżi ukoll biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-qarrejja li huma mbiegħda mill-kotba Franċiżi.

    (7)

    Permezz ta' ittra tas-7 ta' Awwissu 1992, il-Kummissjoni kkonfermat lis-SIDE li kienu jeżistu ċerti għajnuniet mogħtija lill-CELF u ppreċiżat l-għan tagħhom u informatha li l-miżuri inkwistjoni ma kinux ġew innotifikati. Hija ppreċiżat, madankollu, li l-għajnuniet ikkontestati ma kinux jidhru li huma tali li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-SIDE kienet mitluba tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

    (8)

    Permezz tal-ittra tas-7 ta' Settembru 1992, is-SIDE informat lill-Kummissjoni li hija kienet fi ħsiebha tirrapporta n-natura diskriminatorja tal-miżuri u l-effetti li kienu jirriżultaw minnhom fuq il-kummerċ intrakomunitarju, mingħajr ma kkontestat, madankollu, l-għan kulturali li kellu l-Ministeru tal-Kultura li ħadem bix-xewqa li jara l-lingwa u l-letteratura Franċiża tinxtered.

    (9)

    Permezz ta' deċiżjoni tat-18 ta' Mejju 1993 (6), il-Kummissjoni kkunsidrat li, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tal-kompetizzjoni fis-settur tal-kotba u tal-għan kulturali tal-iskemi ta' għajnuna inkwistjoni, kellha tapplika għalihom id-deroga prevista fl-ex Artikolu 92(3)(c) tat-Trattat.

    (10)

    Is-SIDE, permezz ta' rikors tat-2 ta' Awwissu 1993, ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni msemmija. Permezz ta' sentenza tat-18 ta' Settembru 1995 (7), il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikors ta' SIDE fejn annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 1993 safejn biss din kienet tikkonċerna l-għajnuna mogħtija lill-CELF fir-rigward tal-ordnijiet żgħar.

    (11)

    Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha dritt tadotta deċiżjoni favur it-tliet skemi ta' għajnuna segwenti, li huma amministrati mill-CELF għan-nom tal-Istat:

    (a)

    l-għajnuna għall-frejt bl-ajru jew għall-posta bl-ajru,

    (b)

    il-programm “Page à Page” (8) (għajnuna għat-tixrid ta' kotba bil-lingwa Franċiża fil-pajjiżi tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant),

    (ċ)

    il-“Programme Plus” (manwali universitarji bil-lingwa Franċiża intiżi għall-istudenti tal-Afrika fil-parti ta' taħt is-Saħara).

    (12)

    Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet kisbet biżżejjed informazzjoni fuq dawn l-aħħar tliet skemi biex tiġġustifika l-konstatazzjoni li waslet għaliha fis-sens li l-impatt ta' dawn l-iskemi fuq il-kompetizzjoni kien negliġibbli. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali indikat li “F’dak li jirrigwarda l-għan kulturali tal-għajnuniet ikkontestati, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-għan imfittex mill-Gvern Franċiż huwa li tinxtered il-lingwa u l-letteratura Franċiża”. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kellu jiġi konkluż li l-evalwazzjoni tal-għan kulturali tal-għajnuniet ikkontestati ma kinitx tqajjem diffikultajiet partikolari għall-Kummissjoni u li ma kienx meħtieġ li tinkiseb iktar informazzjoni biex jiġi rikonoxxut li dan l-għan kellu natura kulturali.

    (13)

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, għal dak li jikkonċerna l-kumpens mogħti esklużivament lill-CELF għall-ordnijiet żgħar, li l-Kummissjoni kellha tagħmel analiżi dettaljata tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-settur ikkonċernat qabel ma tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà tal-miżuri mas-suq intern.

    (14)

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet (punt 76 tas-sentenza) li l-Kummissjoni kellha tibda l-proċedura prevista fl-ex Artikolu 93(2) KE [li llum sar l-Artikolu 108(2) TFUE] u li, għaldaqstant, kellha tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 1993, safejn din kienet tikkonċerna s-sussidju mogħti esklużivament lill-CELF biex jiġu kkumpensati l-ispejjeż relatati mal-ipproċessar tal-ordnijiet żgħar ta' kotba bil-lingwa Franċiża magħmula minn libreriji stabbiliti barra mill-pajjiż.

    B.   It-tieni fażi

    (15)

    Skont is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta' Settembru 1995, il-Kummissjoni ddeċidiet permezz ta' deċiżjoni tat-30 ta' Lulju 1996 li tibda l-proċedura ta' investigazzjoni formali. Il-partijiet interessati, li ġew mitluba jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni, għaddewlha l-kummenti tagħhom b’mod partikolari matul ix-xhur ta' Diċembru 1996 u Jannar 1997.

    (16)

    Fi tmiem l-istruttorja tagħha, fl-10 ta' Ġunju 1998, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 1999/133/KE (9). Hija kkonfermat l-għan kulturali tal-għajnuniet dwar l-ordnijiet żgħar u kkonstatat li, skont l-ex Artikolu 87(3)(d) tat-Trattat, l-imsemmija għajnuniet ma kinux ta' natura li jolqtu l-kundizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fl-Unjoni sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni fis-suq tal-esportazzjoni tal-kotba bil-lingwa Franċiża.

    (17)

    Permezz tas-sentenza tat-28 ta' Frar 2002 (10), il-Qorti Ġenerali annullat l-aħħar sentenza tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni msemmija. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha tagħmel il-verifiki meħtieġa biex tikseb l-informazzjoni rilevanti bil-għan li tiddistingwi bejn is-suq tal-aġenziji u dak tal-esportazzjoni tal-ktieb bil-lingwa Franċiża inġenerali.

    (18)

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li peress li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel dik il-verifika, hija wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta qieset is-suq tal-esportazzjoni tal-ktieb bil-lingwa Franċiża inġenerali bħala li huwa s-suq rilevanti, filwaqt li kien ġie ppruvat li l-għajnuna kkontestata kienet intiża biss għall-aġenti fuq l-esportazzjoni.

    (19)

    Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tagħha tat-22 ta' Ġunju 2000 (11), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet, mingħajr ma daħlet fil-mertu tal-kawża, ir-rikors tal-awtoritajiet Franċiżi kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 1998 u kkonfermat li, anki fil-każ fejn l-għajnuna tkun tista’ titqies bħala li hija kompatibbli mas-suq komuni, dan il-fatt ma jaffettwax l-obbligu tan-notifika u li l-obbligu tan-notifika minn qabel kien jimplika l-obbligu tas-sospensjoni tal-għajnuna.

    C.   It-tielet fażi

    (20)

    Wara l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-10 ta' Ġunju 1998, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Franċiżi u lis-SIDE, permezz tal-ittri tal-14 ta' Ġunju 2002, biex jibgħatulha l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-motivi tal-annullament tad-deċiżjoni u b’mod partikolari fuq l-elementi li jirrigwardaw is-suq inkwistjoni.

    (21)

    L-awtoritajiet Franċiżi kienu mitluba jikkummentaw b’mod iktar partikolari fuq il-karatteristiċi speċifiċi tal-provvisti tal-CELF meta mqabbla ma' dawk tal-atturi l-oħra fis-suq, fosthom is-SIDE. Is-SIDE kienet mitluba tikkummenta b’mod iktar speċifiku fuq il-kunċett tal-ordnijiet żgħar u biex tindika x’kienet il-karatteristika partikolari tal-provvista tagħha meta mqabbla ma' dik tal-CELF u tal-atturi l-oħra fis-suq.

    (22)

    Is-SIDE bagħtet it-tweġiba tagħha lill-Kummissjoni permezz ta' ittra tat-12 ta' Awwissu 2002. L-awtoritajiet Franċiżi bagħtu t-tweġiba tagħhom permezz tal-ittra tas-17 ta' Settembru 2002.

    (23)

    Wara li saqsiet lis-SIDE, permezz tal-ittra tad-19 ta' Settembru 2002, biex tindikalha jekk it-tweġiba tagħha kienx fiha informazzjoni kunfidenzjali, u ħadet tweġiba fin-negattiv fit-30 ta' Settembru 2002, il-Kummissjoni, permezz tal-ittra tas-17 ta' Ottubru 2002, bagħtet lill-awtoritajiet Franċiżi t-tweġiba tas-SIDE flimkien mal-annessi tagħha biex huma jagħmlu l-kummenti tagħhom. F’din l-okkażjoni, hija għamlitilhom ukoll numru ta' mistoqsijiet addizzjonali ġodda.

    (24)

    Permezz tal-ittra tat-30 ta' Ottubru 2002, il-Kummissjoni għamlet ukoll numru ta' mistoqsijiet addizzjonali lis-SIDE li għalihom din wieġbet permezz tal-ittri tal-31 ta' Ottubru 2002 u tad-9 ta' Diċembru 2002. Is-SIDE għarrfet lill-Kummissjoni, permezz tal-ittra tat-23 ta' Diċembru 2002, wara t-talba tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2002, li t-tweġibiet tagħha ma kien fihom ebda informazzjoni kunfidenzjali u li l-istess tweġibiet setgħu jintbagħtu lill-awtoritajiet Franċiżi biex huma jagħmlu l-kummenti tagħhom.

    (25)

    Peress li l-awtoritajiet Franċiżi ma wieġbux fit-termini stabbiliti, il-Kummissjoni kienet kostretta tibagħtilhom avviż ta' tifkira permezz tal-ittra tas-27 ta' Novembru 2002. Permezz ta' ittra tad-19 ta' Diċembru 2002, l-awtoritajiet Franċiżi talbu lill-Kummissjoni sabiex tagħtihom estensjoni oħra tat-terminu.

    (26)

    Fid-9 ta' Jannar 2003, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Franċiżi għall-kummenti tagħhom, it-tweġiba tas-SIDE tat-23 ta' Diċembru 2002. Permezz tal-ittra tas-17 ta' Jannar 2003, l-awtoritajiet Franċiżi wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ottubru 2002.

    (27)

    Permezz tal-ittra tal-4 ta' Frar 2003, l-awtoritajiet Franċiżi talbu estensjoni oħra tat-terminu tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna t-talba għall-kummenti għat-tieni tweġiba tas-SIDE tat-23 ta' Diċembru 2002. Permezz tal-ittra tal-11 ta' Frar 2003, il-Kummissjoni laqgħet parzjalment it-talbiet għall-estensjonijiet. Permezz tal-ittra tal-11 ta' Marzu 2003, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu t-tweġiba tagħhom lill-Kummissjoni.

    (28)

    Barra minn hekk, is-SIDE, fuq talba tagħha stess, ġiet milqugħa mid-dipartimenti tal-Kummissjoni u setgħet tesponi l-idea tagħha dwar il-kwistjoni sa mill-bidu tagħha, u dan waqt laqgħa li nżammet fl-4 ta' Marzu 2003.

    (29)

    Fi tmiem din il-proċedura, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni 2005/262/KE fejn iddeċidiet li l-għajnuna kkontestata kienet kompatibbli u dan abbażi tal-ex Artikolu 87(3)(d) tat-Trattat, wara li kkonstatat b’mod partikolari li l-għajnuniet ma kinux tali li jikkumpensaw għall-ispejjeż involuti minħabba l-ipproċessar ta' ordnijiet żgħar.

    D.   Ir-raba’ fażi

    (30)

    Permezz tas-sentenza tagħha tal-15 ta' April 2008, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2004.

    (31)

    Hija ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet wettqet, f’dak li jikkonċerna l-parti tal-għajnuna mogħtija lill-CELF qabel l-1 ta' Novembru 1993 li hija d-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, żball ta' dritt meta kkunsidrat li l-għajnuna kkontestata kienet kompatibbli mas-suq komuni skont l-ex Artikolu 87(3)(d), u dan peress li kellhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet sostantivi li kienu fis-seħħ qabel l-1 ta' Novembru 1993. Il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li t-Trattat UE ma kienx fih dispożizzjonijiet tranżitorji li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-ex Artikolu 87(3)(d) u li l-prinċipju taċ-ċertezza legali jipprekludi, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, li att Komunitarju jibda japplika b’effett minn data preċedenti għal dik tal-pubblikazzjoni tiegħu.

    (32)

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta eżaminat il-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata u dan billi hija stmat iktar milli mistħoqq l-ispejjeż marbuta mal-ipproċessar tal-ordnijet żgħar li kienu effettivament sostnuti mill-CELF. Fil-fatt, fid-deċiżjoni tagħha tal-20 ta' April 2004, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispejjeż effettivi tal-ipproċessar tal-ordnijiet żgħar, iżda għamlet stima ta' dawn l-ispejjeż abbażi tal-ispejjeż totali sostnuti mill-CELF (allokat parti mill-ispejjeż totali, għall-ipproċessar tal-ordnijiet żgħar, u dan skont metodu ta' tqassim differenti għal kull kategorija ta' spejjeż). Għal ċerti kategoriji ta' spejjeż ġew applikati fatturi multiplikaturi u dan minħabba l-attivitajiet l-oħra tal-CELF. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dawn id-diffikultajiet setgħu jiġu solvuti permezz tat-teletrażmissjoni li kienet tikkonċerna żewġ terzi mill-ordnijiet żgħar. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta' evalwazzjoni meta applikat koeffiċjenti multiplikaturi għal ċerti spejjeż (u, fi kwalunkwe każ, għall-ordnijiet teletrażmessi) u kkonkludiet li fin-nuqqas tal-imsemmija koeffiċjenti, l-ispejjeż marbuta mal-ipproċessar tal-ordnijet żgħar kellhom jiġu mnaqqsa u r-riżultat tal-operat tal-attività marbuta mal-ordnijiet żgħar kellu jkun pożittiv (FRF 600 000, jiġifieri EUR 91 469). Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni għaldaqstant ma urietx li l-għajnuna ma kinitx ta' natura tali li tikkumpensa żżejjed.

    E.   Il-ħames fażi

    (33)

    Wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' April 2008, il-proċedura ta' eżami mibdija permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Lulju 1996 tibqa’ għaldaqstant miftuħa u l-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni ġdida.

    (34)

    Fid-dawl tal-motivi tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' April 2008 u fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura kienet iġġorr id-data tat-30 ta' Lulju 1996, il-Kummissjoni xtaqet titlob mill-ġdid lill-awtoritajiet Franċiżi u lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

    (35)

    Għaldaqstant, fit-8 ta' April 2009, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni biex testendi l-proċedura (12) [deċiżjoni C(2009)2481, id-“deċiżjoni għall-estensjoni tal-proċedura”]. Din id-deċiżjoni għall-estensjoni, filwaqt li pprovdiet terminu ġdid għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet, ikkompletat id-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura tat-30 ta' Lulju 1996. Fiha hemm indikat li ż-żewġ deċiżjonijiet għandhom jitqiesu bħala indiviżibbli u jagħtu lok għal proċedura ta' investigazzjoni formali waħda u li, peress li d-deskrizzjoni tal-fatti u tad-dritt jew tal-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni għall-estensjoni tal-proċedura jitbiegħdu mid-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura tat-30 ta' Lulju 1996, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss id-deċiżjoni għall-estensjoni tal-proċedura.

    (36)

    Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-miżura inkwistjoni.

    (37)

    Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand l-awtoritajiet Franċiżi fid-9 ta' Ġunju 2009, kif ukoll osservazzjonijiet mingħand is-SIDE fit-23 ta' Lulju 2009. Hija bagħtet l-osservazzjonijiet tas-SIDE lill-awtoritajiet Franċiżi fl-24 ta' Awwissu 2009 fejn tagħthom il-possibbiltà li jikkummentaw fuqhom, u rċeviet il-kummenti tagħhom fl-24 ta' Settembru 2009.

    (38)

    Madankollu, l-awtoritajiet Franċiżi ma pprovdewx id-dettalji li kienu ntalbu mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha għall-estensjoni tal-proċedura, u llimitaw ruħhom biss biex jirreferu, f’dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tal-għajnuna, għall-informazzjoni li kienet diġà ġiet ipprovduta fis-17 ta' Settembru 2002, fis-17 ta' Jannar 2003 u fil-11 ta' Marzu 2003, li l-Kummissjoni ma setgħatx tuża bħala tali u dan minħabba s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' April 2008.

    (39)

    Permezz tal-ittra tat-8 ta' Ottubru 2009, id-dipartimenti tal-Kummissjoni fakkru għaldaqstant lill-awtoritajiet Franċiżi bit-talba tagħhom biex tintbagħat l-informazzjoni fuq il-punti preċiżi msemmija, filwaqt li indikaw li jekk din l-informazzjoni ma taslilhomx fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol, il-Kummissjoni jkollha tieħu deċiżjoni finali abbażi tal-informazzjoni fil-pussess tagħha, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Proċedura, wara li tkun bagħtet l-inġunzjoni għall-informazzjoni skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (13).

    (40)

    Permezz ta' ittra tal-21 ta' Ottubru 2009, l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni li l-CELF ġiet ordnata li tiġi likwidata ġudizzjarjament permezz ta' deċiżjoni tat-Tribunal de commerce de Paris (Qorti tal-Kummerċ ta' Pariġi) tad-9 ta' Settembru 2009 u kienet waqfet taħdem. Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-informazzjoni mitluba fl-ittra tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ottubru 2009, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li ma għandhomx informazzjoni oħra x’jipprovdu u rreferu ruħhom għall-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati fid-9 ta' Ġunju 2009.

    (41)

    Permezz ta' deċiżjoni tal-20 ta' Novembru 2009 [deċiżjoni C(2009)9256, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta' inġunzjoni”], il-Kummissjoni ddeċidiet għaldaqstant li tordna lil Franza tippreżenta l-informazzjoni mitluba peress li minkejja t-talbiet ripetuti tagħha, din l-informazzjoni ma kinitx ġiet ipprovduta.

    (42)

    Permezz ta' ittra tat-2 ta' Diċembru 2009, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li huma ma kellhomx informazzjoni oħra x’jipprovdu lill-Kummissjoni u li huma kienu qegħdin jirreferu ruħhom għall-osservazzjonijiet mibgħuta fid-9 ta' Ġunju 2009.

    (43)

    Għandu jiġi nnutat li fit-2 ta' Diċembru 2009, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu ukoll ittra dwar l-iskema ta' għajnuna msemmija “Programme de Livres Universitaires et Scientifiques” magħrufa bħala l-“Programme Plus”. Din l-iskema ta' għajnuna mhijiex is-suġġett ta' din id-deċiżjoni.

    (44)

    Permezz ta' ittra tat-22 ta' Diċembru 2009, il-Kummissjoni talbet xi informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Franċiżi fuq is-sitwazzjoni tal-CELF u l-proċedura tal-likwidazzjoni li kienet tolqot lill-CELF. L-awtoritajiet Franċiżi wieġbu fis-27 ta' Jannar 2010. Fid-9 ta' Marzu 2010 u fis-26 ta' Novembru 2010 saru wkoll xi preċiżazzjonijiet.

    F.   Proċedura quddiem il-qrati nazzjonali u d-domandi preliminari

    (45)

    Għandu jiġi nnutat ukoll li hemm proċeduri pendenti fi Franza quddiem il-qrati nazzjonali u li dawn wasslu għal rinviji għal deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE (ex Artikolu 234 KE). Il-fażijiet prinċipali ta' dawn il-proċeduri ser jiġu indikati fil-qosor hawn taħt.

    (46)

    Is-SIDE pproċediet quddiem il-qrati Franċiżi bis-saħħa tal-effett dirett tal-ex Artikolu 88(3) KE. Permezz tas-sentenza tal-5 ta' Ottubru 2004, li kkonfermat sentenza tat-Tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta' Pariġi) tas-26 ta' April 2001, il-Cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti ta' Appell Amministrattiv ta' Pariġi) ordnat lill-Istat Franċiż sabiex jirkupra l-għajnuna mogħtija lill-CELF.

    (47)

    Il-Conseil d’Etat (il-Kunsill tal-Istat), fil-kompetenza ta' kassazzjoni tiegħu, ikkonferma, permezz ta' sentenza tad-29 ta' Marzu 2006, ċerti aspetti mid-deċiżjoni tal-Cour administrative d’appel, b’mod partikolari l-fatt li l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx ta' natura sempliċiment li tikkumpensa għall-obbligi ta' servizz pubbliku (14), ma setgħatx tiġi kklassifikata mill-qorti nazzjonali bħala għajnuna eżistenti, u li l-CELF ma setgħatx tinvoka l-aspettattivi leġittimi.

    (48)

    Madankollu, fis-sentenza tiegħu tad-29 ta' Marzu 2006, il-Conseil d’Etat iddeċieda wkoll li jissospendi d-deċiżjoni fuq l-appelli sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat deċiżjoni fuq id-domandi preliminari li huwa għamlilha f’dak li jikkonċerna l-obbligi tal-qorti nazzjonali fir-rigward ta' għajuna mill-Istat li ma tkunx ġiet notifikata iżda li sussegwentement tiġi ddikjarata li hija kompatibbli mas-suq komuni permezz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni.

    (49)

    Fis-sentenza tagħha tat-12 ta' Frar 2008 (15), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet:

    “L-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qorti nazzjonali m’għandhiex l-obbligu li tordna l-irkupru ta' għajnuna implementata bi ksur ta' din id-dispożizzjoni, meta l-Kummissjoni adottat deċiżjoni finali li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna mas-suq komuni fis-sens tal-Artiklu 87 KE. B’applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, hija għandha l-obbligu li tordna lill-benefiċjarju tal-għajnuna sabiex iħallas l-interessi għall-perijodu ta' illegalità. Fil-kuntest tad-dritt nazzjonali hija tista’, jekk ikun il-każ, tordna, barra minn hekk, l-irkupru tal-għajnuna illegali, bla ħsara għad-dritt tal-Istat Membru li jerġa’ jimplementa l-għajnuna, sussegwentement. Hija tista’ wkoll tiġi mwassla sabiex tilqa’ talbiet għal kumpens minħabba n-natura illegali tal-għajnuna.

    F’sitwazzjoni proċedurali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu li jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE, ta' rimedju għall-effetti ta' illegalità ta' għajnuna jestendi wkoll, għall-finijiet tal-kalkolu tas-somom li għandhom jitħallsu mill-benefiċjarju, u bl-eċċezzjoni ta' ċirkustanzi eċċezzjonali, għall-perijodu ta' żmien li jgħaddi bejn deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li tikkonstata l-kompatibbiltà ta' din l-għajnuna mas-suq komuni u l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni mill-qorti Komunitarja”.

    (50)

    Wara li ħa inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Frar 2008 kif ukoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' April 2008 iċċitata iktar ’il fuq, il-Conseil d’Etat, fis-sentenza tiegħu tad-19 ta' Diċembru 2008, annulla l-Artikoli 2, 3 u 4 tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tal-5 ta' Ottubru 2004 tal-Cour administrative d’appel de Paris u ddeċieda skont kif ġej.

    (51)

    Qabel xejn, huwa ordna lill-Ministru tal-Kultura u tal-Komunikazzjoni sabiex jirkurpra l-imgħaxijiet li jolqtu l-għajnuna mogħtija mill-Istat lill-CELF mill-1980 u dan sad-data tas-sentenza tal-Conseil d’Etat, kif ukoll ikkalkolati skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (16). Huwa ordna lill-Ministru ukoll sabiex jieħu ħsieb jirkupra ukoll l-imgħaxijiet li jsiru dovuti bejn id-data tas-sentenza tal-Conseil d’Etat u d-data meta, jew tiġi kkonstatata b’mod definittiv il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni, jew meta titħallas lura l-għajnuna b’mod definittiv.

    (52)

    Barra minn hekk, il-Conseil d’Etat iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet fuq id-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Tista l-qorti nazzjonali tissospendi l-proċeduri dwar il-kwistjoni tal-obbligu ta' rifużjoni ta' għajnuna mill-Istat sakemm il-Kummissjoni […] tiddeċiedi permezz ta' deċiżjoni finali fuq il-kompatibbiltà tal-għajnuna mar-regoli tas-suq komuni, meta l-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet iddikjarat din l-għajnuna kompatibbli ġiet annullata mill-qorti Komunitarja?

    2)

    Meta l-Kummissjoni ddikjarat għal tliet darbiet li l-għajnuna kienet kompatibbli mas-suq komuni qabel ma dawn id-deċiżjonijiet ġew annullati mill-Qorti tal-Prim’Istanza […], sitwazzjoni bħal din tista’ tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ twassal lill-qorti nazzjonali sabiex tillimita l-obbligu ta' rkupru tal-għajnuna?”

    (53)

    Fil-11 ta' Marzu 2010 (17), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq l-imsemmija domandi preliminari u ddikjarat li:

    “1.

    Qorti nazzjonali, adita abbażi tal-Artikolu 88(3) KE b’talba intiża għar-rifużjoni ta' għajnuna mill-Istat illegali, ma tistax tissospendi l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha dwar din it-talba sa meta l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni wara l-annullament ta' deċiżjoni pożittiva preċedenti.

    2.

    L-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ta' tliet deċiżjonijiet suċċessivi li jiddikjaraw għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, deċiżjonijiet li sussegwentement ġew annullati mill-qorti Komunitarja, ma tistax, fiha nfisha, tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali ta' natura li tiġġustifika limitazzjoni tal-obbligu tal-benefiċjarju li jħallas lura din l-għajnuna meta din l-għajnuna tkun ġiet implementata bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE”.

    2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA INKWISTJONI

    (54)

    L-awtoritajiet Franċiżi għarrfu lill-Kummissjoni li l-Ministeru tal-Kultura ddeċieda fl-1980, skont it-tendenzi tal-politika ġenerali tal-Gvern Franċiż dwar il-promozzjoni tal-kotba u tal-letteratura bil-lingwa Franċiża, li jagħti xi għajnuniet lill-aġenti fuq l-esportazzjoni li jaċċettaw kull tip ta' ordni, indipendentement mill-ammont jew il-vijabbiltà tagħhom. Dawn il-miżuri kienu ġew implementati bil-għan li jtaffu n-nuqqas tas-suq u biex jippromwovu l-permanenza ta' attività marbuta mal-ordnijiet żgħar li mhumiex vijabbli fi ħdan is-suq tal-aġenziji fuq l-esportazzjoni.

    (55)

    Skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-libreriji żgħar, stabbiliti f’żoni li essenzjalment ma jitkellmux il-Franċiż, li spiss ikunu diffiċli jintlaħqu u/jew ikunu ’il bogħod, kienu jiltaqgħu ma' diffikultajiet serji biex jirċievu l-provvisti, u dan peress li t-talbiet tagħhom ma jistgħux ikunu sodisfatti permezz tal-linji ta' distribuzzjoni tradizzjonali, meta l-kwantitajiet ta' kotba ordnati jkunu insuffiċjenti jew meta l-prezz tal-kotba ordnati ma jkunx għoli biżżejjed biex il-provvista tkun vijabbli.

    (56)

    Skont l-awtoritajiet Franċiżi, l-għajnuniet inkwistjoni kellhom, għaldaqstant, l-għan li jippermettu lill-aġenti fuq l-esportazzjoni li jservu l-ordnijiet kollha li joriġinaw mil-libreriji stabbiliti barra mill-pajjiż f’żoni li essenzjalment ma jitkellmux il-Franċiż, ikun x’ikun l-ammont, il-vijabbiltà u d-destinazzjoni tagħhom. L-għan kien li fil-kuntest tal-politika Franċiża ta' sostenn għad-diversità kulturali, tkun tista’ tiġi żgurata distribuzzjoni tajba tal-kotba bil-lingwa Franċiża, u li jiġi hekk iffavorit it-tixrid tal-letteratura bil-lingwa Franċiża fid-dinja kollha.

    (57)

    Il-mekkaniżmu ta' għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi, imsemmi “Programme petites commandes” (“Programm ordnijiet żgħar”), kien jikkonsisti f’sussidju li huwa intiż li jikkumpensal-ispejjeż relatati mal-ipproċessar tal-ordnijiet żgħar, li kienu ġew definiti mill-awtoritajiet Franċiżi bħala li huma dawk ta' ammont inqas minn, jew daqs il-FRF 500, jiġifieri madwar EUR 76.

    (58)

    Skont l-awtoritajiet Franċiżi, l-impriża benefiċjarja tas-sussidji kellha tintrabat li tibgħat lid-Dipartiment tal-kotba u tal-qari tal-Ministeru tal-Kultura, l-informazzjoni kollha li tikkonċerna l-attività ġenerali tal-impriża (id-dħul mill-bejgħ globali, il-kontijiet finanzjarji, l-estimi, il-kopji tar-riżoluzzjonijiet li japprovaw din l-informazzjoni, u jekk ikun il-każ, ir-rapport tal-awditur u l-iskeda rekapitulatttiva tal-pagi), kif ukoll id-dokumenti kollha dwar l-attività li tkun ser tiġi ssussidjata, b’mod partikolari r-rendikont dwar l-użu tas-sussidji, li jiġġustifika l-eżekuzzjoni tas-servizzi li jwasslu għas-sussidju mogħti fis-sena preċedenti.

    (59)

    Fil-prattika, impriża waħda biss, il-CELF, ibbenefikat mill-Programm “petites commandes”. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, l-impriża kellha tiġġustifika kull sena l-ispejjeż relatati mas-servizz dwar l-ordnijiet żgħar insostenn tat-talba tagħha għas-sussidju tas-sena sussegwenti. B’mod konkret, kwart mis-sussidju mogħti matul is-sena preċedenti kien tħallas fil-bidu tas-sena, bil-bilanċ jingħata fil-ħarifa sussegwenti, wara li l-awtoritajiet pubbliċi eżaminaw l-estimi tal-impriża benefiċjarja u ċ-ċaqliq reġistrat matul l-ewwel parti tas-sena. Kien maqbul li jekk l-ammont tal-għajnuna ma jintużax kollu kemm hu, il-bilanċ li jifdal jiġi mnaqqas mis-sussidji previsti għas-sena sussegwenti. Barra minn hekk, il-Ministeru tal-Kultura attenda bħala osservatur mistieden għal-laqgħat tal-bord tad-diretturi u għal-laqgħat ġenerali tal-CELF.

    (60)

    Għandu jiġi ppreċiżat li wara li b’effett mill-1997 l-għajnuna inkwistjoni baqgħet titnaqqas b’mod kostanti, din l-istess għajnuna twaqqfet fl-2002. Għaldaqstant, kull sena mill-1980 sal-aħħar tas-sena 2001, il-CELF irċeviet għajnuna li skont l-awtoritajiet Franċiżi kienet intiża li tnaqqas l-ispiża tal-ipproċessar tal-ordnijiet żgħar li joriġinaw minn barra mill-pajjiż u li jirrigwardaw il-kotba mitkuba bil-lingwa Franċiża. Bħala total, mill-1980 sa tmiem l-2001, il-CELF irċeviet madwar EUR 4.8 miljun bħala għajnuna.

    Tabella

    Ammonti tal-għajnuniet mogħtija lill-CELF mill-1980 minħabba l-ipproċessar ta' “ordnijiet żgħar”

    Informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi

    (iċ-ċifri ġew imqarrba f’EUR)

    Sena

    Ammont tal-għajnuna

    1980

    91 469,41

    1981

    91 469,41

    1982

    205 806,17

    1983

    164 644,94

    1984

    137 204,12

    1985

    141 777,59

    1986

    248 491,90

    1987

    214 953,11

    1988

    213 428,62

    1989

    259 163,33

    1990

    304 898,03

    1991

    373 500,09

    1992

    422 283,78

    1993

    382 647,03

    1994

    304 898,03

    1995

    304 898,03

    1996

    304 898,03

    1997

    243 918,43

    1998

    182 938,82

    1999

    121 959,21

    2000

    60 979,61

    2001

    38 112,25

    2002

    0

    3.   KUMMENTI TA’ FRANZA U OSSERVAZZJONIJIET TAS-SIDE WARA L-ESTENSJONI TAL-PROĊEDURA

    (61)

    Fir-risposta tagħhom tad-9 ta' Ġunju 2009 għad-deċiżjoni għall-estensjoni tal-proċedura, l-awtoritajiet Franċiżi għamlu, b’mod partikolari, l-osservazzjonijiet li ġejjin.

    (62)

    Huma indikaw qabel xejn li kienu jaqblu mal-analiżi tal-Kummissjoni fejn qalet li l-għajnuna mogħtija lill-CELF kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li d-derogi previsti fl-Artikolu 107(2) u (3)(a) u (b) TFUE ma kinux japplikaw.

    (63)

    Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-għajnuniet fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) u (d) TFUE, l-awtoritajiet Franċiżi ma pprovdewx informazzjoni ġdida f’dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tal-għajnuniet.

    (64)

    L-awtoritajiet Franċiżi indikaw, barra minn hekk, li huma kien jidhrilhom li l-missjoni mogħtija lill-CELF kienet tikkostitwixxi servizz ta' importanza ġenerali fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE.

    (65)

    Fl-aħħar nett u fuq kollox, l-awtoritajiet Franċiżi invokaw l-eżistenza ta' ċirkustanzi eċċezzjonali li għandhom iwasslu lill-Kummissjoni biex ma tirkuprax l-għajnuna.

    (66)

    Kif diġà ntqal qabel, l-awtoritajiet Franċiżi għaldaqstant ma pprovdewx l-informazzjoni dettaljata li ntalbet mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha għall-estensjoni tal-proċedura, u llimitaw ruħhom biss biex jirreferu, f’dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tal-għajnuna, għall-informazzjoni pprovduta fl-2002 u fl-2003 li l-Kummissjoni ma setgħatx tuża bħala tali minħabba s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' April 2008. Wara ittra ta' tifkira tat-8 ta' Ottubru 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet għalhekk, fl-20 ta' Novembru 2009, li tordna lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jippreżentaw l-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. Permezz ta' ittra tat-2 ta' Diċembru 2009, l-awtoritajiet Franċiżi wieġbu li huma ma kellhomx informazzjoni oħra x’jagħtu lill-Kummissjoni.

    (67)

    Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-23 ta' Lulju 2009, is-SIDE għamlet, b’mod partikolari, l-osservazzjonijiet li ġejjin.

    (68)

    Is-SIDE fakkret li l-CELF biss ibbenefikat mill-għajnuna minkejja li fil-fehma tagħha, l-attività tal-ĊELF mhijiex speċifika biss għal-CELF peress li l-fatt li jiġu onorati l-ordnijiet ta' kull daqs, anki jekk minimi, li jidħlu mil-libreriji ġeografikament imbiegħda, biex imbagħad jingħaqdu flimkien ħalli lill-edituri jingħatawlhom ordnijiet ikbar, huwa preċiżament, fil-fehma tas-SIDE, id-definizzjoni stess tal-attività ta' aġenzija fuq l-esportazzjoni. Is-SIDE indikat ukoll li mhuwiex minħabba xi allegat nuqqas ta' trasparenza li hija ġiet miċħuda l-għajnuna imma minħabba li hija impriża privata u mhux kooperattiva ta' edituri.

    (69)

    Barra minn hekk, is-SIDE kkontestat fid-dettall il-fatt li l-għajnuniet kienu meħtieġa. F’dan il-kuntest, hija sostniet b’mod partikolari li l-kunċett ta' “ordnijiet żgħar” kien arbitrarju u ċaħdet iċ-ċifri ppreżentati mill-awtoritajiet Franċiżi.

    (70)

    Barra minn hekk, is-SIDE sostniet li l-għajnuna ma setgħatx tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 106(2) TFUE u kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq is-sentenzi tal-qrati nazzjonali dwar l-attività tal-CELF.

    (71)

    Fl-aħħar nett, is-SIDE indikat li hija deherilha li, f’dan il-każ, ma kien hemm ebda ċirkustanza eċċezzjonali li tippermetti li jiġi limitat l-obbligu tal-irkupru.

    4.   EVALWAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

    (72)

    Għandu jiġi stabbilit jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u jekk din tistax, jekk ikun il-każ, titqies bħala li hija kompatibbli mas-suq intern. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' April 2008.

    A.   Evalwazzjoni tal-miżura fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE

    (73)

    L-Artikolu 107(2) TFUE jipprovdi li “Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

    (74)

    Preliminarjament, kif diġà ntqal fid-deċiżjoni għall-estensjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni tfakkar li l-konklużjoni tal-Kummissjoni fejn ikkonkludiet li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tat-Trattat qatt ma ġiet ikkontestata la fid-diversi fażijiet tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni, la quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea (18), u lanqas quddiem il-qrati nazzjonali (19). Għaldaqstant, fir-risposta tagħhom tad-9 ta' Ġunju 2009 għad-deċiżjoni għall-estensjoni tal-proċedura, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li huma kienu jaqblu mal-analiżi tal-Kummissjoni fejn din ikkonkludiet li l-għajnuna mogħtija lill-CELF kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    (75)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE [ex Artikolu 87(1) KE] għar-raġunijiet segwenti.

    (76)

    Qabel xejn, il-miżura tagħti vantaġġ lill-CELF peress li tippermettilha tnaqqas l-ispejjeż tal-ordnijiet żgħar tagħha. Il-miżura hija selettiva peress li, fil-prattika, CELF biss ibbenefikat minnha.

    (77)

    Barra minn hekk, il-miżura hija ffinanzjata permezz tar-riżorsi finanzjarji tal-Istat Franċiż, jiġifieri permezz ta' riżorsi tal-Istat. L-implementazzjoni tagħha ġiet deċiża mill-Ministeru tal-Kultura u għaldaqstant, il-miżura hija imputabbli lill-awtoritajiet Franċiżi.

    (78)

    Iktar minn hekk, il-miżura hija suxxettibbli li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-għajnuna hija fil-fatt attribwita lil aġenti Franċiżi (prattikament, lill-CELF) li jesportaw kotba bil-lingwa Franċiża prinċipalment lejn pajjiżi li ma jitkellmux bil-Franċiż. Għaldaqstant, l-imsemmija aġenti Franċiżi jikkompetu, tal-inqas potenzjalment, ma' aġenti fuq l-esportazzjoni oħra ta' kotba bil-lingwa Franċiża li jkunu stabbiliti f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea li jitkellmu bil-Franċiż (il-Belġju u l-Lussemburgu). Il-fatt li l-impatt fuq il-kummerċ u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa bill-miżura jidhru li huma żgħar ma jbiddel xejn minn din il-konklużjoni. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni mhijiex obbligata ġġib prova tal-impatt reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u tad-distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni; huwa biżżejjed li l-għajnuna tkun suxxettibbli li taffettwa l-kummerċ u suxxettibbli li twassal għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    (79)

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kundizzjonijiet li fihom tapplika l-ġurisprudenza Altmark ma humiex sodisfatti. Fis-sentenza tagħha tal-24 ta' Lulju 2003 (20), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat taħt liema kundizzjonijiet is-sussidju lil impriża responsabbli mill-amministrazzjoni ta' servizz ta' importanza ekonomika ġenerali ma jkunx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat: “l-ewwel nett, l-impriża benefiċjarja kienet effettivament inkarigata sabiex twettaq obbligi ta' servizz pubbliku, u tali obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar; it-tieni nett, il-parametri li fuqhom huwa kkalkolat il-kumpens għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti; t-tielet nett, il-kumpens ma jistax ikun iktar minn dak li hu neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż, kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta' obbligi ta' servizz pubbliku, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġjonevoli għat-twettiq ta' tali obbligi; ir-raba’ nett, meta l-impriza li għandha twettaq l-obbligi ta' servizz pubbliku, ma ntgħażlitx permezz ta' proċedura ta' appalt pubbliku, il-livell tal-kumpens neċesarju għandu jkun stabbilit abbażi ta' analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija b’mezzi ta' trasport sabiex tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet neċessarji ta' servizz pubbliku, kienet tagħmel sabiex twettaq tali obbligi, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġjonevoli għat-twettiq ta' dawn l-obbligi”.

    (80)

    F’dan il-każ, u mingħajr il-bżonn li tiġi elaborata kull waħda mill-kundizzjonijiet peress li dawn huma kumulattivi, il-Kummissjoni tikkonstata li l-għażla tall-CELF ma saritx f’kuntest ta' proċedura ta' appalt pubbliku u li l-livell ta' kumpens ma ġiex stabbilit abbażi ta' analiżi tal-ispejjeż li jkollha impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija b’mezzi ta' produzzjoni.

    (81)

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għajnuna mogħtija lill-CELF tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE peress li l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta' għajnuna mill-Istat huma sodisfatti.

    (82)

    F’dan il-każ, il-miżura inkwistjoni ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Franċiżi. Għaldaqstant l-għajnuna ġiet mogħtija bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE li jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett sabiex tiġi mogħtija jew sabiex tiġi modifikata għajnuna. Għaldaqstant, l-għajnuna ngħatat b’mod illegali.

    (83)

    Peress li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, għandha tiġi evalwata l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

    B.   Evalwazzjoni tal-miżura fid-dawl tal-Artikolu 107(2) u (3) TFUE

    (84)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-derogi mill-Artikolu 107(2) TFUE ma japplikawx f’dan il-każ, peress li l-miżuri inkwistjoni ma kinux intiżi manifestament biex jilħqu l-għanijiet hemm definiti.

    (85)

    L-għajnuna lanqas ma tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE inkwantu hija ma kinitx intiża li tippromwovi l-iżvilupp ta' reġjuni li jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjoni msemmija. Lanqas id-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(b), dwar għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta' proġett fuq skala kbira ta' interess komuni Ewropew, ma tista’ tapplika f’dan il-każ, u dan peress li l-miżura inkwistjoni ma kinitx intiża li tippromwovi dak it-tip ta' proġett. Peress li l-għajnuna lanqas ma kienet intiża biex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija Franċiża, lanqas id-deroga li tinsab fit-tieni parti tal-Artikolu 107(3)(b) ma tapplika għal dan il-każ partikolari.

    (86)

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tivverifika l-applikabbiltà tal-Artikolu 107(3)(c) u (d) TFUE [ex Artikolu 87(3)(c) u (d) KE].

    (87)

    Kont meħud tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' April 2008, għandha ssir distinzjoni bejn l-għajnuniet li ngħataw wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (fl-1 ta' Novembru 1993), minn dawk li ngħataw qabel dak id-dħul fis-seħħ u li għalihom għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet sostantivi li kienu fis-seħħ matul il-perijodu inkwistjoni.

    (88)

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota l-fatt li kwart mis-sussidju mogħti matul is-sena preċedenti ġie mħallas lill-CELF fil-bidu tas-sena, bil-bilanċ jingħata fil-ħarifa sussegwenti, wara li l-awtoritajiet pubbliċi eżaminaw l-estimi tal-impriża benefiċjarja u ċ-ċaqliq reġistrat matul l-ewwel parti tas-sena. Għalkemm l-ammont tal-għajnuna ma ntużax kollu kemm hu, il-bilanċi ġew imnaqqsa mis-sussidji previsti għas-sena sussegwenti. Is-sussidju mħallas għas-sena 1993 ġie, għaldaqstant, imħallas parti fil-bidu tas-sena 1993 u l-bilanċ ngħata fil-ħarifa tas-sena 1993. Id-deċiżjoni biex tingħata l-għajnuna għas-sena 1993 ittieħdet mill-awtoritajiet Franċiżi fi tmiem is-sena 1992 jew fil-bidu tas-sena 1993, u fi kwalunkwe każ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ssostni għaldaqstant li l-għajnuna mogħtija għas-sena 1993 għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet legali li kienu japplikaw qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    (a)   Evalwazzjoni tal-għajnuniet fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(d) TFUE

    (89)

    L-Artikolu 107(3)(d) TFUE [ex Artikolu 87(3)(d) KE] jippreċiża li “It-tipi ta' għajnuna li ġejjin jistgħu jkunu kunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern […] għajnuna sabiex tiġi promossal-kultura u l-preservazzjoni tal-patrimonju meta din l-għajnuna ma tolqotx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fl-Unjoni sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”.

    (90)

    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-għajnuniet mogħtija lill-CELF bejn l-1994 u tmiem l-2001 kellhomx fil-fatt għan kulturali u jekk dawn jolqtux il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea sa grad li huwa kuntrarju għall-interess komuni.

    (i)   Għan kulturali

    (91)

    Preliminarjament, il-Kummissjoni tfakkar li l-għan kulturali tal-għajnuniet mogħtija lill-CELF ġie rikonoxxut mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tat-18 ta' Settembru 1995. Għaldaqstant, fil-punt 62 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li “Għal dak li jirrigwarda l-għan kulturali tal-għajnuniet ikkontestati, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-għan imfittex mill-Gvern Franċiż huwa li tinxtered il-lingwa u l-letteratura Franċiża. F’dan ir-rigward, il-Qorti tikkonstata ukoll li l-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni meta hija adottat id-deċiżjoni, inkluża l-informazzjoni li tinsab fl-ittra tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti tas-7 ta' Settembru 1992, kienet tali li tikkorrobora l-evalwazzjoni li hija għamlet fuq il-portata u r-realtà u l-leġittimità ta' dan l-għan. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-evalwazzjoni tal-għan kulturali tal-għajnuniet ikkontestati ma kinitx tqajjem diffikultajiet partikolari għall-Kummissjoni u li ma kienx meħtieġ li din tikseb iktar informazzjoni biex tirrikonoxxi li dan l-għan kellu natura kulturali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    (92)

    Fil-fatt, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li l-għajnuniet inkwistjoni kellhom għan kulturali li kien li jiffavorixxu fil-pajjiżi li ma jitkellmux bil-Franċiż, it-tixrid tal-kitbiet bil-lingwa Franċiża. Għaldaqstant din kienet politika volontarista intiża li tippreżerva u tinkoraġġixxi d-diversità kulturali fuq livell internazzjonali.

    (93)

    F’dan il-każ, il-preżervazzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali jinsabu fost il-prinċipji fundaturi tal-mudell Ewropew. Dawn jinsabu mniżżla fl-Artikolu 167(1) TFUE [ex Artikolu 151(1) KE]: “L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-fjoritura tal-kulturi tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess waqt tirriżalta il-wirt kulturali komuni”, u ukoll fl-Artikolu 167(4) li jipprovdi li “L-Unjoni għandha tagħti kas tal-aspetti kulturali fl-azzjonijiet tagħha taħt dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, partikolarment sabiex tirrispetta u tippromwovi id-diversità tal-kulturi tagħha”.

    (94)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra, għaldaqstant, li l-għajnuniet li ngħataw lill-CELF mill-awtoritajiet Franċiżi bil-għan li jiġi żgurat it-tixrid tal-kitbiet bil-lingwa Franċiża kellhom fil-fatt għan kulturali.

    (ii)   Il-kriterju tal-bdil fil-kundizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fl-Unjoni sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni

    (95)

    Il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk il-miżuri inkwistjoni kinux neċessarji u proporzjonati meta mqabbla mal-għan ta' politika kulturali mfittex mill-awtoritajiet Franċiżi.

    (96)

    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li skont is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta' Frar 2002, huwa fir-rigward tas-suq tal-aġenziji fuq l-esportazzjoni tal-kotba bil-lingwa Franċiża li l-miżuri inkwistjoni għandhom jiġu evalwati.

    (97)

    Fl-ewwel lok, għandha tiġi evalwata n-neċessità tal-għajnuna.

    (98)

    Skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-miżuri kienu ġew stabbiliti fl-1980 mill-Ministeru tal-Kultura f’mument fejn ċerti atturi fis-settur (il-Groupe Hachette u l-Messageries du livre) kienu xtaqu jabbandunaw is-suq tal-aġenziji fuq l-esportazzjoni. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-mekkaniżmu kkontestat ġie stabbilit b’mod li jinkoraġġixxi lill-operaturi jidħlu fis-suq biex ikunu jistgħu jiġu onorati l-ordnijiet kollha għall-kotba bil-lingwa Franċiża li joriġinaw mil-libreriji li jinsabu fiż-żoni li ma jitkellmux bil-Franċiż. Dan kien jiggarantixxi li l-kotba bil-lingwa Franċiża jkunu jistgħu jaslu fil-libreriji kollha, inklużi l-libreriji żgħar nett fil-pajjiżi mbiegħda, anki f’każ fejn huma ma kellhomx bżonn ħlief xi ftit kotba, li spiss ikunu ukoll ippubblikati minn edituri differenti.

    (99)

    Min-naħa tagħha, is-SIDE indikat, b’mod partikolari fil-kuntest tal-osservazzjonijiet li hija bagħtet wara d-deċiżjoni għall-estensjoni tal-proċedura, li l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx meħtieġa. Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li ċerti atturi, fl-1980, kienu abbandunaw l-attività tal-aġenziji fuq l-esportazzjoni, is-SIDE tfakkar li kien preċiżament f’dak iż-żmien li hija stess kienet ġiet maħluqa biex tintervjeni fis-suq. Barra minn hekk, is-SIDE tikkontesta l-fatt li l-CELF kellha attività speċifika għall-ipproċessar ta' ordnijiet żgħar. Is-SIDE tikkontesta, b’mod partikolari, iċ-ċifri pprovduti mill-awtoritajiet Franċiżi u tikkunsidra li l-informazzjoni dwar il-CELF u s-SIDE fir-rigward tal-proporzjon, meħud kont tad-dħul mill-bejgħ rispettiv ta' kull waħda mill-impriżi, tan-numru ta' fatturi u tan-numru ta' linji ta' ordnijiet, fil-fatt, huma pjuttost simili. B’mod iktar ġenerali, is-SIDE tikkontesta l-kunċett ta' “ordnijiet żgħar” kif definit mill-awtoritajiet Franċiżi. Skont is-SIDE, dan il-kunċett huwa arbitrarju peress li l-ispejjeż għall-ipproċessar ta' ordni mhijiex relatata mal-ammont tagħha, imma man-numru ta' linji.

    (100)

    Il-Kummissjoni ssostni li mhuwiex meħtieġ li tiġi magħluqa definittivament il-kwistjoni dwar in-neċessità tal-għajnuna u dan peress li l-kundizzjonijiet tan-neċessità u tal-proporzjonalità huma kumulattivi u fil-premessa 121 ser jiġi konkluż li ma ġiex ippruvat li l-kundizzjoni tal-proporzjonalità hija sodisfatta.

    (101)

    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-impatt fuq il-kummerċ ġewwa l-Unjoni Ewropea u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li twassal għaliha l-miżura huma żgħar wisq, u dan fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ammonti tal-miżura inkwistjoni, tas-sostitwibbiltà baxxa wisq bejn il-kotba bil-lingwa Franċiża u dawk b’lingwi oħra, kif ukoll tad-differenza sostanzjali li teżisti bejn il-volum ta' kotba bil-lingwa Franċiża esportati minn Franza lejn pajjiżi li ma jitkellmux bil-Franċiż, minn naħa waħda, u dawk esportati mill-Belġju u mil-Lussemburgu, min-naħa l-oħra.

    (102)

    B’mod iktar preċiż, f’dak li jikkonċerna s-suq tal-aġenziji fuq l-esportazzjoni ta' kotba bil-lingwa Franċiża, il-Kummissjoni tinnota li l-CELF u s-SIDE, fil-kuntest tal-attività tagħhom bħala aġenti fuq l-esportazzjoni, iqassmu kotba f’pajjiżi u territorji li ma jitkellmux bil-Franċiż. Fil-fatt, fil-pajjiżi li jitkellmu bil-Franċiż, is-suq lokali huwa kopert mill-edituri l-kbar permezz tas-sussidjarji jew ir-rappreżentanti tagħhom. Għaldaqstant, l-aġenziji fuq l-esportazzjoni m’għandhomx ħlief rwol marġinali ħafna fis-swieq li jitkellmu bil-Franċiż li jikkostitwixxu, għaldaqstant, is-swieq prinċipali għall-kotba bil-lingwa Franċiża.

    (103)

    Fis-suq nazzjonali tal-aġenziji fuq l-esportazzjoni ta' kotba bil-lingwa Franċiża, jeżistu aġenziji ġenerali bħalma huma s-SIDE u l-CELF, u kif ukoll aġenziji speċjalizzati, għalkemm f’ammont iżgħar, li jbiegħu ukoll, b’mod marġinali, direttament lill-utenti finali u li jikkompetu b’mod marġinali maż-żewġ aġenziji ġenerali, kif ukoll ċertu numru ta' libreriji li jaqdu, anki b’mod okkażjonali, ordnijiet lil-libreriji barranin u libreriji online li l-attività tagħhom kienet madankollu relattivament imnaqqsa fiż-żmien tal-miżuri inkwistjoni.

    (104)

    Fis-suq inkwistjoni, hija l-kumpanija li lmentat li allura kienet l-operatur prinċipali affettwat bil-miżuri kkontestati. Minn naħa waħda, l-awtoritajiet Franċiżi jaffermaw li l-programm li jirrigwarda l-ordnijiet żgħar kien, fil-prinċipju, aċċessibbli għal kull impriża li tagħmel talba għalih, u dan peress li hija tkun aċċettat il-kundizzjonijiet dwar l-għoti tal-għajnuna. Huma jgħidu li ċ-ċaħda li ġiet ikkonfrontata biha s-SIDE min-naħa tal-Ministeru tal-Kultura fl-1991 kienet iġġustifikata minħabba ċ-ċaħda tas-SIDE li toqgħod għall-obbligu ta' trasparenza meħtieġ biex hija tibbenefika mill-għajnuniet imsemmija. Min-naħa l-oħra, is-SIDE indikat li ċ-ċaħda tal-awtoritajiet Franċiżi kienet marbuta mal-fatt li hija kienet impriża privata u mhux kooperattiva ta' edituri. Barra minn hekk, fl-1996, wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 1993, il-Ministeru tal-Kultura, li xtaq itemm il-proċedura, fakkar lis-SIDE li l-iskema ta' għajnuna għall-ordnijiet żgħar ma kinitx, minnha nfisha, riżervata għall-CELF. Permezz ta' ittra tat-3 ta' Settembru 1996, hija ġiet offruta laqgħa sabiex jiġi eżaminat jekk hija kinitx f’pożizzjoni li toffri, taħt l-istess kundizzjonijiet ta' trasparenza, l-istess servizzi bħal dawk offruti mill-CELF. Waqt laqgħa li nżammet fis-26 ta' Settembru 1996, id-diriġenti tas-SIDE għarrfu lill-Ministreru tal-Kultura li huma kienu qegħdin jirrifjutaw milli jibbenefikaw minn programm li l-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt Komunitarju setgħat tiġi kkontestata mill-Kummissjoni.

    (105)

    Fi kwalunkwe każ, l-elementi msemmija iktar ’il fuq fil-premessa 101 et seq jidhru li jindikaw li l-bdil tal-kundizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea minħabba l-miżuri inkwistjoni kien relattivament limitat.

    (106)

    Madankollu, sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżura kinitx fil-fatt proporzjonata, il-Kummissjoni għandha tqabbel ukoll, fit-tielet lok, l-ammont ta' għajnuniet meħuda, mal-ispejjeż sostnuti mill-CELF biex tilħaq l-għan imfittex mill-awtoritajiet Franċiżi.

    (107)

    F’dan ir-rigward, għandhom jiġu mfakkra d-diversi fażijiet tal-proċess ta' pproċessar ta' ordnijiet, li fuqhom hemm qbil bejn il-partijiet:

    (a)

    id-dħul tal-ordni tal-librerija;

    (b)

    il-kodifikazzjoni tal-ordni;

    (c)

    ir-reġistrazzjoni tal-ordni;

    (d)

    it-trażmissjoni tal-ordni lill-editur;

    (e)

    il-wasla tal-kotba;

    (f)

    l-allokazzjoni għal kull klijent ta' post fiżiku, il-“case” li fiha l-kotba ordnati jiġu stokkjati;

    (g)

    l-ippakkjar.

    (108)

    Skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-CELF kienet tbati ċerti spejjeż marbutin mal-ipproċessar ta' “ordnijiet żgħar”. L-awtoritajiet Franċiżi jsostnu fil-fatt li fis-suq tal-aġenziji fuq l-esportazzjoni, ċerti ordnijiet jiġġeneraw spejjeż tali li jrendu l-provvista mhux vijabbli. L-awtoritajiet Franċiżi qalu li huma kienu stabbilixxew il-limitu ta' FRF 500 (EUR 76,22) biex jiddefinixxu l-“ordni żgħira” u li dan il-limitu kien ġie stabbilit b’mod empiriku. L-awtoritajiet Franċiżi ppreċiżaw li ċerti ordnijiet iżgħar minn FRF 500 setgħu jkunu vijabbli, mentri oħrajn, ogħla minn dan l-ammont, setgħu ma jkunux. L-għan kien li jinsab metodu ekonomikament aċċettibbli biex il-CELF tieħu ħsieb l-ordnijiet żgħar anki jekk mhux vijabbli biżżejjed.

    (109)

    Kif indikat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha għall-estensjoni tal-proċedura, huma l-awtoritajiet Franċiżi, fil-kuntest tal-analiżi tal-kompatibbilità, li jistabbilixxu l-ammont u r-realtà tal-ispejjeż sostnuti mill-CELF.

    (110)

    F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni għall-estensjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni kienet talbet lill-awtoritajiet Franċiżi biex jipprovdulha ċerta informazzjoni sabiex tipprova tislet il-konsegwenzi mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali u biex tipprova tiddeċiedi fuq il-proporzjonalità tal-għajnuna. Il-Kummissjoni kienet talbet, b’mod partikolari, biex tingħata l-informazzjoni segwenti:

    ġustifikazzjoni suffiċjenti li tispjega għaliex l-informazzjoni dwar l-ispejjeż marbutin mal-ordnijiet żgħar mhijiex disponibbli għad-diversi snin ikkonċernati u prova suffiċjenti tar-raġunijiet li għalihom l-inferenza bbażata biss fuq is-sena 1994 tista’ tkun aċċettabbli;

    l-informazzjoni li tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż effettivi (u mhux sempliċi stimi) tal-ipproċessar tal-ordnijiet żgħar fl-1994 (tal-inqas għal ċerti kategoriji ta' spejjeż) u l-eventwali ġustifikazzjoni suffiċjenti tar-raġunijiet li għalihom l-estimi ta' dawn l-ispejjeż abbażi tal-ispejjeż totali sostnuti mill-CELF jistgħu jkunu aċċettabbli;

    il-kriterju tat-tqassim tal-ispejjeż ġustifikabbli li jippermetti li parti mill-ispejjeż totali jiġu allokati għall-ipproċessar tal-ordnijiet żgħar, u li jista’, b’mod partikolari, jiġi applikat għal kull kategorija ta' spejjeż matul il-perijodu kkonċernat;

    informazzjoni fuq iċ-ċaqliq tal-proporzjon tal-ordnijiet teletrażmessi matul is-snin ikkonċernati;

    l-ispejjeż marbutin mal-ordnijiet żgħar fin-nuqqas ta' koeffiċjenti multiplikaturi mhux ġustifikati;

    il-kalkolu tal-ispejjeż sostnuti mill-CELF għall-ipproċessar tal-ordnijiet żgħar mingħajr ma jiġu applikati l-koeffiċjenti multiplikaturi, kif ukoll fil-każ fejn jiġu applikati l-koeffiċjenti multiplikaturi biss fil-każ ta' ordnijiet mhux teletrażmessi;

    il-pożizzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi fuq il-kalkolu tal-Qorti Ġenerali li tgħid li fin-nuqqas tal-koeffiċjenti msemmija, l-ispejjeż marbutin mal-ipproċessar tal-ordnijiet żgħar kienu jitnaqqsu b’iktar minn FRF 635 000 (EUR 96 805,13), anki jekk ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-kategoriji ta' spejjeż li ma humiex dawk li għalihom ġie applikat koeffiċjent ta' “tlieta”. Għandu jiġi mfakkar li, skont il-kalkolu tal-Qorti Ġenerali, ir-riżultat tat-tmexxija tal-attività tal-ipproċessar ta' ordnijiet żgħar kien, għaldaqstant, jeċċedi b’iktar minn FRF 600 000 (EUR 91 469,41);

    il-pożizzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi fuq il-possibbiltà li l-CELF ikollha profitt raġonevoli.

    (111)

    B’mod partikolari, kif hija kienet diġà indikat fid-deċiżjoni tagħha għall-estensjoni tal-proċedura, fin-nuqqas ta' spjegazzjoni addizzjonali u aġġornament tal-informazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Franċiżi, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tuża r-rendikont dwar l-użu tal-programm tal-ipproċessar ta' ordnijiet żgħar li l-awtoritajiet Franċiżi kienu pprovdew f’dak li jikkonċerna s-snin 1994 sa 2001 fl-ittra tagħhom tas-17 ta' Jannar 2003, u lanqas l-ispjegazzjonijiet dwar it-tmexxija tal-analiżi tal-kompatibbiltà analitika pprovduta fl-ittra tal-5 ta' Marzu 1998.

    (112)

    Madankollu, l-awtoritajiet Franċiżi ma pprovdewx id-dettalji li kienu mitluba mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha għall-estensjoni tal-proċedura, u llimitaw ruħhom biex jirreferu, f’dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tal-għajnuna, għall-elementi diġà pprovduti fis-17 ta' Settembru 2002, fis-17 ta' Jannar 2003 u fil-11 ta' Marzu 2003, li l-Kummissjoni ma setgħatx tuża bħala tali u dan minħabba s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' April 2008.

    (113)

    Permezz tal-ittra tat-8 ta' Ottubru 2009, id-dipartimenti tal-Kummissjoni fakkru għaldaqstant lill-awtoritajiet Franċiżi bit-talba tagħhom għall-informazzjoni fuq il-punti preċiżi msemmija, filwaqt li indikaw li jekk dik l-informazzjoni ma taslilhomx fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol, il-Kummissjoni jkollha tieħu deċiżjoni finali abbażi tal-informazzjoni fil-pussess tagħha, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Proċedura, wara li tkun bagħtet, jekk ikun il-każ, l-inġunzjoni għall-informazzjoni skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999.

    (114)

    Permezz tal-ittra tal-21 ta' Ottubru 2009, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li ma għandhomx informazzjoni oħra x’jipprovdu u rreferu ruħhom għall-osservazzjonijiet tagħhom mibgħuta fid-9 ta' Ġunju 2009.

    (115)

    Permezz tad-deċiżjoni tal-20 ta' Novembru 2009 (id-“deċiżjoni ta' inġunzjoni”), il-Kummissjoni ddeċidiet għaldaqstant li tordna lil Franza tippreżenta l-informazzjoni mitluba peress li minkejja t-talbiet ripetuti tagħha, din l-informazzjoni ma kinitx ġiet ipprovduta.

    (116)

    Permezz ta' ittra tat-2 ta' Diċembru 2009, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li huma ma kellhomx informazzjoni oħra x’jipprovdu lill-Kummissjoni u li huma kienu qegħdin jirrimettu ruħhom għall-osservazzjonijiet mibgħuta fid-9 ta' Ġunju 2009.

    (117)

    F’dan il-każ, l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Proċedura jipprovdi li “L-eżami ta' għajnuna illegali possibbli għandu jirriżulta f’deċiżjoni […]. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma' inġunzjoni ta' informazzjoni, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi tal-informazzjoni disponibbli”.

    (118)

    Kif ġie indikat qabel, l-awtoritajiet Franċiżi ma pprovdewx lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li hija kienet talbithom diversi drabi, u fl-aħħar lok, fid-deċiżjoni ta' inġunzjoni tagħha tal-20 ta' Novembru 2009.

    (119)

    Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Proċedura, il-Kummissjoni tieħu għaldaqstant id-deċiżjoni tagħha abbażi tal-informazzjoni disponibbli, filwaqt li tfakkar, fi kwalunkwe każ, li huwa l-obbligu tal-awtoritajiet Franċiżi li juru li l-għajnuna inkwistjoni hija kompatibbli mas-suq intern, u għaldaqstant li l-għajnuna hija proporzjonata.

    (120)

    Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' April 2008 u tal-informazzjoni li kienet disponibbli għall-Kummissjoni, ma jidhirx li huwa possibbli, b’mod partikolari, li wieħed jibbaża fuq l-estimi tal-ispejjeż tal-ipproċessar ta' ordnijiet żgħar għas-sena 1994. Lanqas ma jidher li huwa possibbli, b’mod partikolari, li jintużaw kriterji għat-tqassim tal-ispejjeż mhux ġustifikati u li wieħed jibbaża ruħu fuq informazzjoni li għaliha ġew applikati koeffiċjenti multiplikaturi mhux ġustifikati, b’mod partikolari għall-ordnijiet teletrażmessi. Fid-dawl tal-kalkolu tal-ispejjeż marbutin mal-ipproċessar tal-ordnijiet żgħar li jinsabu fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, u peress li l-awtoritajiet Franċiżi naqsu milli jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li tippermetti tweġiba għad-dubji li din kienet qajmet, fid-deċiżjoni għall-estensjoni tal-proċedura, fuq il-proporzjonalità tal-għajnuna, in-natura mhux vijabbli tal-attività tal-ipproċessar ta' ordnijiet żgħar ma ġietx ippruvata.

    (121)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra, konsegwentement, li ma ntweriex li l-għajnuniet mogħtija matul is-snin 1994 sal-2001 josservaw il-kriterju tal-proporzjonalità.

    (122)

    Għaldaqstant, dawn l-għajnuniet mhumiex kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(d) TFUE.

    (b)   Evalwazzjoni tal-għajnuniet fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE

    (123)

    L-Artikolu 107(3)(c) TFUE [ex Artikolu 87(3)(c) KE] jippreċiża li “It-tipi ta' għajnuna li ġejjin jistgħu jkunu kunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern: […] għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”.

    (124)

    Skont is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' April 2008, id-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(d) TFUE [ex Artikolu 87(3)(d) KE] ma tistax tiġi applikata għall-għajnuniet li ngħataw lill-CELF matul is-snin 1980 sal-1993. Għaldaqstant għandu jiġi stabbilit jekk tistax tapplika għalihom id-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE [ex Artikolu 87(3)(c) KE].

    (125)

    L-istess għandu jsir għall-għajnuniet mogħtija bejn l-1994 u t-tmiem tal-2001, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kkonkludiet, iktar ’il fuq fil-premessa 122, li d-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(d) TFUE [ex Artikolu 87(3)(d) KE] ma kinitx tapplika għalihom.

    (126)

    Sabiex jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 107(3)(c) TFUE jistax iservi ta' bażi għall-kompatibbiltà, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk l-għajnuniet inkwistjoni għandhomx għan ta' interess komuni u jekk huma jolqtux il-kummerċ sa grad li huwa kuntrarju għall-interess komuni.

    (127)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuniet għandhom fil-fatt interess komuni u dan kif diġà ssemma qabel. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-introduzzjoni fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tad-deroga prevista fl-ex Artikolu 87(3)(d) KE [li llum sar l-Artikolu 107(3)(d) TFUE] wasslet biex tiġi kkonfermata l-politika segwita mill-Kummissjoni abbażi tal-ex Artikolu 92(3)(c) qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, abbażi ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, fil-passat, kienet awtorizzat għajnuniet li kellhom għanijiet kulturali. Din il-prattika ġiet ikkonfermata mill-qrati tal-Unjoni Ewropea, pereżempju, fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta' Settembru 1996, fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat fil-fatt li l-Kummissjoni kellha dritt tadotta, abbażi tal-ex Artikolu 92(3)(c) KE, deċiżjoni favorevoli fir-rigward ta' tliet skemi ta' għajnuna mmexxija mill-CELF (l-għajnuniet għall-frejt bl-ajru, il-programm “Page à Page”, u l-“Programme Plus”).

    (128)

    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma ġiex ippruvat li l-għajnuniet kienu proporzjonati għall-għan imfittex.

    (129)

    Fid-deċiżjoni tagħha għall-estensjoni tal-proċedura, kif ukoll wara d-deċiżjoni ta' inġunzjoni tagħha, il-Kummissjoni kienet talbet lill-awtoritajiet Franċiżi biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-proporzjonalità tal-għajnuniet fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

    (130)

    Kif diġà ntqal qabel, l-awtoritajiet Franċiżi ma pprovdewx lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li tippermetti li tiġi ppruvata l-proporzjonalità tal-għajnuniet mogħtija b’effett mill-1980 u li l-istess Kummissjoni kienet talbithom b’mod partikolari, fl-aħħar lok, fid-deċiżjoni ta' inġunzjoni tagħha tal-20 ta' Novembru 2009.

    (131)

    Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament ta' Proċedura, il-Kummissjoni tieħu għaldaqstant id-deċiżjoni tagħha abbażi tal-informazzjoni disponibbli, filwaqt li tfakkar, fi kwalunkwe każ, li huwa l-obbligu tal-awtoritajiet Franċiżi li juru li l-għajnuna inkwistjoni hija kompatibbli mas-suq intern, u għaldaqstant li l-għajnuna hija proporzjonata.

    (132)

    Ir-raġunament espost qabel dwar il-proporzjonalità tal-għajnuna fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(d) TFUE japplika mutatis mutandis hawnhekk.

    (133)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra, konsegwentement, li ma ġiex ippruvat li l-għajnuniet mogħtija josservaw il-kriterju tal-proporzjonalità.

    (134)

    Bħala konklużjoni jingħad li l-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura inkwistjoni mhijiex kompatibbli mas-suq intern taħt l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

    C.   Evalwazzjoni tal-miżura fid-dawl tal-Artikolu 106(2) TFUE

    (135)

    L-awtoritajiet Franċiżi sostnew diversi drabi li l-CELF kellha missjoni ta' servizz pubbliku u li l-miżuri kkontestati kellhom jiġu evalwati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 106(2) TFUE [ex Artikolu 86(2) KE].

    (136)

    Dak l-artikolu jipprovdi li “Kull impriża responsabbli sabiex topera servizzi ta' importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta' monopolju fiskali għandha tkun suġġetta għar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari dawk li jirriferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża. L-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b' mod kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni”.

    (137)

    Qabel xejn, f’dan il-każ għandha tiġi verifikata l-eżistenza ta' servizz ta' importanza ekonomika ġenerali. Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ħlief għas-setturi fejn din il-materja hija diġà s-suġġett ta' regolament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom marġni ta' diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tan-natura tas-servizzi li jistgħu jkunu kklassifikati bħala ta' importanza ekonomika ġenerali. Għaldaqstant, xogħol il-Kummissjoni huwa li tiżgura li dan il-marġni ta' diskrezzjoni jintuża mingħajr żbalji manifesti f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tas-servizzi ta' importanza ekonomika ġenerali.

    (138)

    F’dan il-każ, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw diversi drabi li l-CELF kellha l-missjoni speċifika ta' servizz pubbliku ta' natura kulturali li jikkonsisti fil-fatt li tonora kull ordni għal kotba bil-lingwa Franċiża li toriġina minn libreriji stabbiliti barra mill-pajjiż, indipendentement mill-volum u n-natura tal-ordni. Il-Kummissjoni tikkunsidra li din il-missjoni tista’, fil-fatt, tikkostitwixxi servizz ta' importanza ekonomika ġenerali.

    (139)

    Fit-tieni lok, għandu jiġi verifikat jekk il-CELF kinitx fil-fatt responsabbli minn dan is-servizz ta' importanza ekonomika ġenerali. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Unjoni Ewropea, l-impriżi inkwistjoni jridu jkunu ġew inkarigati mill-Istat tal-amministrazzjoni tas-servizz inkwistjoni permezz ta' att uffiċjali wieħed jew iktar, li l-forma tiegħu jista’ jiġi stabbilit minn kull Stat Membru.

    (140)

    F’dan il-każ, l-awtoritajiet Franċiżi pproduċew diversi konvenzjonijiet konklużi bejn il-CELF u l-Ministeru tal-Kultura li juru, fil-fehma tagħhom, li l-CELF fil-fatt kienet responsabbli mill-amministrazzjoni tas-servizz ta' importanza ekonomika ġenerali inkwistjoni. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, id-Dipartiment tal-kotba u tal-qari kkonkluda konvenzjonijiet annwali mal-CELF, sas-sena 2001.

    (141)

    Madankollu, minkejja t-talbiet tal-Kummissjoni, inkluża d-deċiżjoni ta' inġunzjoni tagħha, l-awtoritajiet Franċiżi ma pproduċewx kopja tal-konvenzjonijiet ta' servizz pubbliku għall kull waħda mis-snin inkwistjoni.

    (142)

    Barra minn hekk, fil-konvenzjonijiet li huma fil-pussess tal-Kummissjoni, in-natura preċiża tal-obbligi ta' servizz pubbliku mhijiex definita (għaldaqstant, l-ammont li minnu l-ordnijiet jibdew jitqiesu bħala li huma “ordnijiet żgħar” mhuwiex indikat fil-konvenzjoni). Minn dan jirriżulta li, anki għal dawn is-snin, ma jeżistix att li jindika bi preċiżjoni suffiċjenti l-obbligi ta' servizz pubbliku li għandha l-CELF.

    (143)

    Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma ġiex ippruvat li l-CELF kienet fil-fatt ġiet inkarigata permezz ta' att uffiċjali, għal kull waħda mis-snin inkwistjoni, mill-amministrazzjoni tas-servizz pubbliku inkwistjoni.

    (144)

    Fl-aħħar nett, u mingħajr il-bżonn li tintlaħaq konklużjoni dwar il-kundizzjoni tan-neċessità minħabba l-fatt li l-kundizzjonijiet huma kumulattivi, il-Kummissjoni tikkunsidra li lanqas il-kundizzjoni tal-proporzjonalità ma hija sodisfatta.

    (145)

    Fil-fatt, fil-konvenzjonijiet li huma fil-pussess tal-Kummissjoni ma hemm ebda spjegazzjoni fuq il-mod li bih ġie kkalkolat l-ammont tal-għajnuna. Barra minn hekk, l-obbligu impost fuq il-CELF biex tipprovdi r-rendikonti dwar l-użu tas-sussidju mhuwiex akkumpanjat b’definizzjoni preċiża tal-kriterji tal-kalkolu u tal-kontroll tal-ispiża tas-servizz pubbliku li tippermetti li jiġi verifikat li ma hemmx kumpens żejjed. Barra minn hekk, għalkemm il-konvenzjonijiet kienu fil-fatt jipprevedu li f’każ li xi parti mis-sussidju ma tkunx ġiet użata hija tinġarr għas-sena ta' wara, huma ma fihom ebda preċiżazzjoni dwar il-funzjonament ta' dan il-mekkaniżmu, li wara kollox ma jidhirx li ġie applikat. Fl-aħħar nett, b’mod iktar ġenerali u kif ġie indikat fil-kuntest tal-analiżi tal-kriterju tal-proporzjonalità fid-dawl tal-Artikolu 107(3) TFUE, l-awtoritajiet Franċiżi ma pprovdewx informazzjoni li tagħti prova tal-proporzjonalità tal-għajnuniet fid-dawl tad-diversi punti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

    (146)

    Għaldaqstant, l-awtoritajiet Franċiżi ma pprovdewx lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li tippermetti li tiġi ppruvata l-proporzjonalità tal-għajnuniet fil-kuntest tal-Artikolu 106(2) TFUE u li hija kienet talbithom b’mod partikolari, fl-aħħar lok, fid-deċiżjoni ta' inġunzjoni tagħha tal-20 ta' Novembru 2009.

    (147)

    Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament ta' Proċedura, il-Kummissjoni tadotta għaldaqstant id-deċiżjoni tagħha abbażi tal-informazzjoni disponibbli, filwaqt li tfakkar, fi kwalunkwe każ, li huwa l-obbligu tal-awtoritajiet Franċiżi li juru li l-għajnuna inkwistjoni hija kompatibbli mas-suq intern, u għaldaqstant li l-għajnuna hija proporzjonata.

    (148)

    Għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-kuntest tal-analiżi tal-proporzjonalità tal-għajnuna taħt l-Artikolu 107(3)(d) TFUE, il-Kummissjoni tikkunsidra, konsegwentement, li ma ġiex ippruvat li l-għajnuniet mogħtija jissodisfaw il-kriterju tal-proporzjonalità.

    (149)

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE mhumiex sodisfatti.

    (150)

    Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra għaldaqstant li l-mekkaniżmu ta' għajnuna, imsemmi Programme “petites commandes” (Programm “ordnijiet żgħar”), implementat fi Franza favur il-CELF bejn l-1980 u tmiem l-2001 jikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq intern.

    5.   TERMINU TA’ PRESKRIZZJONI, ĊIRKUSTANZA EĊĊEZZJONALI, ASPETTATTIVI LEĠITTIMI, PRINĊIPJU TAĊ-ĊERTEZZA LEGALI, PRINĊIPJU TAL-PROPORZJONALITÀ

    (151)

    F’każ ta' għajnuna mill-Istat li hija illegali u inkompatibbli, il-Kummissjoni għandha, fil-prinċipju, tordna lill-Istat Membru kkonċernat biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju. Fil-fatt, l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 jipprovdi li “[f]ejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta' għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju”.

    (152)

    Madankollu, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin:

    (153)

    Qabel xejn, l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 jipprovdi li l-poteri tal-Kummissjoni sabiex jirkupraw l-għajnuna huma suġġetti għal terminu ta' preskrizzjoni ta' għaxar snin. It-terminu ta' preskrizzjoni jibda dakinhar li fih l-għajnuna illegali tingħata lill-benefiċarju u kull azzjoni meħudha mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-għajnuna llegali għandha tinterrompi l-perijodu ta' preskrizzjoni.

    (154)

    Kif diġà esponiet fid-deċiżjoni tagħha għall-estensjoni tal-proċedura, mingħajr ma rċeviet xi kummenti partikolari fuq dan il-punt min-naħa tal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-regola tal-preskrizzjoni msemmija fil-premessa preċedenti tapplika għal dan il-każ. Fis-sentenza tagħha tal-5 ta' Ottubru 2006 fil-kawża Transalpine (21), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat fil-fatt li, safejn ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 fih regoli ta' natura proċedurali, dawn japplikaw għall-proċeduri amministrattivi kollha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat li kienu pendenti quddiem il-Kummissjoni fil-mument meta r-Regolament (KE) Nru 659/1999 daħal fis-seħħ, jiġifieri fis-16 ta' April 1999. F’dan il-każ, din il-kawża tidħol fil-kuntest tal-proċedura ta' investigazzjoni formali mibdija b’effett mit-30 ta' Ġunju 1996.

    (155)

    F’dan il-każ partikolari, peress li l-għajnuniet ingħataw kull sena b’effett mill-1980 u peress li l-Kummissjoni għamlet talba għall-informazzjoni lill-awtoritajiet Franċiżi f’April 1992, jidher li l-għajnuniet mogħtija lill-CELF fl-1980 u l-1981 ma jistgħux jiġu rkuprati u dan minħabba l-iskadenza tat-terminu tal-preskrizzjoni.

    (156)

    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma teżiġix l-irkupru tal-għajnuna jekk, b’dan il-mod, hija tmur kontra xi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw li hija ma tordnax li l-għajnuniet mogħtija illegalment jiġu rkuprati meta dak l-irkupru jmur kontra xi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

    (157)

    Huwa f’dan il-kuntest li, fid-deċiżjoni tagħha għall-estensjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni kienet talbet lill-awtoritajiet Franċiżi, lill-benefiċjarju tal-għajnuna u lil kull parti interessata oħra biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, jew ta' kull prinċipju ieħor li seta’ jwassal lill-Kummissjoni biex ma teżiġix li l-għajnuna tiġi rkuprata.

    (158)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Franċiżi, fl-osservazzjonijiet tagħhom, ikkunsidraw li kienu jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jippermettu li jiġi limitat l-obbligu tar-restituzzjoni tal-għajnuniet. Min-naħa l-oħra, is-SIDE sostniet li mhuwiex minnu li tali ċirkustanzi kienu jeżistu.

    (159)

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li fil-kuntest tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża CELF iċċitata iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju kienet staqsiet, essenzjalment, dwar jekk l-adozzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta' tliet deċiżjonijiet suċċessivi li jiddikjaraw għajnuna bħala li hija kompatibbli mas-suq intern, li sussegwentement ġew annullati mill-qorti Komunitarja, kinitx, fiha nfisha, suxxettibbli li tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali ta' natura li tiġġustifika li jiġi limitat l-obbligu tal-benefiċjarju biex iħallas lura dik l-għajnuna.

    (160)

    Fis-sentenza tagħha ċċitata iktar ’il fuq, tal-11 ta' Marzu 2010, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet qabel xejn għas-sentenza tagħha tat-12 ta' Frar 2008, fejn hija kienet indikat fil-punti 65 et seq li wara l-annullament ta' deċiżjoni pożittiva tal-Kummissjoni, il-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta' għajnuna implementata b’mod illegali, li jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu jkunu bażi leġittima għall-aspettattivi tiegħu li din l-għajnuna kienet legali, u li jikkontesta, għaldaqstant, il-ħlas lura tagħha, ma setgħatx tkun eskluża (22).

    (161)

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat hemmhekk ukoll illi l-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax jibni aspettattivi leġittimi minn deċiżjoni pożittiva tal-Kummissjoni, minn naħa, meta din id-deċiżjoni tkun ġiet ikkontestata fit-termini għall-preżentata ta' rikors u tkun sussegwentement ġiet annullata mill-qorti tal-Unjoni Ewropea u lanqas, min-naħa l-oħra, sakemm ma jiskadi t-terminu għall-preżentata ta' rikors jew, fil-każ li jiġi ppreżentat rikors, sakemm il-qorti tal-Unjoni Ewropea ma tkun tat deċiżjoni finali f’dan ir-rigward (23).

    (162)

    F’dan il-każ, fis-sentenza tagħha tal-11 ta' Marzu 2010, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-annullament tat-tielet deċiżjoni pożittiva tal-Kummissjoni permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' April 2008, fih innifsu, mhuwiex ta' natura li joħloq aspettattivi leġittimi u li jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali (24).

    (163)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li s-suċċessjoni mhux ordinarja ta' tliet annullamenti tirrifletti, a priori, id-diffikultà tal-każ u mhux talli ma toħloqx aspettattivi leġittimi iżda hija pjuttost ta' natura li trawwem dubji għall-benefiċjarju fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni. Hija tirrikonoxxi li s-suċċessjoni ta' tliet annullamenti tammonta għal sitwazzjoni rara ħafna, iżda ssostni li tali ċirkustanzi jagħmlu parti mill-funzjonament normali tas-sistema ġudizzjarja, sistema li toffri lill-individwi li jħossu li ġarrbu l-konsegwenzi tal-illegalità ta' għajnuna l-possibbiltà li jippreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjonijiet suċċessivi li fil-fehma tagħhom ikkawżaw din is-sitwazzjoni.

    (164)

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat f’dan il-każ li l-eżistenza ta' ċirkustanza eċċezzjonali lanqas ma tista’ tiġi kkonstatata fid-dawl tal-prinċipju ta' ċertezza legali (25). Fil-fatt, sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni li tapprova l-għajnuna u sakemm it-termini għall-preżentata ta' rikors kontra tali deċiżjoni jkunu għadhom ma skadewx, il-benefiċjarju ma jkollu ebda ċertezza fir-rigward tal-legalità tal-għajnuna, b’tali mod li la jista’ jiġi invokat il-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u lanqas dak taċ-ċertezza legali.

    (165)

    Barra minn hekk, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-11 ta' Marzu 2010 (26), f’dan il-każ partikolari, l-eżistenza ta' ċirkustanza eċċezzjonali ma tistax tiġi kkonstatata fid-dawl tal-prinċipju ta' proporzjonalità. Fil-fatt, il-kanċellament ta' għajnuna illegali permezz ta' rkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha, b’tali mod li l-irkupru ta' din l-għajnuna, bil-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti, ma jistax jiġi kkunsidrat, bħala prinċipju, li huwa miżura sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat.

    (166)

    Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' tliet deċiżjonijiet suċċessivi li jiddikjaraw għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, deċiżjonijiet li sussegwentement ġew annullati mill-qorti Komunitarja, ma tistax, fiha nfisha, tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali ta' natura li tiġġustifika limitazzjoni tal-obbligu tal-benefiċjarju li jħallas lura din l-għajnuna illegali u inkompatibbli.

    (167)

    Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel u fin-nuqqas ta' xi elementi oħra li jistgħu jikkostitwixxu ċirkustanza eċċezzjonali, il-Kummissjoni tikkunsidra għaldaqstant li f’dan il-każ ma teżistix ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ tillimita l-obbligu tal-CELF li tħallas lura l-għajnuniet inkwistjoni (ħlief għall-ammonti mħallsa fl-1980 u 1981, kif ġie spjegat qabel).

    6.   IRKUPRU

    (168)

    Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/99, l-awtoritajiet Franċiżi għandhom jirkupraw mingħand il-CELF l-ammonti ta' għajnuniet li ngħatawlha taħt il-programm “petites commandes” (“ordnijiet żgħar”) matul is-snin 1982 sal-2001.

    (169)

    Skont ma' dak li jirriżulta mit-tabella Nru 1 (27), l-ammont totali tal-għajnuna biex tiġi rkuprata mingħand il-CELF li hija rċeviet matul is-snin 1982 sal-2001 jitla’ għaldaqstant għal EUR 4 631 401 li magħhom għandhom jiżdiedu l-imgħaxijiet.

    (170)

    Skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/99, l-għajnuna li trid tiġi rkuprata għandha fil-fatt tinkludi l-imgħaxijiet komposti li għandhom jgħoddu mid-data li fiha l-għajnuna illegali tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data tal-irkupru effettiv.

    (171)

    Madankollu, jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Ottubru 2000, mogħtija fil-kawża Magefesa (28), li meta impriża tkun falluta u l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi hekk, l-imgħaxijiet li jkunu pagabbli wara d-dikjarazzjoni ta' falliment tal-impriża, fuq l-ammont ta' għajnuniet li jkunu ttieħdu b’mod illegali qabel dik id-dikjarazzjoni, ma jkunux dovuti.

    (172)

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li, fin-nota tagħhom mibgħuta fis-27 ta' Jannar 2010, l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni li fiha kienet tinsab il-CELF.

    (173)

    Kont meħud tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-CELF, il-CELF tpoġġiet taħt proċedura ta' salvagwardja fil-25 ta' Frar 2009. Ġie maħtur ukoll amministratur ġudizzjarju.

    (174)

    Fil-kuntest tat-tilwima fuq l-għajnuniet mill-Istat, l-Istat Franċiż semma d-djun segwenti: EUR 11 885 785,02 (bħala ħlas ta' imgħaxijiet skont is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tal-Conseil d’État tad-19 ta' Diċembru 2008), u EUR 4 814 339,9 (bħala r-rimbors eventwali tal-kapital tal-għajnuna meħuda matul is-snin 1980-2001).

    (175)

    L-awtoritajiet Franċiżi indikaw li mill-istat tad-djun jirriżulta li fuq passiv totali ddikjarat ta' EUR 21 254 232,29, id-djun ikkontestati jitilgħu għal EUR 17 045 039,50.

    (176)

    Wara li kkonstata li l-ħlas ta' dawn kien manifestament impossibbli, l-amministratur ġudizzjarju talab li l-proċedura ta' salvagwardja tinbidel f’waħda ta' likwidazzjoni ġudizzjarja b’mod partikolari minħabba d-djun iddikjarati mill-Istat.

    (177)

    Permezz tas-sentenza tad-9 ta' Settembru 2009 li kkonstatat l-eżistenza ta' passiv li jipprekludi l-idea ta' pjan ta' kontinwazzjoni, it-Tribunal de Commerce de Paris (il-Qorti tal-Kummerċ ta' Pariġi) iddikjarat li l-CELF għandha tiġi likwidata ġudizzjarjament u ħatret likwidatur. Il-Qorti tal-Kummerċ imsemmija stabbilixxiet terminu ta' sentejn li mal-għeluq tiegħu għandha tiġi eżaminata l-likwidazzjoni ġudizzjarja. L-awtoritajiet Franċiżi indikaw li l-kwistjonijiet pendenti u/jew li għad iridu jqumu jistgħu madankollu jiġġustifikaw li d-data tal-għeluq tal-likwidazzjoni ġudizzjarja tiġi estiża.

    (178)

    L-awtoritajiet Franċiżi indikaw li l-persunal kollu tal-CELF ġie mkeċċi u li l-korp tal-likwidazzjoni ġie xolt fil-31 ta' Diċembru 2009. L-uniċi operazzjonijiet pendenti huma dawk biex jiġu rkuprati d-djun rimanenti dovuti mill-klijenti.

    (179)

    Fl’ittra elettronika tad-9 ta' Marzu 2010, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li l-proċedura ta' likwidazzjoni implementata għall-CELF kienet fil-fatt osservat ir-regoli normali tal-proċedura ta' likwidazzjoni tal-impriżi.

    (180)

    Skont l-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Franċiżi, illum il-ġurnata l-CELF ma għadha twettaq ebda attività ekonomika.

    (181)

    Konsegwentement, kont meħud tal-proċedura ta' likwidazzjoni pendenti fir-rigward tal-CELF, l-awtoritajiet Franċiżi għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-obbligu tagħhom biex jirkupraw l-għajnuna inkompatibbli, l-osservanza tal-ġurisprudenza li tapplika fil-każijiet ta' likwidazzjoni tal-impriża benefiċjarja (29). Dan jippreżumi, b’mod partikolari, li l-attiv tal-CELF jinbiegħ bil-prezz tas-suq, li l-Istat jirreġistra d-djun tiegħu li jirrigwardaw l-irkupru tal-għajnuniet illegali inkompatibbli mal-passiv tal-impriża li tkun qegħda tiġi likwidata, u jinsisti b’mod sħiħ fuq id-drittijiet tiegħu bħala kreditur fil-fażijiet kollha tal-proċedura sa tmiem il-likwidazzjoni.

    (182)

    Għal dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-imgħaxijiet, għandu jiġi nnutat li fid-dritt Franċiż, l-Artikolu L 622-28 tal-Kodiċi tal-Kummerċ jipprovdi li “id-deċiżjoni biex tinbeda [il-proċedura ta' salvagwardja] twaqqaf id-dekorriment tal-imgħaxijiet legali u konvenzjonali, kif ukoll l-imgħaxijiet moratorji u s-surcharges kollha”.

    (183)

    Konsegwentement, f’din il-kawża, l-ammonti mħallsa lill-CELF għandhom jgħaddu l-imgħax fuqhom b’effett mid-data li fiha l-istess ammonti kienu għad-dispożizzjoni tagħha sal-25 ta' Frar 2009, li hija d-data tad-deċiżjoni tat-Tribunal de Commerce de Paris (il-Qorti tal-Kummerċ ta' Pariġi) biex tinbeda l-proċedura ta' salvagwardja li sussegwentement ġiet ikkonvertita f’likwidazzjoni ġudizzjarja permezz ta' deċiżjoni tad-9 ta' Settembru 2009.

    7.   KONKLUŻJONI

    (184)

    Il-Kummissjoni tikkonstata li Franza tat għajnuna b’mod illegali lill-CELF bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

    (185)

    Din l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern u għandha tiġi rkuprata mill-awtoritajiet Franċiżi, ħlief għal dak li jikkonċerna l-ammonti mħallsa fl-1980 u l-1981 li huma preskritti.

    (186)

    L-awtoritajiet Franċiżi għandhom għaldaqstant jirkupraw mingħand il-CELF l-ammont ta' EUR 4 631 401 li magħhom għandhom jiżdiedu l-imgħaxijiet għal kull waħda mill-għajnuniet imħallsa fis-sena b’effett mill-1982. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati jagħtu lok għal imgħaxijiet b’effett mid-data li fiha huma tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sal-25 ta' Frar 2009, li hija d-data tad-deċiżjoni tat-Tribunal de Commerce de Paris (il-Qorti tal-Kummerċ ta' Pariġi) biex tinbeda l-proċedura ta' salvagwardja.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza b’mod illegali, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, lill-Coopérative d’exportation du livre français (CELF), hija inkompatibbli mas-suq intern.

    Artikolu 2

    1.   Franza hija obbligata li tirkupra l-ammont ta' EUR 4 631 401 li jikkorrispondi għall-ammonti, li CELF irċeviet matul is-snin 1982 sal-2001, bħala l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1.

    2.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati jagħtu lok għal imgħaxijiet b’effett mid-data li fiha huma tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sal-25 ta' Frar 2009, li hija d-data tad-deċiżjoni tat-Tribunal de Commerce de Paris (il-Qorti tal-Kummerċ ta' Pariġi) biex tinbeda l-proċedura ta' salvagwardja.

    3.   L-imgħaxijiet għandhom jiġu kkalkolati fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.

    Artikolu 3

    1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmi fl-Artikolu 2 għandu jkun immedjat u effettiv.

    2.   Franza għandha tiżgura li din id-deċiżjoni tiġi implementata fl-erba’ xhur ta' wara d-data tan-notifika tagħha.

    Artikolu 4

    1.   Fix-xahrejn ta' wara n-notifika ta' din id-deċiżjoni, Franza għandha tibgħat l-informazzjoni segwenti:

    (a)

    l-ammont totali (prinċipal u imgħaxijiet) li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju;

    (b)

    deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li jkunu ttieħdu diġà u dawk li huma previsti biex hija tikkonforma ma' din id-deċiżjoni.

    (c)

    id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju ntalab iħallas lura l-għajnuna.

    2.   Franza għandha żżomm lill-Kummissjoni informata minn qabel bil-miżuri nazzjonali li jittieħdu biex tiġi implementata din id-deċiżjoni sal-ikrupru sħiħ tal-għajnuna msemmi fl-Artikolu 2. Hija għandha tibgħat, immedjatament, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni kollha fuq il-miżuri li jkunu ttieħdu diġà u dawk li jkunu previsti biex hija tikkonforma ma' din id-deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi l-informazzjoni dettaljata li tikkonċerna l-ammont tal-għajnuna u l-imgħaxijiet li jkunu ġew irkuprati diġà mingħand il-benefiċjarju.

    Artikolu 5

    Din id-deċiżjoni hija indirizzata lil Franza.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Joaquín ALMUNIA

    Viċi-President


    (1)  B’effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 86, 87 u 88 tat-Trattat KE saru rispettivament l-Artikoli 106, 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). F’dawn it-tliet każijiet, id-dispożizzjonijiet huma sostanzjalment identiċi. Għall-finijiet ta' din id-deċiżjoni, ir-riferimenti li saru għall-Artikoli 106, 107 u 108 tat-TFUE għandhom jittieħdu, jekk ikun hemm bżonn, bħala li saru għall-Artikoli 86, 87 u 88 tat-Trattat KE rispettivament.

    (2)  ĠU C 366 tal-5.12.1996, p. 7; ĠU C 142 tat-23.6.2009, p. 6.

    (3)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' April 2008, Société internationale de diffusion et d’édition (SIDE) vs Il-Kummissjoni (T-348/04, Ġabra p. II-625).

    (4)  ĠU L 85 tat-2.4.2005, p. 27.

    (5)  Il-Coopérative d’exportation du livre français topera taħt l-isem kummerċjali “Centre d’exportation du livre français” (CELF).

    (6)  Deċiżjoni NN 127/92 “Għajnuniet lill-esportaturi ta' kotba Franċiżi” (ĠU C 174 tal-25.6.1993, p. 6).

    (7)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta' Settembru 1995, Société internationale de diffusion et d’édition (SIDE) vs Il-Kummissjoni (T-49/93, Ġabra p. II–2501).

    (8)  Li sussegwentement sar il-programm “A l’Est de l’Europe”.

    (9)  ĠU L 44, 18.2.1999, p. 37.

    (10)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta' Frar 2002, Société internationale de diffusion et d’édition (SIDE) vs Il-Kummissjoni (T-155/98, Ġabra p. II–1179).

    (11)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Franza vs Il-Kummissjoni, Għajnuna għall-Coopérative d’exportation du livre français, (C-332/98, Ġabra p. I–4833).

    (12)  ĠU C 142, 23.6.2009, p. 6.

    (13)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 339 sa 347.

    (14)  Skont il-Conseil d’Etat, il-Cour administrative d’appel (il-Qorti ta' Appell Amministrattiv ta' Pariġi) setgħet legalment tibbaża fuq il-fatt li ma kienx ippruvat li l-ammont tal-għajnuniet ma kienx jeċċedi l-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi ta' servizz pubbliku imposti fuq il-CELF, u fuq il-fatt li ma ngħatatx definizzjoni minn qabel u trasparenti tal-bażijiet ta' kumpens.

    (15)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Frar 2008, Centre d’exportation du livre français (CELF), Ministre de la Culture et de la Communication vs Société internationale de diffusion et d’édition (SIDE) (C-199/06, Ġabra I-00469).

    (16)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

    (17)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Marzu 2010, CELF u Ministre de la Culture vs SIDE (C-1/09).

    (18)  Fis-sentenza tagħha tal-15 ta' April 2008, il-Qorti Ġenerali ma annullatx l-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2004 fejn jingħad “L-għajnuna mogħtija lill- Coopérative d’exportation du livre français (CELF) għall-ipproċessar tal-ordnijiet żgħar ta' kotba bil-Franċiż, li ġiet implementata minn Franza bejn l-1980 u l-2001, tikkostitwixxi għajnuna li taqa’ taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE. Fid-dawl tal-fatt li Franza ma nnotifikatx din l-għajnuna lill-Kummissjoni qabel ma implementatha, din l-għajnuna ngħatat b’mod illegali”.

    (19)  Pereżempju, fis-sentenza tiegħu tad-19 ta' Diċembru 2008, il-Conseil d’Etat qal li “il-motivi li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tal-ammonti mħallsa lill-CELF bħala għajnuna mill-Istat u l-obbligu li din tiġi notifikata bħala tali ma jistgħux jiġu skartati”. Fil-fatt, fis-sentenza preliminari tiegħu tad-29 ta' Marzu 2006, il-Conseil d’Etat kien diġà kkunsidra li “il-cour administrative d’appel la żnaturat xi provi fil-proċess u lanqas ikklassifikat il-fatti miġjuba quddiemha b’mod mhux preċiż meta hija ddeċidiet li l-għajnuniet inkwistjoni ma kinux ta' natura sempliċiment li jikkumpensaw għall-obbligi ta' servizz pubbliku u kienu jikkostitwixxu għajnuniet mill-Istat suġġetti għall-obbligu ta' notifika lill-Kummissjoni minn qabel”.

    (20)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta' Lulju 2003, Altmark Trans et Regierungspräsidium Magdeburg vs Nahverkehrsgesellschaft Altmark (C-280/00, Ġabra p. I-7747).

    (21)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich (C-368/04, Ġabra I-09957, punt 34).

    (22)  Punti 42 et seq.

    (23)  Punti 66 sa 68.

    (24)  Punti 50 et seq.

    (25)  Punt 53.

    (26)  Punt 54.

    (27)  Ara t-tabella Nru 1 murija fil-premessa 60 ta' din id-deċiżjoni.

    (28)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Ottubru 2000, Il-Kummissjoni vs Spanja, “Magefesa”, (C-480/98, Ġabra I-08717).

    (29)  Ara l-punti 63 et seq tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi (ĠU C 272, 15.11.2007, p. 4).


    Top