Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0037

    2011/37/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat- 18 ta’ Jannar 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2007/884/KE li tawtorizza lir-Renju Unit biex ikompli japplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    ĠU L 19, 22.1.2011, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/37/oj

    22.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 19/11


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-18 ta’ Jannar 2011

    li temenda d-Deċiżjoni 2007/884/KE li tawtorizza lir-Renju Unit biex ikompli japplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    (2011/37/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Permezz ta’ ittra rreġistrata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-22 ta’ Lulju 2010, ir-Renju Unit talab l-awtorizzazzjoni biex tiġi estiża miżura ta’ deroga sabiex jibqa’ jkun hemm restrizzjoni fuq id-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT mill-kerrej jew mill-persuna li tieħu b’titolu ta’ lease fuq l-ispejjeż għall-kiri jew il-lease ta’ vettura tal-passiġġieri meta l-vettura ma tintużax esklussivament għal skopijiet kummerċjali.

    (2)

    Il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tar-Renju Unit permezz ta’ ittra datata t-12 ta’ Ottubru 2010. Permezz ta’ ittra datata l-15 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju Unit li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/884/KE tal-20 ta’ Diċembru 2007 li tawtorizza lir-Renju Unit biex ikompli japplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2), awtorizzat lir-Renju Unit biex jillimita sa 50 % d-dritt tal-kerrej jew ta’ dak li jagħti b’titolu ta’ lease li jnaqqas id-dħul tal-VAT fuq l-ispejjeż għall-kiri jew il-lease ta’ vettura tal-passiġġieri meta l-vettura ma tkunx tintuża esklussivament għal skopijiet kummerċjali. Ir-Renju Unit kien awtorizzat ukoll biex ma jqisx bħala provvisti ta’ servizzi bi ħlas l-użu privat ta’ karozza mikrija jew meħuda b’titolu ta’ lease minn persuna taxxabbli għall-finijiet ta’ negozju tiegħu stess. Din il-miżura ta’ simplifikazzjoni eliminat il-ħtieġa li l-kerrej jew il-persuna li tieħu b’titolu ta’ lease jżommu rekords tal-kilometri li kull karozza tal-impriża tkun għamlet għal skop privat u li jagħti kont għal skopijiet ta’ taxxa dwar il-kilometri reali magħmla minn kull vettura għal skop privat.

    (4)

    Skont l-informazzjoni mogħtija mir-Renju Unit, il-limitazzjoni ta’ 50 % għadha tikkorrispondi għaċ-ċirkostanzi reali f’dak li jirrigwarda l-użu kummerċjali u dak mhux kummerċjali mill-kerrej jew mill-persuna li tieħu b’titolu ta’ lease tal-vetturi kkonċernati. Għalhekk huwa xieraq li r-Renju Unit ikun awtorizzat biex japplika l-miżura għal perijodu limitat ulterjuri, sal-31 ta’ Diċembru 2013.

    (5)

    Meta r-Renju Unit jikkunsidra li hija meħtieġa estensjoni ulterjuri lilhinn mill-2013, għandu jiġi ppreżentat rapport lill-Kummissjoni li jinkludi reviżjoni tal-persentaġġ applikat flimkien mat-talba għal estensjoni, mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2013.

    (6)

    Fid-29 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE, issa d-Direttiva 2006/112/KE, li tinkludi l-armonizzazzjoni tal-kategoriji ta’ spejjeż li għalihom jistgħu japplikaw l-esklużjonijiet mid-dritt tat-tnaqqis. Skont din il-proposta, l-esklużjonijiet mid-dritt tat-tnaqqis jistgħu jiġu applikati għal vetturi tat-triq bil-mutur. Il-miżuri ta’ deroga previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom jiskadu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ tali Direttiva li temenda, jekk dik id-data tkun qabel id-data ta’ skadenza prevista f’din id-Deċiżjoni.

    (7)

    Id-deroga m’għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud.

    (8)

    Id-Deċiżjoni 2007/884/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2007/884/KE hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regoli tal-Unjoni li jiddeterminaw in-nefqa marbuta mal-vetturi tat-triq bil-mutur li ma tikkwalifikax għal tnaqqis totali tal-VAT, jew fil-31 ta’ Diċembru 2013, skont liema tiġi l-ewwel.

    Kwalunkwe talba għall-estensjoni tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-1 ta’ April 2013.

    Kwalunkwe talba għall-estensjoni għandha tkun akkumpanjata b’rapport li jinkludi reviżjoni tal-persentaġġ ta’ restrinzjoni applikat fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT dovut fuq il-kiri jew il-lease ta’ vetturi li ma jintużawx esklussivament għal skopijiet kummerċjali.”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tan-notifika tagħha.

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2011.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Jannar 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Gy. MATOLCSY


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 346, 29.12.2007, p. 21.


    Top